14.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/21


Notifika ta’ bidu dwar ir-rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar

(2020/C 51/11)

Fil-31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet miżuri ta’ salvagwardja definittivi fuq ċerti prodotti tal-azzar (“ir-Regolament ta’ Salvagwardja Definittiv”) (1).

Il-premessa (161) tar-Regolament ta’ Salvagwardja Definittiv jgħid li l-Kummissjoni, abbażi tal-konsiderazzjonijiet tal-interess tal-Unjoni, jista’ jkollha bżonn tirrieżamina ċerti elementi tal-miżuri ta’ salvagwardja sabiex tqis żviluppi reċenti jew ċirkostanzi li nbidlu. Barra minn hekk, tali rieżami jenħtieġ li jsir fuq bażi regolari, u mill-inqas fi tmiem ta’ kull sena tal-impożizzjoni tal-miżuri.

F’konformità ma’ dik il-konsiderazzjoni, fis-17 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni bdiet l-ewwel rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja (2). Dan ir-rieżami ġie konkluż fis-26 ta’ Settembru 2019 (3).

Sabiex tqis l-iżviluppi u ċ-ċirkustanzi mibdula possibbli qabel tmiem it-tieni sena tal-impożizzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda t-tieni rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja.

1   Il-prodott taħt rieżami

Il-prodott taħt rieżami jikkonsisti f’ċerti prodotti tal-azzar li huma elenkati fl-Anness ta’ din in-Notifika.

2   Ambitu tar-rieżami

Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel dan ir-rieżami billi ssegwi l-istruttura użata fil-qafas tar-rieżami preċedenti:

A.

Il-livell u l-allokazzjoni ta’ kwota tariffarja għal għadd ta’ kategoriji speċifiċi ta’ prodotti.

Il-Kummissjoni se tinvestiga l-użu tal-kwota tariffarja mindu daħal fis-seħħ l-aħħar tibdil li rriżulta mill-ewwel rieżami u mill-kummenti tal-partijiet f’dak ir-rigward. Se tiddetermina fuq dik il-bażi jekk ikunx ġustifikat xi aġġustament li jirriżulta miċ-ċirkostanzi li nbidlu.

B.

Esklużjoni ta’ flussi kummerċjali tradizzjonali

Fl-aħħar rieżami tagħha, il-Kummissjoni introduċiet xi aġġustamenti sabiex jinżammu l-flussi kummerċjali tradizzjonali. Il-Kummissjoni beħsiebha teżamina jekk dawk l-aġġustamenti humiex qed jaħdmu adegwatament inkella jeħtiġux aktar irfinar.

C.

Effetti detrimentali potenzjali fil-kisba tal-objettivi ta’ integrazzjoni mas-sħab kummerċjali preferenzjali

Il-Kummissjoni se tinvestiga jekk il-funzjonament tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar eżistenti kkawżax riskji sostanzjali għall-istabilizzazzjoni jew l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti sħab kummerċjali preferenzjali sal-punt li jkun ta’ detriment għall-objettivi ta’ integrazzjoni tal-ftehimiet tagħhom mal-UE.

D.

Aġġornament tal-lista tal-pajjiżi membri tad-WTO fil-fażi tal-iżvilupp esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri abbażi tal-aktar livell reċenti tagħhom ta’ importazzjonijiet

Skont ir-Regolament tal-UE 2015/478 (4), ma għandhomx jiġu applikati miżuri ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż membru tad-WTO fil-fażi tal-iżvilupp dment li s-sehem tiegħu fit-total ta’ importazzjonijiet tal-prodott soġġett għall-miżuri ma jaqbiżx it-3 %, dment li tali pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kollettivament ma jirrappreżentawx aktar minn 9 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. F’konformità mal-premessa (192) tar-Regolament ta’ Salvagwardja Definittiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk l-importazzjonijiet minn membru tad-WTO fil-fażi tal-iżvilupp jeċċedux il-livell limitu ta’ 3 % u għandhomx jiġu eventwalment inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel tali valutazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-lista tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma membri tad-WTO u li għandhom jiġu inklużi jew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri.

E.

Bidliet oħra fiċ-ċirkostanzi li jistgħu jeħtieġu aġġustament fil-livell ta’ allokazzjoni tal-kwota tariffarja

Il-partijiet interessati huma wkoll mistiedna jqajmu kwalunkwe kwistjoni oħra li ma taqax taħt it-taqsimiet minn A sa D hawn fuq sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw tibdil dejjiemi meta mqabbel mas-sitwazzjoni prevalenti fl-investigazzjoni oriġinali, li l-effetti tagħhom jista’ jkun hemm bżonn li jiġu rieżaminati u li jistgħu jiġġustifikaw, fost l-oħrajn, aġġustament fil-livell jew fl-allokazzjoni tal-kwota tariffarja f’kategoriji tal-prodotti speċifiċi. Il-partijiet interessati li jixtiequ jqajmu kwistjonijiet addizzjonali huma mitluba jipprovdu biżżejjed evidenza li tissustanzja d-dikjarazzjonijiet tagħhom, kif ukoll proposti speċifiċi dwar kif għandhom jiġu żviluppati kwalunkwe żviluppi li jkunu qed jaffettwaw kategorija ta’ prodotti.

3   Proċedura

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni b’dan qed tibda rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar eżistenti, limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwistjonijiet speċifikati hawn fuq.

3.1   Sottomissjonijiet bil-miktub

Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni, il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jesprimu fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn lill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati li jagħmlu sottomissjoni huma mitluba jistrutturaw is-sottomissjonijiet tagħhom b’mod ċar u li jindikaw fil-korrispondenza tagħhom (i) liema kwistjoni(jiet) tar-rieżami u (ii) liema kategorija/i ta’ prodotti tikkonċerna/jikkonċernaw is-sottomissjoni tagħhom.

3.2   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss il-kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem minn meta s-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.1. isiru disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni tista’ wkoll toħroġ struzzjonijiet speċifiċi dwar l-istruttura tal-konfutazzjonijiet fi stadju aktar tard fil-proċediment. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tinforma lill-partijiet interessati b’dan permezz ta’ Nota fil-fajl fit-Tron.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

Minħabba l-ħtieġa li r-rieżami jitlesta f’perjodu ta’ żmien qasir – ara t-Taqsima 6 aktar ’l isfel – u l-fatt li l-partijiet interessati se jingħataw il-possibbiltà li jikkummentaw fuq is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra, li se jiżgura biżżejjed opportunitajiet biex jiddefendu l-interessi tagħhom, il-Kummissjoni mhijiex se torganizza seduti ta’ smigħ għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jkunu jeżiġu dan.

3.3   Sottomissjoni ta’ informazzjoni u estensjoni għal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika. Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. L-estensjonijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati għad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni normalment ikunu limitati għal 3 ijiem addizzjonali.

3.4   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ proċediment tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha pprovduti mill-partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom ikunu mmarkati “Limited” (5) (ristrett). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma obbligati jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-UE 2015/478 (6) u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-UE 2015/755 (7), li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali u għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “Limited”.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni tajba għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi prokuri skennjati. Meta jużaw il-posta elettronika jew TRON.tdi, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inkluż il-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H, unit H5

Office: CHAR 03/66

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-SAFE009-REVIEW@ec.europa.eu

4   L-iskeda tar-rieżami

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe inċertezza u interruzzjoni bla bżonn tas-sistema ta’ salvagwardja tal-azzar attwalment fis-seħħ, ir-rieżami attwali għandu jiġi konkluż fl-iqsar żmien u, kull meta jkun possibbli, qabel it-30 ta’ Ġunju 2020.

5   Nuqqas ta’ Kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskadenzi speċifikati, jew ixxekkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, jistgħu jiġu stabbiliti konstatazzjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755. Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

6   Uffiċjal tas-Seduta

L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment ta’ rieżami attwali.

Jenħtieġ li t-talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 3.1 sat-Taqsima 3.3 ta’ dan l-Avviż għas-sottomissjonijiet lill-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal intervent lill-Uffiċjal tas-Seduta. Fejn talbiet bħal dawn jiġu ppreżentati barra l-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn kienu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

7   Proċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157639.htm


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(2)  ĠU C 169, 17.5.2019, p. 9.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1590 tas-26 ta’ Settembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 28).

(4)  ĠU L 83, 27.3.2015, p.16.

(5)  Dokument “Limited” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

(7)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Lista ta’ kategoriji ta’ prodotti soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja definittivi

Numru tal-Prodott

Kategorija tal-prodott

1

Folji u Strixxi Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bis-Sħana

2

Folji Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bil-Kesħa

3.A

Folji Elettriċi (għajr GOES)

3.B

4.A

Folji Miksija Metalliċi

4.B

5

Folji Miksija Organiċi

6

Prodotti stanjati

7

Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati

8

Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Rrumblati bis-Sħana

9

Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Rrumblati bil-Kesħa

10

Pjanċi Kwarto Inossidabbli Llaminati bis-Sħana

12

Forom tal-Metall u Forom Ħfief Mhux Illigati u Oħrajn Illigati

13

Vireg tar-rinforz

14

Bars Stainless u Forom Ħfief

15

Virga tal-Wajer Stainless

16

Virga tal-Wajer Mhux Illigati u Oħrajn Illigati

17

Angoli, Forom u Qatgħat tal-Ħadid jew tal-Azzar Mhux Illigat

18

Gzuz ta’ Pjanċi

19

Materjali tal-Ferrovija

20

Pajpijiet tal-gass

21

Pajpijiet vojta minn ġewwa

22

Tubi u Pajpijiet Stainless Seamless

24

Tubi Oħra Mingħajr Saldatura

25

Tubi kbar iwweldjati

27

Żbarri mhux Illigati u oħrajn illigati b’finitura bil-kesħa

28

Wajer Mhux Illigat