IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2020
COM(2020) 805 final
2018/0170(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.
2018/0170 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.
1.Sfond
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2018) 338 final – 2018/0170 COD):
|
24 ta’ Mejju 2018
|
|
Data tal-Opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri:
|
15 ta’ Novembru 2018
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
16 ta’ April 2019
|
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
4 ta’ Diċembru 2020
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
L-għan ta’ din il-proposta huwa:
(a)Li tadatta l-operat tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) bil-ħsieb li kemm jista’ jkun jikkomplementaw lil xulxin; u
(b)Li ttejjeb l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi, inkluż verifiki fuq il-post, spezzjonijiet, u assistenza tal-awtoritajiet nazzjonali, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, ammissibilità tal-evidenza miġbura mill-OLAF, servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi u attivitajiet ta’ koordinazzjoni.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti għalkollox il-qbil li ntlaħaq fit-trilogu bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif konkluż fis-26 ta’ Ġunju 2020. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim huma kif ġej:
–jistabbilixxi qafas għal relazzjoni mill-qrib bejn l-OLAF u l-UPPE, imsejsa fuq kooperazzjoni sinċiera, il-komplementarjetà tal-mandati tagħhom, u koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom; b’mod partikolari, jippermetti lill-OLAF jiftaħ, f’każijiet debitament ġustifikati, u jekk l-UPPE ma joġġezzjonax f’ċertu żmien, investigazzjonijiet komplementari għal dawk tal-UPPE biex jiffaċilita l-irkupru, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni amministrattivi jew azzjonijiet oħra f’waqthom; jipprevedi wkoll li, meta l-OLAF jappoġġa lill-UPPE, l-UPPE u l-OLAF iridu jiżguraw, huma u jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib, li jiġu osservati s-salvagwardji proċedurali tal-Kapitolu VI tar-Regolament dwar l-UPPE;
–isaħħaħ is-setgħat investigattivi tal-OLAF billi jippermetti lill-Uffiċċju jitlob informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji – speċifikament lir-reġistri tad-detenturi tal-kontijiet u, fejn strettament meħtieġ, għat-tranżazzjonijiet – permezz tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, skont l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u soġġett għal talba motivata li tiġġustifika l-adegwatezza u l-proporzjonalità tagħha;
–isaħħaħ id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata minn investigazzjoni tal-OLAF billi jippermetti lil din il-persuna titlob u jkollha aċċess għar-rapport finali, iżda biss bil-kunsens tad-destinatarji kollha tar-rapport, u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data;
–iżid saff ieħor ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-garanziji proċedurali billi jistabbilixxi Kontrollur tal-garanziji proċedurali, amministrattivament marbut mal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u maħtur mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu l-kompitu li jeżamina l-ilmenti mressqa minn persuni kkonċernati mill-investigazzjoni (rigward il-konformità tal-Uffiċċju mal-garanziji proċedurali u mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tiegħu) u jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Uffiċċju dwar kif isolvi l-kwistjoni mqajma fl-ilment; u
–jippermetti lill-OLAF, matul l-investigazzjonijiet tiegħu, li jaċċessa apparat li jkun proprjetà privata użat għax-xogħol jekk ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta li l-kontenut tiegħu jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni; f’investigazzjonijiet esterni, l-aċċess se jkun skont l-istess kundizzjonijiet u sal-istess punt li l-awtoritajiet nazzjonali jitħallew jinvestigaw apparat privat; f’investigazzjonijiet interni, l-aċċess għandu jkun ibbażat fuq ir-regoli interni li għandhom jiġu adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati fir-rigward tal-persunal rispettiv tagħhom u l-membri tal-istituzzjoni.
Il-Kummissjoni appoġġat il-ftehim milħuq fit-trilogu, li jwitti t-triq għal kooperazzjoni produttiva bejn l-OLAF u l-UPPE, u li jsaħħaħ l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF f’diversi aspetti. F’dan ir-rigward, jilħaq l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għad għandha tħassib dwar ċerti elementi tal-ftehim. B’mod partikolari, uriet dispjaċir li l-garanziji proċedurali ogħla applikabbli meta l-OLAF jappoġġa lill-UPPE ma jinvolvu l-ebda ammissibbiltà mtejba tal-evidenza miġbura mill-OLAF fi proċeduri kriminali sussegwenti, u li d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-aċċess għal apparat privat ma kinux akkumpanjati minn regoli proċedurali fir-Regolament innifsu. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li setgħet taċċetta dawn l-elementi għall-finijiet ta’ ftehim finali ġenerali.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill.