Brussell, 14.10.2020

SWD(2020) 550 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Appoġġ propost mill-baġit tal-UE biex jiġi mobilizzat l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini fil-kuntest tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni

Li jakkumpanja d-dokument

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja

{COM(2020) 662 final}


Appoġġ propost mill-baġit tal-UE biex jiġi mobilizzat l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini

L-irduppjar tar-rata annwali ta’ rinnovazzjoni fl-UE u l-iżgurar ta’ rinnovazzjonijiet ta’ kwalità għolja se jġibu benefiċċji siewja għaċ-ċittadini Ewropej u se jimmobilizzaw investiment privat u pubbliku konsiderevoli, u b’hekk se jappoġġaw l-irkupru ekoloġiku u diġitali, u tranżizzjoni lejn enerġija nadifa ġusta. L-investiment addizzjonali meħtieġ huwa mistenni li jkun ta’ madwar EUR 90 biljun fis-sena. Din l-isfida bla preċedent teħtieġ inċentivi pubbliċi biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa. 

L-Unjoni Ewropea se sserraħ fuq diversi strumenti mmirati lejn l-appoġġ dirett tal-investimenti fir-rinnovazzjonijiet tal-bini ta’ kwalità, l-ingranaġġ tal-investiment privat, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-għoti ta’ assistenza teknika, l-użu ta’ prodotti finanzjarji attraenti għar-rinnovazzjoni tal-bini, il-promozzjoni tal-adozzjoni mis-suq u l-indirizzar tal-ostakoli mhux teknoloġiċi għar-rinnovazzjoni tal-bini.

 

1. Il-baġit propost tal-UE biex jappoġġa b’mod dirett l-investimenti fir-rinnovazzjonijiet tal-bini ta’ kwalità

Ir-rinnovazzjoni tal-bini hija prijorità ċara tal-Kummissjoni u l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni hija inizjattiva ewlenija tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-programmi u l-istrumenti tal-UE jintużaw tajjeb biex jappoġġaw u jimmobilizzaw l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini, filwaqt li jippromwovu rinnovazzjonijiet ta’ kwalità sostenibbli, inklużività, diġitalizzazzjoni u protezzjoni tal-valur tal-wirt kulturali, kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi u t-tmexxija industrijali relatati. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi finanzjarji tal-UE biex jimplimentaw skemi ta’ appoġġ nazzjonali, reġjonali u lokali biex jistimolaw ir-rinnovazzjoni tal-bini ta’ kwalità.

Fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ rkupru li jinkludi Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 revedut u l-istrument ta’ rkupru Next Generation EU (NGEU) b’EUR 750 biljun disponibbli biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 u biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.

Iċ-ċifri kkwotati f’dan id-dokument huma bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta’ Lulju 2020. Madankollu, dawn ma jippreġudikawx l-eżitu tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-elementi tal-pakkett ta’ rkupru, bħall-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-programmi settorjali, u l-istruttura u l-pakketti baġitarji tagħhom, li se jiġu konklużi f’konformità mal-proċeduri ta’ adozzjoni rispettivi tagħhom.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li ġie propost li tingħata EUR 672.5 biljun f’għotjiet u self, tipprovdi lill-Istati Membri b’finanzjament addizzjonali konsiderevoli li jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati rinnovazzjonijiet tal-bini ta’ kwalità. Il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-2020 iffokat fuq il-miżuri immedjati biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija u identifikat ir-rinnovazzjoni tal-bini bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fuq terminu qasir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li tniedi l-Inizjattiva Ewlenija Ewropea “Rinnovazzjoni”, li tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jirriflettu r-rinnovazzjoni tal-bini bħala prijorità ewlenija fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom li se jħejju biex jaċċessaw il-finanzjament minn din il-Faċilità, filwaqt li jibnu fuq il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima u l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul tagħhom, u fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Kemm il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima kif ukoll l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul 1 huma għodod strateġiċi u ta’ ppjanar ewlenin biex il-fondi għar-rinnovazzjoni tal-bini jiġu diretti lejn il-prijoritajiet it-tajba, filwaqt li jiġu allinjati mal-ħtiġijiet nazzjonali. Il-linji gwida tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza pprovduti lill-Istati Membri f’Settembru 2020 jinkludu komponent dettaljat tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni li l-Istati Membri huma mistiedna jinkludu u jibnu fuqu fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom. L-investimenti u r-riformi b’potenzjal għoli li jżidu l-investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini u l-ingranaġġ tal-finanzjament pubbliku u privat, b’enfasi fuq l-abitazzjonijiet soċjali u għall-but ta’ kulħadd, huma partikolarment rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-RRF: it-tranżizzjoni ekoloġika (it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-ħolqien tal-impjiegi u l-istimolu tat-tkabbir u r-reżiljenza soċjali).

Diversi tipi ta’ riformi u investimenti li l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hawn taħt qed jiġu inklużi għadd ta’ eżempji bbażati fuq l-appoġġ għall-investimenti bil-fondi ta’ koeżjoni u l-proġetti H2020:

Replikazzjoni tal-faċilità tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti (mudell ELENA) fil-livell nazzjonali biex l-investimenti jiġu fornuti minn qabel u titħejja sensiela robusta u aggregata ta’ proġetti ta’ investiment: Bħalissa, fi Franza, diversi skemi reġjonali qed jipproponu servizzi integrati ta’ rinnovazzjoni tad-djar, inkluż finanzjament minn partijiet terzi, lis-sidien tad-djar. Bl-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ riżorsi nazzjonali u strument ta’ rifinanzjament, il-proġett ORFEE tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti (PDA) se jsaħħaħ l-istruttura finanzjarja tagħhom u jagħti spinta lill-attivitajiet tagħhom, b’investimenti ta’ EUR 45 miljun relatati mal-enerġija mistennija sal-2023.”

