IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.12.2020
COM(2020) 826 final
2020/0362(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Mill-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 ta’ dak il-ftehim, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/266 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim ta’ sħubija ġdid. Kif jimplikaw id-direttivi ta’ negozjati, l-awtorizzazzjoni tkopri, inter alia, l-elementi meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod komprensiv ir-relazzjoni tat-trasport bit-triq mar-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Madankollu, mhuwiex ċert jekk ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola r-relazzjoni futura tagħhom f’dan il-qasam ikunx daħal fis-seħħ sa tmiem dak il-perjodu.
Id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, se jtemmu fil-31 ta’ Diċembru 2020, meta jiskadi l-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. B’konsegwenza, il-liċenzji tal-Komunità maħruġa mir-Renju Unit għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għall-operaturi tax-xarabanks u l-kowċis jitilfu l-validità tagħhom, u b’hekk jintilef l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għas-suq tal-passiġġieri tal-Unjoni għad-detenturi ta’ dawn il-liċenzji. Bl-istess mod, l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-operaturi tax-xarabanks u l-kowċis tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ liċenzji Komunitarji eżistenti, jitilfu l-aċċess awtomatiku għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq tar-Renju Unit.
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola l-kwistjoni, wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, is-sistema multilaterali ta’ kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (CEMT) issir l-uniku qafas ġuridiku disponibbli li fuqu tista’ tkun ibbażata l-kontinwazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, soġġett għall-pussess ta’ permess mill-ECMT. Vettura mgħammra b’permess mill-ECMT tista’ ġġorr oġġetti bejn kwalunkwe pajjiż mit-43 pajjiż li qed jipparteċipaw fis-sistema, li fosthom hemm 26 Stat Membru tal-UE (kollha minbarra Ċipru), ir-Renju Unit, u 16-il pajjiż ieħor. Wara operazzjoni ta’ trasport internazzjonali tal-merkanzija mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura għal pajjiż ieħor tal-ECMT, possibbli li jsiru sa tliet operazzjonijiet oħra fejn il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni ma jkunx involut, qabel ma l-vettura jkollha tirritorna lejn il-pajjiż fejn hija rreġistrata.
L-għadd tal-permessi tal-ECMT huwa limitat għal kull Stat Membru u l-permessi għall-2021 diġà tqassmu fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru. L-għadd tagħhom ma jistax jiżdied fi żmien qasir. Il-kwoti tal-ECMT jiġu stabbiliti kull sena u kull bidla fl-għadd ta’ permessi allokati lil xi pajjiż tal-EMCT trid tiġi maqbula b’mod unanimu mill-pajjiżi kollha tal-EMCT.
Kif diġà ġie enfasizzat fir-Regolament (UE) 2019/501 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ġie adottat fil-25 ta’ Marzu 2019, meta jitqiesu l-volumi ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq u l-oġġetti li nġarru bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni (madwar 51 miljun tunnellata fl-2019; xi 29 miljun tunnellata mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit u xi 22 miljun tunnellata mir-Renju Unit lejn l-Unjoni) huwa evidenti li d-dipendenza biss fuq is-sistema ta’ kwoti tal-EMCT attwalment ma tikkostitwixxix soluzzjoni adegwata biex tiġi żgurata l-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq immedjatament wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
It-trasport ta’ oġġetti bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri huwa kważi kollu f’idejn l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit u tal-Unjoni. It-telf minn dawn l-operaturi tad-dritt tagħhom li jipprovdu trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni għalhekk jirriżulta fi tfixkil serju inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku.
Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola l-kwistjoni, il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (“il-Ftehim Interbus”) huwa l-uniku qafas ġuridiku disponibbli li jista’ jipprovdi, wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, bażi għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Ir-Renju Unit iddepożita l-istrument tiegħu ta’ adeżjoni għall-Ftehim Interbus fid-29 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk se jsir Parti Kontraenti għan-nom tiegħu stess fl-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, il-Ftehim Interbus ikopri biss is-servizzi okkażjonali u għalhekk huwa inadegwat biex jindirizza t-tfixkil li jirriżulta minn tmiem l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fi ħdanu, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li se jkomplu jippruvaw jivvjaġġaw bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Ġie nnegozjat Protokoll għall-Ftehim Interbus li jkopri s-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn il-Partijiet Kontraenti tiegħu, iżda mhuwiex mistenni li jidħol fis-seħħ fil-ħin biex joffri soluzzjoni alternattiva vijabbli għall-perjodu immedjatament wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, fil-każ tas-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, l-istrumenti attwali ma jindirizzawx il-ħtiġijiet ta’ dawn is-servizzi bejn, minn naħa, l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit.
