Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 700 final

2020/0314(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

[32015R1222 – Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni]

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 1 fil-Ftehim ŻEE.

Il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida għall-elettriku, kif stabbiliti fuq il-bażi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, jiddefinixxu r-regoli tekniċi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE. Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b’mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness huwa kruċjali għall-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex tiżdied il-kompetittività u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Interkonnessjonijiet elettriċi sinifikanti ġew stabbiliti bejn in-Norveġja, bħala Stat taż-ŻEE-EFTA, u l-Istati Membri tal-UE. Għaldaqstant huwa imperattiv li r-regoli tekniċi applikabbli għall-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE jiġu estiżi għaż-ŻEE biex tiġi żgurata l-omoġeneità bħala bażi għall-kummerċ fl-elettriku.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 jistabbilixxi r-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità disponibbli fuq l-interkonnetturi li jaqsmu l-fruntieri fis-suq intern tal-elettriku bil-għan li jkun iffaċilitat il-kummerċ fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Tistabbilixxi rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ metodoloġiji komuni għad-determinazzjoni tal-kapaċità disponibbli, il-kriterji għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u proċess ta’ rieżami għaż-żoni tal-offerti. Tapplika għall-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni, ħlief għal dawk fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma’ sistema oħra.

L-adattamenti li jidhru fl-abbozz ta’ Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċement adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jestendi l-politika tal-UE diġà eżistenti għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Liechtenstein).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-Ftehim ŻEE, titwettaq f’konformità mal-għanijiet u mal-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li se tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja:

L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.

Għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit mistennija bħala riżultat tal-inkorporazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq fil-Ftehim ŻEE.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Adattament (a) – Nuqqas ta’ applikabbiltà għall-Iżlanda u l-Liechtenstein

Billi s-sistema ta’ trażmissjoni tal-Iżlanda mhijiex konnessa ma’ sistemi ta’ trażmissjoni oħra, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għall-Iżlanda.

Jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għal-Liechtenstein, peress li minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-għadd limitat ta’ klijenti tal-elettriku l-Liechtenstein ma għandux network tat-trażmissjoni tal-elettriku tiegħu stess.

Adattament (b) u l-premessa (6) – informazzjoni sensittiva dwar is-sistema tal-elettriku

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni lin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (European Network of Transmission System Operators for Electricity, ENTSO-E) u lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators, ACER). L-adattament (b) jagħmilha possibbli li l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (“TSOs”) u r-regolaturi jiskambjaw tali informazzjoni u jipproteġuha.

L-adattament (c) u l-premessa (7) – referenza għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tat-TSO Norveġiż, tal-operatur nominat tas-suq tal-elettriku (Nominated Electricity Market Operator, NEMO) u tal-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni tat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji.

L-adattament u l-premessa msemmija hawn fuq jadattaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 dwar id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ entitajiet rilevanti waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni ta’ termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji biex jinkludu n-Norveġja.

2020/0314 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

[32015R1222 – Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni]

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 5 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għalhekk, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5)    ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.

Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 700 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE





[32015R1222 – Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni]


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 1 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għal sistemi ta’ trażmissjoni fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma’ sistemi ta’ trażmissjoni oħra ta’ trażmissjoni permezz ta’ interkonnessjonijiet.

(3)Billi s-sistema ta’ trażmissjoni tal-Iżlanda mhijiex konnessa ma’ sistema ta’ trażmissjoni oħra, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għall-Iżlanda.

(4)Minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-għadd limitat ta’ klijenti tal-elettriku l-Liechtenstein ma għandux network tat-trażmissjoni tal-elettriku tiegħu stess. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għal-Liechtenstein.

(5)Ir-referenzi għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (“TSOs”), għall-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (“NEMOs”), għall-awtoritajiet regolatorji u għall-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jinftiehmu li jinkludu t-TSO, in-NEMOs, l-awtoritajiet regolatorji u l-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lin-Norveġja.