Il-varar ta’ network ta’ punti uniċi ta’ servizz għar-rinnovazzjoni tal-bini fil-livell nazzjonali.

Skemi ta’ investiment ibbażati fuq l-ikkuntrattar għar-rendiment tal-enerġija mmirati lejn il-binjiet pubbliċi u l-abitazzjonijiet soċjali: ir-reġjun tal-Marche fl-Italja stabbilixxa fond rotanti innovattiv (Fond għall-Enerġija u l-Mobbiltà) li jgħaqqad flimkien għotjiet mill-FEŻR, self b’imgħax baxx u finanzjament minn partijiet terzi minn Kumpaniji ta’ Servizz ta’ Enerġija (ESCOs) permezz ta’ Ikkuntrattar għar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija. Il-fond intuża biex issir modifika retroattiva profonda ta’ sitt sptarijiet u djar tal-kura, fost proġetti oħra ta’ investiment.

Pjattaformi ta’ taħlit għar-rinnovazzjoni tad-djar li jikkombinaw assistenza teknika, għotjiet u self biex jiġu ingranati investimenti privati billi jitneħħew il-kostijiet tal-bidu u tiġi stimolata d-domanda.

Skemi ta’ finanzjament b’potenzjal għoli ta’ żieda fir-rinnovazzjoni tal-bini/użu innovattiv ta’ prodotti ta’ finanzjament tal-EE minn banek kummerċjali, u finanzjament fuq il-kont u fuq it-taxxa: Diversi inizjattivi qed jesploraw il-possibbiltajiet sabiex dejn li jiġġarrab biex isir investiment fit-titjib tal-abitazzjonijiet jintrabat mal-proprjetà nnifisha u mhux ma’ sidha, biex b’hekk titwitta t-triq għal strumenti ta’ finanzjament fit-tul ħafna. Pereżempju, fi Spanja l-proġett EuroPACE jesperimenta kif dejn ta’ dan it-tip jista’ jitħallas lura permezz ta’ taxxi fuq il-proprjetà, filwaqt li l-proġett RenOnBill jesplora sħubijiet mal-utilitajiet sabiex il-kontijiet tal-enerġija jintużaw bħala mezz ta’ ħlas lura, b’implimentazzjonijiet pilota fl-Italja, fi Spanja u fil-Litwanja.

F’terminu qasir, l-inizjattiva REACT-EU (Għajnuna għall-Irkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa), iffinanzjata minn NGEU, ġiet proposta biex tagħmel disponibbli EUR 47.5 biljun bħala appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, sal-aħħar tal-2023. REACT-EU ġiet proposta biex tkompli testendi r-rispons għall-kriżi u l-miżuri ta’ rimedju li diġà bdiet twettaq il-Politika ta’ Koeżjoni permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, filwaqt li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu koperti l-investimenti ekoloġiċi, diġitali u li jsaħħu t-tkabbir. Din hija opportunità għall-Istati Membri u r-reġjuni biex jidderieġu finanzjament addizzjonali lejn ir-rinnovazzjoni tal-bini permezz tal-programmi rilevanti tagħhom tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-Fond Soċjali Ewropew imsaħħaħ propost se jappoġġa aħjar it-tisħiħ tal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali meħtieġa biex jakkumpanjaw il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, iżda jiffaċilita wkoll l-għoti tas-setgħa lir-residenti, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, jintegrahom fil-mewġa ta’ rinnovazzjoni u jiżgura l-ġustizzja u l-inklużività.

Fuq terminu medju sa twil, matul il-perjodu 2021-2027, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni), b’baġit propost ta’ EUR 330 biljun se jkomplu jkunu sors importanti ta’ finanzjament tal-UE għall-investimenti diretti fl-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u r-rinnovazzjoni tal-bini, inkluż l-aspett tal-iżvilupp tal-kapital uman tagħha, għal livelli aħjar ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-Politika ta’ Koeżjoni għandha l-għan li tgħin biex jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali ewlenin u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni. F’dan il-qafas, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jappoġġaw l-investimenti essenzjali marbuta mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż fl-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi bħal fis-settur tal-bini 2 . Dawn se jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mira ġenerali ta’ 30 % għan-nefqa relatata mal-klima. Fiż-żoni rurali, il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jista’ jintuża biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (JTM) propost għandu l-għan li jtaffi l-kostijiet soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, billi jiffoka fuq it-territorji, l-industriji u l-ħaddiema li se jerfgħu l-akbar sfidi tat-tranżizzjoni. L-ewwel pilastru tiegħu, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, b’allokazzjoni proposta ta’ EUR 17.5-il biljun, għandu investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-ekonomija ċirkolari bħala l-oqsma ta’ eliġibbiltà tiegħu. L-għażla tal-proġetti se tkun ibbażata esklussivament fuq l-oqsma msemmija fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta. It-tieni pilastru tal-JTM jinkludi l-Iskema tal-InvestEU għal Tranżizzjoni Ġusta li se tiġi implimentata fit-twieqi kollha ta’ politika tal-InvestEU. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll it-tielet pilastru tal-JTM, jiġifieri faċilità ta’ self għas-settur pubbliku li tappoġġa entitajiet tas-settur pubbliku billi tikkombina għotjiet mill-baġit tal-UE ma’ self. Il-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta se jkunu fil-qalba tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, inkluż fl-identifikazzjoni tat-territorji eliġibbli.

