|
10.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/37 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2020/C 44/10)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TAL-ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
“Aprutino Pescarese”
NRU TAL-UE: PDO-IT-1526-AM05 – 15 ta’ Jannar 2018
DOP (X) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Consorzio di tutela dell’Olio Extravergine di oliva Aprutino Pescarese [Aprutino Pescarese Extra Virgin Olive Oil Protection Association] bl-uffiċċju reġistrat fi Piazza Garibaldi 7, 65019 Pianella (PE). Din l-assoċjazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 12511.
2. Stat membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
☐ Isem tal-prodott
☒ Deskrizzjoni tal-prodott
☒ Żona ġeografika
☒ Prova tal-oriġini
☒ Metodu ta’ produzzjoni
☒ Rabta
☒ Tikkettar
☒ Oħrajn: Il-forom tal-imballaġġ ġew emendati; ġew miżjuda r-referenzi għall-korpi ta’ spezzjoni; u l-kelma “ikkontrollata” ġiet sostitwita fl-Ispeċifikazzjoni kollha bil-kelma “protetta” meta tirreferi għad-denominazzjoni tal-oriġini.
4. Tip ta’ emenda/i
☐ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
☒ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti) biex ma tkunx ikkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
5. Emenda/i
5.1. Deskrizzjoni tal-prodott
L-emendi proposti essenzjalment joriġinaw mill-użu ta’ vokabularju u referenzi aġġornati, bħar-referenzi fl-Anness V għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut taż-żebbuġa verġni kif imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2013.
B’mod partikolari, issir referenza għall-valutazzjoni tat-“togħma tal-frott”.
Il-limitu għall-parametru K270 ġie miżjud minn 0,15 għal 0,17 (xorta taħt sew il-limitu legali ta’ 0,22), peress li dan il-parametru jiżvela l-preżenza ta’ molekuli bi tliet bonds doppji konjugati, jista’ jiżdied mhux biss minħabba l-preżenza ta’ forom ossidizzati ta’ aċidi xaħmija mhux saturati, iżda wkoll minħabba livelli ogħla ta’ fenoli. Fil-fatt, minħabba l-valur nutrizzjonali għoli tal-fenoli, f’dawn l-aħħar snin kien hemm it-tendenza li l-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni jressqu ’l quddiem id-data tal-ħsad sabiex jiksbu żejt b’valur nutraċewtiku ogħla.
Il-parametru għall-polifenoli, li l-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ tistabbilixxi għal ≥ 100 ppm, ġie sostitwit b’valur tal-fenol (espress f’mg/kg tat-tirosol) ta’ ≥ 100 mg/kg sabiex il-metodoloġija għad-determinazzjoni ta’ dawn is-sustanzi tkun konformi ma’ dik prevista mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fid-Dokument COI/T.15/NC Nru 3/.
Ir-referenza għall-kapaċità tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija biex iżid aktar parametri tneħħiet minħabba li tirreferi għal prattiki nazzjonali preċedenti li m’għadhomx fis-seħħ.
Il-valur tal-aċidu olejku inġieb f’konformità mar-Regolament tal-UE, u b’hekk il-limitu massimu naqas minn 85 % għal 83 %.
Ċerti rekwiżiti u dispożizzjonijiet tħassru wkoll, peress li d-digrieti ministerjali li huma derivati minnhom ġew imħassra u għalhekk ma għadhomx rilevanti.
Għalhekk, il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 6:
|
— |
kulur: minn aħdar għal isfar; |
|
— |
aroma: livelli medji għal għolja ta’ frott; |
|
— |
togħma: ta’ frott; |
|
— |
aċidità massima totali espressa bħala aċidu olejku, mhux aktar minn 0.6 g kull 100 g ta’ żejt; |
|
— |
punti dwar it-test tal-panel: ≥ 6,5; |
|
— |
valur tal-perossidu: ≤ 12 mEq O2/kg; |
|
— |
K270: ≤ 0,15; |
|
— |
aċidu olejku: 68-85 %; |
|
— |
polifenoli: ≥ 100 ppm |
Parametri kimiċi/fiżiċi oħra li mhumiex espressament imsemmija jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE attwali.
F’kull sena tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, l-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni tidentifika numru xieraq ta’ kampjuni rappreżentattivi taż-żejt tad-DOP “Aprutino Pescarese” u tippreżervahom fl-aħjar kundizzjonijiet għall-użu bħala standards ta’ referenza meta jitwettqu t-testijiet organolettiċi.
Fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, il-Ministeru tar-Riżorsi Agrikoli, tal-Ikel u tal-Forestrija jista’ jintroduċi parametri fiżikokimiċi u organolettiċi alternattivi mfassla biex jikkaratterizzaw aħjar l-identità tad-denominazzjoni.
Id-deżinjazzjoni taż-żejt fl-istadju tal-ippakkjar tista’ ssir biss wara li tintemm il-proċedura stabbilita fid-Digriet Ministerjali Nru 573 tal-4 ta’ Novembru 1993 fir-rigward tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku.
ġiet sostitwita bi:
|
— |
kulur: minn aħdar għal isfar; |
|
— |
valutazzjoni organolettika (test tal-panel):
|
|
— |
aċidità libera espressa bħala aċidu olejku: mhux aktar minn 0,6 %; |
|
— |
valur tal-perossidu: ≤ 12 mEq O2/kg; |
|
— |
K270: ≤ 0,17; |
|
— |
aċidu olejku: 68-83 %; |
|
— |
fenoli (espressi f’mg/kg ta’ tirosol): ≥ 100 mg/kg. |
5.2. Żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ġiet ifformulata mill-ġdid, tneħħew ir-referenzi kollha għat-toroq, għall-kanali, eċċ. u ġew sostitwiti bir-referenzi għat-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet ikkonċernati, sabiex tiġi pprovduta definizzjoni preċiża u mhux ambigwa taż-żona ġeografika.
Iż-żona ta’ produzzjoni ġiet imkabbra wkoll sabiex tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Abbateggio, Brittoli, Bussi sul Trino, Ceramico Terme, Farindola, Lettomanopello, Nocciano, Pescara, Popoli, Roccamorice, Salle, Sant’Eufemia a Maiella, Serramonecesca u Villa Celiera.
Il-muniċipalitajiet il-ġodda żdiedu minħabba l-ħtieġa li ż-żona ta’ produzzjoni tiġi emendata sabiex tinkludi l-muniċipalitajiet li fihom territorji li, minħabba raġunijiet storiċi, il-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima u l-kontinwità territorjali, jipproduċu żejt li huwa l-istess bħad-DOP “Aprutino Pescarese”. Meta ż-żona ġeografika ġiet delimitata fl-1998, dawn it-territorji ma ġewx inklużi minħabba li ż-żebbuġ li kien qed jitkabbar hemm kien kważi esklussivament għall-konsum proprju ta’ dawk li kienu qed ikabbruh, u għalhekk il-produtturi ma kinux interessati li jiġu inklużi fid-DOP.
Għal snin sħaħ, dawn it-territorji esperjenzaw qawmien mill-ġdid bis-saħħa tal-bdiewa żgħażagħ li bdew ikabbru ż-żebbuġ bħala attività tan-negozju, u għalhekk kien hemm żieda fit-talbiet mill-produtturi f’dawn il-muniċipalitajiet biex din iż-żona ta’ produzzjoni titkabbar.
5.3. Prova tal-oriġini
|
— |
Żdied artikolu dwar il-prova tal-oriġini, li mhuwiex preżenti fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ li jgħid hekk: “Artikolu 8 Prova tal-oriġini 1. Kull fażi tal-proċess tal-produzzjoni tiġi mmonitorjata billi jiġi ddokumentat kull element li jiddaħħal u kull prodott li joħroġ. It-traċċabilità tal-prodott tiġi żgurata b’dan il-mod, kif ukoll permezz tad-dħul tal-imsaġar taż-żebbuġ, tal-produtturi, tal-proċessuri, tal-intermedjarji u ta’ dawk li jippakkjaw fuq listi miżmuma għal dan il-għan mill-korp ta’ spezzjoni, iż-żamma tal-produzzjoni, ir-reġistri tal-ħżin u tal-ippakkjar u d-dikjarazzjoni f’waqtha tal-kwantitajiet prodotti lill-korp ta’ spezzjoni. 2. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, imdaħħla f’dawn ir-reġistri, jiġu spezzjonati mill-korp ta’ kontroll skont l-Ispeċifikazzjoni u l-pjan ta’ kontroll.” |
5.4. Karatteristiċi tat-tkabbir
L-Artikolu 4(2) tal-ispeċifikazzjoni ġie emendat, u tneħħiet ir-restrizzjoni dwar id-distanza tat-tħawwil għall-pjantaġġuni l-ġodda, li skont l-Ispeċifikazzjoni attwali trid tkun 6x6 jew 6x7.
Il-formulazzjoni attwali:
2. Id-distanzi tat-tħawwil u l-metodi ta’ rmondar iridu jkunu dawk li jintużaw b’mod ġenerali, jew fi kwalunkwe każ, ma jridux jaffettwaw il-karatteristiċi taż-żebbuġ jew taż-żejt. Id-distanza tat-tħawwil għall-pjantaġġuni l-ġodda trid tkun jew 6x6 m jew 6x7 m.