Is-servizzi transfruntiera bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq huma ta’ importanza partikolari għall-komunitajiet li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera, fid-dawl li tiġi żgurata konnettività bażika bejn il-komunitajiet inter alia bħala parti miż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar. Ma jeżisti l-ebda strument li jista’ jindirizza l-ħtieġa għall-operaturi tal-kowċis u tax-xarabanks li jkunu qed joperaw servizzi regolari jew servizzi regolari speċjali li jtellgħu jew iniżżlu passiġġieri f’reġjuni fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Madankollu, il-vijabbiltà ekonomika ta’ bosta servizzi transfruntiera tinsab f’riskju mingħajr id-dritt li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. Għalhekk, huwa xieraq li l-Unjoni tadotta miżuri ta’ kontinġenza temporanji u limitati biż-żmien biex jittaffew dawn l-effetti potenzjalment ta’ tfixkil għall-konnettività bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
Għalhekk din il-proposta għandha l-objettiv li tistabbilixxi miżuri temporanji li jirregolaw it-trasport tal-oġġetti bit-triq kif ukoll il-provvista ta’ servizzi regolari u servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bejn, minn naħa, l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (l-Artikolu 1). Dawn il-miżuri huma maħsuba biex iżommu konnettività bażika għal perjodu strettament limitat biż-żmien (l-Artikolu 2).
Ġibiltà mhijiex inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe referenza għar-Renju Unit fih ma jinkludux lil Ġibiltà.
Fl-ewwel lok (l-Artikolu 3), ir-Regolament propost jipprevedi l-għoti unilaterali ta’ drittijiet għat-trasport bilaterali lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq stabbiliti fir-Renju Unit sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jittrasportaw l-oġġetti bejn it-territorju tagħhom u l-Unjoni.
Ir-Regolament propost jipprevedi wkoll (l-Artikolu 4) l-għoti unilaterali ta’ drittijiet għat-trasport bilaterali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bħala parti minn servizzi regolari jew servizzi regolari speċjali lill-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis stabbiliti fir-Renju Unit sabiex ikunu jistgħu jkomplu jġorru passiġġieri bejn it-territorju tagħhom u l-Unjoni. Ir-Regolament jipprevedi wkoll l-għoti unilaterali ta’ drittijiet biex jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul is-servizzi regolari internazzjonali u s-servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
Id-drittijiet mogħtija lill-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit huma soġġetti għall-konformità mad-dritt rilevanti tal-Unjoni li japplika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq (l-Artikolu 6) u drittijiet ekwivalenti mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni. Ir-Regolament propost jistabbilixxi mekkaniżmu (l-Artikolu 7) biex jiġi żgurat li d-drittijiet li jgawdu minnhom l-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni fir-Renju Unit jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit skont ir-Regolament propost. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-miżuri meħtieġa biex tikkoreġi s-sitwazzjoni permezz ta’ atti delegati, inkluż il-limitazzjoni tal-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi jew għat-tnejn li huma. Il-valutazzjoni tal-livell ta’ ekwivalenza u l-adozzjoni tal-miżuri korrettivi min-naħa tal-Kummissjoni mhumiex biss marbuta ma’ korrispondenza formali u stretta bejn iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi; dan huwa minħabba d-differenzi kbar bejn is-swieq rispettivi u sabiex jiġi evitat approċċ fejn kollox jiġi rifless fl-għama li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jirriżulta kontra l-interess tal-Unjoni.
Ir-Regolament propost, għalkemm għandu l-għan li temporanjament jiżgura l-konnettività bażika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jistabbilixxi mekkaniżmu flessibbli biex jiżgura li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-operaturi tas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni jgawdu minn opportunitajiet ġusti u ugwali biex jikkompetu mal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u mal-operaturi tas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit. Ambjent b’kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jirrikjedi li, anki wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit ikompli japplika standards għoljin u komparabbli biżżejjed fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fir-rigward ta’: kompetizzjoni ġusta inkluż ir-regolamentazzjoni tal-kartelli, tal-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti u tal-fużjonijiet; il-projbizzjoni ta’ sussidji tal-gvern mhux iġġustifikati; il-protezzjoni tal-ħaddiema u livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq; il-protezzjoni tal-ambjent; is-sikurezza u s-sigurtà, jew inkella l-għoti ta’ liċenzji lill-operaturi tat-trasport bit-triq jew il-kwalifika, it-taħriġ u l-kontrolli mediċi tas-sewwieqa professjonisti. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni fir-Renju Unit, de jure jew de facto. Ir-Regolament propost għalhekk jimpenja lill-Kummissjoni (l-Artikolu 8) bil-kompitu li timmonitorja l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn, minn naħa, l-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit u jagħtiha s-setgħa tadotta l-miżuri meħtieġa, permezz ta’ atti delegati, biex jiġi żgurat li dawk il-kundizzjonijiet jibqgħu dejjem f’livell ekwu.
Hawn stabbiliti l-proċeduri meħtieġa sabiex jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jivverifikaw li l-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit li jġorru oġġetti jew passiġġieri skont dan ir-Regolament huma liċenzjati jew iċċertifikati f’konformità mal-istandards rilevanti, li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti kollha u li d-drittijiet permessi ma jinqabżux.
Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 diġà jkopru l-parti ta’ vjaġġ bejn Stat Membru u pajjiż terz fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li wieħed jgħaddi minnu fi tranżitu. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn ir-Regolamenti japplikaw ukoll għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru ta’ tagħbija jew ħatt għat-trasport tal-merkanzija, u għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru fejn jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri għas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank (l-Artikolu 9). Tali estensjoni se tiżgura li l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet transfruntiera minn terzi lejn jew mir-Renju Unit, kif ukoll waqfiet addizzjonali fis-servizzi tagħhom bil-kowċ u bix-xarabank.
