12.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/8


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2020/C 82/07)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI DWAR L-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Val de Loire”

Numru ta’ referenza PGI-FR-A1225-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 19 ta’ Diċembru 2019

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET TAL-EMENDA APPROVATA

1.   Varjetajiet tad-dwieli

Sabiex ikun hemm reazzjoni għat-tibdil fil-klima u għal tħassib ambjentali u dwar is-saħħa pubblika, ġew miżjuda ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott varjetajiet li huma reżistenti u adattati għal kundizzjonijiet klimatiċi ġodda. Dawn il-varjetajiet intgħażlu abbażi tal-karatteristiċi organolettiċi tagħhom sabiex ma jiġux mibdula l-fatturi determinanti tal-IĠP. Il-varjetajiet miżjuda huma Artaban N, Vidoc N, Cabernet Cortis N, Floreal B, Voltis B, Soreli B u Souvignier Gris B.

Għalhekk il-punt 7 tad-Dokument Uniku ġie emendat kif xieraq.

2.   Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Id-data tat-trażmissjoni tal-kopja tad-dikjarazzjoni tal-ħsad jew tal-produzzjoni lill-ODG ġiet estiża bi 15-il jum sabiex jitqiesu l-użi u d-data tas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħsad kompjuterizzati.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

3.   indirizz

L-indirizz tal-INAO fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie aġġornat.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Val de Loire

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP - Indikazzjoni Ġeografika Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

L-IĠP Val de Loire hija riżervata għall-inbejjed mhux frizzanti ħomor, rożè, griżi u bojod.

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ ≥ 8,5 % vol. għaż-żona B u ≥ 9 % vol. għaż-żona C. L-inbejjed ħomor ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 12,5 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed ħomor għandhom ikunu temmew il-fermentazzjoni malolattika tagħhom fil-ħin tal-ħruġ għall-konsum, ħlief għall-inbejjed “primeurs” (bikrin) jew “nouveaux” (ġodda).

L-IĠP Val de Loire tista’ tingħata lil inbejjed mingħajr ebda arrikkiment u li l-qawwa alkoħolika totali tagħhom skont il-volum hija bejn 15 u 20 % vol., ħlief għall-inbejjed prodotti fiż-żona tad-denominazzjoni u fuq uċuħ imħawla bil-varjetà Chenin B fid-départements ta’ Maine-et-Loire u Indre-et-Loire.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Permezz ta’ deroga, l-inbejjed bojod b’kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≥ 45 g/L għandhom kontenut massimu ta’ aċidità volatili stabbilit b’ordni konġunta tal-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Ministru għall-Agrikoltura.

L-inbejjed huma kkaratterizzati minn aromi tal-frott li spiss ikunu preżenti anki jekk l-intensità u n-natura tagħhom ivarjaw skont il-varjetajiet u t-teknoloġiji użati. Fil-każ tal-inbejjed bojod, rożè u griżi, il-metodi tal-vinifikazzjoni jippermettu l-espressjoni ta’ noti tal-frott u tal-fjuri, filwaqt li tinżamm ċerta freskezza. Fil-każ tal- inbejjed ħomor, il-vinifikazzjoni trid titwettaq b’tali mod li jinkisbu strutturi flessibbli.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Kontenut massimu tad-diossidu tal-kubrit totali (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

L-inbejjed għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi użati.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

90 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni u l-preparazzjoni tal-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” għandhom isiru:

f’dawn id-départements li ġejjin: Allier, Cher, Indre, Indre-et-Loire, Loir-et-Cher, Loire-Atlantique, Loiret, Maine-et-Loire, Nièvre, Puy-de-Dôme, Sarthe, Vendée, Vienne.

fil-cantons tad-département ta’ Deux-Sèvres: Airvault, Argenton-les-Vallées, Bressuire, Celles-sur-Belle, Cerizay, Champdeniers-Saint-Denis, Chef-Boutonne, Coulonges-sur-l’Autize, Frontenay-Rohan-Rohan, Lezay, Mauléon, Mazières-en-Gâtine, Melle, Ménigoute, Moncoutant, La Mothe-Saint-Héray, Niort-Est, Niort-Nord, Niort-Ouest, Parthenay, Prahecq, Saint-Loup-Lamairé, Saint-Maixent-l’Ecole 1 er Canton, Saint-Maixent-l’Ecole 2 e Canton, Saint-Varent, Sauzé-Vaussais, Secondigny, Thénezay, Thouars 1er Canton, Thouars 2eme Canton.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

Sauvignon gris G - Fié gris

 

Cot N - Malbec

 

Abouriou B

 

Gamay N

 

