Brussell, 30.9.2020

COM(2020) 599 final

2020/0280(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex wara l-31 ta’ Diċembru 2020, tibqa’ teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Kroazja, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2020. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.

Skont l-Artikolu 287(19) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kroazja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 2 , il-Kroazja hija awtorizzata li tapplika livell limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 45 000. Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020 u l-Kroazja talbet għall-estensjoni tal-applikazzjoni tagħha.

Skont l-awtoritajiet Kroati, il-miżura tiffaċilita l-ġbir tal-VAT, li tippermetti lill-Kroazja tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-impriżi ż-żgħar u għalhekk tnaqqas il-piż amministrattiv fuqhom. Barra minn hekk, il-miżura tnaqqas ukoll l-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Kroati osservaw li fl-aħħar snin, iż-żieda fil-livell limitu ma wasslitx għal tnaqqis fid-dħul tal-baġit tal-istat.

Il-miżura għandha karattru fakultattiv. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar għadhom kemm ġew rieżaminati. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 3 li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mar-regoli l-ġodda, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024. L-Istati Membri se jkollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.

Għalhekk, jixraq li l-Kroazja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 4 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozju kif ukoll il-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 45 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. Malta 5 ngħatat livell limitu ta’ EUR 20 000; in-Netherlands 6 ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja 7 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Lussemburgu 8  ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Latvja 9 , il-Polonja 10 u l-Estonja 11 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; il-Litwanja 12 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; l-Ungerija 13 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja 14 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija 15 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mill-Kroazja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dik id-direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri se jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni kienet qed tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa għal regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 16 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji ż-żgħar u l-medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga hija konformi mat-tali objettivi, f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli fiskali. Hija notevolment konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 17 , li rrefera speċifikament għall-VAT, u indika li l-piż amministrattiv tal-konformità tal-VAT għan-negozji ż-żgħar huwa għoli u li l-innovazzjonijiet tekniċi joħolqu sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa, u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji ż-żgħar.

Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015 18 , li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lin-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ma jħalluhomx jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” 19 , li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar.

Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda 20 u fil-Komunikazzjoni tal-2008 “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ - ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” 21 , li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

 2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mil-Kroazja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iżżid il-livell limitu tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT. Għaldaqstant testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex akbar mill-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali.

Il-persuni li d-dħul taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu mhux se jkollhom jirreġistraw biex jiġu identifikati għal skopijiet ta’ VAT, u għaldaqstant il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura, billi huma ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords tal-VAT jew jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT. Se jkun hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa. Dan se jkollu impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni taxxabbli attwalment irreġistrati għall-VAT fil-Kroazja, u sussegwentement fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.

L-impatt baġitarju fit-termini tad-dħul mill-VAT għall-Kroazja ma wassalx għal tnaqqis fil-baġit tad-dħul nazzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE peress li l-Kroazja se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta fiha klawżola ta’ estinzjoni.

2020/0280 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 22 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont il-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-LKroazja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 23 , il-Kroazja kienet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali bir-rata ta’ konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha, sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 24 , li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u fost l-oħrajn tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(4)Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet il-Kroazja. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kroazja, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess u ż-żieda fil-livell limitu ma kellha l-ebda impatt fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(6)Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba n-nuqqas ta’ ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat, jenħtieġ li l-Kroazja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(7)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni tal-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jitħassar bid-Direttiva (UE) 2020/285 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Kroazja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud minħabba li l-Kroazja se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) 1553/89 25 ,

(9)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71–72).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p.11-12).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 342, 21.12.2017, p. 8).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 32).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1853 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 15).
(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 38).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 19).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 - Unjoni li tirsisti għal iktar (COM(2020) 37 final).
(17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 (COM(2016) 710 final).
(18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550 final).
(19)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (COM(2012) 795 final).
(20)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mexxejja li Jmiss tal-Ewropa: L-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, (COM(2016) 733 final).
(21)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (KUMM(2008) 394 finali).
(22)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(23)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71).
(24)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).