ġiet sostitwita bi:
2. Id-distanzi tat-tħawwil u l-metodi ta’ tkabbir u ta’ rmondar iridu jkunu dawk li jintużaw b’mod ġenerali, jew fi kwalunkwe każ, ma jridux jaffettwaw il-karatteristiċi taż-żebbuġ jew taż-żejt.
It-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni tissodisfa l-ħtiġijiet tal-produtturi għal ġestjoni tal-imsaġar taż-żebbuġ anqas stretta. F’diversi stħarriġiet tal-produtturi, huma sostnew li d-densità tas-siġar taż-żebbuġ preżenti f’kull ettaru ta’ msaġar taż-żebbuġ tvarja ħafna, u tiddependi fuq diversi fatturi, bħall-età tas-siġar, il-varjetà, il-metodi ta’ tkabbir u ta’ rmondar użati, il-fertilità tal-ħamrija, l-orjentazzjoni, eċċ.
Dawn il-parametri kollha jista’ jkollhom influwenza sinifikanti fuq ir-relazzjoni bejn kull siġra individwali u l-kompetituri tagħha.
L-istess jgħodd għall-metodi ta’ tkabbir u ta’ rmondar, li, fil-każ tas-siġar taż-żebbuġ, iridu jkunu mmirati primarjament lejn iż-żamma ta’ bilanċ tajjeb bejn it-tkabbir veġetali u r-rendiment tal-għeneb.
Għalhekk jidher restrittiv li wieħed jistabbilixxi minn qabel distanza preċiża ta’ tħawwil jew li jistipula metodi ta’ tkabbir speċifiċi, minħabba l-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet possibbli. Huwa aktar sensibbli li jiġi segwit prinċipju ġenerali, speċifikament “biex jinżamm bilanċ tajjeb bejn it-tkabbir veġetali u r-rendiment tal-għeneb”.
L-Artikolu 4(3) ġie emendat.
Il-formulazzjoni attwali:
3. Ir-rendiment massimu ta’ żebbuġ għal kull ettaru ma jistax jaqbeż id-9 000 kg.
ġiet sostitwita bi:
3. Ir-rendiment massimu ta’ żebbuġ mill-imsaġar taż-żebbuġ iddedikati għall-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa extra verġni tad-DOP ma jistax jaqbeż id-9 000 kg għal kull ettaru għall-imsaġar imħawlin b’mod speċjali, filwaqt li f’imsaġar imħallta, ir-rendiment medju għal kull siġra ma jistax jaqbeż il-50 kg.
Din l-emenda saret minħabba l-ħtieġa li jiżdied valur ta’ referenza għar-rendiment għal kull siġra sabiex jirrifletti aħjar il-fatt li l-imsaġar taż-żebbuġ imħallta huma komuni ħafna fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni.
L-Artikolu 4(4) ġie emendat, u b’hekk it-tolleranza tal-produzzjoni żdiedet minn 20 % għal 22 %.
Il-formulazzjoni attwali:
Anke fi snin eċċezzjonalment favorevoli, ir-rendiment irid jgħaddi minn għażla bir-reqqa u r-rendiment totali ma jridx jaqbeż il-limiti massimi ddikjarati aktar ’il fuq b’aktar minn 20 %.
ġiet sostitwita bi:
Anke fi snin eċċezzjonalment favorevoli, ir-rendiment irid jgħaddi minn għażla bir-reqqa u r-rendiment totali ma jridx jaqbeż il-limiti massimi ddikjarati aktar ’il fuq b’aktar minn 22 %.
Il-bidliet fil-klima li qed iseħħu bħalissa fiż-żona ġeografika ddefinita wasslu għal żieda sinifikanti fit-temperaturi medji tax-xitwa u distribuzzjoni aktar qawwija ta’ xita lejn ir-rebbiegħa u s-sajf. Dawn il-fatturi qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq is-settur tat-tkabbir taż-żebbuġ u hemm inkonsistenza notevoli f’termini ta’ rendiment, b’xi snin jiġġeneraw rendimenti ħafna anqas mill-medja filwaqt li oħrajn jipproduċu rendimenti għoljin.
F’dan il-kuntest, sabiex ir-rendiment li jaqbeż il-valuri ta’ referenza massimi jkun jista’ jintaħan matul is-snin eċċezzjonalment b’saħħithom, qed nipproponu żieda fit-tolleranza minn 20 % għal 22 %.