Iddaħħlet dispożizzjoni espliċita biex tfakkar li l-Istati Membri la jistgħu jinnegozjaw u lanqas jistgħu jikkonkludu xi ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bit-triq mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li huma ma jistgħux jagħtu, bi kwalunkwe mod ieħor, lill-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit drittijiet għajr dawk mogħtija skont dan ir-Regolament (l-Artikolu 5). Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi se jkunu jistgħu jikkooperaw kif meħtieġ għall-implimentazzjoni korretta tar-Regolament (l-Artikolu 10), b’tali mod li jkun hemm l-inqas tfixkil possibbli għall-ġestjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank li se jkomplu jiġu pprovduti wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
L-Artikolu 11 jistabbilixxi r-regoli dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex jiġi żgurat li d-drittijiet li jgawdu l-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni fir-Renju Unit ikunu ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit, u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-Unjoni fir-Renju Unit.
L-Artikolu 12 jistabbilixxi li dan ir-Regolament għandu jibda japplika meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jekk ftehim li jirregola t-trasport bit-triq mar-Renju Unit ma jkunx daħal fis-seħħ u għandu jieqaf japplika mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021. Ir-Regolament jieqaf japplika f’data aktar bikrija, jekk qabel dik id-data jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat proviżorjament, skont il-każ, ftehim li jirregola t-trasport bit-triq mar-Renju Unit. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi regolari internazzjonali u servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Regolament għandu wkoll jieqaf japplika f’data aktar bikrija għad-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jekk il-Protokoll għall-Ftehim Interbus fir-rigward tat-trasport regolari internazzjonali u tat-trasport regolari speċjali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank jidħol fis-seħħ għall-Unjoni u għar-Renju Unit.
Dan l-att huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li qiegħda tadotta l-Kummissjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Dan ir-Regolament propost huwa maħsub bħala lex specialis li jindirizza xi wħud mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq u t-trasport tal-passiġġieri bit-triq bix-xarabank u bil-kowċ, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009, mhux se jibqgħu japplikaw għat-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq bejn, minn naħa, ir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, l-Unjoni. It-termini proposti huma limitati għal dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat tfixkil sproporzjonat. Dawn huma maħsuba biex japplikaw biss għal perjodu limitat ta’ żmien. Għalhekk din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti u b’mod partikolari mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u mar-Regolament (KE) Nru 1073/2009.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta tikkomplementa r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw it-trasport tal-oġġetti bit-triq, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw is-servizzi internazzjonali bil-kowċ u bix-xarabank, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Il-fini u l-kuntest speċifiċi ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll in-natura unilaterali tiegħu, neċessarjament jeħtieġu approċċ restrittiv għall-għoti tad-drittijiet, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba biex jippreżervaw l-ugwaljanza tad-drittijiet u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jirriżervaw il-kompetenza għall-Unjoni biex tikkonkludi l-ftehimiet rilevanti mal-pajjiżi terzi. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, dan l-att propost għandu l-għan li jistabbilixxi konnettività bażika sakemm ikunu qed jingħataw l-istess drittijiet min-naħa tar-Renju Unit. Din il-konnettività tkun żgurata b’mod ugwali għat-traffiku mill-punti kollha fl-Unjoni u lejhom, u b’hekk jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern. Għalhekk l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli u r-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri.
•Proporzjonalità
Ir-Regolament propost huwa kkunsidrat proporzjonat peress li huwa kapaċi jevita tfixkil sproporzjonat b’mod li jiżgura wkoll kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni. Ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw id-drittijiet rilevanti, li jirrigwardaw, inter alia, il-ħtieġa li r-Renju Unit jikkonferixxi drittijiet ekwivalenti u l-ħtieġa ta’ kompetizzjoni ġusta, kif ukoll il-limitazzjoni tar-reġim fiż-żmien.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-att jirregola kwistjonijiet relatati mill-qrib mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 u huwa maħsub, bħal dawn ir-Regolamenti, sabiex jiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni armonizzati għalkollox, dan għandu jieħu l-forma ta’ Regolament. Din il-forma twieġeb ukoll bl-aħjar mod għall-urġenza tas-sitwazzjoni/kuntest, peress li ż-żmien disponibbli qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (fin-nuqqas ta’ ftehim li jkopri t-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq applikabbli sa dik id-data) huwa qasir wisq biex jippermetti traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’Direttiva.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Dawn ma japplikawx minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li jeħtieġ din il-proposta li mhijiex marbuta mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-isfidi li jirriżultaw min-negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati u rappreżentanti tal-Istati Membri.
Il-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-ħtieġa ta’ tħejjija għal bidliet inevitabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 u l-miżuri addizzjonali possibbli li jridu jiġu previsti fil-każ ta’ ebda ftehim ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u ma’ diversi partijiet ikkonċernati tat-trasport bit-triq fil-kuntest ta’ laqgħat trasversali u speċifiċi, li saru fi Brussell u fl-Istati Membri.
Tema komuni fil-fehmiet ippreżentati kienet il-ħtieġa għal intervent regolatorju sabiex jinżamm ċertu livell ta’ konnettività fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq. F’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bit-triq tal-Unjoni, il-partijiet ikkonċernati mhumiex f’qagħda li jieħdu miżuri ta’ kontinġenza tagħhom stess sabiex itaffu l-impatt negattiv li jista’ jġib miegħu n-nuqqas ta’ ftehim ta’ sħubija.
