28.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 101/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

li temenda l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

(2020/C 101 I/01)

I.   Introduzzjoni

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (1) (“il-Komunikazzjoni”) tistipula fil-punt 13, li l-assiguraturi tal-Istat (2) ma jistgħux jipprovdu assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir għal riskji kummerċjabbli. Ir-riskji kummerċjabbli huma definiti fil-punt 9 tal-Komunikazzjoni bħala riskji kummerċjali u politiċi b’perjodu massimu ta' riskju ta’ anqas minn sentejn, fuq xerrejja pubbliċi u mhux pubbliċi fil-pajjiżi elenkati fl-Anness ta’ dik il-Komunikazzjoni.

(2)

It-tifqigħa f’salt tal-COVID-19 fl-ewwel xhur tal-2020 ma imponietx biss theddida dinjija serja għas-saħħa pubblika, iżda kkawżat ukoll xokkijiet maġġuri lill-ekonomija globali u tal-Unjoni. Minħabba dik it-tifqigħa, l-impriżi qed jiffaċċaw nuqqas serju ta’ likwidità u raw il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħhom esposti għal riskji finanzjarji akbar. F’isem l-Istati Membri, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni informa lill-Kummissjoni bl-irtirar li għaddej bħalissa tal-assiguraturi privati mis-suq tal-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir u l-insuffiċjenza li ġejja biex jiġu koperti r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha tad-dinja, inklużi l-Istati Membri kollha.

(3)

F’dak il-kuntest, f’konformità mal-punt 35 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika biex tivvaluta l-kapaċità tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni ta’ kreditu privat biex tkopri l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli u biex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet attwali u previsti tas-suq jiġġustifikawx it-tneħħija temporanja ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi mil-lista.

II.   Valutazzjoni

(4)

F’konformità mat-Taqsima 5.2 tal-Komunikazzjoni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni: kapaċità privata għall-assigurazzjoni tal-kreditu, klassifikazzjoni sovrana u prestazzjoni tas-settur korporattiv.

(5)

Meta kienet qed tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti biex tkopri r-riskji għall-esportazzjoni kummerċjali u politiċi kollha jiġġustifikawx it-tneħħija ta’ pajjiż mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri, lill-assiguraturi tal-kreditu privati u lil partijiet interessati oħrajn, bħall-esportaturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom, is-sensara tal-assigurazzjoni ta’ kreditu u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u talbithom l-informazzjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppubblikat talba għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli skont il-Komunikazzjoni (3). Id-data tal-għeluq għat-tweġibiet kienet il-25 ta’ Marzu 2020. Il-Kummissjoni rċeviet 64 tweġiba mingħand l-Istati Membri, l-assiguraturi privati, l-esportaturi u l-korpi kummerċjali.

(6)

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba għal informazzjoni pubblika ppuntat lejn it-tnaqqis rapidu attwali tal-kapaċità tal-assigurazzjoni ta’ kreditu privata għall-esportazzjonijiet b’mod ġenerali. Xi assiguraturi tal-Istat diġà rreġistraw żieda fl-għadd ta’ talbiet għal polza tal-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi b’riskju kummerċjabbli. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qed jipprevedu li l-kopertura tal-assigurazzjoni se ssir skarsa, u dan jimplika li qed jistennew disponibbiltà insuffiċjenti ta’ assigurazzjoni privata għal dawk il-pajjiżi fi żmien qasir ħafna.

(7)

Skont l-aktar indikaturi makroekonomiċi reċenti, l-ekonomija globali u tal-Unjoni qed jesperjenzaw tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba t-tifqigħa tal-virus COVID-19 u din ix-xejra mistennija tkompli fil-futur qrib. L-impatt tat-tifqigħa għadu mhuwiex rifless kompletament fil-klassifikazzjonijiet sovrani attwali. Meta jitqiesu l-indikaturi tat-tbassir ekonomiku, id-deterjorament tal-klassifikazzjonijiet sovrani jista’ jkun raġonevolment mistenni li jseħħ fit-terminu l-qasir b’riżultat tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19. Il-prestazzjoni tas-settur korporattiv mistennija tiddeterjora (4), u mistennija korrezzjoni kbira fil-previżjonijiet ta’ tkabbir tal-Kummissjoni bi tkabbir negattiv meta mqabbel mat-Tbassir tax-Xitwa għall-UE 2020 (1,4 %).

