IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2020
SWD(2020) 312 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Kapitolu għall-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’Ċipru
Li jakkumpanja d-dokument
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea
{COM(2020) 580 final} - {SWD(2020) 300 final} - {SWD(2020) 301 final} - {SWD(2020) 302 final} - {SWD(2020) 303 final} - {SWD(2020) 304 final} - {SWD(2020) 305 final} - {SWD(2020) 306 final} - {SWD(2020) 307 final} - {SWD(2020) 308 final} - {SWD(2020) 309 final} - {SWD(2020) 310 final} - {SWD(2020) 311 final} - {SWD(2020) 313 final} - {SWD(2020) 314 final} - {SWD(2020) 315 final} - {SWD(2020) 316 final} - {SWD(2020) 317 final} - {SWD(2020) 318 final} - {SWD(2020) 319 final} - {SWD(2020) 320 final} - {SWD(2020) 321 final} - {SWD(2020) 322 final} - {SWD(2020) 323 final} - {SWD(2020) 324 final} - {SWD(2020) 325 final} - {SWD(2020) 326 final}
Riassunt
Is-sistema tal-ġustizzja ta’ Ċipru ilha mill-2019 soġġetta għal għadd ta’ riformi u bidliet strutturali bl-għan li jingħelbu sfidi importanti fir-rigward tal-effiċjenza u l-kwalità tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni. Il-proċedimenti ġudizzjarji ċivili, kummerċjali u amministrattivi għadhom jieħdu wisq fit-tul. Dawn ir-riformi jinkludu t-twaqqif ta’ qrati speċjalizzati ġodda, ir-ristrutturar tal-qrati, il-ħolqien ta’ skola ta’ taħriġ għall-imħallfin, ir-reviżjoni tar-regoli tal-proċedura ċivili u miżuri biex jiġi indirizzat il-backlog tal-kawżi. Hemm ukoll riforma pendenti dwar it-twaqqif ta’ Qorti Kostituzzjonali Suprema u ta’ Qorti Superjuri. Ħafna minn dawn ir-riformi għadhom qed jiġu diskussi jew ġew ittardjati. Tinsab għaddejja reviżjoni tal-Uffiċċju tal-Liġi bl-għan li tittejjeb il-kapaċità tal-uffiċċju, fosthom is-separazzjoni tal-karigi u l-proċeduri ta’ reklutaġġ.
Ċipru kiseb xi progress fl-indirizzar u l-investigazzjoni tal-korruzzjoni, fosthom każijiet bi profili għolja. Leġiżlazzjoni ewlenija għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni għadha pendenti. Il-lobbying u l-protezzjoni tal-informaturi għadhom mhumiex irregolati mil-liġi u għad trid titwaqqaf awtorità indipendenti kontra l-korruzzjoni. Hemm fis-seħħ regoli dwar id-dikjarazzjoni tal-assi iżda r-reġim fis-seħħ bħalissa jista’ jissaħħaħ aktar billi tittejjeb l-effettività tal-monitoraġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Filwaqt li jeżistu Kodiċijiet ta’ Kondotta għall-membri tal-Gvern, l-uffiċjali pubbliċi u l-prosekuturi, ma hemm l-ebda dispożizzjoni simili għall-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
F’Ċipru, il-protezzjoni ġuridika u formali tal-libertà ta’ espressjoni u d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tinsab minquxa fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tipproteġi espliċitament id-dritt tal-ġurnalisti li jipproteġu lis-sorsi tagħhom u tħaddan il-pluraliżmu tal-media fis-settur tar-radju u tat-televiżjoni. Madankollu, ġew espressi xi dubji rigward l-indipendenza tal-Awtorità dwar il-Media (pereż. rigward il-proċeduri ta’ ħatra). Kwistjoni oħra li qajmet tħassib hija li ma hemmx qafas li jiggarantixxi t-trasparenza tas-sjieda fis-setturi tal-media stampata u tal-media diġitali, li jagħmilha diffiċli li jiġu identifikati u vverifikati s-sidien aħħarin jew it-transproprjetà f’dawn is-setturi.
Is-sistema ta’ kontrokontrolli f’Ċipru tinkludi proċess ta’ konsultazzjoni bħala parti minn Proġett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar kif ukoll reviżjoni ex-post tal-kostituzzjonalità. Din ir-reviżjoni qed issir bħalissa mil-Qorti Suprema u abbozz ta’ leġiżlazzjoni għandu l-għan li dan il-kompitu jingħadda lill-Qorti Kostituzzjonali Suprema maħluqa ġdida. Abbozz ieħor ta’ leġiżlazzjoni għandu l-għan li jtejjeb l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati mill-amministrazzjoni pubblika. Il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni, li jaġixxi bħala l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, iltaqa’ ma’ ċerti sfidi, iżda dan l-aħħar żdidulu l-kapaċitajiet tiegħu. Filwaqt li ġiet stabbilita struttura biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ċivili fil-ħajja pubblika, jidher li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffaċċjaw ċertu tħassib dwar il-qafas ta’ reġistrazzjoni, li, għar-reġistrazzjoni, jirrikjedi tal-anqas 20 membru fundatur.
I.Is-Sistema Ġudizzjarja
Is-sistema tal-qrati hija magħmula minn sitt Qrati Distrettwali, sitt Assize Courts li qed joperaw bħalissa, il-Qorti Amministrattiva, il-Qorti Amministrattiva tal-Protezzjoni Internazzjonali u l-Qorti Suprema. Barra minn hekk, hemm il-qrati tal-familja, il-qrati għall-kontroll tal-kera, il-qrati għat-tilwimiet industrijali u qorti militari. L-Imħallfin tal-Qorti Suprema jiġu appuntati mill-President tar-Repubblika minn fost il-gradi tal-ġudikatura u fuq rakkomandazzjoni tal-Qorti Suprema. L-imħallfin tal-prim’istanza jiġu appuntati, trasferiti u promossi mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (SCJ - Supreme Council of Judicature), li huwa magħmul mill-membri kollha tal-Qorti Suprema (il-President u 12-il Imħallef). Hemm 88 imħallef fil-qrati kollha tal-prim’istanza u 13-il imħallef fil-kariga fil-Qorti Suprema. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku huwa indipendenti u jaqa’ taħt l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. L-Avukat Ġenerali għandu s-setgħa, eżerċitabbli għad-diskrezzjoni tiegħu fl-interess pubbliku, li jistitwixxi, imexxi, jieħu f’idejh u jkompli jew ma jkomplix kwalunkwe proċediment għal reat kontra kwalunkwe persuna (ġuridika jew fiżika). L-Avukat Ġenerali huwa wkoll il-kap tal-Uffiċċju tal-Liġi tar-Repubblika, uffiċċju indipendenti li mhuwiex soġġett għal xi ministeru. L-Avukat Ġenerali huwa wkoll il-konsulent ġuridiku tar-Repubblika tal-President, tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Ministri individwalment. Iwettaq il-funzjonijiet u d-doveri kollha l-oħra mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni jew mid-dritt statutorju.
