Brussell, 26.11.2020

COM(2020) 781 final

2020/0346(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Tivat, Montenegro, is-16 u s-17 ta’ Diċembru 2020)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli (“PHLG”) tal-Komunità tal-Enerġija b’rabta ma’ għadd ta’ atti li għandhom effetti legali għall-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE, li dawn iż-żewġ korpi jipprevedu li jadottaw fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, hija tinkludi wkoll punti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ministerjali, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218 (9) TFUE, iżda li xi wħud minnhom jeħtieġu l-approvazzjoni politika mill-Kunsill (din l-approvazzjoni se tintalab separatament).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“TKE”) għandu l-għan li joħloq qafas regolatorju u tas-suq stabbli u spazju regolatorju uniku għall-kummerċ fl-enerġija tan-network billi jimplimenta l-partijiet maqbula tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija fil-Partijiet mhux tal-UE. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TKE. 1 It-TKE jirreferi għall-Partijiet mhux tal-UE bħala “Partijiet Kontraenti”.

2.2.Il-Kunsill Ministerjali u l-PHLG tal-Komunità tal-Enerġija

Il-Kunsill Ministerjali jiżgura li l-objettivi stabbiliti fit-TKE jintlaħqu. Huwa jipprovdi linji gwida ġenerali ta’ politika, jieħu Miżuri u jadotta Atti Proċedurali. Kull Parti għandha vot wieħed u l-Kunsill Ministerjali jaġixxi b’regoli ta’ votazzjoni differenti skont is-suġġett. L-UE hija waħda mid-disa’ Partijiet u għandha vot wieħed, li jiddependi wkoll mis-suġġett ikkonċernat.

Il-vot b’unanimità japplika fir-rigward tal-atti previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punti 2.3.1 u 2.3.2 (l-Artikolu 100 TKE) u l-punt 2.3.5 (l-Artikolu 92 (1) TKE).

Il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tapplika fir-rigward tal-atti previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 2.3.3 u fit-Taqsima 2.4, il-punt 4 (l-Artikolu 82 TKE, l-Artikolu 83 TKE).

Il-vot b’maġġoranza sempliċi japplika fir-rigward tal-atti previsti elenkati hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 2.3.4 (l-Artikolu 91 (1) (a) TKE).

Fir-rigward tal-att previst elenkat hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 2.3.6, il-Kunsill Ministerjali jaħtar il-membri tal-Kumitat Konsultattiv b’kunsens.

Fir-rigward tal-att previst elenkat hawn taħt fit-Taqsima 2.4, il-punt 1, 2 u 3, il-Kunsill Ministerjali jadotta d-Deċiżjoni b’kunsens.

Il-PHLG huwa korp sussidjarju importanti tal-Kunsill Ministerjali. Fost kompiti oħra, huwa jista’ jieħu Miżuri, jekk jingħata s-setgħa mill-Kunsill Ministerjali. L-UE hija rappreżentata fil-PHLG u għandha vot wieħed.

L-Artikolu 47 tat-TKE jistipula li: “Il-Kunsill Ministerjali għandu jiżgura li l-objettivi stabbiliti f’dan it-Trattat jintlaħqu. Huwa għandu: […] (b) jieħu Miżuri […]”.

Fir-rigward tal-att previst elenkat hawn taħt fit-Taqsima 2.3, il-punt 7, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli jivvota bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa.

2.3L-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u l-PHLG

Il-Kunsill Ministerjali, fis-17 ta’ Diċembru 2020, u l-PHLG, fis-16 ta’ Diċembru 2020, se jadottaw għadd ta’ atti kull wieħed.

Il-proposta preżenti għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tirrigwarda l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin tal-Kunsill Ministerjali:

2.3.1. Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2146 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1999/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, l-istatistika ta’ kull xahar u l-istatistika ta’ kull xahar fuq żmien qasir dwar l-enerġija

2.3.2. Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/803 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

2.3.3. Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ Proġetti ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija

2.3.4. Id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1) TKE li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tat-TKE fil-każijiet li ġejjin:

(a)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/17

(b)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-10/18

2.3.5. Id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) TKE:

(a)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-adozzjoni ta’ miżuri bi tweġiba għall-ksur serju u persistenti mill-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawżi ECS-8/11S, ECS-2/13S u ECS-6/16S

(b)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC li tistabbilixxi ksur serju u persistenti kontra l-Ukrajna skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat fil-Kawża ECS-1/18S

(c) Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC li tistabbilixxi ksur serju u persistenti kontra s-Serbja skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat fil-Kawża ECS-10/17S.

2.3.6. Il-ħatra tal-Membri tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 32 (3) tal-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC.

Il-proposta preżenti għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tirrigwarda l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin tal-PHLG:

2.3.7. L-Att Proċedurali li jemenda l-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija tat-23/03/2011 li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija.

L-għan tal-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali u tal-PHLG (minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament “l-atti previsti”) huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-TKE u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (“ECS”) fi Vjenna li, fost affarijiet oħra, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.

2.4.Punti oħra fuq l-aġenda

Għall-finijiet ta’ kompletezza, huwa nnutat li, minbarra l-atti previsti, se jkun hemm għadd ta’ punti oħra fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali u tal-PHLG. Fir-rigward ta’ dawk il-punti, il-Kummissjoni beħsiebha tesprimi l-pożizzjonijiet li ġejjin f’isem l-Unjoni:

1.Il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2020 dwar il-Miri tal-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha

Fost l-objettivi ewlenin tat-TKE hemm il-ħolqien ta’ suq tal-enerġija pan-Ewropew integrat u sostenibbli bbażat fuq qafas regolatorju u tas-suq stabbli, li jattira l-investiment li huwa meħtieġ għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà soċjali, itejjeb is-sitwazzjoni ambjentali, kif ukoll irawwem l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Peress li s-settur tal-enerġija huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u minħabba r-rabtiet qawwija bejn il-politika tal-enerġija u l-klima, huwa importanti li jissaħħaħ il-qafas ta’ politika dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Komunità tal-Enerġija.

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta r-Rakkomandazzjoni 2016/02/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 525/2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-Rakkomandazzjoni 2018/01/MC-EnC dwar it-tħejjija għall-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

Id-Direttiva tal-2009 dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija ġew adottati u saru parti mill-ordni legali tal-Komunità tal-Enerġija permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali, inkluża mira tal-2020 għall-Komunità tal-Enerġija kollha kemm hi għall-effiċjenza fl-enerġija (espressa kemm fil-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll fil-konsum finali tal-enerġija) u miri speċifiċi għall-2020 għal kull Parti Kontraenti għall-enerġija rinnovabbli.