(8)

Sabiex tassisti lill-ekonomija tal-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju, (5) li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu miżuri ta’ appoġġ addizzjonali bl-użu tal-flessibbiltà sħiħa tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, il-Qafas introduċa aktar flessibilità fil-konferma tan-nuqqas ta’ kummerċjabbiltà temporanja ta’ ċerti riskji minħabba nuqqas ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni skont il-punt 18 (d) tal-Komunikazzjoni.

(9)

Dik il-flessibbiltà tista’ ma tkunx biżżejjed biex tindirizza malajr id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom l-impriżi bħalissa u li x’aktarx se jiltaqgħu magħhom fil-futur qrib ħafna. Minflok, hemm bżonn ta’ rispons aktar rapidu biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi kollha wara l-irtirar f’salt tal-assiguraturi privati mis-suq tal-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir. Meta jitqies l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika kif ukoll is-sinjali ġenerali tal-impatt tat-tfixkil tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi, il-Kummissjoni tqis li hemm nuqqas ġenerali ta’ kapaċità privata suffiċjenti biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi li bħalissa huma kklassifikati bħala pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli. Fl-istess ħin, fid-dawl tal-informazzjoni attwali disponibbli dwar l-iżviluppi futuri tat-tifqigħa tal-COVID-19, jista’ jiġri li l-assiguraturi privati jerġgħu jibdew iżidu l-iskopertura tagħhom għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir qabel il-perjodu ta’ sena stipulat fil-punt 36 tal-Komunikazzjoni. Għalhekk, emenda ta’ 12-il xahar tal-lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli tista’ tkun eċċessiva.

(10)

F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra r-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-Komunikazzjoni bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020, b’konformità mat-tul ta’ żmien tal-Qafas Temporanju. F’konformità mal-punt 36 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għandhiex tittawwal l-eċċezzjoni temporanja tliet xhur qabel tmiem l-2020.

EMENDA GĦALL-KOMUNIKAZZJONI

(11)

L-emenda li ġejja tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir se tapplika mis-27 ta’ Marzu 2020 sa tmiem l-2020:

l-Anness jiġi sostitwit b'dan li ġej:

Lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli

Il-Kummissjoni tqis ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati hawn taħt bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Il-Belġju

Ċipru

Is-Slovakkja

Il-Bulgarija

Il-Latvja

Il-Finlandja

Ir-Repubblika Ċeka

Il-Litwanja

L-Iżvezja

Id-Danimarka

Il-Lussemburgu

Ir-Renju Unit

Il-Ġermanja

L-Ungerija

L-Awstralja

L-Estonja

Malta

Il-Kanada

L-Irlanda

In-Netherlands

L-Iżlanda

Il-Greċja

L-Awstrija

Il-Ġappun

Spanja

Il-Polonja

New Zealand

Franza

Il-Portugall

In-Norveġja

Il-Kroazja

Ir-Rumanija

L-Iżvizzera

L-Italja

Is-Slovenja

L-Istati Uniti tal-Amerka”


(1)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.

(2)  Assiguratur tal-Istat huwa definit mill-Komunikazzjoni bħala kumpanija jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu bl-appoġġ ta’ Stat Membru jew f'ismu, jew Stat Membru li jipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu.

(3)  https://ec.europa.eu/competition/consultations/2020_short-term-export-credit-insurance/index_en.html

(4)  Filwaqt li ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni indikaw diffikultajiet biex jevalwaw il-konsegwenzi preċiżi tat-tifqigħa tal-COVID-19 f’dan il-waqt, xi partijiet ikkonċernati pprovdew data li tissuġġerixxi li l-kriżi attwali tista’ twassal għal żieda fl-insolvenzi tan-negozju fl-Ewropa li tista’ tlaħħaq sal-20%. Fuq l-istess linja, l-impatti negattivi mistennija jimmaterjalizzaw ruħhom fit-tnaqqis tal-kapaċità ta’ sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni b’sa 15% b’mod ġenerali u b’sa 40% għan-negozji ż-żgħar. Ordnijiet simili ta’ kobor ġew irreġistrati fl-2009 u ħafna minn dawk li wieġbu l-konsultazzjoni esprimew aspettattivi terġa’ agħar fir-rigward tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 tal-2020.

(5)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 tad-19 ta’ Marzu 2020, (ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1–9).