Brussell, 22.9.2020

COM(2020) 571 final

2020/0262(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

{SEC(2020) 302 final} - {SWD(2020) 183 final} - {SWD(2020) 184 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-kanċer, irrispettivament minn jekk huwiex relatat max-xogħol jew le, huwa t-tieni kawża ewlenija tal-mortalità fil-pajjiżi tal-UE wara l-mard kardjovaskulari, li jammonta għal madwar kwart tal-imwiet kollha 1 . Dan huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-imwiet qabel iż-żmien fl-Unjoni Ewropea. Dan għandu impatt mhux biss fuq is-saħħa individwali u l-ħajja tal-familja, iżda wkoll fuq is-sistemi nazzjonali tas-saħħa u dawk soċjali, fuq il-baġits tal-gvern u fuq il-produttività u t-tkabbir tal-ekonomija.

L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-kanċer hija għalhekk prijorità urġenti għall-UE. Għal dak il-għan, kif ħabbret il-President tal-Kummissjoni von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi tagħha 2 , il-Kummissjoni se tippreżenta, qabel tmiem l-2020, pjan Ewropew biex tnaqqas it-tbatija kkawżata mill-marda u biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-kontroll u l-kura imtejba tal-kanċer sabiex ikun żgurat aċċess aktar ġust għat-trattament madwar l-UE.

Il-kanċer huwa wkoll l-ewwel kawża ta’ mwiet relatati max-xogħol fl-UE 3 : 52 % tal-imwiet relatati mal-post tax-xogħol annwali huma attwalment attribwiti għall-kanċers relatati mal-post tax-xogħol, meta mqabbla ma’ 24 % għall-mard ċirkolatorju, 22 % għal mard ieħor u 2 % għall-korrimenti. Li l-kanċer relatat mal-post tax-xogħol jiġi indirizzat permezz ta’ din l-inizjattiva u permezz ta’ inizjattivi oħrajn se jkun ukoll parti integrali mill-Pjan Ewropew għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer. Din il-proposta għandha l-għan b’mod speċifiku li ttejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema billi tnaqqas l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għal tliet sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi karċinoġeniċi (minn hawn ’il quddiem “sustanzi”), li tipprovdi aktar ċarezza għall-ħaddiema, għall-impjegaturi u għall-infurzaturi, u li tikkontribwixxi għal kondizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi.

Il-proposta qed titfaċċa fil-kuntest ta’ kriżi bla preċedent għall-UE u għad-dinja. Il-pandemija tal-Covid-19 għandha konsegwenzi kbar għas-saħħa, għall-ekonomija u għas-soċjetà li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-pandemija titfa’ dawl ukoll fuq l-importanza ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, speċjalment għal dawk li jinsabu fuq quddiem tar-rispons għall-kriżi. Dan jagħti inċentiv ieħor biex jiġu rduppjati l-isforzi biex il-ħaddiema u s-soċjetajiet jiġu protetti mir-riskji fuq il-post-tax-xogħol kollha possibbli, u b’hekk ikun hemm impatt pożittiv fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija.

Sabiex wara l-kriżi tinbena Ewropa soċjali b’saħħitha, u hekk kif tirkupra l-ekonomija tal-UE, huwa meħtieġ titjib kostanti favur xogħol aktar sikur u aktar san għal kulħadd. Barra minn hekk, kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar “Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” 4 , il-miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema jeħtieġ li jlaħħqu ma’ firxa wiesgħa ta’ żviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi filwaqt li jiżguraw protezzjoni kontinwa minn riskji tradizzjonali.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha li tirrevedi l-istrateġija dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) biex tindirizza fost l-oħrajn l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, bil-ħsieb li jinżammu l-istandards għoljin Ewropej fl-OSH. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 5 , ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir fis-17 ta’ Novembru 2017, inaqqax id-dritt tal-ħaddiema għal ambjent tax-xogħol san, sikur u adattat b’mod tajjeb, inkluż il-protezzjoni mill-karċinoġeni. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd,” 6 il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tinvesti fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u impenjat ruħha li tintensifika l-ġlieda kontra l-kanċer relatat mal-post tax-xogħol permezz ta’ proposti leġiżlattivi. L-estensjoni reċenti tal-patt tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni 7 , li ġie ffirmat f’Helsinki fit-28 ta’ Novembru 2019, turi wkoll li għadd sinifikanti ta’ partijiet ikkonċernati għadhom impenjati li jtejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-espożizzjoni għal sustanzi karċinoġeniċi.

Sabiex tikkontribwixxi aktar għal protezzjoni aħjar tal-ħaddiema, il-Kummissjoni ssegwi l-proċess tagħha li taġġorna d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) 8 biex iżżomm ruħha aġġornata mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi l-ġodda u biex tqis il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati tagħha. Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti valuri limitu tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (Occupational Exposure Limit values, OELs), abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika u teknika, fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli, fl-Anness III tad-Direttiva. Kif previst fl-Artikolu 17(1), l-Anness III tad-Direttiva jista’ jiġi emendat f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni pproponiet tliet direttivi li jemendaw id-Direttiva. Dawn it-tliet Direttivi ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Diċembru 2017 9 , f’Jannar 2019 10 u f’Ġunju 2019 11 . Dawn it-tliet reviżjonijiet, li indirizzaw total ta’ 26 sustanza, ippermettew fost l-oħrajn li jiġu riveduti żewġ OELs eżistenti, li jiddaħħlu 22 OELs ġodda u li tiġi stabbilita notazzjoni għall-ġilda 12 għat-tnejn li fadal (mingħajr ma jiġu stabbiliti l-OELs).