Indipendenza
Qegħdin jiġu diskussi bidliet strutturali fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-Qrati u l-ħatra tal-imħallfin. Fit-30 ta’ Mejju 2019, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku ppreżenta lill-Kamra tar-Rappreżentanti abbozz ta’ liġi dwar il-qsim tal-Qorti Suprema attwali f’żewġ qrati distrettwali: Qorti Kostituzzjonali Suprema separata ġdida u l-Qorti Superjuri. L-istess abbozz ta’ leġiżlazzjoni, li għadu jrid jingħadda mill-Kamra, jipprevedi l-ħolqien ta’ Qorti tal-Appell magħmula minn 16-il Imħallef. Abbozz ta’ liġi ieħor li qed jiġi diskuss fil-Kamra tar-Rappreżentanti jidħol fid-dettall tal-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema l-ġdida u tal-Qorti Superjuri. L-abbozz ta’ liġi jelabora fuq is-sistema attwali li permezz tagħha l-ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema ssir mill-President tar-Repubblika, fuq proposta mill-imħallfin tal-aktar żewġ ġuriżdizzjonijiet superjuri. L-abbozz ta’ liġi jipprevedi wkoll li l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell il-ġdida jinħatru mill-Kunsill Suprem ta’ Ġudikatura (SJC), li se tkun tinkludi wkoll l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Avukati u avukat b’esperjenza twila.
Il-livell ta’ indipendenza ġudizzjarja perċepita huwa medju. Fost il-pubbliku ġenerali, 55 % huma tal-fehma li l-indipendenza ġudizzjarja hija “pjuttost tajba u tajba ħafna”, proporzjon li naqas bi ftit fl-2020. Iċ-ċifra korrispondenti fost il-kumpaniji hija 48 % u ilha tonqos f’dawn l-aħħar snin.
Il-ħatra tal-imħallfin hija soġġetta għal kriterji dettaljati ġodda. F’Lulju 2019, il-Qorti Suprema introduċiet kriterji dettaljati ġodda għall-għażla, il-ħatra, l-evalwazzjoni u l-promozzjoni tal-imħallfin. L-għan huwa li dawn il-proċeduri jiġu armonizzati mal-aħjar prattiki eżistenti fl-UE. Dawn il-kriterji l-ġodda qed jintużaw għar-reklutaġġ tal-imħallfin il-ġodda, kif ukoll għall-promozzjonijiet. L-għażla u l-ħatra huma bbażati fuq sejħa għall-kandidaturi ppubblikata fuq skala kbira, fosthom fil-Gazzetta Uffiċjali. Il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura jiddeċiedi fir-rigward tal-kandidati ammessi wara proċedura li għandha l-għan li tiżgura li l-kandidati jissodisfaw il-kriterji oġġettivi, juru l-għarfien rilevanti u jissodisfaw ir-rekwiżiti marbuta mal-personalità.
Tinsab għaddejja riforma tal-Uffiċċju tal-Liġi tar-Repubblika. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaqa’ taħt l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Hemm dispożizzjonijiet legali li jipprojbixxu li xi ħadd jagħti struzzjonijiet jew jinterferixxi fid-doveri tal-Avukat Ġenerali
. Il-prosekuturi kollha jittrattaw il-kawżi kriminali skont l-istruzzjonijiet u għan-nom tal-Avukat Ġenerali
. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali huwa wkoll il-kap tal-Uffiċċju tal-Liġi u l-konsulent legali tar-Repubblika. Dan ir-rwol multiplu jista’ jqajjem tħassib fir-rigward tal-kapaċità tal-uffiċjali tal-liġi individwali u l-prosekuturi li jwettqu dmirijiethom b’mod awtonomu
. Fl-2019 saret reviżjoni funzjonali tal-Uffiċċju tal-Liġi minn esperti indipendenti. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, fil-15 ta’ Ottubru 2019 ġie ffinalizzat u approvat pjan ta’ azzjoni mill-Kunsill tal-Ministri. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi riforma komprensiva tal-Uffiċċju tal-Liġi tar-Repubblika. Fost l-oħrajn, ir-riforma tinkludi r-ristrutturar u l-ħolqien ta’ direttorati awtonomi u separati fl-Uffiċċju tal-Liġi, il-ħolqien ta’ karigi ġodda, ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri, is-separazzjoni tal-karigi u l-proċeduri ta’ reklutaġġ. Qed jiġi diskuss abbozz ta’ liġi bejn l-Avukat Ġenerali u l-Ministeru għall-Finanzi rigward l-indipendenza baġitarja tal-Uffiċċju tal-Liġi
.
Kwalità
Is-sistema tal-ġustizzja tbati minn nuqqas kważi totali ta’ diġitalizzazzjoni. Tassew ftit informazzjoni rigward is-sistema ġudizzjarja hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Apparti minn hekk, ma hemm l-ebda informazzjoni elettronika dwar il-progress tal-kawża u l-ebda sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-kawżi. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata wkoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2020, permezz ta’ rakkomandazzjoni biex tittejjeb id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja. L-introduzzjoni ta’ sistema elettronika għall-amministrazzjoni tal-qrati hija fost l-objettivi ewlenin tar-riformi li għaddejjin bħalissa. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha u l-proċeduri rilevanti ta’ akkwist pubbliku ilhom mill-2017 li ġew ittardjati. Sadanittant, tħejja reġistru żgħir elettroniku u ġie installat fir-reġistri ċivili kollha u fil-Qorti Suprema sabiex jingħata lok għal ipproċessar aktar effiċjenti tar-rikorsi, sakemm is-sistema tal-ġustizzja elettronika (e-justice) tiġi implimentata għalkollox. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jinnota li l-Qorti Suprema ħabbret is-sospensjoni tal-proċedimenti tal-qrati, bl-eċċezzjoni tal-kawżi urġenti, bħala parti mill-miżuri ta’ emerġenza għall-iffaċċjar tal-pandemija tal-COVID-19. Il-proċedimenti tal-qrati reġgħu bdew jissoktaw gradwalment mill-4 ta’ Mejju 2020.