B’mod partikolari, l-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li jadottaw miżuri ta’ kontinġenza fil-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata konnettività bażika bejn, minn naħa, l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim li jkopri t-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq. Enfasizzaw li s-sistema multilaterali ta’ kwoti tal-ECMT ma tirrappreżentax soluzzjoni alternattiva suffiċjenti u adegwata meta jitqiesu l-limitazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tagħha.
Ġie enfasizzat ukoll li l-Ftehim Interbus ikopri biss servizzi okkażjonali u li ma teżisti l-ebda soluzzjoni alternattiva għas-servizzi regolari u għas-servizzi regolari speċjali meta wieħed iqis li l-Protokoll għall-Ftehim Interbus li jkopri s-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri mhuwiex maħsub li jidħol fis-seħħ fil-ħin għall-Unjoni u għar-Renju Unit. Il-ħtieġa partikolari għal servizzi transfruntiera bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ġiet enfasizzata wkoll.
Dawn il-kummenti tqiesu kif jixraq waqt it-tħejjija tal-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-partijiet ikkonċernati rilevanti qasmu mal-Kummissjoni diversi valutazzjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit għas-settur tat-trasport bit-triq.
Dawn il-valutazzjonijiet jikkonkludu li l-unika soluzzjoni alternattiva disponibbli fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jiġifieri s-sistema multilaterali ta’ kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT), mhijiex adegwata biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur. In-nuqqas ta’ permessi disponibbli għall-2021 x’aktarx jikkawża tfixkil sinifikanti u l-fluss bilaterali ta’ oġġetti u ta’ passiġġieri bit-triq jista’ ma jibqax kopert bis-sħiħ. Aktar minn 80 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni bħalissa qed isiru minn trasportaturi tal-merkanzija stabbiliti fl-Unjoni. Huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġi previst qafas ġuridiku li ma jirrestrinġix indebitament l-operazzjonijiet tat-trasport bilaterali tal-merkanzija bit-triq.
Il-partijiet ikkonċernati insistew ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet limitati tal-perjodu li matulu tiġi implimentata l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit. Mhija disponibbli l-ebda għażla ta’ politika materjalment u legalment differenti minbarra dik proposta.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
2020/0362 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 ta’ dak il-ftehim, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/266 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim ta’ sħubija ġdid. Kif jimplikaw id-direttivi ta’ negozjati, l-awtorizzazzjoni tkopri, inter alia, l-elementi meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod komprensiv ir-relazzjoni tat-trasport bit-triq mar-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, mhuwiex ċert jekk ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola r-relazzjoni futura tagħhom fil-qasam tat-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq ikunx daħal fis-seħħ minn tmiem dak il-perjodu.
(2)Fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċjali, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jintemmu, sa fejn hija kkonċernata r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
(3)F’sitwazzjoni bħal din, it-trasport internazzjonali tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit se jiġi mfixkel serjament.
(4)Ġibiltà mhijiex inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe referenza għar-Renju Unit fih ma jinkludux lil Ġibiltà.
(5)Is-sistema multilaterali ta’ kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) hija l-unika qafas ġuridiku ieħor disponibbli li jista’ jipprovdi bażi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Madankollu, minħabba l-għadd limitat ta’ permessi attwalment disponibbli taħt is-sistema tal-ECMT u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha fir-rigward tat-tipi ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq koperti, is-sistema attwalment mhijiex adegwata biex tindirizza bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
(6)Huwa mistenni wkoll li jkun hemm tfixkil serju, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku, fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (“il-Ftehim Interbus”) huwa l-uniku qafas ġuridiku li jipprevedi bażi għat-trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Ir-Renju Unit se jsir Parti Kontraenti għan-nom tiegħu stess għall-Ftehim Interbus mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, il-Ftehim Interbus ikopri biss is-servizzi okkażjonali u għalhekk huwa inadegwat biex jindirizza t-tfixkil relatat mas-servizzi internazzjonali bil-kowċ u bix-xarabank bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni li jirriżultaw minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Ġie nnegozjat Protokoll għall-Ftehim Interbus li jkopri s-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri u r-Renju Unit huwa mistenni li jirratifikah malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, mhuwiex mistenni li l-Protokoll jidħol fis-seħħ fil-ħin biex joffru soluzzjoni alternattiva vijabbli għall-perjodu immedjatament wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, l-istrumenti disponibbli ma jindirizzawx il-ħtiġijiet tas-servizzi regolari u tas-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
(7)Sabiex jiġi evitat tfixkil serju kawża ta’ dan, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit sett temporanju ta’ miżuri li jippermettu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank liċenzjati fir-Renju Unit iġorru oġġetti u passiġġieri bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, jew mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, jenħtieġ li d-drittijiet mogħtija jkunu soġġetti għall-għoti ta’ drittijiet ekwivalenti u għal ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw kompetizzjoni ġusta.