Fl-aħħar nett, il-finanzjament tal-UE se jinkludi wkoll il-Fond għall-Modernizzazzjoni, stabbilit skont id-Direttiva dwar l-ETS 3 , b’volum ta’ madwar EUR 14-il biljun 4 , magħmul disponibbli għall-10 Stati Membri bl-aktar introjtu baxx biex jappoġġa investimenti fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tagħhom. L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-binjiet, inkluż ir-rinnovazzjoni termali tal-binjiet u l-investimenti fil-modernizzazzjoni tal-pipelines tat-tisħin distrettwali, huma identifikati taħt l-oqsma ta’ prijorità, li se jammontaw għal mill-inqas 70 % tar-riżorsi tal-Fondi. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jopera taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, li se jagħżlu l-investimenti li jixtiequ jissottomettu għall-appoġġ. Kemm l-investimenti individwali kif ukoll l-iskemi ta’ rinnovazzjoni tal-bini huma eliġibbli.

L-Istati Membri jistgħu jappoġġaw diversi tipi ta’ investimenti u skemi b’Fondi ta’ Koeżjoni, inkluż REACT-EU. Hawn taħt qed jiġu inklużi għadd ta’ eżempji bbażati fuq l-appoġġ għall-investimenti bil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni:

Rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi bil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni: Permezz tal-fondi tal-FEŻR, il-Kroazja ffinanzjat ir-rinnovazzjoni ta’ 257 000 m2 u 69 binja pubblika, bħal sptarijiet u skejjel preprimarji b’iffrankar annwali mistenni ta’ 70 GWh.

Rinnovazzjoni sostenibbli tal-abitazzjonijiet soċjali: Dan l-aħħar, ir-reġjuni tal-Piemonte u tal-Calabria fl-Italja nedew diversi programmi ta’ finanzjament għar-rinnovazzjoni sostenibbli tal-binjiet pubbliċi, fost l-oħrajn, l-abitazzjonijiet soċjali. Il-programmi, li ġew iffinanzjati permezz tal-fondi strutturali, b’ammont totali ta’ aktar minn EUR 100 miljun, kienu mmirati lejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Abbażi ta’ dawn il-programmi, ġew iċċertifikati aktar minn 300 binja, filwaqt li aktar minn 1000 professjonist ġew imħarrġa fl-użu ta’ dan il-kunċett ta’ sostenibbiltà, li fil-futur se jiġi estiż biex jinkludi l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja.

2. Il-baġit propost tal-UE se jkompli jingrana l-investiment privat fuq skala ħafna akbar

Il-programm InvestEU propost se jaġixxi bħala mekkaniżmu uniku tal-UE ta’ appoġġ għall-investiment privat, u se jissostitwixxi l-istrumenti finanzjarji eżistenti kollha ġestiti ċentralment. Bl-appoġġ ta’ garanzija tal-UE, se jkollu l-għan li jappoġġa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat meħtieġ, inkluż għar-rinnovazzjoni tal-bini fl-Ewropa, prinċipalment permezz tat-Tieqa tal-Infrastruttura Sostenibbli proposta tagħha. L-allokazzjoni proposta għall-programm InvestEU hija ta’ EUR 9.1 biljun. Tista’ tintuża biex tappoġġa l-finanzjament tad-dejn u l-ekwità tar-rinnovazzjoni tal-bini, inkluż permezz ta’ prodotti finanzjarji ddedikati għar-rinnovazzjoni tal-bini, li qed jiġu żviluppati bħalissa, fis-settur residenzjali b’enfasi fuq l-abitazzjonijiet soċjali u għall-but ta’ kulħadd, il-binjiet pubbliċi, l-iskejjel u l-isptarijiet, l-SMEs u l-appoġġ għall-ESCOs.

Il-programm InvestEU propost se jibni fuq is-suċċess tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li sa Lulju 2020 skatta investimenti ta’ madwar EUR 524.4 biljun. Madwar 16 % ta’ dawn l-investimenti (madwar EUR 84 biljun) saru fis-settur tal-enerġija. Diversi proġetti li ffukaw fuq l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet ġew iffinanzjati b’mod partikolari fil-Ġermanja, fi Franza u fil-Finlandja.

Fi Franza, SEM Energies POSIT-IF Île-de-France u SPEE f’Hauts-de-France huma tnejn mill-ewwel punti uniċi ta’ servizz (u fost dawk li kisbu l-aktar suċċess) għall-binjiet residenzjali żviluppati fi Franza, li jużaw finanzjament minn partijiet terzi. SEM Île-de-France offriet rinnovazzjoni profonda lil aktar minn 2000 unità f’kondominji fir-Reġjun ta’ Île-de-France u ħolqot 500 impjieg għal EUR 1.5 miljun f’finanzjament tal-PDA, li żdied permezz ta’ finanzjament ta’ EUR 100 miljun mill-FEIS biex SEM Energies tkun tista’ toffri finanzjament direttament lis-sidien, biex b’hekk jingħeleb l-ostakolu fundamentali tas-suq tan-nuqqas ta’ offerta minn bank kummerċjali. Bl-istess mod, ir-riżultati tal-SPEE għall-perjodu 2014-2018 juru li 1500 dar ġew rinnovati u li nħolqu jew ġew salvagwardjati aktar minn 400 impjieg b’EUR 38 miljun ta’ investiment skattat b’appoġġ Ewropew ta’ EUR 2 miljun minn fondi strutturali u mill-faċilità ELENA.