Ġiet adottata liġi li tistabbilixxi skola għat-taħriġ (tul il-ħajja) tal-imħallfin. Il-liġi li tistabbilixxi skola għat-taħriġ tal-imħallfin ġiet adottata fl-14 ta’ Awwissu 2020. L-Iskola tal-Imħallfin se tkun ibbażata fl-ambitu tal-Qorti Suprema u se tkun inkarigata mit-taħriġ ġudizzjarju u l-edukazzjoni tal-imħallfin u mill-iżvilupp tar-riċerka xjentifika relatata ma’ materji ġudizzjarji.
Effiċjenza
Is-sistema tal-ġustizzja tinsab għaddejja minn sfidi serji fl-effiċjenza. Iż-żmien meħtieġ biex jiġu deċiżi kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi fil-qrati tal-prim’istanza (737 jum fl-2018, meta mqabbla mal-1118 fl-2017) għadu fost l-itwal fl-UE. Fil-ġustizzja amministrattiva, it-titjib fl-effiċjenza fil-prim’istanza, rifless fi trapass taż-żmien iqsar tal-proċedimenti (487 jum fl-2018 meta mqabbla mal-2162 jum fl-2017) u rati ogħla tal-għeluq tal-kawżi (madwar 219 % fl-2018 meta mqabbla ma’ madwar 74 % fl-2017). Madankollu, fl-aħħar istanza għad hemm proċedimenti li jieħdu fit-tul ferm (2156 jum fl-2018). Fir-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq, indirizzata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2020, issemmiet ukoll il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja
.
Ġie adottat pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi fl-effiċjenza u l-implimentazzjoni tiegħu tinsab għaddejja bħalissa, għad li hemm xi dewmien. Pass importanti fl-aġenda tar-riformi kien l-istudju dwar ir-reviżjoni funzjonali tal-Qrati ta’ Ċipru konkluż f’Marzu 2018, li għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw l-operat tal-Qorti Suprema u tal-Qrati tal-Prim’Istanza kif ukoll il-ġestjoni tal-qrati. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Gvern ħejja pjan ta’ azzjoni dettaljat għar-riforma ġudizzjarja. Ġie stabbilit Kumitat għar-Riformi tal-Qrati, li fih jieħdu sehem partijiet ikkonċernati rilevanti, sabiex jiffaċilita u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Filwaqt li l-awtoritajiet esprimew l-impenn tagħhom fl-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-sistema tal-ġustizzja, l-implimentazzjoni tal-maġġorparti tal-azzjonijiet ippjanati hija ttardjata, minħabba li għadhom iridu jingħaddew mill-Kamra tar-Rappreżentanti.
Ir-riformi jipprevedu t-twaqqif ta’ qrati ġodda. Ġiet proposta leġiżlazzjoni ġdida għat-twaqqif ta’ Qrati Kummerċjali. Din tinkludi dispożizzjonijiet għall-każijiet li se jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-Qorti u għall-kwalifiki tal-imħallfin. L-intenzjoni hija li jiġi pprovdut forum xieraq għall-aġġudikazzjoni ta’ każijiet kummerċjali bi profil għoli. Bi previżjoni għall-adozzjoni ta’ din il-liġi, diġà ġew approvati ħames karigi ġudizzjarji u jinsabu inklużi fil-baġit tal-istat. Barra minn hekk, abbozz ta’ liġi ġdida oħra jipprevedi l-ħolqien ta’ ġuriżdizzjoni ġdida fl-ambitu tal-Qrati Distrettwali u wkoll jinsab pendenti quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti. Skont l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni, kull Imħallef tal-Qorti Distrettwali se jkollu l-ġuriżdizzjoni li jisma’ u jiddetermina kull rikors li jirrigwarda tilwimiet li jirriżultaw minħabba faċilitajiet ta’ kreditu jew b’rabta magħhom, irrispettivament mill-ammont tat-tilwima u mill-valur tal-proprjetà. F’Ġunju 2019, bdiet topera Qorti Amministrattiva ġdida għall-Protezzjoni Internazzjonali. Skont il-liġi li tistabbilixxi din il-qorti, il-kawżi relatati mal-protezzjoni internazzjonali se jiġu trasferiti f’din il-qorti mill-Qorti Amministrattiva, sabiex jitħaffu l-proċedimenti ta’ din il-kategorija ta’ kawżi, u fl-istess waqt il-Qorti Amministrattiva jkollha aktar żmien għat-trattament tal-kawżi l-oħra kollha. Il-kapaċità tal-qorti ssaħħet fl-1 ta’ Settembru permezz tar-reklutaġġ ta’ żewġ imħallfin ġodda addizzjonali (l-emenda rilevanti ġiet ippromulgata f’Jannar 2020) u ta’ 10 uffiċjali amministrattivi biex jipprovdu appoġġ għall-imħallfin (ħamsa minnhom diġà ħadu l-kariga).
L-għeluq tal-backlogs tal-kawżi oġġett ta’ dewmien, li akkumulaw fil-qrati, huwa kompitu urġenti fil-proċess tar-riforma. Ġie appuntat President ta’ Qorti Distrettwali mill-Qorti Suprema, sabiex jaġixxi bħala “ġestur tal-kawżi” għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tat-trattament fil-pront tal-backlog tal-kawżi. Ingħata bidu għall-ħolqien ta’ task force ta’ mħallfin permezz tar-reklutaġġ ta’ għadd ta’ mħallfin addizzjonali, li l-proċedura għal dan tinsab għaddejja, u r-reklutaġġ tal-persunal ta’ appoġġ. B’segwitu għal deċiżjoni tal-Qorti Suprema fi Frar 2019 biex it-trattament tat-tilwimiet finanzjarji rigward is-self improduttiv (NPLs - non-performing loans) jiġi assenjat lil sitt imħallfin tal-Qrati Distrettwali li diġà huma fil-kariga, f’Diċembru 2019 ġie organizzat taħriġ speċjalizzat.