(8)Is-servizzi transfruntiera bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq huma ta’ importanza partikolari għall-komunitajiet li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera, fid-dawl li tiġi żgurata konnettività bażika bejn il-komunitajiet inter alia bħala parti miż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar. Għalhekk, il-ġbir u t-tniżżil ta’ passiġġieri minn operaturi tas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jenħtieġ li jkomplu jiġu awtorizzati fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u r-Renju unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
(9)Sabiex jirriflettu l-karattru temporanju tagħhom, filwaqt li ma jiġix stabbilit preċedent, jenħtieġ li s-sett ta’ miżuri previst f’dan ir-Regolament japplika għal perjodu qasir ta’ żmien. Fir-rigward ta’ operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, il-limitu ta’ żmien isir fid-dawl ta’ arranġamenti possibbli li jsiru għall-konnettività bażika fis-sistema tal-EMCT, u mingħajr preġudizzju għad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim futur li jirregola t-trasport tal-oġġetti bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit u regoli futuri tal-Unjoni dwar it-trasport. F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ, hemm limitu ta’ żmien biex il-Protokoll għall-Ftehim Interbus dwar is-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali jkun jista’ jidħol fis-seħħ u japplika għar-Renju Unit, bir-ratifika tar-Renju Unit ta’ dak il-Protokoll jew bl-adeżjoni tiegħu fih, u mingħajr preġudizzju għal ftehim futur possibbli dwar il-kwistjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
(10)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(11)Minħabba l-urġenza li tirriżulta minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi hawn fuq, huwa xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
(12)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mill-jum wara dak ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ sa dik id-data ftehim li jirregola t-trasport bit-triq konkluż mar-Renju Unit. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jibqax japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ jew mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq għaż-żewġ Partijiet. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi regolari internazzjonali u servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, id-dritt ta’ twettiq ta’ servizzi regolari u ta’ servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank jenħtieġ li jieqaf japplika fid-data tad-dħul fis-seħħ għall-Unjoni u għar-Renju Unit tal-Protokoll għall-Ftehim Interbus fir-rigward it-trasport internazzjonali regolari u speċjali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank. Fi kwalunkwe każ jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jibqax japplika fit-30 ta’ Ġunju 2021.
(13)Fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, biex terġa’ tiġi stabbilita l-ekwivalenza tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, kif ukoll lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit, ma’ dawk mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni, u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni, inkluż meta d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit jingħataw fuq il-bażi tal-Istat Membru ta’ oriġini jew inkella ma jkunux ugwalment disponibbli għall-operaturi kollha tal-Unjoni, u biex jiġi offrut rimedju għall-okkorrenzi ta’ kompetizzjoni inġusta għad-detriment tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u tal-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni.
(14)L-atti delegati jenħtieġ li jkunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u għalhekk it-termini tagħhom jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-problemi li jinqalgħu minħabba n-nuqqas ta’ għoti ta’ drittijiet ekwivalenti jew minħabba kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi prevista mill-Kummissjoni biss fil-każijiet l-aktar serji, fejn l-ebda drittijiet ekwivalenti ma jingħataw lil operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew lil operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni mir-Renju Unit jew fejn id-drittijiet mogħtija jkunu minimi, jew fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew l-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank fir-Renju Unit ikunu tant differenti minn dawk tal-operaturi tal-Unjoni li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni mill-operaturi tal-Unjoni ma tkunx ekonomikament vijabbli għalihom.
(15)Meta jiġu adottati l-atti delegati, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitmexxew f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Jenħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe att delegat bħal dan ma jaffettwax bla bżonn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
(16)Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk mogħtija minn dan ir-Regolament lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit u lill-operaturi ta’ servizz tal-kowċ u x-xarabank tar-Renju Unit ikunu disponibbli bl-istess mod għall-operaturi kollha tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 u (KE) Nru 1073/2009 jenħtieġ li jiġi estiż temporanjament. Dawk ir-Regolamenti diġà jkopru l-parti ta’ vjaġġ bejn Stat Membru u pajjiż terz fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li wieħed jgħaddi minnu fi tranżitu. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat, f’dan il-każ, li r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 japplika wkoll għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt, u li r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ġbir jew ta’ tniżżil tal-passiġġieri. Tali estensjoni għandha l-għan li tiżgura li l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport transfruntier minn terzi lejn jew mir-Renju Unit, kif ukoll waqfiet addizzjonali fl-operazzjoni tagħhom tat-trasport tal-passiġġieri,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi regolari u ta’ servizzi regolari speċjali tat-trasport ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“vettura” tfisser
(a)fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija, vettura bil-mutur irreġistrata fir-Renju Unit jew vetturi kkombinati, li tal-anqas il-vettura bil-mutur tagħhom tkun irreġistrata fir-Renju Unit, użata esklużivament għat-trasport tal-merkanzija, li tkun jew proprjetà tal-impriża, wara li tkun inxtrat minnha b’kundizzjonijiet differiti jew li tkun ġiet mikrija, sakemm, fil-każ tal-aħħar, tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri, xarabank jew kowċ;
(2)“trasport awtorizzat ta’ oġġetti” tfisser:
(a)vjaġġ bit-tagħbija li jsir minn vettura mit-territorju tal-Unjoni għat-territorju tar-Renju Unit, jew viċe versa, li jgħaddi jew bla ma jgħaddi minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;
(b)vjaġġ bit-tagħbija li jsir minn vettura mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni;