Ġie emendat l-Artikolu 4(5), li jgħaqqad il-perjodu tal-ħsad mal-bidu tal-perjodu tal-maturazzjoni minflok data.
Il-formulazzjoni attwali:
“Iż-żebbuġ jinħasad bejn l-20 ta’ Ottubru u l-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena.”
ġiet sostitwita bi:
Iż-żebbuġ jinħasad bejn il-bidu tal-perjodu tal-maturazzjoni u l-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena.
Il-perjodu tal-ħsad ġie emendat minħabba l-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, sar evidenti li t-tibdil fil-klima qed iwassal biex il-proċess tal-maturazzjoni jseħħ aktar kmieni minn qabel, u dan qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-perjodu tal-ħsad. Dan huwa ta’ importanza kbira f’termini ta’ kwalità, kemm fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żebbuġ (eż. saħħa) kif ukoll tal-karatteristiċi taż-żejt li jistgħu jinkisbu (aktar rikk fil-fenoli).
Għal din ir-raġuni, huwa preferibbli li l-bidu tal-ħsad jintrabat ma’ indikatur viżiv, speċifikament meta ż-żebbuġ jibda jimmatura, li kull sena jiddependi fuq il-kundizzjonijiet tat-temp. Din id-deċiżjoni hija aktar adatta biex tiġi żgurata l-kwalità ġenerali taż-żejt li jista’ jinkiseb.
Jenħtieġ li jiġi nnutat ukoll li ż-żewġ varjetajiet ewlenin inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-DOP “Aprutino Pescarese”, Leccino u Dritta, huma kkaratterizzati rispettivament minn maturazzjoni bikrija u minn maturazzjoni medja u bikrija, u għalhekk hemm ħtieġa akbar għal definizzjoni aktar flessibbli tal-bidu tal-perjodu tal-ħsad.
5.5. Rabta
|
— |
Żdied artikolu dwar ir-rabta li ma kinitx inkluża fl-Ispeċifikazzjoni attwali iżda li tinsab fl-iskeda tas-sommarju. |
Għalhekk, l-elementi miżjuda mal-artikolu dwar ir-rabta jikkorrispondu mal-punti (d), (e) u (f) tal-iskeda tas-sommarju, li l-kontenut tagħha huwa derivat mid-dokument intitolat “Relazione Tecnica e Storica della D.O.P. Aprutino Pescarese” [Rapport tekniku u storiku dwar id-DOP “Aprutino Pescarese”] inkluż fil-fajl użat għar-reġistrazzjoni. Il-punt ġie ssupplimentat ukoll b’informazzjoni li turi r-relazzjoni bejn il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u ż-żona ġeografika.
L-artikolu l-ġdid jaqra kif ġej:
“Artikolu 10
Rabta maż-żona
Fil-provinċja ta’ Pescara, iż-żebbuġ ilu jikber sa mill-aktar żminijiet imbiegħda, kif tixhed evidenza storika li tmur lura għall-era Rumana. It-tkabbir taż-żebbuġ huwa rrappreżentat fuq għadd ta’ emblemi tal-familji, li juru jew is-siġra taż-żebbuġ jew waħda mill-friegħi tagħha.
It-tkabbir taż-żebbuġ kellu sehem integrali fl-istorja, fil-pajsaġġ u fl-ekonomija taż-żona. Jenħtieġ li jiġi nnutat ukoll li xhieda moderna importanti għall-preżenza tat-tkabbir taż-żebbuġ fil-provinċja ta’ Pescara tinsab fix-xogħlijiet letterarji ta’ Gabriele D’Annunzio.
Id-denominazzjoni tal-oriġini protetta għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni fiż-żona inkwistjoni hija ġġustifikata mhux biss mill-preżenza qawwija tal-kultivazzjoni, iżda wkoll mid-disseminazzjoni mifruxa tal-idea taż-żejt bħala bażi tat-tradizzjonijiet kulinarji fil-provinċja ta’ Pescara.
Storikament, iż-żona kollha għall-ewwel kienet magħrufa bħala Aprutium, imbagħad Aprutina, li minnha ġej l-isem Aprutino.
Barra minn hekk, din il-preżenza antika ta’ tkabbir taż-żebbuġ fl-inħawi tiddependi mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, li jiffavorixxu t-tkabbir naturali tas-siġra.
Ftit kilometri ’l bogħod mill-kosta hemm għoljiet żgħar li huma xierqa għal din l-għalla. Madwar it-tkabbir taż-żebbuġ inħolqot fiż-żona sistema ta’ skambju reċiproku u ta’ relazzjonijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi, inklużi festivals, espożizzjonijiet kollaborattivi tal-produtturi u mtieħen taż-żejt interkonnessi ħafna, li joħolqu nisġa ta’ attivitajiet ta’ valur u ta’ benefiċċju.