F’Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali adotta Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika dwar il-Miri tal-2030 għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Il-Linji Gwida kienu jirrappreżentaw il-kunsens politiku dwar l-istabbiliment ta’ tliet miri distinti tal-2030 dwar l-enerġija u l-klima: mira għall-effiċjenza fl-enerġija, mira għall-kontribut tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dawn il-miri jenħtieġ li jkunu konformi mal-miri tal-UE għall-2030, jirrappreżentaw ambizzjoni ugwali għall-Partijiet Kontraenti u jqisu d-differenzi soċjoekonomiċi rilevanti, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-ftehimiet politiċi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fl-2018 u fil-bidu tal-2019, ippermettew li r-regoli kollha introdotti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha jkunu fis-seħħ minn Ġunju 2019. It-tliet miri għall-enerġija u l-klima għall-2030, jiġifieri li jitnaqqsu b’mill-anqas 40 % l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbel mal-1990, mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-anqas 32,5 % u mira tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-anqas 32 % huma mnaqqxa b’mod sħiħ fil-leġiżlazzjoni tal-UE iżda r-reviżjoni ’l fuq ta’ dawn il-miri se tiġi proposta fl-2021 wara l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 biex sal-2030 l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’mill-anqas 55 %, meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2018/01/MC-EnC, u fid-dawl tal-obbligi tal-Partijiet Kontraenti fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u l-impenji tagħhom fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, flimkien mal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali rispettivi tagħhom (NDCs), il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija fis-17 ta’ Diċembru 2020 se jkompli d-diskussjoni tiegħu dwar il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 li huma daqstant ieħor ambizzjużi meta mqabbla mal-miri tal-2030 fl-Unjoni Ewropea u huma konformi mal-ambizzjoni akbar tal-UE kif ippreżentata f’emenda għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta, biex il-mira tat-tnaqqis ta’ mill-anqas 55 % fl-emissjonijiet sal-2030 tiġi inkluża bħala pass importanti lejn l-għan tan-newtralità klimatika tal-2050.

L-abbozz ta’ Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2020 dwar il-Miri tal-2030 u n-Newtralità Klimatika għall-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti tagħha se jirrappreżenta l-kunsens politiku milħuq fil-Kunsill Ministerjali u se joffri linji gwida politiċi dwar kif dawn jiġu stabbiliti.

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz ta’ Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2020. Il-Kummissjoni tista’ taqbel ma’ bidliet żgħar fl-abbozz ta’ Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika tal-2020, fid-dawl ta’ kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

2.Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija 2019-2020

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-adozzjoni tar-Rapport Annwali għall-perjodu 2019-2020.

3. Il-kwittanza finanzjarja tad-Direttur għall-2019 fuq il-bażi tar-Rapport tal-Awditjar għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri u r-Rapport tal-Kumitat tal-Baġit

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2020/1/MC-EnC dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għall-2019.

4. Ir-Rakkomandazzjoni 2020/1/MC-EnC dwar Proġetti ta’ Interess Reċiproku bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

   Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. 2 L-għan ta’ din il-miżura kien li jinħoloq qafas legali għall-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija fost il-Partijiet Kontraenti u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE.

   Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 kif adottat fil-Komunità tal-Enerġija jistabbilixxi qafas komprensiv għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, tar-regolamentazzjoni u tal-allokazzjoni tal-ispejjeż fil-Partijiet Kontraenti. Huwa jirrikjedi wkoll, soġġett għal għadd ta’ kriterji, deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali biex fil-qafas tat-Titolu III tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija tiġi stabbilita lista ta’ proġetti infrastrutturali prijoritarji msejħa proġetti ta’ interess għall-Komunità tal-Enerġija (PECI). Ir-Regolament jagħti wkoll il-possibbiltà li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tiegħu għal proġetti ta’ interess reċiproku (PMI), jiġifieri proġetti li jkunu rikonoxxuti minn żewġ Stati ġirien (Parti Kontraenti fuq naħa, u Stat Membru fuq in-naħa l-oħra) bħala importanti iżda li ma jkollhomx l-istatus legali ta’ PECI. L-iskadenza finali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament u l-iskadenza għall-istabbiliment tal-lista tal-PECI kienet il-31 ta’ Diċembru 2016.

   Kif mitlub mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, kif adottati fil-Komunità tal-Enerġija, inħolqu żewġ Gruppi ta’ ħidma sabiex titħejja lista tal-PECI, u rispettivament il-lista tal-PMI. Il-proġetti li ġew ippreżentati mill-promuturi tal-proġetti ġew ikkonsultati f’konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ECS fit-30 ta’ Marzu 2020. Matul l-2020, il-proġetti ġew evalwati fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom għall-istatus ta’ PECI u ta’ PMI.

Twettqet analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ kull proġett li wasslet għall-klassifikazzjoni tal-proġetti li kienet ibbażata fuq punteġġi speċifiċi relatati mal-livell ta’ ssodisfar tal-kriterji. Fi tmiem il-proċess, abbażi ta’ kunsens, ġie propost abbozz ta’ lista preliminari ta’ PMIs lill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli (PHLG), li ġie approvat fis-16 ta’ Lulju 2020. Wara l-opinjoni pożittiva tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija riċevuta fit-28 ta’ Lulju 2020, il-lista finali tal-PMIs trid tiġi maqbula mill-Kunsill Ministerjali fis-17 ta’ Diċembru 2020.

Il-lista tal-PMI hija valida għal sentejn mid-data tal-adozzjoni tagħha u hija limitata għall-qafas tar-Regolament (UE) Nru 347/2013. Kwalunkwe aġġornament futur ta’ din il-lista fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jirrifletti sewwa l-iżviluppi fil-livelli tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-miri tal-2030 u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll ir-reviżjoni futura tar-Regolament (UE) 347/2013.  

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li jiġi approvat l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni.

Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tfittex l-approvazzjoni tal-Kunsill.

3.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni

3.1.Atti previsti tal-Kunsill Ministerjali

3.1.1.Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2146 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1999/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, l-istatistika ta’ kull xahar u l-istatistika ta’ kull xahar fuq żmien qasir dwar l-enerġija

Il-Kummissjoni identifikat diversi aspetti tal-istatistika dwar l-enerġija miġbura skont ir-Regolament 1099/2008 li kellhom bżonn jiġu aġġornati u sussegwentement ġew modifikati fir-Regolament (UE) 2019/2146. Dawk il-bidliet jikkonċernaw b’mod partikolari d-diżaggregazzjoni akbar tal-istatistika dwar il-konsum finali tal-enerġija fl-industrija, l-aġġustamenti kunċettwali għad-definizzjonijiet tal-kummerċ tal-gass naturali biex tittejjeb il-konsistenza, biex ċerti punti ta’ rapportar isiru obbligatorji, u tittejjeb il-puntwalità tal-ġbir tad-data ta’ kull xahar għall-faħam u l-elettriku. Għall-finijiet tal-ġbir adegwat ta’ data statistika fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, huwa xieraq li r-Regolament (UE) 2019/2146 għalhekk jiġi traspost fl-acquis tal-Komunità tal-Enerġija.

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

3.1.2.Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/803 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Ir-Regolament (UE) 2016/1952 jistabbilixxi l-qafas għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea komparabbli dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku. Skont dan ir-Regolament, kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’rapporti ta’ kwalità standard dwar id-data. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ambitu u l-ġbir tad-data, il-kriterji tal-kalkolu, il-metodoloġija u s-sorsi tad-data użati u kwalunkwe bidla fihom. Għall-finijiet tal-ġbir adegwat ta’ data statistika fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, huwa xieraq li r-Regolament (UE) 2016/1952 jiġi traspost fl-acquis tal-Komunità tal-Enerġija.

