13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 384/180


Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni pprovduta mill-QEA lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-awditur indipendenti

(2020/C 384/02)

Opinjoni

I.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea, li jinkludu r-rapporti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (2) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019, u li ġew approvati mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2020;

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

II.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea (UE) għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE fil-31 ta’ Diċembru 2019, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà li huma aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul

III.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Infiq

Opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq

IV.

Fl-opinjoni tagħna, minħabba s-sinifikat tal-kwistjoni deskritta taħt “Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq”, l-infiq aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019 huwa milqut minn livell materjali ta’ żball.

Bażi għal Opinjoni

V.

Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC, u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAIs) tal-INTOSAI. Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards u kodiċijiet huma deskritti f’aktar dettall fit-taqsima “Responsabbiltajiet tal-awditur” fir-rapport tagħna. Aħna rrispettajna wkoll ir-rekwiżiti tal-indipendenza u wettaqna l-obbligi etiċi tagħna skont il-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabilisti. Aħna nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq

VI.

Il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna għall-infiq aċċettat fil-kontijiet għas sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019 huwa ta’ 2,7 %. Proporzjon sostanzjali ta’ dan l-infiq – aktar min-nofs – huwa milqut minn livell materjali ta’ żball. Dan jirrigwarda prinċipalment l-infiq ibbażat fuq rimborżi, fejn il-livell ta’ żball stmat huwa ta’ 4,9 %. Dovut l-aktar għal żieda fl-infiq għal “Koeżjoni”, din in-nefqa żdiedet sa EUR 66,9 biljun fl-2019, ammont li kien jirrappreżenta 53,1 % tal-popolazzjoni li awditjajna (3). Għalhekk, l-effetti tal-iżbalji li sibna huma kemm materjali kif ukoll pervażivi għan-nefqa aċċettata tas-sena.

Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

Aħna vvalutajna l-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati

VII.

Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi l-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li ammontaw għal EUR 97,7 biljun fi tmiem l-2019, ammont li jirrappreżenta kważi 40 % tat-total ta’ obbligazzjonijiet għall-2019 ta’ EUR 251,5 biljun.

VIII.

Il-biċċa l-kbira minn din l-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati (EUR 83,8 biljun) hija relatata mal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali u l-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (PSEO). L-obbligazzjoni rreġistrata fil-kontijiet tirrifletti l-ammont li kieku kien jiġi inkluż kieku ġie stabbilit fond ta’ pensjoni biex isiru pagamenti relatati mal-obbligi eżistenti għall-pensjonijiet tal-irtirar (4). Minbarra l-pensjonijiet tal-irtirar, hija tkopri l-pensjonijiet tal-invalidità kif ukoll il-pensjonijiet li jitħallsu lin-nisa romol u lill-orfni tal-persunal tal-UE. Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit tal-UE. L-Istati Membri jiggarantixxu b’mod konġunt il-pagament tal-benefiċċji, u l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-ispiża għall-finanzjament tal-iskema. L-Eurostat jikkalkula din l-obbligazzjoni f’isem l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, billi juża parametri li ġew ivvalutati mill-konsulenti attwarji tal-Kummissjoni.

IX.

It-tieni l-akbar parti tal-obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati (EUR 11,8 biljun) hija kostitwita mill-obbligazzjoni stmata tal-UE lejn ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS). Din l-obbligazzjoni hija relatata mal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li huma pagabbli lill-membri tal-persunal tal-UE matul il-perjodi ta’ wara l-attività (bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tagħhom).

X.

Bħala parti mill-awditu tagħna, aħna vvalutajna, għall-obbligazzjoni tal-pensjoni, is-suppożizzjonijiet attwarji li saru u l-valwazzjoni riżultanti. Aħna bbażajna din l-evalwazzjoni fuq xogħol li wettqu l-esperti attwarji esterni biex jipproduċu studju dwar il-PSEO. Ivverifikajna d-data numerika, il-parametri attwarji, u l-kalkolu tal-obbligazzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni fil-karta tal-bilanċ konsolidata u n-noti għar-rapporti finanzjarji konsolidati.

XI.

Nikkonkludu li l-istima tal-obbligazzjoni kumplessiva għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati ddikjarata fil-karta tal-bilanċ konsolidata hija ġusta. Aħna se nkomplu nirrieżaminaw din l-istima, inkluża l-affidabbiltà tad-data ta’ bażi.

Aħna vvalutajna stimi sinifikanti ta’ tmiem is-sena li ġew ippreżentati fil-kontijiet

XII.

Fi tmiem l-2019, il-valur stmat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarji, iżda li kienu għadhom ma ġewx irrappurtati, kien ta' EUR 105,7 biljun (tmiem l-2018: EUR 99,8 biljun). Dawn l-ammonti ġew irreġistrati bħala spejjeż dovuti (5).

XIII.

Fi tmiem l-2019, l-ammont stmat li ma ntużax mill-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża u mill-iskemi ta’ għajnuna rikonoxxuti fil-kontijiet kien jammonta għal EUR 6,9 biljun (tmiem l-2018: EUR 6,5 biljun), li fil-karta tal-bilanċ jintwera bħala “Avvanzi oħrajn lill-Istati Membri” (pagamenti bil-quddiem).