Fi ftit kilometri, iż-żona ta’ produzzjoni għad-DOP taż-żejt extra verġni “Aprutino Pescarese” tibda mill-għoljiet kostali sal-ogħla fost l-għoljiet fil-bażijiet tal-muntanji, u b’hekk tirrappreżenta pajsaġġ tipiku tat-tkabbir taż-żebbuġ f’termini tal-istruttura varjetali u tal-karatteristiċi tal-produzzjoni tagħha.
Il-ħamrija tvarja miż-żoni interni għaż-żoni bl-għoljiet u minn hemm għall-istrixxa kostali. Iż-żoni tal-għoljiet mal-bażijiet tal-muntanji fihom ukoll ħamrija kalkarja, ġejja mid-diżintegrazzjoni ta’ ġebla tal-ġir permeabbli ħafna mill-era Mesożojka, u b’mod predominanti l-perjodu Kretaċju, li jifformaw il-qalba tal-katina tal-muntanji Apennini. Il-ħamrija hija ġeneralment ħarxa u baxxa, b’fertilità baxxa. L-erja sottostanti tal-għoljiet, li fis-sezzjoni ta’ fuq tagħha hemm formazzjonijiet ta’ lom u tafal tal-Mijoċene, u fis-sezzjoni t’isfel formazzjonijiet tal-Plijoċene, hija magħmula prinċipalment minn ħamrija iebsa b’fertilità moderata, li fiha, skont iż-żona, ġebla tal-ġir taflija u tafal kompatt, ġebla tal-ġir terrena u blat ramli. Fl-aħħar nett, fl-istrixxa kostali dejqa u tul il-widien, il-ħamrija hija ta’ natura ramlija u ta’ tafal tas-silikat, u hija fonda, ta’ densità medja, friska u b’fertilità għolja.
Diversi varjetajiet ta’ siġar taż-żebbuġ draw u żviluppaw f’dan il-pajsaġġ, għalkemm l-aktar importanti u mifruxa huma Leccino u Toccolana fir-reġjun intern u Dritta fl-għoljiet kostali l-aktar esposti. Għalhekk, dawn it-tliet varjetajiet huma s-sorsi ewlenin ta’ materja prima għall-produzzjoni taż-żejt skont id-DOP “Aprutino Pescarese”.
Il-klima tvarja wkoll mill-kosta għall-għoljiet interni mal-bażijiet tal-muntanji, fejn ix-xitwa hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet aktar kesħin. It-temperatura medja annwali hawnhekk hija ta’ madwar 13,5 °C, filwaqt li fiż-żoni tal-għoljiet u kostali, fejn il-kundizzjonijiet huma kemxejn aktar moderati, it-temperatura medja annwali hija ta’ madwar 14,8 °C. Dawn il-kundizzjonijiet pjuttost ħfief jiffavorixxu anqas is-sinteżi tal-aċidi xaħmin saturati meta mqabbla mal-aċidu olejku u ma’ aċidi oħrajn mhux saturati. B’riżultat ta’ dan, il-kontenut ta’ aċidu olejku jammonta għal aktar minn 75 % tal-kontenut tal-aċidu totali. Id-distribuzzjoni tax-xita matul is-sena hija pjuttost ikkonċentrata fir-rebbiegħa. Is-sajf huwa normalment xott ħafna, u jiġi interrott biss minn maltempati bix-xita. L-akbar ammont ta’ xita tinżel lejn l-aħħar tal-ħarifa u bejn Frar u April. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ madwar 700 mm. Dan jipprovdi l-varjetajiet Toccolana u Dritta b’livelli għoljin ta’ fenoli, u jippermetti lill-varjetà Leccino tikseb livelli ta’ fenol li huma ħafna akbar minn 100 mg/kg.
5.6. Tikkettar
L-Artikolu 7 dwar l-isem u l-preżentazzjoni ġie emendat.
Il-paragrafu 3, li jaqra kif ġej, ġie mħassar:
“Madankollu huwa permess l-użu ta’ ismijiet, ismijiet kummerċjali jew marki privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ ftaħir jew ma jkunux iqarrqu bix-xerrej fir-rigward tal-ismijiet ġeografiċi, speċjalment fir-rigward ta’ ismijiet ġeografiċi li jirreferu għal żoni ta’ produzzjoni taż-żjut b’denominazzjoni tal-oriġini protetta.”