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

3.1.3. Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ Proġetti ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija

   Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. 3 L-għan ta’ din il-miżura kien li jinħoloq qafas legali għall-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija fost il-Partijiet Kontraenti u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE.

   Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 kif adottat fil-Komunità tal-Enerġija jistabbilixxi qafas komprensiv għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, tar-regolamentazzjoni u tal-allokazzjoni tal-ispejjeż fil-Partijiet Kontraenti. Huwa jirrikjedi wkoll, soġġett għal għadd ta’ kriterji, deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali biex fil-qafas tat-Titolu III tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija tiġi stabbilita lista ta’ proġetti infrastrutturali prijoritarji msejħa proġetti ta’ interess għall-Komunità tal-Enerġija (PECI). L-iskadenza finali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament u l-iskadenza għall-istabbiliment tal-ewwel lista tal-PECI kienet il-31 ta’ Diċembru 2016. Il-lista għandha tiġi aġġornata kull sentejn.

   Kif mitlub mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, kif adottati fil-Komunità tal-Enerġija, inħolqu żewġ Gruppi ta’ ħidma sabiex titħejja l-lista tal-PECI. Il-proġetti li ġew ippreżentati mill-promoturi tal-proġetti kienu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ECS fit-30 ta’ Marzu 2020. Matul l-2020, il-proġetti ġew ivvalutati fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom għall-istatus ta’ PECI. Twettqet analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ kull proġett li wasslet għall-klassifikazzjoni tal-proġetti li kienet ibbażata fuq punteġġi speċifiċi relatati mal-livell ta’ ssodisfar tal-kriterji. Fi tmiem il-proċess, abbażi ta’ kunsens, ġie propost abbozz ta’ lista preliminari ta’ PECIs lill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli (PHLG), li ġie approvat fis-16 ta’ Lulju 2020. Wara l-opinjoni pożittiva tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija fit-28 ta’ Lulju 2020, il-lista finali tal-PECIs trid tiġi maqbula mill-Kunsill Ministerjali fis-17 ta’ Diċembru 2020.

Il-lista tal-PECIs hija valida għal sentejn mid-data tal-adozzjoni tagħha u hija limitata għall-qafas tar-Regolament (UE) Nru 347/2013. Kwalunkwe aġġornament futur ta’ din il-lista fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jirrifletti sewwa l-iżviluppi fil-livelli tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-miri tal-2030 u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll ir-reviżjoni futura tar-Regolament (UE) 347/2013.  

   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

3.1.4. Id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91(1) TKE li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tat-TKE fil-każijiet li ġejjin:

Il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim huma stabbiliti fit-Titolu III, il-Kapitolu 1, u t-Titolu IV, il-Kapitolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar is-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Trattat. 4

(a)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fil-Kawża ECS-13/17

Kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-aċċess ta’ partijiet terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni jikkostitwixxi “waħda mill-miżuri essenzjali” 5 li l-Partijiet Kontraenti jridu jimplimentaw sabiex iwettqu l-impenji tagħhom skont it-TKE. Skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva dwar il-Gass, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess ta’ partijiet terzi għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali għall-utenti kollha tas-sistema u li tapplika b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni, ibbażata fuq tariffi ppubblikati. L-Artikoli 16(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Gass jimponu l-obbligu fuq it-TSO li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti fis-suq il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti, filwaqt li jqis l-integrità tas-sistema u l-operat effiċjenti tan-netwerk, u li jimplimenta u jippubblika mekkaniżmi trasparenti u mhux diskriminatorji ta’ allokazzjoni tal-kapaċità. Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar il-Gass li jinqara flimkien mal-paragrafu 3.2(1)(a) tal-Anness I tiegħu, il-punti rilevanti għandhom jinkludu l-punti kollha ta’ dħul u ta’ ħruġ lejn u min-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali operat mit-TSO. L-obbligi relatati mal-aċċess ta’ partijiet terzi għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jirriżultaw mill-acquis tal-Komunità tal-Enerġija ġew trasposti fil-liġi nazzjonali Serba bil-Liġi dwar l-Enerġija u jridu jiġu implimentati mit-TSO skont ir-Regoli.

L-ECS iqis li Srbijagas, jiġifieri l-kumpanija li bħalissa qed taġixxi bħala t-TSO tal-gass naturali fir-Repubblika tas-Serbja u li hija responsabbli għall-punti kollha ta’ dħul u ħruġ lejn/mis-sistema Serba ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, naqset milli timplimenta dawn l-obbligi billi kompliet teskludi unilateralment il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni tal-gass naturali transfruntiera fil-punt tad-dħul ta’ Horgoš minn proċeduri ta’ allokazzjoni tal-kapaċità miftuħa u b’hekk naqset milli tiżgura aċċess għall-partijiet terzi fil-punt tad-dħul rispettiv. Huwa jikkontesta wkoll in-nuqqas tal-awtoritajiet Serbi kompetenti biex jinfurzaw l-obbligi rispettivi li fil-fatt jagħmlu dan.

Fuq bażi preliminari, l-ECS sab li minħabba l-esklużjoni mhux ġustifikata minn Srbijagas tal-punt tad-dħul ta’ Horgoš minn aċċess mhux ristrett u mhux diskriminatorju għal partijiet terzi u minn proċeduri ta’ allokazzjoni tal-kapaċità miftuħa, ir-Repubblika tas-Serbja qed tikser l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) 715/2009 u għalhekk, qed tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. Għalhekk l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali.

Fid-dawl tal-fatti u l-argumenti stabbiliti fit-Talba Motivata, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tiġi approvata d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fil-Kawża ECS-13/17, bil-kundizzjoni li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni f’waqtha li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali.

Barra minn hekk, jenħtieġ li din l-approvazzjoni ssir bil-kundizzjoni li l-ġustifikazzjoni fit-Talba Motivata tiġi modifikata bit-tneħħija tal-obiter dictum fil-punt (71) tagħha li jirreferi għal abbuż possibbli ta’ pożizzjoni dominanti. Dan l-obiter dictum mhuwiex rilevanti għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ksur fil-każ inkwistjoni u jirriskja li joħloq inċertezza legali.

(b) Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar in-nuqqas tal-Bożnija-Ħerzegovina li tikkonforma mat-Trattat fil-Kawża ECS-10/18

L-Artikolu 18(1)(c) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija jinkludi projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat li skont l-Artikolu 19 tat-Trattat tapplika wkoll għal impriżi pubbliċi u impriżi, li jkunu ngħataw drittijiet speċjali jew esklużivi. Dawn id-dispożizzjonijiet, flimkien mal-Artikolu 6 tat-Trattat, jeħtieġu li l-Partijiet Kontraenti jintroduċu projbizzjoni korrispondenti tal-għajnuna mill-Istat fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom u jiżguraw l-infurzar tagħha.