(6)Waqt l-iżvilupp konġunt tat-termini, tal-kundizzjonijiet u tal-metodoloġiji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 huwa essenzjali li l-informazzjoni kollha meħtieġa tiġi sottomessa mingħajr dewmien. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn it-TSOs u r-regolaturi tiżgura li l-informazzjoni sensittiva, bħal informazzjoni dettaljata dwar is-substazzjonijiet tal-elettriku, is-sit eżatt tat-trażmissjoni taħt l-art, l-informazzjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll u l-analiżi dettaljata tal-vulnerabbiltajiet, li tista’ tintuża għas-sabotaġġ, tiġi protetta b’mod effettiv f’dan il-proċess tal-iżvilupp ta’ termini, kundizzjonijiet jew metodoloġiji. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li fil-kooperazzjoni man-Norveġja jiġi stabbilit l-istess livell ta’ kooperazzjoni rigward l-iskambju tal-informazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva.

(7)L-input mill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fl-iżvilupp ta’ termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji reġjonali jew taż-ŻEE kollha, li jistgħu jsiru vinkolanti permezz ta’ approvazzjoni regolatorja, huwa kruċjali għal qafas regolatorju transfruntier effettiv. Għalhekk, jenħtieġ li t-TSO u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jipparteċipaw fil-proċessi għall-iżvilupp ta’ proposti għal termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji kif stabbilit fid-diversi dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament. It-TSO u n-NEMOs Norveġiżi jenħtieġ li b’mod partikolari jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-partijiet ikkonċernati b’mod simili għat-TSOs u n-NEMOs li jirrappreżentaw Stat Membru tal-UE.

(8)F’dak li għandu x’jaqsam ma’ proposti reġjonali jew għall-Unjoni kollha, fejn l-approvazzjoni tal-proposti mit-TSOs jew min-NEMOs tirrikjedi deċiżjoni minn aktar minn awtorità regolatorja waħda, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jikkonsultaw u jikkooperaw sabiex jilħqu ftehim qabel l-awtoritajiet regolatorji jadottaw deċiżjoni. Jenħtieġ li l-awtorità regolatorja Norveġiża tkun involuta f’din il-kooperazzjoni.

(9)Billi dan ir-Regolament ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 2 , it-testi tal-adattament elaborati u adottati fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017 tal-5 ta’ Mejju 2017 3 għall-implimentazzjoni tar-Regolament 714/2009, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 1(1) u (5), li jipprevedu adattamenti dwar ir-rwol tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fil-kuntest taż-ŻEE, huma rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fiż-ŻEE, partikolarment għall-Artikolu 9(11) u (12).

(10)Għalhekk, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 48 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013) tal-Anness IV tal-Ftehim ŻEE:

“49.    32015 R 1222: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)Ir-Regolament ma għandux japplika għall-Iżlanda u l-Liechtenstein.

(b)Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 13:

“Il-ftehimiet bejn it-TSOs u/jew ir-regolaturi jistgħu jiżguraw li l-informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva tkun protetta b’mod effettiv u jiggarantixxu li l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għall-iżvilupp tat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji komuni tiġi ppreżentata mingħajr dewmien.”

(c)Fl-Artikolu 9:

(i) Ir-referenzi għall-“popolazzjoni tal-Unjoni” fl-Artikolu 9(2)(b), għall-“popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat” fl-Artikolu 9(3)(b) u għall-“popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti” fl-Artikolu 9(3), it-tieni subparagrafu, għandhom jinftiehmu li jinkludu l-popolazzjoni tan-Norveġja meta jitqies jekk intlaħaqx il-livell limitu tal-popolazzjoni rilevanti biex tinkiseb maġġoranza kwalifikata.

(ii) Ir-referenzi għar-“reġjuni magħmulin minn iktar minn ħames Stati Membri” fl-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, u għar-“reġjuni msawrin minn ħames Stati Membri jew inqas” fl-Artikolu 9(3), it-tielet subparagrafu, għandhom jinqraw bħala “reġjuni magħmula minn aktar minn erba’ Stati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja” jew bħala “reġjuni magħmula minn erba’ Stati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja jew inqas”.

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) 2015/1222 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 4*, skont liema wieħed minnhom ikun l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   […]

   Is-Segretarji

   Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   […]

(1)    ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.
(2)    ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.
(3)    ĠU L 36, 7.2.2019, p. 44.
(4) *    Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.