Ġie deċiż li dan il-paragrafu jitħassar minħabba li kien hemm ħafna problemi rigward l-interpretazzjoni tiegħu matul is-snin, kemm għall-produtturi kif ukoll għall-korp ta spezzjoni.
Żdied paragrafu speċifiku dwar l-użu tat-terminu fakultattiv tal-kwalità “prodott tal-muntanji” fuq it-tikketta.
Dan huwa kif ġej:
“B’referenza għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 665/2014, it-terminu ‘prodott tal-muntanji’ jista’ jintuża fuq tikketti f’territorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti.”
5.7. Oħrajn
Ir-rekwiżit għall-produtturi li jippakkjaw iż-żejt f’kontenituri magħmula minn materjali speċifikati u b’kapaċità speċifikata tneħħa.
Il-formulazzjoni attwali:
“Ir-reċipjenti li fihom irid jiġi ppakkjat iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni ‘Aprutino Pescarese’, bil-għan li jiġi rilaxxat għall-konsum, iridu jkunu tal-ħġieġ jew tal-landa u jkunu jesgħu mhux aktar minn ħames litri.”
ġiet sostitwita bi:
“Ir-reċipjenti li fihom jista’ jiġi ppakkjat iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni ‘Aprutino Pescarese’, bil-għan li jiġi rilaxxat għall-konsum, iridu jkunu permessi skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jkunu jesgħu mhux aktar minn 5 litri.”
Din l-emenda saret minħabba l-ħtieġa li l-produtturi jadattaw il-forom ta’ ppakkjar tagħhom għar-rekwiżiti tas-suq.
|
— |
Żdied artikolu dwar il-kontrolli, li mhuwiex preżenti fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ, u li jaqra kif ġej: “Artikolu 9 Kontrolli Il-konformità tal-prodott mal-Ispeċifikazzjoni ssir minn korp ta’ spezzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-kontrolli fuq il-konformità tal-prodott mal-Ispeċifikazzjoni jitwettqu mill-Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tas-Snajja’ u tal-Agrikoltura ta’ Pescara, b’uffiċċju rreġistrat f’Via Conte di Ruvo 2, Pescara – Tel:(085)45361, posta elettronika: agricoltura@pe.camcom.it, posta elettronika ċċertifikata: |
DOKUMENT UNIKU
“Aprutino Pescarese”
NRU TAL-UE: PDO-IT-1526-AM05 – 15 ta’ Jannar 2018
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/ismijiet
“Aprutino Pescarese”
2. Stat Membru jew
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Meta tiġi rilaxxata għall-konsum, id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Aprutino Pescarese” irid ikollha l-karatteristiċi li ġejjin:
|
— |
kulur: minn aħdar għal isfar; |
|
— |
valutazzjoni organolettika (test tal-panel):
|
|
— |
aċidità libera espressa bħala aċidu olejku: mhux aktar minn 0,6 %; |
|
— |
valur tal-perossidu: ≤12 mEq O2/kg; |
|
— |
K270: ≤ 0,17; |
|
— |
aċidu olejku: 68-83 %; |
|
— |
fenoli (espressi f’mg/kg ta’ tirosol): ≥ 100 mg/kg. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Aprutino Pescarese” trid tinkiseb mill-varjetajiet ta’ żebbuġ li ġejjin, li jammontaw għal mill-anqas 80 % tas-siġar fl-imsaġar taż-żebbuġ jew waħedhom jew flimkien: Dritta, Leccino u Toccolana.
L-imsaġar taż-żebbuġ jista’ jkun fihom varjetajiet oħrajn, sakemm dawn ma jammontawx għal aktar minn 20 %.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jiġifieri l-kultivazzjoni, il-ħsad u l-estrazzjoni taż-żejt, iridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar eċċ. tal-prodott li l-isem irreġistrat jirreferi għalih
Iż-żejt tad-DOP “Aprutino Pescarese” dejjem irid jiġi ppakkjat fiż-żona speċifikata fil-punt 4. Dan jippermetti l-preservazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi u tal-kwalità tal-prodott.
Fil-fatt, sabiex iżomm il-karatteristiċi tiegħu, iż-żejt ma jrid jesperjenza l-ebda bidla qawwija fit-temperatura u jrid jinżamm f’kundizzjonijiet ta’ mistrieħ mingħajr ossiġenu, ħalli jkunu jistgħu jseħħu s-sedimentazzjoni naturali u/jew il-filtrazzjoni; il-moviment u t-trasport jiġu evitati qabel l-ippakkjar sabiex tiġi minimizzata l-ossidazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jinkisbu b’ċertezza fiż-żona tal-oriġini fi tmiem il-proċess tal-produzzjoni u jagħmluha possibbli li l-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt jinżammu.