L-ECS b’mod preliminari sab li l-Kunsill dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Bożnija-Ħerzegovina ddeċieda b’mod żbaljat li garanzija maħruġa mill-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina favur l-Export-Import Bank of China biex tiżgura self tal-kumpanija tal-utilità pubblika Elektroprivreda Bosne i Hercegovine għall-proġett Tuzla 7 ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 18(1)(c) tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. Is-Segretarjat ivvaluta d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Għajnuna mill-Istat f’termini tal-konformità tagħha mad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li tkopri l-elementi li ġejjin: (1) impriża tingħata vantaġġ, (2) mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, (3) li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti riżorsi tal-enerġija, (4) jista’ jfixkel il-kompetizzjoni u (5) jista’ jaffettwa l-kummerċ tal-enerġija tan-network bejn il-Partijiet Kontraenti. Is-Segretarjat ikkonkluda b’mod preliminari li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Għajnuna mill-Istat mhijiex konformi mad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u l-garanzija pubblika tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Billi l-Kunsill dwar l-Għajnuna mill-Istat huwa korp tal-Istat, l-azzjonijiet tiegħu huma attribwibbli lill-Bożnija-Ħerzegovina li b’hekk tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. L-ECS ippreżenta lill-Kunsill Ministerjali Talba Motivata biex jiddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

Fid-dawl tal-fatti u l-argumenti stabbiliti fit-Talba Motivata, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tiġi approvata d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fil-Kawża ECS-10/18, ladarba l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija, wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2020, ikun ta opinjoni li tappoġġa s-sejbiet tal-ECS u soġġett għal żviluppi ġodda dwar il-każ.

3.1.5.Id-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) TKE:

(a)Id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri bi tweġiba għall-ksur serju u persistenti mill-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) TKE fil-Kawżi ECS-8/11S, ECS-2/13S u ECS-6/16S

(i)L-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) tat-TKE fil-Kawża ECS-8/11S

Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC li tiddikjara li l-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali 2013/04/MC-EnC u 2014/04/MC-EnC fil-Kawża ECS-8/11 relatati man-nuqqas ta’ konformità mill-Bożnija-Ħerzegovina mat-Tieni Pakkett dwar l-Enerġija (gass) u għalhekk biex tirrettifika l-ksur serju u persistenti identifikat f’dawn id-Deċiżjonijiet. In-nuqqas ta’ konformità dak iż-żmien kien ikopri n-nuqqas ta’ entità regolatorja b’kompetenzi fil-livell tal-Istat, ta’ entità regolatorja kompetenti għall-gass fil-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, in-nuqqas ta’ separazzjoni legali, funzjonali u tal-kontijiet xierqa f’kull entità, in-nuqqas ta’ tariffi tan-network stabbiliti u ppubblikati kif suppost, kwistjonijiet relatati ma’ eżenzjonijiet għal infrastruttura ġdida, in-nuqqas ta’ ftuħ tas-suq u n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1775/2005 ta’ dak iż-żmien dwar il-Gass u d-Direttiva 2004/67/KE ta’ dak iż-żmien dwar is-Sigurtà tal-Provvista. Il-Kunsill Ministerjali adotta l-miżuri li ġejjin skont l-Artikolu 92 TKE:

·Id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Miżuri u Atti Proċedurali adottati skont il-Kapitolu VI tat-Titolu V (relatat mal-baġit) tat-Trattat ġie sospiż u l-ECS ġie mitlub jissospendi l-applikazzjoni tar-Regoli ta’ Rimborż tiegħu għar-rappreżentanti tal-Bożnija-Ħerzegovina għal-laqgħat kollha organizzati mill-Komunità tal-Enerġija.

L-effett tal-miżuri skont l-Artikolu 92 kien limitat għal sena u ġie sospiż bejn Ottubru 2016 u l-31 ta’ Marzu 2017 sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tista’ timplimenta l-“Ftehim dwar it-Tneħħija ta’ Ksur Serju u Persistenti skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fis-settur tal-gass” li ġie ffirmat fil-marġini tal-Kunsill Ministerjali tal-14 ta’ Ottubru 2016.

Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħadet l-ebda passi biex tirrettifika l-ksur, il-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni 2015/10/MC-EnC reġgħu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017. Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC dwar l-estensjoni tal-miżuri imposti fuq il-Bożnija-Ħerzegovina sa issa b’sena. Barra minn hekk, huwa ssospenda d-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa fil-voti għal Miżuri adottati skont it-Titolu II tat-Trattat dwar l-adozzjoni ta’ acquis ġdid fis-settur tal-gass mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità tal-Enerġija. Huwa ssospenda wkoll id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’voti għal Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat (sanzjonar ta’ ksur tat-Trattat).

Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħadet l-ebda miżuri biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/17/MC-EnC, fit-8 ta’ Ottubru 2019 l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għal estensjoni ulterjuri tas-sanzjonijiet. Din it-talba ma ġietx aċċettata mill-Kunsill Ministerjali tal-2019 minħabba nuqqas ta’ unanimità u għalhekk il-miżuri fis-seħħ ma ġewx estiżi. Fl-2019, il-pożizzjoni tal-Unjoni adottata għall-Kunsill Ministerjali kienet li tappoġġa t-talba tal-ECS għal estensjoni.

F’Talba Motivata ġdida tat-22 ta’ Settembru 2020 lill-Kunsill Ministerjali, l-ECS jitlob li tiġi kkonfermata mill-ġdid l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tal-obbligi tat-Trattat mill-Bożnija-Ħerzegovina fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza murija ta’ sforzi biex dan jiġi rettifikat. Fir-rigward tal-Miżuri, huwa jipproponi:

·li d-durata tal-Miżuri li kienu ttieħdu qabel skont id-Deċiżjoni 2015/10/EnC u d-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC (sospensjoni tad-drittijiet tal-vot fi kwistjonijiet baġitarji u sospensjoni tar-regoli dwar ir-rimborż) tiġi estiża għal sentejn mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

·li tiżdied Miżura li tikkonsisti fis-sospensjoni tad-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’votazzjonijiet għal Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91 tat-Trattat sal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fl-2022.

·li l-applikazzjoni tal-Miżura li tikkonsisti fis-sospensjoni tad-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’votazzjonijiet għal Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92 TKE tiġi estiża sal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fl-2022.

Minħabba l-persistenza u l-importanza tal-ksur identifikat, il-miżuri proposti huma xierqa u proporzjonati sa fejn huma bbażati fuq l-Artikolu 92(1) TKE. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ għalhekk tkun li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC, li l-estensjoni tagħhom ma għandhiex tiġi approvata.

(ii)L-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) TKE fil-Kawża ECS-2/13S

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/03/MC-EnC fil-Kawża ECS-02/13 li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija mill-Bożnija-Ħerzegovina, billi naqset milli tiżgura li ma jintużawx żjut tal-fjuwil tqal jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jaqbeż 1.00 % skont il-massa fit-territorju kollu tagħha u billi naqset milli tiżgura li ma jintużawx żjut tal-gass jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jaqbeż 0.1 % skont il-massa fit-territorju kollu tagħha. B’dan il-mod il-Bożnija-Ħerzegovina naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 1999/32/KE flimkien mal-Artikolu 16 tat-Trattat.

Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħadet l-ebda miżura biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/03/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018 l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali li permezz tagħha beda l-Kawża ECS-2/13S skont l-Artikolu 92 tat-Trattat. Bid-Deċiżjoni tiegħu 2018/13/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa ksur serju u persistenti tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat mill-Bożnija-Ħerzegovina li naqset milli tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-2016 tal-Kunsill Ministerjali. Madankollu, huwa ppospona l-adozzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għall-2019. Minħabba n-nuqqas ta’ progress, l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali tal-2019 fejn talab l-impożizzjoni ta’ Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat. Madankollu, il-Kunsill Ministerjali ma adottax deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ unanimità u ma ġewx imposti Miżuri. Fl-2019, l-Unjoni Ewropea appoġġat l-impożizzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

Sal-lum, il-Bożnija-Ħerzegovina ssostni l-ħtieġa ta’ eżenzjoni ġenerali u mingħajr kundizzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE. Filwaqt li hija ħabbret l-istabbiliment f’Lulju 2020 ta’ grupp ta’ ħidma ddedikat dwar il-kwalità tal-fjuwils likwidi miż-żejt, l-ECS ma jqisx li dan huwa pass suffiċjenti biex jiġi rrettifikat il-ksur eżistenti tal-qafas legali. Fuq din il-bażi, fit-22 ta’ Settembru 2020 l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali fejn talab:

·konferma li għadu jeżisti ksur serju u persistenti tat-Trattat skont l-Artikolu 92(1) TKE.

·l-impożizzjoni ta’ Miżuri skont l-Artikolu 92 TKE, b’mod partikolari biex jiġi sospiż id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’votazzjonijiet għal Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 91 u 92 TKE sal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fl-2022.

Minħabba l-persistenza u l-importanza tal-ksur identifikat, il-miżuri proposti huma xierqa u proporzjonati. Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni.

(iii)L-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 92(1) TKE fil-Kawża ECS-6/16S

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali adotta d-Deċiżjoni 2016/07/MC-EnC fil-Kawża ECS-06/16 li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija mill-Bożnija-Ħerzegovina, billi naqset milli tadotta u tapplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tikkonforma mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija fis-setturi tal-gass u tal-elettriku 6 sal-1 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Ministerjali 2011/02/MC-EnC u billi ma nnotifikatx minnufih dawk il-miżuri lill-ECS. B’hekk hija naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 6 u 89 tat-Trattat kif ukoll mal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2011/02/MC-EnC.

Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħadet l-ebda miżura biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2016/07/MC-EnC, fit-12 ta’ Settembru 2018 l-ECS ippreżenta Talba Motivata lill-Kunsill Ministerjali li permezz tagħha beda l-Kawża ECS-6/16S skont l-Artikolu 92 tat-Trattat. Bid-Deċiżjoni tiegħu 2018/16/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa ksur serju u persistenti tal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija mill-Bożnija-Ħerzegovina billi naqset milli timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/07/MC-EnC u għalhekk li tirrettifika l-ksur identifikat f’din id-Deċiżjoni. Madankollu, huwa ppospona l-adozzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat għall-2019.

Billi l-Bożnija-Ħerzegovina ma ħadet l-ebda miżura biex tirrettifika l-ksur identifikat fid-Deċiżjoni 2018/16/MC-EnC u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-konformità tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-obbligi tagħha msemmija hawn fuq baqgħet tikser l-acquis tal-Komunità tal-Enerġija, l-ECS ippreżenta Talba għal Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat lill-Kunsill Ministerjali datata t-8 ta’ Ottubru 2019. Madankollu, il-Kunsill Ministerjali ma adottax Deċiżjoni f’dan ir-rigward minħabba n-nuqqas ta’ unanimità. Fil-pożizzjoni tagħha, l-Unjoni Ewropea appoġġat l-adozzjoni ta’ Miżuri tal-2019 kif proposta mill-ECS. Fit-22 ta’ Settembru 2020, is-Segretarjat ippreżenta Talba Motivata ġdida lill-Kunsill Ministerjali bbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità kontinwu mill-Bożnija-Ħerzegovina mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija fis-settur tal-gass jew tal-elettriku. Huwa jitlob:

·konferma li għadu jeżisti ksur serju u persistenti tat-Trattat skont l-Artikolu 92(1) TKE.

·li jiġu imposti Miżuri skont l-Artikolu 92 tat-Trattat, b’mod partikolari biex jiġi sospiż id-dritt tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipparteċipa f’votazzjonijiet għal Deċiżjonijiet skont l-Artikoli 91 u 92 tat-TKE sal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali fl-2022.

Minħabba l-persistenza u l-importanza tal-ksur identifikat, il-miżuri proposti huma xierqa u proporzjonati. Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni.

(b)Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC li tistabbilixxi ksur serju u persistenti kontra l-Ukrajna skont l-Artikolu 92(1) tat-TKE fil-Kawża ECS-1/18S

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija ġiet inkorporata fl-acquis communautaire tal-Komunità tal-Enerġija bid-Deċiżjoni 2015/08/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija tas-16 ta’ Ottubru 2015.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/08/MC-EnC jirrikjedi li l-Partijiet Kontraenti jittrasponu d-Direttiva 2012/27/UE fil-qafas legali nazzjonali u jimplimentawha mill-15 ta’ Ottubru 2017. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2015/08/MC-EnC jirrikjedi wkoll li l-Partijiet Kontraenti jikkomunikaw lill-ECS it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert mid-Deċiżjoni 2015/08/MC-EnC. L-Artikolu 6 tat-Trattat jimponi fuq il-Partijiet l-obbligu ġenerali li jieħdu l-miżuri xierqa kollha, kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk partikolari, biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattat. L-Artikolu 89 tat-Trattat jirrikjedi li l-Partijiet jimplimentaw id-Deċiżjonijiet indirizzati lilhom fis-sistema legali domestika tagħhom fil-perjodu speċifikat fid-Deċiżjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2018/06/MC-EnC tad-29 ta’ Novembru 2018 stabbiliet nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tikkonforma mad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija sal-15 ta’ Ottubru 2017. B’hekk l-Ukrajna naqset milli tikkonforma mal-Artikoli 6 u 89 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija kif ukoll mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2015/08/MC-EnC. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali stiednet lill-Ukrajna biex tirrettifika dan in-nuqqas sal-1 ta’ Lulju 2019 u biex tirrapporta b’mod regolari lis-Segretarjat u lill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli. L-ECS sab li, sal-lum, l-Ukrajna ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2012/27/UE, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2018/06/MC-EnC. Għalhekk huwa ppreżenta Talba lill-Kunsill Ministerjali għal Deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tat-TKE mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tqis il-progress li diġà sar mill-Ukrajna dwar dan is-suġġett kif ukoll l-assistenza teknika ppjanata tal-UE lill-Ukrajna dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li għandha tintbagħat mill-1 ta’ Diċembru 2020 għal perjodu ta’ sentejn. Din l-assistenza teknika jenħtieġ li tippermetti lill-Ukrajna li tallinja b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni domestika tagħha mad-Direttiva 2012/27/UE. Għalhekk, l-iskadenza għar-rappurtar u għar-rettifika tal-ksur identifikat jenħtieġ li tiskadi sad-data tal-Kunsill Ministerjali tal-2021 minflok l-1 ta’ Lulju 2021 kif propost mill-ECS.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tapprova d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti fil-Kawża ECS-1/18S, bil-kundizzjoni li l-iskadenza għar-rappurtar lill-Kunsill Ministerjali mill-Ukrajna u għar-rettifika tal-ksur mill-Ukrajna tiġi stabbilita fid-data tal-Kunsill Ministerjali tal-2021.