Ir-reviżjoni tar-Regola tal-Proċedura Ċivili, li kienet mistennija li titlesta sa Ġunju 2020, ġiet ittardjata sa Ottubru ta’ din is-sena. Din hija riforma importanti, li għandha tikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja. It-tir tal-emenda għad-Dritt Proċedurali Ċivili se jkun li tiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-qrati għall-qbid tal-proprjetà mobbli. Barra minn hekk, ir-regola riveduti tal-proċedura ċivili huma mistennija li jtejbu l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.
II.Il-qafas kontra l-korruzzjoni
Ċipru emenda l-qafas ġuridiku tiegħu kontra l-korruzzjoni u Pjan ta’ Azzjoni Orizzontali Nazzjonali, li jimplimenta elementi ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, li ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri f’Mejju 2019. L-Avukat Ġenerali għandu l-kompetenza kumplessiva li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, fosthom il-korruzzjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jipprovdi konsulenza ġuridika lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jinvestigaw reati ta’ korruzzjoni. L-adozzjoni ta’ diversi miżuri legali għadha pendenti, pereżempju, l-abbozz ta’ liġi biex tiġi stabbilita awtorità indipendenti kontra l-korruzzjoni, abbozz ta’ liġi dwar il-lobbying u abbozz ta’ liġi dwar ir-rapportar tar-reati ta’ korruzzjoni, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informaturi.
Ċipru għandu punteġġ ta’ 58/100 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2019 ta’ Transparency International u ġie kklassifikat fit-tnax-il post fl-UE u fil-wieħed u erbgħin post fid-dinja. Daqs 95 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2020 huma tal-fehma li l-korruzzjoni hija problema mifruxa sew (il-medja tal-UE: 71 %) u 60 % tan-nies iħossuhom milquta personalment mill-korruzzjoni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum (il-medja tal-UE: 26 %). Fir-rigward tan-negozji, 88 % tal-kumpaniji jqisu li l-korruzzjoni hija mifruxa sew (il-medja tal-UE: 63 %) u 48 % huma tal-fehma li l-korruzzjoni hija problema meta jinnegozjaw (il-medja tal-UE: 37 %). Daqs 24 % tan-nies jidhrilhom li hemm biżżejjed prosekuzzjonijiet li rnexxew biex inaffru lin-nies mill-prattiki korrotti (il-medja tal-UE: 36 %) filwaqt li 11 % tal-kumpaniji huma tal-fehma li n-nies u n-negozji li jinqabdu bit-tixħim ta’ uffiċjal f’kariga mlaħħqa jiġu kkastigati kif suppost (il-medja tal-UE: 31 %).
Il-leġiżlazzjoni kriminali kontra l-korruzzjoni tinsab fil-biċċa l-kbira fis-seħħ. L-aspetti tal-liġi kriminali u proċedurali bid-definizzjonijiet rilevanti tar-reati u statut ta’ limitazzjonijiet huma fis-seħħ u ġeneralment f’konformità mal-istandards internazzjonali. Is-sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi kkundannati għal korruzzjoni jinkludu wkoll l-esklużjoni tagħhom mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Abbozz ta’ liġi jipprevedi multi akbar u l-għeluq temporanju tan-negozju minħabba reati ta’ korruzzjoni mwettqa minn persuni ġuridiċi. Il-Liġi dwar il-ġlieda kontra l-Manipulazzjoni ta’ Kompetizzjonijiet Sportivi bl-għan li tissielet l-aġir korrott fl-isport ġiet ippromulgata fil-15 ta’ Diċembru 2017 u tiddefinixxi reati ġodda ta’ korruzzjoni f’dan il-qasam. Il-ġuriżdizzjoni extraterritorjali tal-Qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru ġiet stabbilita għar-reati kollha li jirrigwardaw il-korruzzjoni.
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-Korruzzjoni tinsab għaddejja. Pjan ta’ Azzjoni Orizzontali Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, li jimplimenta l-elementi ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri f’Mejju 2019. Xi miżuri ewlenin fil-Pjan ta’ Azzjoni għadhom qed jistennew li jiġu adottati, b’mod partikolari l-abbozz ta’ liġi li jistabbilixxi awtorità indipendenti kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, l-abbozz ta’ liġi dwar “il-Liġi għar-Rapportar ta’ Atti ta’ Korruzzjoni” fosthom dispożizzjonijiet dwar l-informaturi u l-abbozz ta’ liġi dwar il-Liġi għat-Trasparenza fil-Proċeduri tad-Deċiżjonijiet Pubbliċi u Kwistjonijiet Relatati, fosthom dispożizzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ lobbying, għadhom qed jistennew li jiġu adottati mill-Kamra tar-Rappreżentanti, minn Mejju 2017 u Mejju 2019 rispettivament. Sakemm titwaqqaf l-awtorità indipendenti, bħala arranġament temporanju, ir-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Orizzontali Nazzjonali ġiet fdata lill-Uffiċċju għat-Trasparenza u l-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni. Ġew iddiżinjati punti fokali fil-korpi pubbliċi, iżda l-uffiċċju għad ma għandux biżżejjed persunal.