Iż-żejt tad-DOP “Aprutino Pescarese” jista’ jjiġi kkumerċjalizzat għall-konsum biss wara li jkun ġie ppakkjat b’mod xieraq.
Biex jiġi rilaxxat għall-konsum, iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Aprutino Pescarese” jrid jiġi ppakkjat fi kwalunkwe kontenitur permess skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ b’kapaċità massima ta’ 5 litri.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li l-isem irreġistrat jirreferi għalih
Huwa pprojbit li tiżdied xi deskrizzjoni li mhix espressament prevista f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-isem “Aprutino Pescarese”, inklużi l-aġġettivi li ġejjin: fine (fin), scelto (għażla), selezionato (magħżul), superiore (superjuri) jew genuino (ġenwin).
Huwa pprojbit li jintużaw referenzi ġeografiċi addizzjonali jew indikazzjonijiet ġeografiċi jew topografiċi li jirreferu għal muniċipalitajiet, subdiviżjonijiet minn muniċipalitajiet jew żoni ġeografiċi fiż-żona ġeografika ddefinita.
B’referenza għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 665/2014, it-terminu “prodott tal-muntanji” jista’ jintuża fuq tikketti f’territorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti.
L-użu tal-ismijiet ta’ impriżi, azjendi agrikoli, kumpaniji u r-referenza għall-ippakkjar f’azjenda taż-żebbuġ jew assoċjazzjoni tal-azjendi taż-żebbuġ jew negozju li jinsab fiż-żona ta’ produzzjoni huwa permess biss jekk il-prodott isir b’mod esklussiv miż-żebbuġ maħsud mill-imsaġar taż-żebbuġ li huma parti mill-impriża.
L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Aprutino Pescarese” jrid jidher fuq it-tikketta b’ittri ċari li ma jitħassrux u b’kulur li jikkuntrasta sew ma’ dak tat-tikketta nnifisha b’tali mod li jintgħaraf b’mod ċar mill-bqija tal-informazzjoni li tidher fuq it-tikketta.
Is-sena tal-produzzjoni taż-żebbuġ li minnu jkun sar iż-żejt trid tkun indikata fuq it-tikketta.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żebbuġ li għandu jintuża fil-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Aprutino Pescarese” jrid jitkabbar fit-territorju tal-provinċja ta’ Pescara li huwa xieraq għall-produzzjoni ta’ żejt bil-karatteristiċi u l-kwalità stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Din iż-żona tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Pescara li ġejjin: Abbateggio, Alanno, Bolognano, Brittoli, Bussi sul Tirino, Caramanico Terme, Castiglione a Casauria, Cappelle sul Tavo, Carpineto della Nora, Catignano, Cepagatti, Città S.Angelo, Civitaquana, Civitella Casanova, Collecorvino, Corvara, Cugnoli, Elice, Farindola, Lettomanoppello, Loreto Aprutino, Manoppello, Montebello di Bertona, Montesilvano, Moscufo, Nocciano, Penne, Pescara, Pescosansonesco, Pianella, Picciano, Pietranico, Popoli, Roccamorice, Rosciano, S. Valentino in Abruzzo Citeriore, Salle, Sant’Eufemia a Maiella, Scafa, Serramonacesca, Spoltore, Tocco da Casauria, Torre de’ Passeri, Turrivalignani, Vicoli u Villa Celiera.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Fil-provinċja ta’ Pescara, iż-żebbuġ ilu jikber sa mill-aktar żminijiet imbiegħda, kif tixhed evidenza storika li tmur lura għall-era Rumana. It-tkabbir taż-żebbuġ huwa rrappreżentat fuq għadd ta’ emblemi tal-familji, li juru jew is-siġra taż-żebbuġ jew waħda mill-friegħi tagħha.
It-tkabbir taż-żebbuġ kellu sehem integrali fl-istorja, fil-pajsaġġ u fl-ekonomija taż-żona. Jenħtieġ li jiġi nnutat ukoll li xhieda moderna importanti għall-preżenza tat-tkabbir taż-żebbuġ fil-provinċja ta’ Pescara tinsab fix-xogħlijiet letterarji ta’ Gabriele D’Annunzio.
Id-denominazzjoni tal-oriġini protetta għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni fiż-żona inkwistjoni hija ġġustifikata mhux biss mill-preżenza qawwija tal-kultivazzjoni, iżda wkoll mid-disseminazzjoni mifruxa tal-idea taż-żejt bħala bażi tat-tradizzjonijiet kulinarji fil-provinċja ta’ Pescara.