(c)vjaġġ bla tagħbija flimkien mat-trasport imsemmi fil-punti (a) u (b);
(3)“trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank” tfisser:
(a)vjaġġ li jsir b’xarabank jew b’kowċ biex jipprovdi trasport tal-passiġġieri mit-territorju tal-Unjoni għat-territorju tar-Renju Unit, jew viċe versa, bi tranżitu jew bla tranżitu li jgħaddi minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;
(b)vjaġġ li jsir b’xarabank jew b’kowċ biex jipprovdi trasport tal-passiġġieri mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni;
(c)vjaġġ li ma jittrasportax passiġġieri flimkien mat-trasport imsemmi fil-punti (a) u (b);
(d)il-ġbir u t-tniżżil ta’ passiġġieri fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi regolari internazzjonali u servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq;
(4)“reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda” tfisser il-kontej tal-Irlanda li jmissu mal-fruntiera tal-art bejn l-Irlanda u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq;
(5)“operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni” tfisser impriża, involuta fit-trasport tal-oġġetti bit-triq, li jkollha liċenzja Komunitarja valida, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009;
(6)“operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit” tfisser impriża stabbilita fir-Renju Unit li hija awtorizzata li teżerċita t-trasport tal-oġġetti bit-triq u li għandha liċenzja valida maħruġa għall-finijiet tat-trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-oġġetti;
(7)“liċenzja tar-Renju Unit”, meta maħruġa lil operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, tfisser liċenzja maħruġa mir-Renju Unit għall-finijiet ta’ trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-oġġetti, u, meta maħruġa lil operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit, liċenzja maħruġa mir-Renju Unit għall-finijiet ta’ trasport internazzjonali fir-rigward ta trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank;
(8)“xarabank jew kowċ” tfisser vettura rreġistrata fir-Renju Unit, li tkun, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħha, adattata u maħsuba biex tittrasporta aktar minn disa’ passiġġieri, inkluż is-sewwieq;
(9)“servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprevedu l-ġarr ta’ passiġġieri f’intervalli speċifikati f’rotot speċifiċi, filwaqt li l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f’punti ta’ waqfien predeterminati;
(10)“servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari, irrispettivament minn min jorganizzahom, li jipprevedu t-trasport ta’ kategoriji speċifikati ta’ passiġġieri, bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra;
(11)“operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni” tfisser impriża involuta fit-trasport ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank li jkollha liċenzja Komunitarja valida f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;
(12)“operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit” tfisser impriża stabbilita fir-Renju Unit u li hija awtorizzata li teżerċita t-trasport ta’ passiġġier bil-kowċ u bix-xarabank u li għandha liċenzja valida għall-finijiet tat-trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-passiġġier bil-kowċ u bix-xarabank;
(13)“operatur” tfisser jew operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank;
(14)“liġi dwar il-kompetizzjoni” tfisser kwalunkwe liġi li tindirizza l-imġiba li ġejja, meta din tista’ taffettwa s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew is-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank:
(a)imġiba li tikkonsisti fi:
(i)ftehimiet bejn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, rispettivament, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew minn operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, u prattiki miftiehma li għandhom bħala skop tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jaffettwawhom;
(ii)abbużi ta’ pożizzjoni dominanti minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew ta’ operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank wieħed jew aktar;
(iii)miżuri meħuda jew miżmuma fis-seħħ mir-Renju Unit fil-każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li r-Renju Unit jagħtihom drittijiet speċjali jew esklużivi u li jmorru kontra l-punt (i) jew (ii);
(b)konċentrazzjonijiet bejn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti;
(15)“sussidju” tfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil operatur mill-gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, li jikkonferixxi benefiċċju, u li jinkludi:
(a)it-trasferiment dirett ta’ fondi bħalma huma għotjiet, self jew infużjoni tal-kapital ta’ ekwità, it-trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi, it-teħid ta’ obbligazzjonijiet, bħalma huma garanziji fuq is-self, l-injezzjonijiet ta’ kapital, is-sjieda, il-protezzjoni kontra l-falliment jew l-assigurazzjoni;
(b)ir-rinunzja jew in-nuqqas ta’ ġbir tad-dħul li kieku jkun dovut;
(c)il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għajr l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi;
(d)li jsiru pagamenti lil mekkaniżmu ta’ fondi, jew l-inkariga jew id-direzzjoni lil korp privat sabiex iwettaq funzjoni waħda jew iktar imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) li normalment jiġu vestiti fil-gvern jew korp pubbliku ieħor u l-prattika f’ebda sens ma tkun differenti mill-prattiki normalment segwiti mill-gvernijiet;
l-ebda benefiċċju ma jitqies li jkun ġie mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja li tkun saret minn gvern jew korp pubbliku ieħor jekk operatur tas-suq privat immotivat biss mill-prospett ta’ profitt, li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal korp pubbliku inkwistjoni, ikun wettaq l-istess kontribuzzjoni finanzjarja;
(16)“awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti” tfisser awtorità li hija responsabbli mill-applikazzjoni u mill-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni kif ukoll mill-kontroll tas-sussidji, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-awtorità hija operazzjonalment indipendenti u hija mgħammra b’mod adegwat bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha;
(b)fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha u waqt li teżerċita s-setgħat tagħha, l-awtorità tgawdi mill-garanziji neċessarji ta’ indipendenza minn indħil politiku jew minn kwalunkwe influwenza esterna oħra u taġixxi b’mod imparzjali;
(c)id-deċiżjonijiet tal-awtorità huma soġġetti għal rieżami ġudizzjarju;
(17)“diskriminazzjoni” tfisser divrenzjar ta’ kull tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluż is-servizzi pubbliċi, użati għall-operazzjoni ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għat-tali servizzi;
(18)“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorju tal-Istati Membri li għalih japplikaw it-TUE u t-TFUE, bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati.