Diversi “binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija” fuq skala kbira fil-Ġermanja rċevew appoġġ għal investimenti fil-modernizzazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija ta’ abitazzjonijiet residenzjali u fil-kostruzzjoni ta’ bini b’użu ta’ kważi żero enerġija (NZEB).

Franza qed taħdem biex iżżid l-introduzzjoni tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja żviluppat bis-sistema tagħha E+C-, abbażi tal-valutazzjoni tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, li aktar tard se tiġi inkorporata fir-Regolament dwar il-bini. Ġie pprovdut finanzjament nazzjonali ta’ EUR 20 miljun biex jgħin lis-settur tal-abitazzjonijiet soċjali jibni akkomodazzjonijiet iċċertifikati bit-tikketta E+C-. Il-finanzjament huwa relatat mar-rendiment tal-proġett. Bl-istess mod, Pariġi u r-Reġjun ta’ “Île-de-France” jagħtu inċentivi għal proġetti ta’ binjiet li huma ċċertifikati b’“tikketta BBCA” (tikketta bbażata fuq it-tikketta E+C-).

L-inizjattiva Finanzi Intelliġenti għal Binjiet Intelliġenti stimolat il-finanzjament għar-rinnovazzjoni tal-bini, filwaqt li ppromwoviet il-kombinament ta’ faċilità ta’ garanzija ma’ għotjiet u assistenza teknika. Żiedet il-fondi disponibbli għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, u ppromwoviet l-użu tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ punti uniċi ta’ servizz għar-rinnovazzjoni tal-bini. L-inizjattiva kkontribwiet għal użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi u għat-tnaqqis tar-riskju perċepit marbut mal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, filwaqt li ppromwoviet l-aggregazzjoni tal-proġetti. It-tagħlimiet meħuda minn din l-inizjattiva huma kkunsidrati fit-tfassil ta’ prodotti finanzjarji ddedikati appoġġati b’garanzija mill-UE li jappoġġaw l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-kuntest ta’ InvestEU.

Pereżempju, l-ESIF, il-fond tal-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Enerġija Rinnovabbli għal Malta tal-fondi kofinanzjati mill-FEŻR tnieda bħala l-ewwel proġett pilota biex jiġi stabbilit u implimentat strument ta’ garanzija ta’ portafoll tal-ewwel telf biex jissaħħaħ il-finanzjament tal-proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-intrapriżi.

Il-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE), li ġie propost li jiġi integrat f’InvestEU, li jikkombina s-self mill-BEI lil banek privati ma’ garanziji u assistenza teknika bil-ħsieb li jiskatta EUR 650 miljun ta’ investiment, huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ strument li naqqas ir-riskju ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika, inkluż għall-binjiet (eż. fiċ-Ċekja, fi Spanja u fil-Portugall).

Fi Spanja, il-PF4EE tnieda fl-2016 u huwa ġestit minn Banco Santander, li ħoloq il-prodott tas-self “Préstamo BEI Eficiencia Energética”, li hu appoġġat mill-PF4EE. Permezz ta’ dan il-prodott ta’ self, il-klijenti jistgħu jaċċessaw il-finanzjament għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika b’rati tal-imgħax preferenzjali u permezz ta’ proċessi sempliċi.

Fil-Polonja, il-PF4EE tnieda fl-2019 u huwa ġestit minn BNP Paribas Bank Polska SA, li ħoloq prodott ta’ self għar-rinnovazzjoni ta’ binjiet b’diversi appartamenti – il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Effiċjenza Enerġetika għall-Binjiet Residenzjali (EEFFRB). Dan jikkonsisti fil-pakkett ta’ servizzi differenti inkluż assistenza teknika (jiġifieri awditi tal-enerġija, konsulenza u konsultazzjonijiet dwar l-enerġija) minn ELENA, self minn BNP appoġġat mill-PF4EE u għotja ta’ investiment ipprovduta mill-BGK (Bank Promozzjonali Nazzjonali). 

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (b’kapital inizjali propost ta’ EUR 140 miljun) huwa strument finanzjarju speċifiku mmexxi mill-UE għall-effiċjenza enerġetika, li jipprovdi finanzjament ibbażat fuq is-suq għal proġetti tas-settur pubbliku, inkluża r-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi, u unitajiet ta’ abitazzjonijiet soċjali li huma proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi.

Fl-2017 tlesta l-immodernizzar tal-effiċjenza enerġetika fl-Isptar Universitarju Taljan S. Orsola-Malpighi. L-EEEF ipprovda lill-isptar universitarju bi proġett u b’faċilità tal-bonds tal-VAT ta’ EUR 31.8 miljun fl-2013 biex jiġi ffinanzjat l-immodernizzar tas-sistema kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-fluwidi tiegħu. Dan kien jinkludi l-kostruzzjoni tal-impjant ta’ triġenerazzjoni tiegħu stess b’network ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali.

Il-faċilitajiet ta’ garanzija kkombinati ma’ assistenza teknika, ma’ self u, jekk meħtieġ, ma’ għotjiet, jistgħu jkunu kombinamenti ta’ appoġġ pubbliku ta’ suċċess kbir li jistgħu jippermettu lill-banek kummerċjali u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra jżidu l-finanzjament tagħhom għall-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet tal-bini.