Cabernet franc N

 

Cabernet-Sauvignon N

 

Egiodola N

 

Gamay de Bouze N

 

Gamay de Chaudenay N

 

Grolleau N

 

Grolleau gris G

 

Négrette N

 

Pinot noir N

 

Pineau d’Aunis N

 

Merlot N

 

Vidoc N

 

Artaban N

 

Cabernet cortis N

 

Chardonnay B

 

Chenin B

 

Folle blanche B

 

Melon B

 

Orbois B

 

Pinot blanc B

 

Pinot gris G

 

Floreal B

 

Voltis B

 

Soreli B

 

Souvignier gris Rs

 

Sauvignon B - Sauvignon blanc

 

Sacy B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tinsab f’14-il département fiż-żona ta’ qbid tal-Loire, li l-pajsaġġ tagħha jestendi mill-Massif Central għall-estwarju ta’ Nantes. Mill-artijiet antiki tal-Massif Armoricain ta’ Nantes u ta’ Anjou, mill-ġibs abjad tas-Saumurois u tat-Touraine sal-blat vulkaniku tal-Monts d’Auvergne, il-Loire tgħaddi minn varjetà kbira ta’ kundizzjonijiet ġeopedoloġiċi. Ġeneralment moderata, il-klima ta’ Val de Loire hija oċeanika fir-reġjun ta’ Nantes u f’Anjou, f’Touraine tiżviluppa influwenza kontinentali, li ssir semikontinentali fiċ-Ċentru tal-Loire. Il-vinji jibbenefikaw minn xita regolari matul is-sena kollha u minn temperaturi moderati mingħajr estremitajiet. Minkejja l-fatt li Val de Loire huwa kkaratterizzat minn varjetà kbira ta’ kundizzjonijiet klimatiċi u ġeopedoloġiċi, b’mod ġenerali għandu karattru omoġenju minħabba l-post tiegħu fit-Tramuntana u l-klima. Storikament, kienu r-Rumani li ħawlu d-dwieli prinċipalment fir-reġjun ta’ Nantes. Fil-fatt, il-vinja ilha tiżviluppa sa mis-seklu V u esperjenzat tkabbir kbir meta Henri II, il-konti ta’ Anjou, sar ir-re tal-Ingilterra fl-1154. Il-Loire hija mezz formidabbli ta’ moviment li jippromwovi l-eżistenza tal-vinji madwarha u l-kummerċ tal-inbid. Fis-seklu XIX, mal-wasla tal-ferrovija, il-produtturi tal-inbid ta’ Val de Loire bdew jikkompetu mal-vinji Franċiżi l-oħra, ħaġa li kienet ta’ inċentiv għal produzzjoni ta’ kwalità. Fl-1968 inħolqu l-inbejjed lokali u d-digriet tas-16 ta’ Diċembru 1981 immarka t-twelid ta’ nbid lokali reġjonali fil-baċir tal-Loire: il-Vins de Pays du Jardin de la France. L-inbejjed lokali tal-Loire għaddew minn identità storika għal identità ġeografika reali permezz tad-digriet tat-12 ta’ Mejju 2007. Il-Vins de Pays du Jardin de la France saru l-Vins de Pays du Val de Loire. Bi produzzjoni annwali ta’ 400 000 hl f’dawn l-aħħar snin, l-IĠP Val de Loire tiġi fi tliet kuluri. Il-bojod jinsabu f’territorju tal-għażla u jiddominaw bi 53 % tal-volumi ddikjarati, filwaqt li l-ħomor jirrappreżentaw 27 % u r-rożè 20 %. Kważi 90 % tal-IĠP Val de Loire huma prodotti minn varjetà waħda, u l-24 varjetà użati għall-produzzjoni tradizzjonalment jitkabbru fir-reġjun. L-IĠP Val de Loire hija espressa permezz ta’ varjetajiet ta’ fama internazzjonali, fejn dawk ewlenin huma s-sauvignon B, ix-chardonnay B, ix-chenin B, il-gamay N, il-pinot noir N, il-cabernet franc N u l-cabernet-sauvignon N iżda wkoll minn varjetajiet lokali bħall-grolleau gris G, il-grolleau N, il-melon B jew il-pineau d’Aunis N. Ir-rispett għall-kwalità u l-oriġini tal-għeneb huwa garantit mid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni, il-parametri analitiċi preċiżi u l-kontroll organolettiku. Il-varjetajiet bojod, li l-biċċa l-kbira tagħhom isiru nexfin, huma kkaratterizzati mill-freskezza u d-delikatezza tal-aromi tal-frott u tal-fjuri tagħhom. L-inbejjed rożè u griżi huma ħfief u friski, filwaqt li l-inbejjed ħomor, bi struttura ħafifa u kultant mimlija, huma kkaratterizzati mill-flessibbiltà u l-freskezza tagħhom. L-IĠP Val de Loire tuża wkoll il-kliem “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid), essenzjalment għall-varjetajiet sauvignon B u gamay N. Dawn huma nbejjed tajbin, aromatiċi u ħfief. Il-produtturi tal-inbid setgħu jippreżervaw l-identità u t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-inbid ta’ dan ir-reġjun fi klima favorevoli għat-tkabbir tad-dwieli matul il-Loire. Din il-vinja hija prova ta’ użanzi ta’ tkabbir tal-inbid kostanti u antiki, trażmessi minn ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ produtturi tal-inbid. Il-fama tal-inbejjed ta’ Val de Loire, li għandhom storja antika, hija bbażata wkoll fuq l-iskambji kummerċjali li fil-passat kienu ffaċilitati permezz tat-trasport fuq ix-xmara. Il-varjetajiet tad-dwieli tal-IĠP Val de Loire huma adattati għad-diversità tal-klimi u tal-ħamrija f’dan ir-reġjun kbir. Orjentati l-aktar lejn il-produzzjoni ta’ nbejjed bojod, il-kontribut tal-varjetajiet ġodda u tal-isforzi teknoloġiċi tal-produtturi tal-inbid, dan l-aħħar iffavorew il-produzzjoni ta’ nbejjed ħomor. Sa mill-ħolqien tagħhom fl-1981, l-inbejjed lokali tal-Loire ġew iffukati mill-ġdid fuq il-produzzjoni ta’ kwalità u l-professjonalizzazzjoni tal-operaturi tagħhom. B’1 600 produttur tal-inbid, madwar ħmistax-il kantina kooperattiva u madwar 100 negozjant, l-IĠP Val de Loire għandha piż ekonomiku reali fil-produzzjoni tal-inbid tal-baċir ta’ Val de Loire. Fil-qalba ta’ vinja storika u estensiva, il-legat ta’ għarfien antik fl-arti tal-kultivazzjoni tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbid ippermetta l-iżvilupp ta’ netwerk ewlieni ta’ ċentri ta’ riċerka xjentifika u teknika ddedikati għal dan is-settur u ta’ edukazzjoni vitikulturali ogħla. Min-naħa l-oħra, ir-riżultati tar-riċerka u l-livell tat-taħriġ tal-professjonisti setgħu jagħtu spinta lill-inbejjed tal-IĠP “Val de Loire”. L-iżvilupp tal-enoturiżmu f’dan ir-reġjun b’wirt storiku qawwi (il-preżenza ta’ għadd kbir ta’ kastelli), li huwa kklassifikat bħala sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO, jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reputazzjoni tal-IĠP “Val de Loire”.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Żona fil-viċinanza immedjata