Storikament, iż-żona kollha għall-ewwel kienet magħrufa bħala Aprutium, imbagħad Aprutina, li minnha ġej l-isem Aprutino.
Barra minn hekk, din il-preżenza antika ta’ tkabbir taż-żebbuġ fl-inħawi tiddependi mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, li jiffavorixxu t-tkabbir naturali tas-siġra.
Ftit kilometri ’l bogħod mill-kosta hemm għoljiet żgħar li huma xierqa għal din l-għalla. Madwar it-tkabbir taż-żebbuġ inħolqot fiż-żona sistema ta’ skambju reċiproku u ta’ relazzjonijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi, inklużi festivals, espożizzjonijiet kollaborattivi tal-produtturi u mtieħen taż-żejt interkonnessi ħafna, li joħolqu nisġa ta’ attivitajiet ta’ valur u ta’ benefiċċju.
Fi ftit kilometri, iż-żona ta’ produzzjoni għad-DOP taż-żejt extra verġni “Aprutino Pescarese” tibda mill-għoljiet kostali sal-ogħla fost l-għoljiet fil-bażijiet tal-muntanji, u b’hekk tirrappreżenta pajsaġġ tipiku tat-tkabbir taż-żebbuġ f’termini tal-istruttura varjetali u tal-karatteristiċi tal-produzzjoni tagħha.
Il-ħamrija tvarja miż-żoni interni għaż-żoni bl-għoljiet u minn hemm għall-istrixxa kostali. Iż-żoni tal-għoljiet mal-bażijiet tal-muntanji fihom ukoll ħamrija kalkarja, ġejja mid-diżintegrazzjoni ta’ ġebla tal-ġir permeabbli ħafna mill-era Mesożojka, u b’mod predominanti l-perjodu Kretaċju, li jifformaw il-qalba tal-katina tal-muntanji Apennini. Il-ħamrija hija ġeneralment ħarxa u baxxa, b’fertilità baxxa. L-erja sottostanti tal-għoljiet, li fis-sezzjoni ta’ fuq tagħha hemm formazzjonijiet ta’ lom u tafal tal-Mijoċene, u fis-sezzjoni t’isfel formazzjonijiet tal-Plijoċene, hija magħmula prinċipalment minn ħamrija iebsa b’fertilità moderata, li fiha, skont iż-żona, ġebla tal-ġir taflija u tafal kompatt, ġebla tal-ġir terrena u blat ramli. Fl-aħħar nett, fl-istrixxa kostali dejqa u tul il-widien, il-ħamrija hija ta’ natura ramlija u ta’ tafal tas-silikat, u hija fonda, ta’ densità medja, friska u b’fertilità għolja.
Diversi varjetajiet ta’ siġar taż-żebbuġ draw u żviluppaw f’dan il-pajsaġġ, għalkemm l-aktar importanti u mifruxa huma Leccino u Toccolana fir-reġjun intern u Dritta fl-għoljiet kostali l-aktar esposti. Għalhekk, dawn it-tliet varjetajiet huma s-sorsi ewlenin ta’ materja prima għall-produzzjoni taż-żejt skont id-DOP “Aprutino Pescarese”.
Il-klima tvarja wkoll mill-kosta għall-għoljiet interni mal-bażijiet tal-muntanji, fejn ix-xitwa hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet aktar kesħin. It-temperatura medja annwali hawnhekk hija ta’ madwar 13,5 °C, filwaqt li fiż-żoni tal-għoljiet u kostali, fejn il-kundizzjonijiet huma kemxejn aktar moderati, it-temperatura medja annwali hija ta’ madwar 14,8 °C. Dawn il-kundizzjonijiet pjuttost ħfief jiffavorixxu anqas is-sinteżi tal-aċidi xaħmin saturati meta mqabbla mal-aċidu olejku u ma’ aċidi oħrajn mhux saturati. B’riżultat ta’ dan, il-kontenut ta’ aċidu olejku jammonta għal aktar minn 75 % tal-kontenut tal-aċidu totali. Id-distribuzzjoni tax-xita matul is-sena hija pjuttost ikkonċentrata fir-rebbiegħa. Is-sajf huwa normalment xott ħafna, u jiġi interrott biss minn maltempati bix-xita. L-akbar ammont ta’ xita tinżel lejn l-aħħar tal-ħarifa u bejn Frar u April. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ madwar 700 mm. Dan jipprovdi l-varjetajiet Toccolana u Dritta b’livelli għoljin ta’ fenoli, u jippermetti lill-varjetà Leccino tikseb livelli ta’ fenol li huma ħafna akbar minn 100 mg/kg.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
Wieħed jista’ jsib it-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew inkella:
jew billi jżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar jagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.