(c) Id-Deċiżjoni 2020/…/Mc-EnC dwar in-nuqqas tas-Serbja li tikkonforma mat-TKE fil-Kawża ECS-10/17S

Is-separazzjoni tat-TSOs tikkostitwixxi wieħed mill-kunċetti ewlenin stabbiliti fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija. Hija tirrikjedi s-separazzjoni effettiva tal-attivitajiet tat-trażmissjoni tal-enerġija mill-interessi tal-produzzjoni u tal-provvista. Fil-każ taċ-ċertifikazzjoni ta’ TSO li jkun ikkontrollat minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi, japplika l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Gass 7 . L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Gass jistipula li qabel ma impriża tiġi approvata u maħtura bħala TSO, jeħtieġ li tiġi ċċertifikata. Sabiex tiġi ċċertifikata, l-impriża jeħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżiti tas-separazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, jiġifieri mal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Gass.

Id-Direttiva dwar il-Gass kif ukoll ir-Regolament dwar il-Gass 8 ġew inkorporati fl-acquis tal-Komunità tal-Enerġija bid-Deċiżjoni 2011/02/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tas-6 ta’ Ottubru 2011.

L-ECS sab li biċ-ċertifikazzjoni ta’ Yugorosgaz-Transport skont il-mudell ISO, ir-Repubblika tas-Serbja naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 10, 14(2)(a), 14(2)(b), 14(2)(d), 15 u 11 tad-Direttiva 2009/73/KE kif ukoll skont l-Artikolu 24 tar-Regolament 2009/715, kif inkorporati fil-Komunità tal-Enerġija. Fl-2019, il-Kunsill Ministerjali ddikjara fid-Deċiżjoni tiegħu 2019/02/MC-EnC li r-Repubblika tas-Serbja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li joħorġu mid-Direttiva dwar il-Gass u r-Regolament dwar il-Gass. Is-Segretarjat isostni li r-Repubblika tas-Serbja s’issa għadha ma implimentatx id-Deċiżjoni 2019/02/MC-EnC u għadha ma rrettifikatx l-imsemmi ksur tal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija. Għalhekk l-ECS ippreżenta lill-Kunsill Ministerjali talba biex jiġi determinat ksur serju u konsistenti tal-obbligi skont t-TKE fis-sens tal-Artikolu 92(1) tiegħu.

Fid-dawl tal-fatti u l-argumenti stabbiliti fit-Talba tal-ECS, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali jenħtieġ li tkun li tapprova d-deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti fil-Kawża ECS-10/17S.

3.1.6.Il-ħatra tal-Membri tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 32 (3) tal-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC

Bil-ħatriet proposti, il-mandati tal-membri attwali u l-membri supplenti tal-Kumitat Konsultattiv jiġu estiżi għal mandat addizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2024, skont l-Artikolu 32 (3), ir-regoli skont l-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC.

F’isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-ħatriet proposti.

 

3.2.L-atti previsti tal-PHLG

Punt imsemmi aktar ’il fuq (it-Taqsima 2.3) jeħtieġ Deċiżjoni mill-PHLG, li fiha l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tiġi espressa mir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-2011, il-PHLG adotta l-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija. L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni ta’ dan l-Att Proċedurali wriet li r-regoli proċedurali attwali jeħtieġ li jittejbu sabiex jiġi salvagwardjat il-prinċipju ta’ proċess ġust u jingħata kontribut għal ambjent ta’ ħidma produttiv fi ħdan l-ECS. F’dan l-isfond, id-Deċiżjoni proposta tal-PHLG temenda r-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Arbitraġġ kif stipulat fl-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC. L-elementi ewlenin tal-emendi previsti huma:

 

·li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Partijiet Kontraenti l-oħra jaħtru rappreżentanti permanenti fil-Kumitat tal-Arbitraġġ li jkunu lesti li jindirizzaw it-talbiet għall-arbitraġġ fi żmien qasir;

·li jippermettu lill-Kumitat tal-Arbitraġġ li jassumi l-funzjonijiet tiegħu jekk xi rappreżentanti ma jkunux ġew maħtura fil-ħin;

·li jagħtu s-setgħa lill-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrifjuta l-approvazzjoni ta’ soluzzjoni jekk dik is-soluzzjoni tirriżulta f’konsegwenzi finanzjarji għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkunu manifestament inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; u

·li jippermettu lill-Kumitat tal-Arbitraġġ jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-ECS u jinforma lill-Kunsill Ministerjali kif xieraq f’każ li proċediment ta’ arbitraġġ jindika l-eżistenza ta’ nuqqasijiet strutturali fl-ECS.

Għall-finijiet tal-effiċjenza u soġġett għall-adozzjoni tal-emenda proposta tal-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC mill-PHLG, il-Kummissjoni ħatret lis-Sur Manuel Kellerbauer bħala membru permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Sur Lars Albath bħala membru supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom l-għarfien espert xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u ma hemmx dubji raġonevoli dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tagħhom. Huma jaġixxu b’indipendenza sħiħa u ma jkunu soġġetti għall-ebda struzzjoni fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kumitat tal-Arbitraġġ.

Fuq din il-bażi, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-PHLG jenħtieġ li tkun li tapprova l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-PHLG li jemenda l-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija tat-23/03/2011 li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija. Fid-dawl ta’ kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jew tal-ECS qabel jew waqt il-laqgħa tal-PHLG, jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-PHLG.

Il-Kunsill jenħtieġ li jikkonferma wkoll, soġġett għall-adozzjoni mill-PHLG tal-emenda proposta tal-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC, il-ħatra mill-Kummissjoni Ewropea taż-żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni indikati bħala membri permanenti u supplenti permanenti tal-Kumitat tal-Arbitraġġ li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Ministerjali u l-PHLG huma korpi stabbiliti bi ftehim, jiġifieri t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

L-atti li l-Kunsill Ministerjali u l-PHLG huma mitluba jadottaw jikkostitwixxu atti b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont il-liġi internazzjonali skont l-Artikolu 76 TKE, li skontu deċiżjoni tkun legalment vinkolanti għal dawk li lilhom tkun indirizzata.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-enerġija.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 194 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2020/0346 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Tivat, Montenegro, is-16 u s-17 ta’ Diċembru 2020)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 10 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

(2)Skont l-Artikoli 47 u 76 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jadotta Miżuri li jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni.

