IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.9.2020
COM(2020) 584 final
2020/0270(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-lista ta’ individwi biex iservu bħala arbitri fi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tas-Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li temenda l-lista ta’ individwi li jservu bħala arbitri fi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim
Il-Ftehim għandu l-għan li jespandi l-kooperazzjoni bilaterali wiesgħa f’oqsma ekonomiċi, kummerċjali u politiċi, u fil-politiki settorjali, filwaqt li b’hekk jipprovdi bażi fit-tul għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja. Billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, il-Ftehim iħejji l-pedamenti għal impenn bilaterali aktar effettiv mal-Armenja.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tal-20 ta’ Novembru 2017 approvat l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim skont l-Artikolu 385 tal-Ftehim. Il-Ftehim huwa applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Ġunju 2018.
2.2.Il-Kumitat ta’ Sħubija
Il-Kumitat ta’ Sħubija li jiltaqa’ f’konfigurazzjoni speċifika biex jindirizza l-kwistjonijiet kollha marbuta mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim huwa speċifikat fl-Artikolu 363(7) tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 363(1) u (6) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Sħubija jassisti lill-Kunsill ta’ Sħubija fit-twettiq tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu. Huwa għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet f’dawk l-oqsma li huma soġġetti għad-delega tas-setgħat mogħtija lilu mill-Kunsill ta’ Sħubija u fil-każijiet previsti fil-Ftehim. Dawn id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet tal-Ftehim, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom.
2.3.L-att previst tal-Kumitat ta’ Sħubija
Il-proċedura ta’ arbitraġġ stabbilita fil-Kapitolu 13 tat-Titolu VI tal-Ftehim tistipula li meta l-Partijiet jonqsu milli jsolvu tilwima permezz ta’ konsultazzjonijiet, il-Parti li tkun talbet il-konsultazzjoni tista’ titlob it-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ. L-Artikolu 339(1) tal-Ftehim jesiġi li l-Kumitat ta’ Sħubija jistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ proposti magħmula mill-Partijiet, lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri. Il-lista għandha tkun magħmula minn tliet sublisti: sublista għal kull Parti u sublista ta’ individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li għandhom iservu bħala president tal-bord ta’ arbitraġġ. Kull sublista għandha tinkludi mill-inqas ħames individwi. Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jassigura li l-lista tinżamm dejjem f’dan il-livell.
L-arbitri u l-presidenti proposti mill-Unjoni u mir-Repubblika tal-Armenja jrid ikollhom għarfien espert speċjali fid-dritt, fil-kummerċ internazzjonali u fi kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tal-Ftehim u jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza kif speċifikat fl-Artikolu 339(2) tal-Ftehim.
Fuq din il-bażi, il-lista ta’ arbitri ġiet stabbilita bid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat ta’ Sħubija fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ fis-17 ta’ Ottubru 2019. Madankollu, wieħed mill-ħames arbitri kandidati mir-Repubblika tal-Armenja ma għadux jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza kif speċifikat fl-Artikolu 339(2) tal-Ftehim.
Ir-Repubblika tal-Armenja pproponiet arbitru kandidat ġdid li għandu għarfien espert speċjali fid-dritt, fil-kummerċ internazzjonali u fi kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tal-Ftehim u huwa mistenni li jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza kif speċifikat fl-Artikolu 339(2) tal-Ftehim.
Għaldaqstant, l-iskop tal-att previst huwa li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni rigward l-adozzjoni mill-Kumitat ta’ Sħubija ta’ deċiżjoni li tiġi emendata l-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri fi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim, billi jiġi sostitwit l-individwu fost il-ħames arbitri kandidati mir-Repubblika tal-Armenja li ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 339(2) tal-Ftehim bil-kandidat ġdid propost mir-Repubblika tal-Armenja.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha l-għan li temenda l-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri fil-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat ta’ Sħubija huwa korp stabbilit permezz tal-Ftehim. Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Sħubija tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 363(6) tal-Ftehim. L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4).
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2020/0270 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-lista ta’ individwi biex iservu bħala arbitri fi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 u ġie applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Ġunju 2018.
(2)Skont l-Artikolu 339(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Sħubija stabbilixxa lista ta’ 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri (“il-lista ta’ arbitri”) waqt il-laqgħa tiegħu fis-17 ta’ Ottubru 2019.
(3)L-Armenja infurmat lill-Unjoni li wieħed mill-arbitri li kienet ipproponiet ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339(2) tal-Ftehim u, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi sostitwit.
(4)Sabiex jiżgura l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikati proviżorjament tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Sħubija jrid jadotta deċiżjoni biex jemenda l-lista ta’ arbitri.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Sħubija billi l-abbozz tad-deċiżjoni se jkun vinkolanti għall-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Sħubija tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri, f’konformità mal-Artikolu 339(1) u (2) tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.9.2020
COM(2020) 584 final
ANNESS
ta’ [...]
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-lista ta’ individwi biex iservu bħala arbitri fi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUMITAT TA’ SĦUBIJA UE-ARMENJA
ta’...
li temenda l-lista ta’ arbitri msemmija fl-Artikolu 339 tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra
IL-KUMITAT TA’ SĦUBIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 339(1) tiegħu,
Billi:
(1)Il-Kumitat ta’ Sħubija, waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Ottubru 2019, stabbilixxa lista ta’ 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri (“il-lista ta’ arbitri”).
(2)F’konformità mal-Artikolu 339(2) tal-Ftehim, jenħtieġ li l-individwi fuq il-lista jkunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdu struzzjonijiet mingħand ebda organizzazzjoni jew gvern, jew ikunu affiljati mal-gvern ta’ ebda waħda mill-Partijiet, u jenħtieġ li jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Kondotta.
(3)L-Armenja infurmat lill-Unjoni li wieħed mill-arbitri li kienet ipproponiet ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339(2) tal-Ftehim u, għaldaqstant, ipproponiet individwu ieħor li jeħodlu postu.
(4)Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikati proviżorjament tal-Ftehim, jenħtieġ li l-lista ta’ arbitri tiġi emendata mill-Kumitat ta’ Sħubija.
(5)L-Unjoni Ewropea taċċetta li l-individwu propost jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 339(2) tal-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri, stabbilita skont l-Artikolu 339(1) tal-Ftehim, hija b’dan sostitwita bil-lista ta’ arbitri stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija mfassla f’żewġ kopji fil-lingwa Ingliża. Kull Parti tista’ tipprovdi traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali tagħha.
Magħmul fi …,
|
Għall-Kumitat ta’ Sħubija
|
|
Il-President
|
Is-Segretarji
|
ANNESS
LISTA TA’ ARBITRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 339 TAL-FTEHIM
Arbitri proposti mill-Unjoni Ewropea
1.Claus-Dieter EHLERMANN
2.Giorgio SACERDOTI
3.Jacques BOURGEOIS
4.Pieter Jan KUIJPER
5.Ramon TORRENT
Arbitri proposti mir-Repubblika tal-Armenja
1.Nora SARGSYAN
2.Arman SARGSYAN
3.Arsen TAVADYAN
4.Levon GEVORGYAN
5.Mushegh MANUKYAN
Presidenti
1.William DAVEY (l-Istati Uniti)
2.Helge SELAND (in-Norveġja)
3.Maryse ROBERT (il-Kanada)
4.Christian HÄBERLI (l-Iżvizzera)
5.Merit JANOW (l-Istati Uniti)