Il-kompetenzi għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni jinqasmu bejn diversi awtoritajiet. Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku huwa responsabbli mill-koordinazzjoni tal-politika fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-Avukat Ġenerali għandu r-responsabbiltà kumplessiva tal-prosekuzzjonijiet kriminali, fosthom id-dritt li ma jkomplix bi prosekuzzjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika) jipprovdi konsulenza ġuridika diretta lill-investigaturi tal-pulizija. Jipprovdilhom konsulenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-korruzzjoni, id-dritt kriminali, l-evidenza u l-proċedura kriminali. Huwa l-punt ta’ kuntatt bejn il-Pulizija u s-Servizzi tal-Prosekuzzjoni tar-Repubblika (l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali). L-Awtoritajiet irrappurtaw li bejn l-2013 u l-2018 kienu ġew investigati jew kienu taħt investigazzjoni t-total ta’ 120 każ ta’ korruzzjoni, li 98 minnhom kienu tlestew u 22 każ għadhom qed jiġu investigati. Daqs 47 każ għadhom pendenti l-proċess jew sub judice. Daqs 37 persuna ġew ikkundannati għal korruzzjoni f’26 każ, li minnhom kien hemm 12-il kundanna ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, fosthom il-Viċi Avukat Ġenerali, membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u ex ministri. Il-Pulizija għandha tim speċjali għal investigazzjonijiet finanzjarji. Dan it-tim jikkonsisti f’ħames analisti finanzjarji kontabilisti jew awdituri ċċertifikati u żewġ investigaturi tal-pulizija b’esperjenza. L-iskop tiegħu huwa li jipprovdi appoġġ u għarfien espert lill-investigaturi tal-pulizija li jkunu qed jinvestigaw każijiet kriminali serji relatati mal-kriminalità finanzjarja fosthom każijiet ta’ korruzzjoni. Jeżisti wkoll Servizz tal-Affarijiet Interni inkarigat mill-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-pulizija. Dan is-servizz jinvestiga l-allegazzjonijiet u l-ilmenti kollha, fosthom dawk li jitressqu b’mod anonimu, rigward prattiki korrotti jew ommissjonijiet mill-membri tal-pulizija. Is-servizz intern huwa operattiv u investiga 12-il każ ta’ korruzzjoni, li wieħed minnhom wassal għal kundanna.
Il-protezzjoni tal-informaturi għadha mhijiex prevista mil-liġi. Sta għad-diskrezzjoni tal-impjegatur li jipproteġi lill-informaturi permezz tal-politiki interni. Pendenti quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti hemm abbozz ta’ liġi dwar ir-“Rappurtar ta’ Atti ta’ Korruzzjoni”. L-abbozz għandu l-għan li jipprovdi dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-protezzjoni tal-informaturi.
Il-lobbying mhuwiex irregolat. L-adozzjoni ta’ abbozz ta’ liġi għar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet ta’ lobbying ilha pendenti fil-Parlament minn Mejju 2019. L-abbozz ta’ liġi jirrikjedi li l-gruppi kollha ta’ lobbying ikunu rreġistrati u li l-laqgħat tagħhom jiġu rreġistrati. L-adozzjoni ta’ din il-liġi hija prevista li takkumpanja t-twaqqif ta’ Awtorità Indipendenti kontra l-Korruzzjoni, li se tkun responsabbli miż-żamma tar-reġistru tal-lobbyists. Bħalissa ma hemm l-ebda awtoregolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-lobbyists u Ċipru ma għandu l-ebda assoċjazzjoni professjonali tal-lobbyists.
Il-kunflitti ta’ interess jeħtieġu attenzjoni. Fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess, hemm dispożizzjonijiet previsti fl-abbozz ta’ liġi rigward il-lobbying li jirregolaw materji ta’ kunflitt tal-interessi tal-uffiċjali taċ-ċivil f’karigi mlaħħqa. F’każijiet li fihom l-uffiċjali taċ-ċivil f’karigi mlaħħqa ma jkunux jistgħu jirreġistraw fir-Reġistru, jiġi introdott ukoll perjodu ta’ preklużjoni, għajr jekk ikunu għaddew sentejn minn dakinhar li jkunu temmew is-servizzi tagħhom. Filwaqt li jeżistu Kodiċijiet ta’ Kondotta għall-Membri tal-Gvern, l-uffiċjali pubbliċi u l-prosekuturi, ma hemm l-ebda dispożizzjoni simili għall-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Lejn tmiem l-2019, inbdiet proċedura għat-tfassil u l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament. Il-Kodiċi għandu l-għan li joffri gwida dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess li jirrigwardaw lill-Membri tal-Parlament.
Hemm fis-seħħ regoli dwar id-dikjarazzjoni tal-assi u huma previsti sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità. Il-President, il-Ministeri, il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ċerti Uffiċjali tar-Repubblika, uffiċjali pubbliċi f’karigi għolja u persuni oħra esposti pubblikament jridu jippreżentaw dikjarazzjonijiet dettaljati tal-proprjetà u tal-assi tagħhom, flimkien ma’ dawk tal-konjuġi u tat-tfal taħt l-età tagħhom. Tali dikjarazzjonijiet iridu jsiru/jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur mill-ħatra tagħhom, kull tliet snin sakemm ikunu għadhom fil-kariga u fi żmien tliet xhur minn meta jispiċċaw mill-kariga. Id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-President tar-Repubblika, tal-Ministri u tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti ġew ippreżentati lil kumitat parlamentari speċjali u ppubblikati fl-2019. Il-korp inkarigat mill-ivverifikar tad-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali l-oħra u tal-Persuni Politikament Esposti huwa Kunsill speċjali, li jikkonsisti minn tliet membri appuntati mill-Kunsill tal-Ministri fl-2017. Iż-żewġ korpi inkarigati mill-ivverifikar tad-dikjarazzjonijiet (jiġifieri l-Kumitat Parlamentari Speċjali u l-Kunsill) jistgħu jassenjaw l-investigazzjonijiet lil kontabilisti ċċertifikati. Filwaqt li mir-rapport tas-Semestru Ewropew 2020 jirriżulta li r-regoli huma fis-seħħ, tqajmu xi kwistjonijiet fir-rigward tal-ivverifikar tal-assi. Il-Kunsill inkarigat mill-ivverifikar ħareġ diversi multi għan-nonpreżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, jeżisti tħassib rigward il-preċiżjoni tad-dikjarazzjoni.
III.Il-Pluraliżmu tal-Media
F’Ċipru, il-protezzjoni ġuridika u formali tal-libertà ta’ espressjoni u d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tinsab minquxa fl-Artikolu 19 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tipproteġi espliċitament id-dritt tal-ġurnalisti li jipproteġu lis-sorsi tagħhom u tħaddan il-pluraliżmu tal-media fis-settur tar-radju u tat-televiżjoni. Hija prevista reviżjoni tal-Liġi tal-Istampa fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva riveduta. Il-bidliet imħabbra jwasslu biex il-media tal-informazzjoni elettronika tkun regolata b’mod espliċitu għall-ewwel darba u jiġu introdotti dispożizzjonijiet addizzjonali ddedikati għad-drittijiet tal-ġurnalisti. Il-Liġi dwar id-Dritt ta’ Aċċess għall-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (2017) hija mistennija li tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2020. Ċipru ddepenalizza l-malafama fl-2003.