Għall-fondi tal-UE disponibbli għall-Istati Membri, dawn jistgħu jfasslu skemi ta’ appoġġ ispirati mill-inizjattivi msemmija hawn fuq, biex jattiraw kapital privat u jżidu l-ingranaġġ u l-impatt tal-fondi pubbliċi użati. 

Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jistgħu jintużaw ukoll biex jimmobilizzaw l-investiment privat. Fil-perjodu 2014-2020 intużaw EUR 1.7 biljun fi strumenti finanzjarji bħala ingranaġġ, f’kombinament ukoll ma’ għotjiet.

Fil-Litwanja, il-FEŻR ikkontribwixxa EUR 200 miljun fil-perjodu 2014-2020 għall-istrument finanzjarju JESSICA II, li huwa mmirat lejn investimenti ta’ modifika retroattiva fl-effiċjenza enerġetika fl-abitazzjonijiet residenzjali, b’enfasi fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ sidien tad-djar f’binjiet b’diversi appartamenti. L-appoġġ li jitħallas lura huwa kkombinat mal-appoġġ ta’ għotja fil-forma ta’ sussidji tar-rata tal-imgħax u tal-appoġġ tekniku, iffinanzjati wkoll mill-FEŻR. Għotjiet mill-baġit tal-Istat jistgħu jikkumpensaw bis-sħiħ għal pagamenti ta’ kapital ta’ self u mgħax ta’ individwi b’introjtu aktar baxx.

3. Il-baġit tal-UE propost se jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni għar-rinnovazzjoni tal-bini

Il-programm Orizzont Ewropa propost se jappoġġa proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni dwar binjiet sostenibbli, bi tkomplija tal-appoġġ ta’ suċċess ta’ Orizzont 2020. Pereżempju, is-Sħubija Pubblika-Privata dwar l-Ambjent Mibni Sostenibbli Ċċentrat fuq in-Nies (Built4People) qed tiġi żviluppata biex tiġbor flimkien lill-atturi rilevanti kollha tul il-katina tal-valur tal-binjiet u tal-kostruzzjoni sabiex tiġi żviluppata innovazzjoni olistika għat-trasformazzjoni tal-ambjent mibni diretta lejn is-sostenibbiltà, inkluż l-ispeċifiċitajiet tal-wirt mibni.

Is-sħubija hija kontinwazzjoni u espansjoni naturali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sħubija Pubblika-Privata tal-Binjiet Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija (EeB PPP) stabbilita fil-kuntest tal-FP7 u li tkompliet fil-kuntest ta’ Orizzont 2020. B’aktar minn 174 proġett iffinanzjat mill-UE, is-sħubija żviluppat diversi innovazzjonijiet fil-binjiet u fit-teknoloġiji tal-kostruzzjoni, il-materjali avvanzati, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u l-proċessi ta’ kostruzzjoni u rinnovazzjoni, inkluż permezz tal-industrijalizzazzjoni tar-rinnovazzjoni profonda. L-EeB PPP ipprovdiet EUR 184.4 miljun fil-kuntest tal-programm “Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti” u EUR 365.5 miljun fil-kuntest tal-programm NMBP. Ħafna riżultati tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jistgħu faċilment jiġu skalati f’soluzzjonijiet kummerċjabbli li jistgħu jiġu applikati għall-mewġa ta’ rinnovazzjoni.

Is-Sejħa għal Patt Ekoloġiku Ewropew 5 , parti minn Orizzont 2020 u b’baġit ta’ EUR 1 biljun, se tappoġġa applikazzjonijiet pilota, proġetti ta’ dimostrazzjoni u prodotti innovattivi, kif ukoll il-governanza, il-katina tal-valur u l-innovazzjoni soċjali. Għandha l-għan li tipproduċi riżultati konkreti u tanġibbli fi żmien qasir, billi timmobilizza r-riċerka u l-innovazzjoni biex tippermetti tranżizzjoni ekoloġika u ġusta. Is-Sejħa tinkludi qasam iddedikat għal “Binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi”, li se jesplora d-disinn u l-kostruzzjoni ta’ binjiet ġodda u l-modifika retroattiva ta’ binjiet eżistenti. Se ssir enfasi partikolari fuq l-abitazzjonijiet soċjali, l-isptarijiet u l-iskejjel bl-għan li jtaffu l-faqar enerġetiku, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Is-Sejħa tinkludi wkoll il-qasam “Lejn Bliet Newtrali għall-Klima u Soċjalment Innovattivi”, li għandu l-għan li jiġu varati malajr azzjonijiet klimatiċi fuq skala sħiħa, sistemiċi u integrati fil-livell tal-bliet jew fil-livell distrettwali sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2030, b’appoġġ għall-Missjoni “Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-Klima” li jmiss. Qasam ieħor huwa mmirat lejn id-dimostrazzjoni ta’ soluzzjonijiet sistemiċi għall-iżvilupp territorjali tal-ekonomija ċirkolari, li għandhom rwol rilevanti fl-ambjent mibni.