(3)Il-Kunsill Ministerjali, matul it-18-il sessjoni tiegħu fis-17 ta’ Diċembru 2020, għandu jadotta għadd ta’ atti elenkati fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni.

(4)Il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli, matul id-59 laqgħa tiegħu fis-16 ta’ Diċembru 2020, għandu jadotta att elenkat fl-Anness 2 għal din id-Deċiżjoni.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali u l-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli, peress li l-atti previsti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni.

(6)L-għan tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi Vjenna li, fost affarijiet oħra, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-18-il sessjoni tal-Kunsill Ministerjali li għandu jsir f’Tivat, fil-Montenegro fis-17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija stabbilita fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fid-59 laqgħa tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli li għandha ssir f’Tivat, fil-Montenegro fis-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija stabbilita fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L198, 20.7.2006, p. 15.
(2)    D/2015/09/MC-EnC
(3)    D/2015/09/MC-EnC
(4)    L-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont it-Trattat kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC tas-16 ta’ Ottubru 2015 dwar l-emenda tal-Att Proċedurali 2008/01/MC-EnC tas-27 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont it-Trattat.
(5)    Is-Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks AG, C-439/06, ECLI:EU:C:2008:298, paragrafu 44; is-Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C-239/07, ECLI:EU:C:2008:551, paragrafu 33; is-Sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium NV, C-492/14, ECLI:EU:C:2016:732, paragrafu 76
(6)    Id-Direttiva 2009/72/KE, id-Direttiva 2009/73/KE, ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009.
(7)    Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE.
(8)    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.
(9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(10)    ĠU L198, 20.7.2006, p. 15.

Brussell, 26.11.2020

COM(2020) 781 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija u fil-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (Tivat, Montenegro, is-16 u s-17 ta’ Diċembru 2020)



ANNESS I

Kunsill Ministerjali

1.Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2146 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1999/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, l-istatistika ta’ kull xahar u l-istatistika ta’ kull xahar fuq żmien qasir dwar l-enerġija

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2020 (C(2020) 8439 final) li tistabbilixxi proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija għal Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2146 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1999/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, l-istatistika ta’ kull xahar u l-istatistika ta’ kull xahar fuq żmien qasir dwar l-enerġija.   

2.Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/803 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2020 (C(2020) 8439 finali) li tistabbilixxi proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija għal Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/803 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.Id-Deċiżjoni 2020/../MC-EnC dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ proġetti ta’ interess għall-komunità tal-enerġija

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni kif stabbilit fl-Addendum ta’ dan l-Anness.

4.ID-DEĊIŻJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU 91(1) TKE LI JISTABBILIXXU L-EŻISTENZA TA’ KSUR TAT-TRATTAT DWAR IL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA FIL-KAŻIJIET LI ĠEJJIN:

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni skont l-Artikolu 91(1) TKE li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi:

(a)Il-Kawża ECS-13/17 (is-Serbja), bil-kundizzjoni li l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija jagħti opinjoni li tappoġġa s-sejbiet tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali u li l-obiter dictum fil-punt (71) tat-Talba Motivata jitneħħa.

(b)Il-Kawża ECS-10/18 (il-Bożnija-Ħerzegovina), ladarba l-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità tal-Enerġija, wara s-seduta fid-9 ta’ Diċembru 2020, ikun ta opinjoni li tappoġġa s-sejbiet tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u soġġett għall-iżviluppi ġodda dwar il-kawża.

5.ID-DEĊIŻJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU 92(1) TKE DWAR L-ADOZZJONI TA’ MIŻURI BI TWEĠIBA GĦALL-KSUR SERJU U PERSISTENTI MILL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA TAT-TRATTAT DWAR IL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA FIL-KAWŻI ECS-8/11S, ECS-2/13S U ECS-6/16S; DWAR L-UKRAJNA FIL-KAWŻA ECS-1/18S U DWAR IS-SERBJA FIL-KAWŻA ECS-10/17S.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 92(1) TKE dwar il-Bożnija-Ħerzegovina fil-kawżi ECS-2/13S u ECS-6/16S. Fir-rigward tal-Kawża ECS-8/11S dwar il-Bożnija-Ħerzegovina, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li tapprova l-abbozz ta’ Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2016/16/MC-EnC, li l-estensjoni tagħhom jenħtieġ li ma tiġix approvata.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali dwar l-Ukrajna fil-Kawża ECS-1/18S għandha tkun li tapprova d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti, bil-kundizzjoni li l-iskadenza għar-rappurtar lill-Kunsill Ministerjali mill-Ukrajna u għar-rettifika tal-ksur mill-Ukrajna tiġi stabbilita fid-data tal-Kunsill Ministerjali tal-2021.

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali hija li tapprova d-Deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti skont l-Artikolu 92(1) TKE dwar is-Serbja fil-Kawża ECS-10/17S.

6.Il-ħatra tal-Membri tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 32 (3) tar-regoli tal-Att Proċedurali Nru 2008/01/MC-EnC dwar ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim kif emendat bl-Att Proċedurali 2015/04/MC-EnC

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li tappoġġa l-ħatriet proposti.



ADDENDUM GĦALL-ANNESS I

Id-Deċiżjoni 2020/…/MC-EnC dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ proġetti ta’ interess għall-komunità tal-enerġija (“lista tal-Komunità tal-Enerġija”)

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (“It-Trattat”), u b’mod partikolari l-Artikoli 2, 26, 27, 82 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija D/2015/09/MC-EnC dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament, kif adottat fil-Komunità tal-Enerġija.

Wara li kkunsidra l-proposta mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,

Billi:

(1)    Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta Deċiżjoni 1 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea.

(2)    Skont l-Artikolu 82 tat-Trattat, il-miżuri għandhom jiġu proposti minn Parti jew mis-Segretarjat.

(3)    Il-proġetti proposti għall-inklużjoni fil-lista ta’ proġetti ta’ interess għall-Komunità tal-Enerġija (“PECIs”) ġew valutati mill-Gruppi u jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament.

(4)    L-abbozz ta’ lista preliminari tal-PECIs ġie miftiehem mill-Gruppi fil-laqgħat ta’ livell tekniku. Wara l-opinjoni pożittiva tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija (“ECRB”) dwar l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji ta’ valutazzjoni u l-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji, il-lista proposta ġiet diskussa fis-56 laqgħa tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (“PHLG”) fis-16 ta’ Lulju 2020 u din id-Deċiżjoni ġiet iffinalizzata u approvata mill-PHLG li jaġixxi bħala korp deċiżjonali, għal dan l-għan.

(5)    L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-produtturi, l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, il-fornituri, u l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur u tal-ambjent ġew ikkonsultati dwar il-proġetti proposti għall-inklużjoni fil-lista tal-Komunità tal-Enerġija.