Artikolu 3
Dritt li jitwettaq trasport awtorizzat ta’ oġġetti
1.L-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, iwettqu trasport awtorizzat ta’ oġġetti.
2.It-trasport awtorizzat ta’ oġġetti tat-tipi li ġejjin jistgħu jitwettqu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fir-Renju Unit, mingħajr il-ħtieġa għal liċenzja:
(a)it-trasport tal-posta bħala servizz universali;
(b)it-trasport ta’ vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li m’għadhomx jaħdmu;
(c)it-trasport ta’ oġġetti f’vetturi bil-mutur li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom, inkluż dik tal-karrijiet, ma taqbiżx it-3,5 tunnellati;
(d)it-trasport ta’ prodotti mediċinali, apparat, tagħmir jew artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika f’assistenza ta’ emerġenza, partikolarment fil-każi ta’ diżastri naturali;
(e)it-trasport tal-oġġetti sakemm:
(i)l-oġġetti li jinġarru jkunu l-proprjetà tal-impriża jew kienu mibjugħa, mixtrija, mikrija lil jew mikrija minn, prodotti, estratti, ipproċessati jew imsewwija mill-impriża;
(ii)l-iskop tal-vjaġġ għandu jkun il-ġarr tal-oġġetti lejn jew mill-impriża jew biex jiġu mċaqalqa, kemm jekk ġewwa l-impriża kif ukoll ’il barra minnha, għall-ħtiġijiet tagħha stess;
(iii)il-vetturi bil-mutur użati għat-tali trasport ikunu misjuqa mill-persunal impjegat mill-impriża jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha taħt obbligu kuntrattwali;
(iv)il-vetturi li jġorru l-oġġetti jkunu proprjetà tal-impriża jew ikunu nxtraw minnha b’kundizzjonijiet differiti jew ikunu nkrew, sakemm fil-każ tal-aħħar, dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/1/KE; u
(v)dan it-trasport ma jkunx ħlief anċillari għall-attivitajiet ġenerali tal-impriża.
Artikolu 4
Dritt li jitwettqu servizzi regolari u servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank
1.L-operaturi tas-servizzi tal-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jistgħu, taħt kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, iwettqu trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank li jikkostitwixxi servizzi regolari u servizzi regolari speċjali.
2.L-operaturi ta’ servizz tal-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni maħruġa qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikoli 6 sa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 biex iwettqu servizzi regolari u servizzi regolari speċjali awtorizzati bil-kowċ u bix-xarabank f’isem ħaddieħor.
3.L-awtorizzazzjonijiet li jibqgħu validi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkomplu jintużaw għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk ikunu ġew imġedda taħt l-istess termini u kundizzjonijiet, jew ikunu nbidlu f’termini ta’ waqfiet, nollijiet jew skeda biss, u soġġetti għar-regoli u l-proċeduri tal-Artikoli 6 sa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għal perjodu ta’ validità li ma jestendix lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021.
4.It-trasport awtorizzat tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank imwettaq minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fir-Renju Unit, għal skopijiet mhux kummerċjali u mingħajr profitt jistgħu jitwettqu mingħajr il-ħtieġa ta’ liċenzja, fejn:
(a)l-attività tat-trasport tkun biss attività anċillari għal dik il-persuna fiżika jew ġuridika; u
(b)il-vetturi użati jkunu l-proprjetà ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew ikunu nkisbu minn dik il-persuna b’kundizzjonijiet differiti jew ikunu soġġetti għal kuntratt ta’ kiri fit-tul, u jinsaqu minn membru tal-persunal tal-persuna fiżika jew ġuridika, jew mill-persuna fiżika nnifisha, jew minn persunal impjegat mill-impriża, jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha, taħt obbligu kuntrattwali.
Dawk l-operazzjonijiet tat-trasport għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe sistema ta’ awtorizzazzjoni fl-Unjoni, sakemm il-persuna li twettaq l-attività tkun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali maħruġa qabel l-ewwel jum tal-applikazzjoni kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009.