L-indipendenza tal-Awtorità ta’ Ċipru għar-Radju u t-Televiżjoni, li hija r-regolatur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, hija garantita bil-liġi. Il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħha huwa stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Liġi 7(I)/1998 tax-Xandara tar-Radju u tat-Televiżjoni (kif emendata). Dawn jinkludu, inter alia, il-kontroll tal-istatus attwali tas-sjieda tal-fornituri tas-servizzi tal-media bl-għan li tiġi aċċertata l-indipendenza tagħhom kif ukoll l-eliminazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, l-oligopolji u l-monopolji; tiġi aċċertata l-indipendenza ġurnalistika u kreattiva tal-impjegati tal-fornituri tas-servizzi tal-media u jitfassal rapport kull tliet snin dwar l-iżvilupp tal-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni ta’ ishma għand il-fornituri tas-servizzi tal-media.
Din is-sistema regolatorja tistabbilixxi awtorità indipendenti legalment b’setgħat definiti b’mod ċar, u l-awtorità hija mogħnija b’riżorsi finanzjarji adegwati. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media (MPM - Media Pluralism Monitor) tindika li d-deċiżjonijiet tal-Awtorità jiġu ppubblikati fuq bażi regolari, huma soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u ma jistgħux jitħassru mill-Gvern. B’konsegwenza ta’ hekk, l-MPM jivvaluta r-riskju kumplessiv għall-indipendenza f’termini tal-indipendenza funzjonali, is-setgħat tal-infurzar u l-adegwatezza tar-riżorsi tal-Awtorità bħala wieħed baxx. L-indipendenza effettiva tal-Awtorità, madankollu, hija vvalutata bħala f’riskju medju. Dan minħabba t-tħassib dwar il-kriterji tal-għażla użati mill-Gvern għall-ħatra tal-membri tal-awtorità, l-indipendenza fil-prattika kif ukoll kwistjonijiet ta’ trasparenza u akkontabilità pubblika.
Ċipru għandu kunsill tal-istampa indipendenti li huwa l-Kummissjoni għall-Ilmenti dwar il-Media. Il-Kummissjoni għall-Ilmenti dwar il-Media tikkonsisti minn 13-il membru u hija responsabbli mill-awtoregolamentazzjoni tal-media tal-aħbarijiet, kemm bil-miktub kif ukoll b’mod elettroniku, u hija libera għalkollox mill-interferenzi tal-gvern u mis-superviżjoni ġudizzjarja. Hija ffinanzjata unikament mill-fundaturi tagħha u timplimenta l-Kodiċi tal-Prattika li jiddefinixxi d-doveri u l-drittijiet tal-ġurnalisti. Il-Kummissjoni għall-Ilmenti tilqa’ lmenti mill-pubbliku dwar sensiela ta’ kwistjonijiet li jinkludu l-eżattezza tal-informazzjoni, id-dritt ta’ replika, id-dritt għall-privatezza, id-drittijiet tal-awtur, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-diskriminazzjoni, il-privileġġ professjonali u l-interess pubbliku. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tirrakkomanda li biex jiġu indirizzati l-isfidi reċenti ffaċċjati mill-media f’Ċipru, il-ġurnalisti msieħba f’unions u dawk li ma għandhomx union, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati kollha tal-media għandhom jirribadixxu r-rwol tagħhom u jirrivendikaw l-istatus tagħhom biex jiksbu mill-ġdid il-fiduċja tal-pubbliku.
Il-qafas regolatorju f’Ċipru jippermetti ċertu livell ta’ trasparenza tas-sjieda tal-media fis-settur tal-media awdjoviżiva. It-trasparenza hija garantita mill-Awtorità għar-Radju u t-Televiżjoni u titwettaq fil-prattika prinċipalment permezz tal-proċeduri dettaljati tal-liċenzjar u tar-reġistrazzjoni stabbiliti mill-Att li jissemma hawn fuq. Fir-rigward tal-iskrutinju sistematiku mill-Awtorità, l-MPM tal-2020 tesprimi xi tħassib fir-rigward tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda qafas li jiggarantixxi t-trasparenza tas-sjieda fis-setturi tal-media stampata u tal-media diġitali, li jagħmilha diffiċli li jiġu identifikati u vverifikati s-sidien aħħarin jew it-transproprjetà f’dawn is-setturi. Minħabba f’hekk, l-MPM tivvaluta t-trasparenza tas-sjieda tal-media bħala f’riskju għoli (81 %). Dan il-fattur, flimkien ma’ oħrajn - bħal konċentrazzjoni konsiderevoli tal-media tal-aħbarijiet u suq tal-media online mhux regolat – wassal biex il-gradazzjoni tar-riskju tal-MPM għall-qasam tal-pluralità tas-suq jiżdied minn riskju medju-baxx (34 %) fl-2017 għal riskju għoli fl-2020 (74 %). Madankollu, l-MPM tindika li s-settur tat-televiżjoni jimmanifesta pluralità konsiderevoli minħabba li erbgħa mis-seba’ stazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali u s-servizz u l-istazzjon medjatiku tas-servizz pubbliku jattiraw kważi l-istess proporzjon ta’ udjenza.
Hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex tiġi salvagwardjata l-indipendenza u biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. F’termini ta’ indipendenza politika, is-sollijiet tas-sjieda u r-restrizzjonijiet fuq is-sjieda stipulati fil-Liġi dwar l-inkompatibbiltajiet tal-persuni b’kariga pubblika huma infurzati b’mod effiċjenti mir-regolaturi rilevanti, u b’hekk jiġi promoss il-pluraliżmu. Madankollu, l-MPM tindika li l-pressjoni korporattiva bħal donnha tħaddan klima ta’ awtoċensura fost il-persunal editorjali. Bħalissa, ma jeżisti l-ebda qafas li jirregola d-distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat, minkejja li l-MPM tindika li jidher li s-sistema qed topera b’mod ġust fil-prattika. L-awtoritajiet infurmaw lill-Kummissjoni li sa tmiem l-2020 huwa mistenni li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ġdid għall-allokazzjoni ekwa tar-reklamar għall-kampanji politiċi.