(6)    L-inklużjoni tal-lista tal-PECI hija mingħajr preġudizzju għar-riżultat tal-valutazzjoni ambjentali rilevanti u l-proċedura tal-permessi. Skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament adottat, proġett li ma jikkonformax mal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija jista’ jitneħħa mil-lista tal-Komunità tal-Enerġija. L-implimentazzjoni tal-PECIs, inkluża l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità tal-Enerġija, jenħtieġ li tiġi mmonitorjata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament.

(7)    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament adottat, il-lista tal-Komunità tal-Enerġija tiġi stabbilita kull sentejn permezz ta’ Deċiżjoni skont it-Titolu III tat-Trattat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1



Il-lista ta’ PECIs hija adottata kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

Magħmul f’Tivat, fi … 2020

Għall-Presidenza

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Introduzzjoni

Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija adotta Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. 2 L-għan ta’ din il-miżura kien li jinħoloq qafas legali għall-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija fost il-Partijiet Kontraenti u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE.

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 kif adottat fil-Komunità tal-Enerġija jistabbilixxi qafas komprensiv għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, tar-regolamentazzjoni u tal-allokazzjoni tal-ispejjeż fil-Partijiet Kontraenti. Huwa jirrikjedi wkoll, soġġett għal għadd ta’ kriterji, deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali biex taħt it-Titolu III tat-TKE tiġi stabbilita lista ta’ proġetti infrastrutturali ta’ prijorità msejħa proġetti ta’ interess għall-Komunità tal-Enerġija (PECI). L-iskadenza finali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament u l-iskadenza għall-istabbiliment tal-ewwel lista tal-PECI kienet il-31 ta’ Diċembru 2016. Il-lista għandha tiġi aġġornata kull sentejn.

Kif mitlub mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, kif adottat fil-Komunità tal-Enerġija, inħolqu żewġ Gruppi ta’ ħidma sabiex iħejju lista tal-PECI. Il-proġetti li ġew sottomessi mill-promoturi tal-proġetti kienu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika mnedija mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fit-30 ta’ Marzu 2020. Matul l-2020, il-proġetti ġew ivvalutati fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom għall-istatus tal-PECI. Twettqet analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ kull proġett li wasslet għall-klassifikazzjoni tal-proġetti li kienet ibbażata fuq punteġġi speċifiċi relatati mal-livell ta’ ssodisfar tal-kriterji. Fi tmiem il-proċess, abbażi ta’ kunsens, ġie propost abbozz ta’ lista preliminari ta’ PECIs lill-korp deċiżjonali li huwa l-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija (PHLG), li ġie approvat fis-16 ta’ Lulju 2020. Wara l-opinjoni pożittiva tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija li waslet fit-28 ta’ Lulju 2020, il-lista finali tal-PECI trid tiġi maqbula mill-Kunsill Ministerjali fis-17 ta’ Diċembru 2020.

L-Anness bil-lista rispettiva ta’ proġetti huwa stabbilit skont il-proċess deċiżjonali kif deskritt hawn fuq.

2. Bażi ġuridika tal-proposta

Skont l-Artikolu 82 tat-TKE, il-Kunsill Ministerjali għandu jieħu miżuri skont it-Titolu III fuq proposta minn Parti jew mis-Segretarjat.

Skont il-paragrafu 5 (a) tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni, il-Kunsill Ministerjali għandu jistabbilixxi l-lista ta’ proġetti ta’ interess għall-Komunità tal-Enerġija permezz ta’ Deċiżjoni skont it-Titolu III tat-Trattat.

Is-Segretarjat jissottometti l-Lista ta’ PECI proposta fl-Anness fuq inizjattiva tal-Grupp tal-Elettriku, rispettivament, il-Grupp tal-Gass u ż-Żejt u bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk u sa fejn is-Segretarjat ikun qed jiġi mgħarraf bi kwalunkwe tħassib rigward il-konformità ta’ Proġett ta’ Interess għall-Komunità tal-Enerġija mal-liġi tal-Komunità tal-Enerġija, huwa jista’ jipproponi lill-Kunsill Ministerjali li jneħħi l-Proġett mil-Lista skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Linji Gwida għall-Infrastruttura tal-Enerġija trans-Ewropea, kif inkorporati fil-Komunità tal-Enerġija.

ANNESS

Lista ta’ PECI fl-Elettriku

EL_01

Kuritur Transbalkan

a

400 kV OHL ġdid SS Kragujevac 2 (RS) – SS Kraljevo 3 (RS), b’titjib fil-livell tal-vultaġġ f’SS Kraljevo 3 (RS) għal-livell ta’ vultaġġ ta’ 400 kV

b

Ċirkwit doppju ġdid 400 kV OHL SS Obrenovac (RS) – SS Bajina Basta (RS) b’titjib ta’ SS Bajina Basta (RS) għal 400 kV

c

Interkonnessjoni ġdida ta’ 400 kV bejn SS Bajina Basta (RS) - Visegrad (BA) - Pljevlja (ME)

Lista ta’ PECI fil-Gass

Isem il-Proġett

Cluster

Gas_13

Pipeline tal-Gass Albanija-Kosovo 3* - ALKOGAP

Il-forniment tal-cluster tal-proġetti kompetittivi tal-Kosovo

Gas_26

Interkonnettur Maċedonja ta’ Fuq-Kosovo

Il-forniment tal-cluster tal-proġetti kompetittivi tal-Kosovo

Gas_11

Interkonnettur Serbja-Maċedonja ta’ Fuq

Il-forniment tal-cluster tal-proġetti kompetittivi tal-Maċedonja ta’ Fuq

Gas_09

L-Interkonnettur Bulgarija-Serbja (PCI) bħala proġett li jikkompeti mal-espansjoni TurkStream fis-Serbja (il-proġett Gastrans)

M/A

Lista ta’ PECI fiż-Żejt

Oil_01    

Il-pipeline taż-żejt Ukrajna-Polonja (Brody - Adamowo)

ANNESS II

PHLG

L-Att Proċedurali 2020/.../phlg-enc li jemenda l-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG –EnC tal-grupp permanenti ta’ livell għoli tal-komunità tal-enerġija li jistabbilixxi r-regoli dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi approvat l-abbozz ta’ Att proċedurali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2020 (C(2020) 8437 final) li tistabbilixxi proposta tal-Kummissjoni lill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija għal Att Proċedurali tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija li jemenda l-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-Komunità tal-Enerġija tat-23/03/2011 li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ fi kwistjonijiet tal-persunal skont l-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija. 

Jistgħu jiġu maqbula bidliet żgħar fl-abbozz ta’ Att Proċedurali, fid-dawl tal-kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jew mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew fil-laqgħa tal-PHLG. 

F’dan il-kuntest, il-Kunsill jikkonferma, soġġett għall-adozzjoni mill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli tal-emenda proposta tal-Att Proċedurali Nru 01/2011 PHLG-EnC, il-ħatra tas-Sur Manuel Kellerbauer bħala membru permanenti tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Sur Lars Albath bħala membru supplenti permanenti tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ li jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea.

(1)    Id-Deċiżjoni D/2015/09/MC-EnC
(2)    D/2015/09/MC-EnC
(3)

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.