 

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

 

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata ddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni u l-preparazzjoni tal-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” hija magħmula mill-arrondissements li jmissu maż-żona ġeografika:

L-arrondissements tad-département ta’ Mayenne: Château-Gontier, Laval, Mayenne

L-arrondissements tad-département ta’ Deux-Sèvres: Niort

Regoli dwar it-tikkettar

 

Qafas ġuridiku:

 

Leġiżlazzjoni nazzjonali

 

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

 

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

 

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” tista’ tiġi ssupplimentata bl-ismijiet tal-unitajiet ġeografiċi iżgħar li ġejjin: Allier, Cher, Indre, Indre-et-Loire, Loir-et-Cher, Loire-Atlantique, Loiret, Maine-et-Loire, Nièvre, Sarthe, Vendée, Vienne, Marches de Bretagne, Pays de Retz skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott.

Id-daqs tal-ittri ta’ isem wieħed mill-unitajiet ġeografiċi iżgħar ma għandux ikun akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, mid-daqs tal-ittri tal-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire”.

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” tista’ tiġi ssupplimentata bil-kliem “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid).

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” tista’ tiġi ssupplimentata bl-isem ta’ varjetà waħda jew aktar.

L-isem tal-varjetà sauvignon jew dak tal-varjetà grolleau jista’ jintuża fit-tikkettar ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Val de Loire” biex jiġu indikati nbejjed minn taħlita ta’ sauvignon B u sauvignon gris G, jew taħlita ta’ grolleau N u grolleau gris G, rispettivament.

Il-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea jidher fuq it-tikketta meta l-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jinbidel bil-kliem tradizzjonali “Vin de pays”.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-98dad001-e64f-42b0-93af-ba89e4bbafee


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.