XIV.

Sabiex nivvalutaw dawn l-istimi ta’ tmiem is-sena, aħna eżaminajna s-sistema li l-Kummissjoni kienet stabbiliet għall-kalkoli tal-cut-off u żgurajna l-korrettezza u l-kompletezza tagħhom fid-direttorati ġenerali li fihom saru l-biċċa l-kbira mill-pagamenti. Matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna fuq il-kampjun ta’ fatturi u ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament, aħna eżaminajna l-kalkoli tal-cut-off rilevanti sabiex nindirizzaw ir-riskju li l-ammont dovut ġie ddikjarat b’mod skorrett. Aħna fittixna kjarifika addizzjonali mis-servizzi kontabilistiċi tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija ġenerali għall-istabbiliment ta’ dawn l-istimi.

XV.

Nikkonkludu li l-istima tal-ammont kumplessiv ta’ imposti dovuti u ta’ pagamenti bil-quddiem oħra għall-Istati Membri ddikjarati fil-karta tal-bilanċ konsolidata hija ġusta.

Aħna vvalutajna l-impatt potenzjali ta’ avvenimenti wara l-għeluq tal-karta tal-bilanċ, fuq il-kontijiet

XVI.

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit (UK) ma baqax Stat Membru tal-UE. B’segwitu għall-konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) bejn iż-żewġ partijiet, ir-Renju Unit għamel impenn biex jonora l-obbligi finanzjarji kollha tiegħu taħt il-QFP attwali u preċedenti li jirriżultaw mis-sħubija tiegħu fl-UE.

XVII.

Aħna ma identifikajna l-ebda avveniment relatat mal-ħruġ tar-Renju Unit li jkun jirrikjedi aġġustamenti għall-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2019 skont l-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà dwar l-avvenimenti wara d-data tar-rappurtar (6).

XVIII.

Filwaqt li t-tifqigħa tal-COVID-19 laqtet serjament lill-ekonomiji u lill-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, din ma kinitx tirrikjedi xi aġġustament għaċ-ċifri li ġew irrappurtati fil-kontijiet (7) (jiġifieri dan huwa “avveniment li ma jaġġustax”). Madankollu, jekk jiġu implimentati, l-inizjattivi li l-Kummissjoni pproponiet bħala reazzjoni jistgħu jolqtu r-rapporti finanzjarji għall-perjodi ta’ rappurtar sussegwenti.

XIX.

Ibbażat fuq is-sitwazzjoni attwali, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2019 li jrid jiġi rrappurtat, u aħna nikkonkludu li l-kontijiet li ntemmu fil-31 ta’ Diċembru 2019 kienu jirriflettu b’mod korrett l-avvenimenti wara l-għeluq tal-karta tal-bilanċ.

Kwistjonijiet oħra

XX.

Il-maniġment huwa responsabbli għall-provvediment ta’ “informazzjoni oħra”. Dan it-terminu jinkludi d-Diskussjoni u l-Analiżi tar-Rapport Finanzjarju, iżda mhux il-kontijiet konsolidati jew ir-rapporti tagħna dwarhom. L-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet konsolidati ma tkoprix din l-informazzjoni l-oħra, u aħna ma nesprimu l-ebda forma ta’ konklużjoni ta’ aċċertament dwarha. Ir-responsabbiltà tagħna b’rabta mal-awditu tal-kontijiet konsolidati hija li naqraw l-informazzjoni l-oħra u nqisu jekk din l-informazzjoni tkunx materjalment inkonsistenti mal-kontijiet konsolidati jew mal-għarfien li nkunu ksibna fl-awditu, jew jekk jidhirx li tkun saret xi dikjarazzjoni skorretta materjali oħra. Jekk nikkonkludu li jkun hemm dikjarazzjoni skorretta materjali tal-informazzjoni l-oħra, aħna meħtieġa nirrappurtaw dan il-fatt kif meħtieġ. Aħna ma għandna xejn x’nirrappurtaw f’dan ir-rigward.

Responsabbiltajiet tal-maniġment

XXI.

F’konformità mal-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u mar-Regolament Finanzjarju, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet konsolidati tal-UE abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment, u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet (liġijiet, regolamenti, prinċipji, regoli u standards) li jirregolawhom. Il-Kummissjoni hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE (l-Artikolu 317 tat-TFUE).

XXII.

Fit-tħejjija tal-kontijiet konsolidati, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-UE li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga kull kwistjoni rilevanti u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat, dment li ma jkunx biħsiebu jillikwida l-entità jew itemm l-operazzjonijiet, jew inkella ma jkollu l-ebda alternattiva realistika ħlief li jagħmel dan.

XXIII.

Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-UE.

XXIV.