Is-sejħiet proposti għal Bliet Intelliġenti

Is-sejħiet proposti għal Bliet Intelliġenti u l-Missjoni “Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-Klima” 6 ta’ Orizzont Ewropa se jappoġġaw u juru 100 belt Ewropea fit-trasformazzjoni sistemika tagħhom lejn in-newtralità klimatika sal-2030, u se jlaqqgħu flimkien lill-atturi kollha fi proċess f’diversi livelli u kokreattiv li se jiġi formalizzat permezz ta’ Kuntratt Klimatiku għall-Bliet. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ livell għoli li jagħti pariri lill-Kummissjoni b’rabta mad-definizzjoni tal-Missjoni mmira speċifikament lejn l-istokk tal-bini urban bħala wieħed mill-muturi ewlenin għan-newtralità klimatika urbana, filwaqt li identifika oqsma u azzjonijiet rilevanti għall-mewġa ta’ rinnovazzjoni. L-approċċ tal-Missjoni se jispira lil bliet Ewropej oħra fi triqithom lejn newtralità klimatika Ewropea sħiħa, u b’hekk se jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku 2050. 

Il-Fond ta’ Innovazzjoni tal-EU ETS huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament fid-dinja għad-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-oqsma tal-industrija intensiva fl-użu tal-enerġija, tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin tal-enerġija u tas-CCS. Il-fond jappoġġa teknoloġiji innovattivi ħafna li jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet, pereżempju fil-qasam tal-prodotti tal-kostruzzjoni ta’ sostituzzjoni u d-disinn b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jorbtu prodotti ġodda mas-suq tar-rinnovazzjoni.

L-użu ta’ sistemi prefabbrikati għar-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija jippermetti t-tnaqqis tax-xogħlijiet fuq il-post, filwaqt li jimminimizza l-konsum tal-materja prima u jżid l-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-proġetti H2020 iffinanzjati fil-kuntest tal-EeB PPP kisbu riżultati tajbin ħafna permezz tal-industrijalizzazzjoni tar-rinnovazzjoni profonda b’intrużività baxxa, tnaqqis fil-ħin ta’ 30 %, redditu fuq l-investiment ta’ <10 snin u tnaqqis fil-kostijiet ta’ >15 %. Pereżempju, il-proġett BERTIM żviluppa moduli prefabbrikati tal-injam u metodoloġiji olistiċi għar-rinnovazzjoni profonda. Żviluppa wkoll għodda kompjuterizzata (RenoBIM), li tippermetti tnaqqis fil-ħin ta’ operazzjoni tar-rinnovazzjoni u żżid l-effiċjenza tal-proċess tar-rinnovazzjoni permezz tal-personalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-massa, mill-ġbir tad-data, id-disinn, il-manifattura u l-installazzjoni.

Il-proġett tal-Bliet Intelliġenti MAKING-CITY huwa proġett ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira immirat lejn l-iżvilupp ta’ strateġiji integrati ġodda biex tiġi indirizzata t-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija urbana lejn bliet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, bl-approċċ tad-distrett b’enerġija pożittiva (PED) bħala l-qalba tal-perkors tat-tranżizzjoni tal-enerġija urbana. Il-proġett se jkun iffokat b’mod intensiv fuq il-kisba ta’ evidenzi dwar il-potenzjal reali tal-kunċett tal-PED, bħala pedament ta’ rotta b’effiċjenza għolja u sostenibbli biex isir progress lil hinn mill-pjanijiet direzzjonali attwali ta’ trasformazzjoni urbana.

4. Il-baġit tal-UE se jindirizza l-ostakoli tas-suq għar-rinnovazzjoni tal-bini

Il-programm LIFE 2021-2027 propost se jinkludi erba’ subprogrammi, li bosta minnhom huma rilevanti ħafna għas-settur tal-bini u għar-rinnovazzjoni tal-bini. Is-subprogramm għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa fil-kuntest ta’ LIFE propost, li għalih ġie propost pakkett baġitarju totali ta’ EUR 1 biljun, se jipprovdi appoġġ imfassal apposta lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jindirizzaw b’mod olistiku l-ostakoli speċifiċi għar-rinnovazzjoni identifikati fit-territorji tagħhom.

Il-proġetti ta’ introduzzjoni fis-suq bħalissa huma ffinanzjati minn sejħiet għall-Effiċjenza Enerġetika ta’ Orizzont 2020, u se jkomplu bħala parti mis-subprogramm għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa fil-kuntest ta’ LIFE. Għandhom l-għan li jneħħu l-ostakoli tas-suq għar-rinnovazzjoni tal-bini, pereżempju billi jindirizzaw l-ostakoli strutturali jew organizzattivi, biex jistabbilixxu qafas favorevoli ta’ abilitazzjoni u jibnu l-kapaċità tal-atturi pubbliċi u privati.

 

Barra minn hekk, is-subprogramm għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Kwalità tal-Ħajja fil-kuntest ta’ LIFE propost, b’pakkett propost ta’ EUR 1.35 biljun, se jkun disponibbli biex jappoġġa approċċi innovattivi biex jinkiseb progress b’rabta mal-impatti taċ-ċiklu tal-ħajja u l-effiċjenza tal-materjali fl-ambjent mibni.

Fit-tħejjija tal-Pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istati Membri huma mħeġġa jiddefinixxu l-prijoritajiet tar-riformi li jistgħu jindirizzaw b’suċċess l-ostakoli eżistenti għar-rinnovazzjoni tal-bini 7 , u jikkunsidraw li jallokaw il-finanzjament meħtieġ għal dawk ir-riformi. Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jistgħu jintużaw ukoll biex jindirizzaw l-ostakoli strutturali jew organizzattivi, u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-rinnovazzjoni tal-bini.

