Brussell, 5.11.2020

COM(2020) 693 final

2018/0089(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


2018/0089 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Id-data meta l-proposta ġiet trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018) 184 final – 2018/0089 (COD):

12 ta’ April 2018.

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni:

20 ta’ Settembru 2018.

10 ta’ Ottubru 2018.

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

26 ta’ Marzu 2019.

Id-data tat-trasmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli.

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

4 ta’ Novembru 2020.

2.Għan tal-Proposta tal-Kummissjoni

Bħala parti mill-inizjattiva “Patt Ġdid għall-Konsumaturi”, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE.

L-objettiv tal-proposta huwa li żżid il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ttejjeb il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, billi żżid l-effettività tal-proċedura attwali ta’ inġunzjoni għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, u tikkumplimentaha b’mekkaniżmu għal rimedju kollettiv tal-konsumatur.

Din il-proposta tistabbilixxi regoli li jippermettu li entitajiet kwalifikati jressqu azzjonijiet rappreżentattivi bl-għan li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, filwaqt li tiżgura salvagwardji xierqa biex tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva. Il-miżuri possibbli li għandhom jiġu mfittxija fl-azzjonijiet rappreżentattivi jinkludu miżuri ta’ inġunzjoni biex titwaqqaf jew tiġi pprojbita prattika ta’ kummerċjant, jekk titqies bħala ksur ta’ waħda mil-liġijiet rilevanti tal-UE, kif ukoll miżuri ta’ rimedju li jipprovdu lill-konsumaturi rappreżentati fl-azzjoni b’rimedji disponibbli skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali. Il-proposta tipprevedi kriterji armonizzati għall-ħatra ta’ entitajiet kwalifikati kif ukoll regoli dwar finanzjament minn partijiet terzi, assistenza lil entitajiet kwalifikati u r-rikonoxximent reċiproku tagħhom, is-saldi, l-informazzjoni għall-konsumatur u d-divulgazzjoni tal-evidenza bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura fil-kuntest domestiku u transfruntier. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta jkopri l-liġi orizzontali tal-konsumatur u l-istrumenti tal-UE speċifiċi għas-settur rilevanti għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi f’setturi differenti bħas-servizzi finanzjarji, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data, l-ivvjaġġar, it-turiżmu, is-saħħa u l-ambjent.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

F’konformità mal-ftehim politiku, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tintroduċi numru ta’ bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni, fil-biċċa l-kbira intiżi biex:

·jiġu ċċarati l-objettivi tad-Direttiva bħala li jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq uniku permezz ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan il-kuntest, tirreferi wkoll għall-għan tal-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja,

·tipprovdi lill-Istati Membri b’diskrezzjoni fir-rigward tal-ħatra tal-entitajiet kwalifikati li jkunu jistgħu jressqu azzjonijiet rappreżentattivi domestiċi, filwaqt li ssaħħaħ il-kriterji armonizzati għall-ħatra ta’ entitajiet kwalifikati li jkunu jistgħu jressqu azzjonijiet transfruntiera,

·tiċċara l-kategoriji ta’ miżuri li għandhom jiġu mfittxija minn entitajiet kwalifikati, ir-regoli dwar ir-rappreżentanza tal-konsumatur fl-azzjoni, il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet paralleli possibbli, il-finanzjament minn partijiet terzi, l-allokazzjoni tal-ispejjeż proċedurali, l-informazzjoni għall-konsumatur, id-divulgazzjoni tal-evidenza u l-assistenza lil entitajiet kwalifikati,

·tagħmel id-Direttiva aktar ibbażata fuq il-prinċipji billi tipprovdi lill-Istati Membri b’aktar diskrezzjoni fir-rigward ta’ modalitajiet proċedurali bħal soluzzjonijiet, effetti ta’ deċiżjonijiet finali, perijodi ta’ limitazzjoni jew penali sabiex tiffaċilita l-adattament tal-azzjonijiet rappreżentattivi fl-oqfsa ta’ infurzar nazzjonali.

·tintroduċi klawsola ta’ reviżjoni dwar l-istabbiliment possibbli ta’ ombudsman Ewropew għall-azzjonijiet rappreżentattivi,

·testendi l-perjodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva minn 18 għal 24 xahar . 

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti b’mod sħiħ il-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-22 ta’ Ġunju 2020. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-emendi għall-proposta huma konformi mal-objettivi oriġinali tal-politika tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa l-pożizzjoni tal-Kunsill.

L-adozzjoni ta’ din id-Direttiva se timmarka pass importanti lejn l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur fl-UE fejn huma kkonċernati l-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Id-Direttiva se tikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozjanti li joperaw fis-suq intern.