Huwa ferm rari li s-sikurezza tal-ġurnalisti tiġi mhedda. Fl-2019, il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sikurezza tal-ġurnalisti ma ppubblikat l-ebda allerta b’rabta ma’ Ċipru. Fl-2020 ġiet ippubblikata allerta waħda relatata ma’ pipe bomb artiġjanali, li splodiet fl-entratura tal-uffiċċji tal-aġenzija tal-aħbarijiet MC Digital Media (li tospita s-servizz tal-aħbarijiet online lokali Cyprusustimes.com u media online oħrajn speċjalizzati fl-isport, il-finanzi u l-industrija tal-ispettaklu) fl-4 ta’ Marzu 2020 u kkaġunat ħsara estensiva fil-bini. Il-Gvern ikkundanna l-attakk minnufih u ddikjara li l-Istat kien se jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-awturi tar-reat jiġu identifikati.
IV.Kwistjonijiet Istituzzjonali Oħra relatati mal-Kontrokontrolli
Ir-Repubblika ta’ Ċipru hija repubblika rappreżentattiva presidenzjali. Il-President ta’ Ċipru huwa l-Kap tal-Istat kif ukoll il-Kap tal-Gvern. Il-Kamra tar-Rappreżentanti hija l-Parlament u teżerċita s-setgħa leġiżlattiva. Kemm ir-Rappreżentanti kif ukoll il-Ministri għandhom id-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva. Il-Qorti Suprema hija kompetenti fir-rigward tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet. Jeżistu għadd ta’ awtoritajiet, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet nazzjonali indipendenti li għandhom l-għan li jipproteġu u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem.
Qed isiru sforzi biex titjieb il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati meta tkun qed titħejja l-leġiżlazzjoni. Fil-kuntest tal-Proġett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u ċ-ċirkolari rilevanti tal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizz Legali, hemm obbligu li ssir konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati kollha qabel ma jitfassal abbozz ta’ liġi tal-gvern. Kwestjonarju kkompletat kollu jakkumpanja kull abbozz ta’ liġi ppreżentat lill-Kunsill tal-Ministri għall-approvazzjoni u sussegwentement ippreżentat quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti għall-promulgazzjoni, u jispjega l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni proposta u l-konsultazzjoni li tkun saret. Diġà jeżistu għadd ta’ sfidi rigward il-qafas għall-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju li jikkonċernaw kemm il-liġijiet primarji kif ukoll ir-regolamenti subordinati, introdotti f’Ċipru fl-2017. Dawn l-isfidi jistgħu jittejbu billi tiġi kkunsidrata firxa usa’ ta’ kostijiet u benefiċċji, u jiġi stabbilit korp ta’ sorveljanza għall-kontroll tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt.
Il-Gvern ingħata s-setgħa li jadotta miżuri sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19. L-istat ta’ emerġenza minqux fil-kostituzzjoni ma ġiex iddikjarat iżda l-Gvern qagħad fuq il-Liġi dwar il-Kontroll tal-Epidemiji (il-Liġi tal-Kwarantina) li tagħti s-setgħa lill-Kunsill tal-Ministri, lill-Ministru tas-Saħħa u lil Ministri oħra li joħorġu digrieti biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Abbozz ta’ leġiżlazzjoni jipprevedi l-ħolqien ta’ Qorti Kostituzzjonali li tieħu f’idejha mingħand il-Qorti Suprema l-kontroll tar-reviżjoni tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet. Il-Qorti Suprema għandha l-ġuriżdizzjoni li taġġudika fuq il-kompatibbiltà ta’ liġi mal-Kostituzzjoni jew kull kunflitt ta’ kompetenza bejn kwalunkwe organu jew awtorità tar-Repubblika. Barra minn hekk, tista’ tisma’ rikors mill-President tar-Repubblika dwar jekk liġi li tkun ġiet approvata mill-Kamra tar-Rappreżentanti hijiex inkonsistenti mal-Kostituzzjoni. Skont il-Kostituzzjoni, kull parti fi proċedimenti ġudizzjarji tista’ tqajjem id-dubju tal-kostituzzjonalità ta’ kull liġi jew deċiżjoni materjali għad-determinazzjoni ta’ kwalunkwe materja inkwistjoni fil-proċedimenti. F’dak il-każ, il-Qorti li quddiemha tkun tqajjem tali dubju għandha tissospendi l-proċedimenti ulterjuri sakemm tittieħed deċiżjoni riżoluta mill-Qorti Suprema.
Hemm riforma li għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati mill-amministrazzjoni pubblika. Skont il-Kostituzzjoni, il-Qorti Amministrattiva u l-Qorti Suprema għandhom is-setgħa li jivvalutaw jekk ikunx ingħata seħħ għad-deċiżjonijiet tagħhom u jekk le, jimponu sanzjonijiet skont dan, kif preskritt mil-liġi. Madankollu, il-bażi ġuridika neċessarja għadha ma ġietx ippromulgata. Quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti hemm pendenti abbozz ta’ liġi li tipprevedi sanzjonijiet f’każ li organu, awtorità jew persuna jiksru l-obbligu ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tal-qorti.
Il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni, li jikkontribwixxi għas-salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali, iffaċċja ċerti sfidi. Il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni u d-Drittijiet tal-Bniedem (Ombudsman) huwa l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, u ngħata B-Status mill-GANHRI fl-2015. Fir-rapport tiegħu għall-akkreditazzjoni, is-Sottokumitat tal-GANHRI għamel rakkomandazzjonijiet dwar il-ħatra tal-Ombudsman, l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-baġit. Il-kapaċitajiet tal-Ombudsman dan l-aħħar ġew rinforzati u ntalab aktar persunal għall-2020. Madankollu, kellu jaffaċċja sfidi fid-dawl ta’ tentattiv mill-Awditur Ġenerali li jinvestiga l-mod kif jeżerċita s-setgħat tiegħu, li skont il-Kummissarju kienet interferenza fl-indipendenza tiegħu. Din il-pożizzjoni kienet appoġġata mill-Istitut tal-Ombudsman Internazzjonali (IOI - International Ombudsman Institute ) u sussegwentement, l-Avukat Ġenerali waqqaf il-proċedura. Is-suġġerimenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju mhumiex vinkolanti. Għandu l-kapaċità li jikkonsulta mal-awtorità kkonċernata, f’tentattiv li jsib mod biex l-awtorità tadotta l-pożizzjonijiet tal-Kummissarju u tikkonforma magħhom fil-livell prattiku.