Il-proġett BIMplement jittratta t-taħriġ dwar l-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) fis-siti ta’ kostruzzjoni. Għandu l-għan li jikseb kwalità mtejba għall-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ Binjiet b’Użu ta’ Kważi Żero Enerġija, billi juża l-BIM bħala trasportatur universali tal-informazzjoni u faċilitatur tal-proċess ta’ apprendiment fi ħdan il-proġetti u bejn il-proġetti. BIMplement żviluppa Qafas ta’ Kwalifiki msaħħaħ mill-BIM li jiddeskrivi l-kompetenzi, il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa sabiex l-għarfien disponibbli jiġi konness mal-mudell BIM, mal-proċess tal-bini u mal-atturi involuti. Ir-riżultati se jiġu applikati f’50 sit sperimentali fejn l-interventi ta’ taħriġ se jiġu ttestjati fil-prattika.

Il-proġett LIFE attwali “LifeforLLL(s)” għandu Kunsilli tal-Bini Ekoloġiku fi tmien pajjiżi li jaħdmu mal-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija tagħhom biex jesploraw kif l-indikaturi ewlenin dwar il-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, iċ-ċirkolarità u l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa jistgħu jiġu implimentati fil-prattika fuq skala pan-Ewropea. Il-proġett huwa dwar il-ħolqien tal-infrastruttura meħtieġa biex jiġi integrat il-qafas għall-UE kollha dwar il-binjiet sostenibbli, imsejjaħ Livell(i). Il-proġett iħares lejn kif l-iskemi ewlenin ta’ ċertifikazzjoni ta’ bini ekoloġiku tal-Ewropa jistgħu jallinjaw ruħhom ma’ dan il-qafas u jipprovdu data aktar komparabbli dwar ir-rendiment ambjentali tal-bini. Barra minn hekk, jappoġġa l-akkwist pubbliku billi jaħdem mal-bliet u mal-awtoritajiet pubbliċi biex l-indikaturi dwar il-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, iċ-ċirkolarità u l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa jiġu allinjati mal-istandards tal-akkwist u jkopri t-taħriġ tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll dak għall-manifatturi tal-prodotti.

Il-proġett BUILD UPON iffinanzjat minn H2020, imwettaq mill-Kunsilli tal-Bini Ekoloġiku, involva u ta s-setgħa lil massa kritika ta’ partijiet ikkonċernati, u għenhom jiddefinixxu u jimplimentaw l-Istrateġiji Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul (LTRS) fi 13-il pajjiż. Ġie stabbilit “RenoWiki” biex itejjeb il-fehim u d-djalogu tal-partijiet ikkonċernati, u l-iskambju fi ħdan il-komunità tal-partijiet ikkonċernati ġie promoss permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma li saru fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, li għalihom attendew aktar minn 3300 parti kkonċernata ewlenija. Is-sessjonijiet ta’ ħidma rriżultaw f’sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet, imsejħa “RENOmmandments”.

Il-proġett BeREEL iffinanzjat fil-kuntest ta’ LIFE bħala Proġett Integrat Strateġiku appoġġa l-iżvilupp tal-Istrateġija ta’ Rinnovazzjoni Residenzjali fit-Tul għar-Reġjun ta’ Flanders fil-Belġju.

5. Il-baġit propost tal-UE se jiffinanzja s-servizzi ta’ appoġġ tekniku u ċ-ċentri konsultattivi

L-assistenza teknika hija kruċjali għas-suċċess tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, biex l-iżviluppaturi tal-proġetti jaggregaw proġetti iżgħar, biex l-intermedjarji privati u pubbliċi jingħataw appoġġ biex jimplimentaw jew jiffaċilitaw l-investimenti u biex jiġu koperti l-kostijiet tal-persunal sabiex jiġu stabbiliti unitajiet tal-iżvilupp tal-proġetti fil-post.

Ġie propost li l-Faċilità ta’ Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA), li bħalissa hija ffinanzjata minn Orizzont 2020, tkompli għaddejja fl-2021-2027 fil-kuntest taċ-Ċentru Konsultattiv ta’ InvestEU. Matul il-perjodu 2014-2020, il-faċilità ngħatat ammont totali ta’ EUR 282 miljun (inkluż finanzjament ieħor ta’ EUR 97 miljun biex jiġi appoġġat il-finanzjament iddedikat għar-rinnovazzjoni tal-bini fis-settur residenzjali 8 , b’mod partikolari s-settur tal-abitazzjonijiet soċjali). ELENA, li hija inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u tal-BEI, tipprovdi assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti fil-forma ta’ għotjiet lill-benefiċjarji finali għat-tħejjija ta’ proġetti kbar ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli integrata u fit-trasport sostenibbli fil-bliet. Il-faċilità ELENA hija kkumplementata mis-sejħiet PDA ġestiti mill-EASME biex tappoġġa proġetti iżgħar.

Programm kbir ta’ investiment f’Ljubljana (is-Slovenja) għall-modifika retroattiva tal-enerġija tal-binjiet pubbliċi b’enfasi fuq l-iskejjel preprimarji appoġġata mill-ESCOs. F’dan il-każ, EUR 1 miljun ta’ assistenza teknika skattaw EUR 49 miljun f’investimenti.