5.Il-bdil ta’ vettura, jew l-interruzzjoni tat-trasport biex ikun possibbli li parti mill-vjaġġ isir b’mezz ieħor ta’ trasport, ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Ftehimiet jew arranġamenti bilaterali
L-Istati Membri ma għandhom la jinnegozjaw u lanqas jidħlu fi kwalunkwe ftehim jew arranġamenti bilaterali mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Mingħajr preġudizzju għal arranġamenti multilaterali eżistenti, dawn ma għandhom jagħtu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit ebda dritt mod ieħor għajr dawk id-drittijiet mogħtija f’dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Regoli soċjali u tekniċi
Matul it-trasport awtorizzat ta’ oġġetti jew passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati:
(a)fir-rigward ta’ ħaddiema mobbli u sewwieqa li jaħdmu għal rashom, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)fir-rigward ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)fir-rigward ta’ takografi fit-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)fir-rigward tal-kwalifika inizjali u tat-taħriġ perjodiku tas-sewwieqa, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(e)fir-rigward tad-dimensjonijiet u l-piżijiet massimi awtorizzati ta’ ċerti vetturi tat-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE;
(f)fir-rigward tal-installazzjoni u tal-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE;
(g)fir-rigward tal-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u tas-sistemi ta’ trażżin għat-tfal fil-vetturi, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE;
(h)fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(i)fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 7
Ekwivalenza tad-drittijiet
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom.
2.Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank mhumiex, de jure jew de facto, ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi tar-Renju Unit taħt dan ir-Regolament, jew li dawk id-drittijiet mhumiex disponibbli b’mod ugwali għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank kollha tal-Unjoni, għandha, mingħajr dewmien u sabiex terġa’ tistabbilixxi l-ekwivalenza, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11 sabiex:
(a)tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) jew tal-Artikolu 4(1) sa (4) meta l-ebda dritt ekwivalenti ma jingħata lill-operaturi tal-Unjoni, jew meta d-drittijiet mogħtija jkunu minimi;
(b)tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi, jew għat-tnejn; jew
(c)tadotta restrizzjonijiet operattivi relatati mat-tipi ta’ vetturi jew mal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni.
Artikolu 8
Kompetizzjoni ġusta
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kundizzjonijiet li taħthom l-operaturi tal-Unjoni jikkompetu mal-operaturi tar-Renju Unit għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank koperti minn dan ir-Regolament.
2.Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu sostanzjalment inqas favorevoli minn dawk li jgawdu l-operaturi tar-Renju Unit, għandha tadotta, mingħajr dewmien u bħala rimedju għal dik is-sitwazzjoni, atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11 biex:
(a)tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) jew tal-Artikolu 4(1) sa (4) fejn il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit, tant ikunu differenti minn dawk li japplikaw għall-operaturi tal-Unjoni li l-provvista ta’ servizzi minn dawn tal-aħħar ma tkunx ekonomikament vijabbli għalihom;
(b)tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi, jew għat-tnejn; jew
(c)tadotta restrizzjonijiet operattivi relatati mat-tipi ta’ vetturi jew mal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni.
3.L-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati f’dak il-paragrafu, jiġu adottati bħala rimedju għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)l-għoti ta’ sussidji mir-Renju Unit;
(b)in-nuqqas mir-Renju Unit li jkollu fis-seħħ jew li japplika b’mod effettiv il-liġi dwar il-kompetizzjoni;
(c)in-nuqqas mir-Renju Unit li jistabbilixxi jew iżomm awtorità ta’ kompetizzjoni indipendenti;
(d)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, is-sikurezza, is-sigurtà jew l-ambjent li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni, inferjuri għal dawk applikati mill-Istati Membri jew, fi kwalunkwe każ, inferjuri għall-istandards internazzjonali rilevanti;
(e)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards relatati mal-għoti ta’ liċenzji lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009;
(f)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards relatati mal-kwalifika u mat-taħriġ tas-sewwieqa professjonisti li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2003/59/KE;
(g)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ regoli fir-rigward tal-pedaġġi tat-triq u tat-tassazzjoni li jkunu differenti mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; u
(h)kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni kontra l-operaturi tal-Unjoni.
4.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jew mill-operaturi tar-Renju Unit. Meta ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fi żmien il-perjodu raġonevoli preskritt mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi f’konformità mal-paragrafu 2.
Artikolu 9
Estensjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 u (KE) Nru 1073/2009
1.Fil-kuntest tat-trasport tal-oġġetti bejn it-territorju tal-Unjoni u t-territorju tar-Renju Unit imwettqa minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni li jiddependi fuq id-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit, kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ekwivalenti għal dawk mogħtija skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 għandu japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt.
2.Fil-kuntest tat-trasport tal-passiġġieri bejn it-territorju tal-Unjoni u t-territorju tar-Renju Unit imwettqa minn operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni li jiddependi fuq id-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit, kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ekwivalenti għal dawk mogħtija skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandu japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ġbir jew ta’ tniżżil.
Artikolu 10
Konsultazzjoni u kooperazzjoni
1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 7 u 8.
Artikolu 11
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2) u 8(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021.
2.Qabel ma tadotta att delegat skont l-Artikolu 7(2) jew 8(2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
3.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika mill-għada tal-jum li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Madankollu ma għandux japplika jekk sa dik id-data ikun daħal fis-seħħ ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq, konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
3.Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ jew, skont il-każ, mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq, konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
Bl-eċċezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank imsemmi fl-Artikolu 2(3)(d), id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ għall-Unjoni u għar-Renju Unit tal-Protokoll għall-Ftehim Interbus fir-rigward tat-trasport regolari u speċjali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank.
4.Dan ir-Regolament għandu fi kwalunkwe każ jieqaf japplika l-aktar tard fit-30 ta’ Ġunju 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President