Skont ir-Regolament Finanzjarju (it-Titolu XIII), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jrid jippreżenta l-kontijiet konsolidati tal-UE biex jiġu awditjati, l-ewwel bħala kontijiet proviżorji sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara u mbagħad bħala kontijiet finali sal-31 ta’ Lulju. Il-kontijiet proviżorji jridu diġà jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Għalhekk, huwa imperattiv li l-entrati kollha tal-kontijiet proviżorji jiġu ppreżentati bħala kalkoli finali, biex b’hekk aħna nkunu nistgħu nwettqu l-kompitu tagħna f’konformità mat-(Titolu XIII) tar-Regolament Finanzjarju u sad-dati ta’ skadenza mogħtija. Kull bidla bejn il-kontijiet proviżorji u dawk finali normalment tkun tirriżulta mill-osservazzjonijiet tagħna biss.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet konsolidati u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

XXV.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet konsolidati tal-UE jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw kull deċiżjoni ekonomika li tittieħed fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet konsolidati.

XXVI.

Għad-dħul, l-eżaminar tagħna tal-VAT u tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-aggregati makroekonomiċi li fuqhom dawn jiġu kkalkulati, u jivvaluta s-sistemi tal-Kummissjoni għall-ipproċessar tagħhom sal-punt li fih il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri jkunu ġew riċevuti u rreġistrati fil-kontijiet konsolidati. Għar-riżorsi proprji tradizzjonali, aħna neżaminaw il-kontijiet tal-awtoritajiet doganali u nanalizzaw il-fluss tad-dazji sakemm l-ammonti jkunu ġew riċevuti mill-Kummissjoni u rreġistrati fil-kontijiet.

XXVII.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ladarba l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti fil-punt meta jsiru, ħlief il-pagamenti bil-quddiem. Aħna neżaminaw il-pagamenti bil-quddiem ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza dwar l-użu xieraq tagħhom u l-istituzzjoni jew il-korp ikunu aċċettaw dik l-evidenza billi japprovaw il-pagament bil-quddiem, u dan għandu mnejn ma jseħħx qabel is-sena sussegwenti.

XXVIII.

Aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Barra minn hekk, aħna:

(a)

Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet konsolidati u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Aħna nfasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità b’riżultat ta’ frodi huma aktar diffiċli biex jinqabdu minn dawk li jkunu b’riżultat ta’ żball, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet żbaljati, jew li jinqabeż il-kontroll intern. B’konsegwenza ta’ dan, hemm riskju akbar li dawn il-każijiet ma jinqabdux.

(b)

Niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.

(c)

Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jintużaw mill-maniġment, kif ukoll ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru minn dawn tal-aħħar.

(d)

Nilħqu konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-użu mill-maniġment tal-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, dwar jekk tkunx teżisti inċertezza materjali minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità ta’ entità li tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa niġbdu l-attenzjoni, fir-rapport tagħna, għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet konsolidati jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar miksuba sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, avvenimenti jew kundizzjonijiet futuri jistgħu jwasslu biex l-entità ma tkomplix bħala negozju avvjat.

(e)

Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet konsolidati, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet konsolidati jkunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod ġust.

(f)

Niksbu evidenza adegwata u suffiċjenti għall-awditjar rigward l-informazzjoni finanzjarja dwar l-entitajiet koperti mill-ambitu tal-konsolidazzjoni tal-UE biex nesprimu opinjoni dwar il-kontijiet konsolidati u t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna għandna r-responsabbiltà li nidderieġu, nissorveljaw u nwettqu l-awditu, u aħna unikament responsabbli għall-opinjoni tal-awditjar li nagħtu.

XXIX.

Aħna nikkomunikaw mal-maniġment rigward, fost oħrajn, l-ambitu u t-twaqqit ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet sinifikanti tal-awditjar, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.

XXX.

Mill-kwistjonijiet li ddiskutejna mal-Kummissjoni u ma’ entitajiet oħra awditjati, aħna niddeterminaw dawk li kienu tal-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet konsolidati, u li għalhekk huma l-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Aħna niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-liġi jew ir-regolament ma jkunux jipprekludu d-divulgazzjoni pubblika jew meta, f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi jekk dan isir ikunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji għall-interess pubbliku.

L-24 ta’ Settembru 2020.

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi — L-1615 Luxembourg


(1)  Ir-rapporti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni (inkluż ir-rappurtar fuq is-segmenti).

(2)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu wkoll noti ta’ spjegazzjoni.

(3)  Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafi  1.21 sa  1.26 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

(4)  Ara l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) Nru 39 — Benefiċċji tal-impjegati. Għall-PSEO, l-obbligu ta’ benefiċċju ddefinit jirrifletti l-valur attwali tal-pagamenti futuri mistennija li l-UE se tkun meħtieġa twettaq sabiex tissodisfa l-obbligi tal-pensjoni li jirriżultaw minn servizzi li l-impjegati jkunu wettqu fil-perjodu attwali u dak preċedenti.

(5)  Dawn jinkludu imposti dovuti ta’ EUR 66,9 biljun fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ u, fuq in-naħa tal-assi, EUR 38,8 biljun li jnaqqsu l-valur tal-prefinanzjament.

(6)  Ara l-IPSAS Nru 14 — Avvenimenti wara d-Data tar-Rappurtar.

(7)  Ara l-IPSAS Nru 14 — Avvenimenti wara d-Data tar-Rappurtar.