L-ispazju tas-soċjetà ċivili f’Ċipru jitqies wieħed miftuħ. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Volontarjat u l-NGOs ġie stabbilit fl-2013. L-għan tiegħu huwa li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-livell lokali u jippromovi r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell kollha għall-finijiet ta’ tfassil tal-politiki tal-gvern. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika ta’ Ċipru approva tliet dokumenti politiċi mħejjija mill-Kummissarju, “The Charter of Active Citizens” (il-Karta taċ-Ċittadini Attivi), “The Organized Civil Society of Cyprus” (is-Soċjetà Ċivili Organizzata ta’ Ċipru) u “Charter of the Rights and Responsibilities of Volunteers” (Karta tad-Drittijiet u r-Responsabbiltajiet tal-Voluntiera). Dar tal-Voluntiera tipprovdi uffiċċji bla ħlas lill-NGOs. Madankollu, ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jidher li qed toħloq ċertu tħassib. Filwaqt li liġi ġdida adottata fl-2017 iċċarat ir-regoli tal-proċess ta’ reġistrazzjoni u b’mod kumplessiv intlaqgħet mill-partijiet ikkonċernati, ir-rekwiżit li l-organizzazzjonijiet irid ikollhom minn tal-anqas 20 membru fundatur tibqa’ titqies bħala partikolarment ingombranti.
Anness I: Lista ta’ sorsi f’ordni alfabetiku*
* Il-lista tal-kontributi riċevuti fil-kuntest tal-konsultazzjoni għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt tinsab hawnhekk: (sit web tal-COM).
Iċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Media (2020), l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tal-2020
https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2020
.
CEPEJ (2018), Study on the functioning of judicial systems in the EU Member States.
CIVICUS, Monitor tracking civic space: Cyprus.
https://monitor.civicus.org/country/cyprus/
.
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 ta’ Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ta’ Ċipru.
Il-Gvern ta’ Ċipru (2020), Input minn Ċipru għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt.
Is-sit web tal-Kummissjoni ta’ Ċipru għall-Ilmenti dwar il-Media (CMCC, Cyprus Media Complaints Commission):
http://www.cmcc.org.cy/about_us.html
.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2019), l-Ewrobarometru Flash 482: L-attitudnijiet tan-negozji fil-konfront tal-korruzzjoni fl-UE.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2020), Ewrobarometru Speċjali 502: il-korruzzjoni.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Programmi Ewropej, il-Koordinazzjoni u l-Iżvilupp - il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru tal-Ewropa 2020.
European Centre for Non-Profit Law, A more progressive NGO Law adopted in Cyprus.
https://ecnl.org/republic-cyprus-adopted-progressive-ngo-law/
.
Il-Kummissjoni Ewropea (2018), Functional review of the courts system of Cyprus:
http://www.supremecourt.gov.cy/judicial/sc.nsf/All/4F4B016078A6DA93C22583BD003D9CDB?OpenDocument
.
Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Il-Ħolqien ta’ Kriterji Objettivi għar-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-Imħallfin f’Ċipru.
Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Country report Cyprus, SWD(2020) 512 final.
Il-Kummissjoni Ewropea (2019, 2020), it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE.
In-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ - European Network of Councils for the Judiciary)/ il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE - Council of Bars and Law Societies of Europe ) Survey among lawyers on the independence of Judges, 2018-2019 - Independence and Accountability of the Judiciary.
In-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (2020), Kontribut min-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt.
L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (2020), Kontribut mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt.
GRECO (2016), Fourth evaluation round – Evaluation Report on Cyprus on corruption prevention in respect of members of Parliament, judges and prosecutors.
GRECO (2018), Fourth evaluation round – Compliance Report on Cyprus on corruption prevention in respect of members of Parliament, judges and prosecutors.
Il-Kodiċi tal-prattika tal-Ġurnalisti:
www.cmcc.org.cy/code_practice.html
.
OECD (2019), Indicators of Regulatory Policy and Governance – Cyprus:
http://www.oecd.org/gov/regulatory-policy/indicators-of-regulatory-policy-and-governance-2019-cyprus.pdf
Reporters without Borders (2020), World Press Freedom Index.
Ir-Repubblika ta’ Ċipru (2020), Tweġiba tal-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru rigward l-allerta bit-titlu “pipe bomb attack on Cyprus MC Digital News Media Agency Offices”.
Transparency International (2019), Corruption Perceptions Index.
Żjara tal-pajjiż virtwali f’Ċipru fil-kuntest tar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt.
Anness II: Żjara tal-pajjiż f’Ċipru
Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħat virtwali f’Ġunju 2020 ma’:
·L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
·Il-Ministeru għall-Intern
·Il-Ministeru għall-Ġustizzja
·Il-Pulizija Nazzjonali
·L-Uffiċċju Stampa u għall-Informazzjoni
·L-Awtorità tar-Radju-Televiżjoni
·Il-Qorti Suprema
* Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll mal-organizzazzjonijiet li ġejjin f’għadd ta’ laqgħat orizzontali:
·Amnesty International
·Civil Liberties Union for Europe
·Civil Society Europe
·Conference of European Churches
·Eurocommerce
·European Center for Not-for-Profit Law
·Iċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media
·European Civic Forum
·Free Press Unlimited
·Front Line Defenders
·ILGA-Europe
·Il-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Ġuristi
·Il-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem
·L-Istitut Internazzjonali għall-Istampa
·Il-Pjattaforma għat-Tagħlim tul il-Ħajja
·Open Society Justice Initiative/Open Society European Policy Institute
·Reporters without Borders
·Transparency International EU