Eżempju ieħor huwa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli għall-Kontea ta’ Tipperary fl-Irlanda, fejn l-assistenza minn ELENA indirizzat l-ostakoli għall-finanzjament ta’ għadd kbir ta’ proġetti EE billi kopriet il-kostijiet tal-istudji tal-fattibbiltà u l-awditi tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ argumenti għall-vijabbiltà u l-akkwist. Is-setturi fil-mira huma d-djar privati u l-binjiet pubbliċi u terzjarji.

Il-proġett PRODESA tal-PDA għandu l-għan li jniedi investimenti ta’ madwar EUR 20 miljun fl-enerġija sostenibbli għal binjiet u għat-tidwil pubbliċi f’seba’ muniċipalitajiet fiż-Żona Metropolitana ta’ Ateni. Dan il-proġett huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fil-Greċja, u se japplika approċċ ta’ raggruppament (anke fost il-muniċipalitajiet) flimkien ma’ akkomunament imfassal apposta ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament. Ir-raggruppament ta’ proġetti muniċipali frammentati għandu l-għan li jikseb skala adegwata (bankabbli), żminijiet raġonevoli ta’ ħlas lura u diversifikazzjoni tar-riskju, filwaqt li l-akkomunament tar-riżorsi jimmira lejn l-ottimizzazzjoni tar-riżultati finanzjarji, u lejn kontribuzzjonijiet imsaħħa mis-settur privat (b’mod partikolari, anki l-ESCOs).

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) propost jista’, fuq talba, jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ riformi fil-qasam tar-rinnovazzjoni tal-bini, anke fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan jinkludi appoġġ tekniku għal dawn li ġejjin:

·riformi mmirati bl-għan li jżidu l-investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini, inklużi djar privati u binjiet pubbliċi bħal sptarijiet u skejjel. Fost affarijiet oħra, l-appoġġ tekniku jista’ jippromwovi l-użu effettiv ta’ strumenti ta’ finanzjament innovattivi, itejjeb il-proċessi ta’ ġestjoni u d-disponibbiltà tad-data dwar il-binjiet pubbliċi, jipprovdi aċċess faċli għall-informazzjoni liċ-ċittadini interessati li jirrinnovaw id-djar tagħhom, u jappoġġa l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali fis-settur tal-bini;

·l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji jew pjanijiet direzzjonali sodi ta’ rinnovazzjoni fit-tul, inkluż permezz tat-tfassil ta’ politiki u programmi ddedikati li jipprovdu ċertezza u perkors ċar għall-investituri, għall-awtoritajiet pubbliċi u għaċ-ċittadini;

·it-titjib tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi involuti fir-rinnovazzjoni tal-bini, pereżempju billi tiġi stabbilita koordinazzjoni tajba bejn il-korpi pubbliċi u s-sħubijiet pubbliċi-privati f’diversi livelli inkluż ir-rieżami tar-responsabbiltajiet allokati, u t-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riżorsi umani biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni pubblika jkollha l-ħiliet meħtieġa fil-qasam;

·it-titjib tal-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet tal-abitazzjonijiet soċjali, tal-kooperattivi tal-abitazzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet li jtejbu l-affordabbiltà permezz tal-parteċipazzjoni tas-sidien u r-residenti fi proġetti ta’ rinnovazzjoni u tal-abitazzjonijiet, bħal kooperattivi tal-abitazzjonijiet u tal-enerġija, speċjalment f’reġjuni fejn dawn huma inqas żviluppati;

·it-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-riformi li jridu jitwettqu fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u biex tingħata spinta lill-investimenti fir-rinnovazzjoni meħtieġa għal irkupru sostenibbli.

Il-finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jintuża wkoll mill-Istati Membri u mir-reġjuni għal appoġġ tekniku relatat mal-effiċjenza enerġetika, li jista’ jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotja awtonoma jew bħala parti mill-operazzjoni ta’ strument finanzjarju.

(1)

 L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul tagħhom sal-10 ta’ Marzu 2020. Sal-lum (l-14 ta’ Ottubru 2020), 12-il Stat Membru nnotifikaw Strateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul kompluti (AT, CY, CZ, DE, DK, EE, ES, FR, FI, LU, NL, SE). Il-Belġju nnotifika żewġ strateġiji parzjali (Brussell-Kapitali u Flanders).

(2)

Fil-perjodu baġitarju 2014-2020, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni rrappreżentaw l-akbar sors ta’ finanzjament tal-UE għal appoġġ dirett għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet, b’madwar EUR 14-il biljun allokati għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika f’binjiet pubbliċi u residenzjali matul il-perjodu kollu.

(3)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02003L0087-20180408  

(4)

Skont il-prezz tal-karbonju

(5)

 https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/topic-search;freeTextSearchKeyword=;typeCodes=1;statusCodes=31094501,31094502,31094503;programCode=H2020;programDivisionCode=null;focusAreaCode=null;crossCuttingPriorityCode=null;callCode=H2020-LC-GD-2020;sortQuery=submissionStatus;orderBy=asc;onlyTenders=false;topicListKey=topicSearchTablePageState

(6)

 https://ec.europa.eu/info/horizon-europe-next-research-and-innovation-framework-programme/missions-horizon-europe/climate-neutral-and-smart-cities_en

(7)

 Il-Kummissjoni żviluppat gwida (SWD(2020) 205 adottata fis-17 ta’ Settembru 2020 għall-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tispjega r-riformi u l-investimenti marbuta mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluż ir-rinnovazzjoni tal-bini.

(8)

 Ir-rapport huwa disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/horizon-europe-next-research-and-innovation-framework-programme/mission-area-climate-neutral-and-smart-cities_en