Brussell, 16.11.2020

COM(2020) 754 final

2020/0333(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Irlanda biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-27 ta’ Ottubru 2020, l-Irlanda talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Irlandiżi biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata direttament relatata ma’ skema ta’ sussidju tal-pagi temporanja adottata b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, l-iskema tissussidja porzjon mill-kont tal-pagi tal-impjegatur f’ċirkostanzi li fihom in-negozju tal-impjegatur ikun ġie affettwat mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-kriżi tal-COVID-19. L-iskema hija miftuħa għall-impjegaturi li jżommu lill-impjegati tagħhom fil-payroll tagħhom u għandha l-għan li tappoġġa l-vijabbiltà tal-kumpaniji u tippreserva r-relazzjoni bejn l-impjegatur u l-impjegat. L-iskema kienet attiva mis-26 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020. Inizjalment, u sat-3 ta’ Mejju 2020, l-iskema ta’ sussidji tat rifużjoni ta’ mhux aktar minn EUR 410 fil-ġimgħa għal kull impjegat eliġibbli. Mill-4 ta’ Mejju 2020, il-ħlas tas-sussidji mexa għal sistema bbażata fuq il-paga netta fil-ġimgħa preċedenti għal kull impjegat, li kien jagħti lura bejn 70 % u 85 % tal-qligħ nett tal-impjegati lill-impjegaturi, soġġett għal limitu massimu ta’ EUR 350 jew EUR 410 fil-ġimgħa, skont il-livell tas-salarju.

L-Irlanda pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja lill-Irlanda skont ir-Regolament SURE b’appoġġ tal-miżura msemmija.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; u

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0333 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Irlanda biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-27 ta’ Ottubru 2020, l-Irlanda talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Irlanda biex jitrażżnu t-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha mistennija jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, l-Irlanda kienet mistennija jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,8 % u 63,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020, u l-PDG Irlandiż mistenni li jonqos bi 2,3 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Irlanda. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fl-Irlanda fir-rigward tal-Iskema ta’ Sussidju tal-Pagi kif stabbilit fil-premessa (4).

(4)L-Emergency Measures in the Public Interest (Covid-19) Act 2020, (Artikolu 28) “Covid-19: temporary wage subsidy provisions”, li jissemma fit-talba tal-Irlanda tas-27 ta’ Ottubru 2020, introduċa skema li tissussidja porzjon mill-kont tal-pagi tal-impjegatur f’ċirkostanzi li fihom in-negozju tal-impjegatur ikun ġie affettwat mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-kriżi tal-COVID-19. L-iskema hija miftuħa għall-impjegaturi li jżommu lill-impjegati tagħhom fil-payroll tagħhom u għandha l-għan li tappoġġa l-vijabbiltà tal-kumpaniji u tippreserva r-relazzjoni bejn l-impjegatur u l-impjegat. L-iskema kienet attiva mis-26 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020. Inizjalment, sat-3 ta’ Mejju 2020, l-iskema ta’ sussidji tat rifużjoni ta’ mhux aktar minn EUR 410 fil-ġimgħa għal kull impjegat eliġibbli. Mill-4 ta’ Mejju 2020, il-ħlas tas-sussidji mexa għal sistema bbażata fuq il-paga netta fil-ġimgħa preċedenti għal kull impjegat, li kien jagħti lura bejn 70 % u 85 % tal-qligħ nett tal-impjegati lill-impjegaturi, soġġett għal limitu massimu ta’ EUR 350 jew EUR 410 fil-ġimgħa, skont il-livell tas-salarju.

(5)L-Irlanda tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Irlanda tat biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni biex turi li n-nefqa pubblika reali żdiedet b’EUR 2 473 887 900 mill-1 ta’ Frar 2020 lil hawn minħabba l-ammont miżjud direttament relatat mal-Iskema Temporanja ta’ Sussidju tal-Pagi Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u għolja ħafna minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Irlanda.

(6)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Irlanda u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-27 ta’ Ottubru 2020, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(7)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Irlanda tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(8)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(9)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Irlanda, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Irlanda tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lill-Irlanda li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 473 887 900. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Irlanda f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.L-Irlanda għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

L-Irlanda tista’ tiffinanzja l-Iskema Temporanja ta’ Sussidju tal-Pagi li tissussidja porzjon mill-kont tal-pagi tal-impjegatur f’ċirkostanzi li fihom in-negozju tal-impjegatur ikun ġie affettwat mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-kriżi tal-COVID-19 u meta r-relazzjoni ta' impjieg tkun inżammet, kif previst fl-Emergency Measures in the Public Interest (Covid-19) Act 2020 (l-Artikolu 28) “Covid‑19: temporary wage subsidy provisions”.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Irlanda.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.