Bil-ħsieb li tipproponi din ir-raba’ emenda tad-Direttiva, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew f’Lulju 13 u f’Novembru 2017 14 , skont l-Artikolu 154 tat-TFUE. Kemm l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll tal-impjegaturi kkonfermaw li t-tliet sustanzi t’hawn taħt huma ta’ rilevanza kbira għall-protezzjoni tal-ħaddiema u ħeġġew lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma preparatorja għall-istabbiliment ta’ OELs għal dawk il-karċinoġeni prijoritarji:

·L-akrilonitril

·Il-komposti tan-nikil

·Il-benżen

Din il-lista ġiet ikkonfermata mill-ġdid mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema fi ħdan il-qafas tal-Kumitat ta’ Konsulenza tripartitiku dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dedikat tiegħu dwar is-Sustanzi Kimiċi (WPC) f’konformità mal-mandat tiegħu li fih il-Kummissjoni titlob l-impenn attiv tal-WPC fir-rakkomandazzjoni ta’ prijoritajiet għal evalwazzjonijiet xjentifiċi ġodda jew riveduti.

Aktar minn miljun ħaddiem huwa attwalment esposti għall-akrilonitril, il-komposti tan-nikil jew il-benżen. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, dawn il-ħaddiema se jkomplu bir-riskju li jaqbadhom kanċer jew ibatu minn problemi severi oħra tas-saħħa. Informazzjoni dettaljata dwar l-użi differenti ta’ dawn it-tliet sustanzi u kif jaffettwaw il-ħaddiema, kif ukoll is-setturi speċifiċi li fihom il-ħaddiema huma esposti għalihom hija pprovduta fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta.

Id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti minimi ġenerali biex jiġi eliminat jew jitnaqqas l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji għall-ħaddiema marbuta mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni speċifiċi fuq il-post tax-xogħol, u għandhom jipprevjenu l-espożizzjoni fejn ikun hemm ir-riskji. Fejn hu teknikament possibbli, is-sostituzzjoni bi proċess jew aġent kimiku mhux perikoluż jew anqas perikoluż hija meħtieġa. Fejn is-sostituzzjoni mhijiex teknikament possibbli, il-karċinoġeni kimiċi għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli, jiġu mmanifatturati u użati f’sistema magħluqa biex jiġi evitat l-esponiment. Fejn dan mhux teknikament possibbli, l-espożizzjoni tal-ħaddiem għandu jitnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli. Dan huwa l-obbligu tal-minimizzazzjoni skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti minimi ġenerali, id-Direttiva tindika b’mod ċar li l-istabbiliment ta’ OELs għall-espożizzjoni permezz tal-inalazzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni li għalihom dan huwa possibbli huwa parti integrali tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-ħaddiema 15 . Dawn il-valuri għad iridu jiġu stabbiliti għall-aġenti kimiċi li għalihom ma jeżisti ebda valur bħal dan u għandhom jiġu riveduti kull meta dan isir possibbli fid-dawl ta’ data xjentifika aktar reċenti 16 . L-OELs għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni speċifiċi huma stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva.

It-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol permezz tal-istabbiliment ta’ OELs għall-UE kollha jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-prevenzjoni tal-każijiet tal-kanċer u tal-imwiet, kif ukoll ta’ problemi tas-saħħa sinifikanti oħra li mhumiex tal-kanċer ikkawżati minn dawn is-sustanzi. Konsegwentement, dan itejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema billi jżid it-tul, il-kwalità u l-produttività tal-ħajjiet tax-xogħol tal-ħaddiema Ewropej u jiżgura livell minimu simili ta’ protezzjoni madwar l-UE, jikkontribwixxi għal produttività u kompetittività aħjar tal-UE, u jtejjeb il-kondizzjonijiet ekwi għan-negozji.

L-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika, tikkonferma l-ħtieġa li l-Anness III jitlesta b’OELs ġodda jew riveduti għat-tliet sustanzi karċinoġeniċi msemmija qabel. Din tikkonferma wkoll il-ħtieġa li jinżammu jew jiżdiedu n-notazzjonijiet għall-ġilda għall-akrilonitril u l-benżen kif ukoll notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda 17 u respiratorja 18 għall-komposti tan-nikil.

Fuq din il-bażi, qiegħed jiġi propost li jittieħdu miżuri speċifiċi bl-għan li jiġu stabbiliti OELs fl-Anness III għall-akrilonitril u għall-komposti tan-nikil, u li l-OEL għall-benżen jiġi rivedut. Minbarra dawn l-OELs, qiegħed jiġi propost ukoll li fl-Anness III tiżdied in-notazzjoni għall-ġilda għall-akrilonitril kif ukoll notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda u respiratorja għall-komposti tan-nikil. Inżammet ukoll in-notazzjoni għall-ġilda eżistenti għall-benżen.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva tikkonforma mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat fl-2017 19 , b’mod partikolari mal-10 prinċipju tiegħu li jnaqqax id-dritt tal-ħaddiema għal ambjent tax-xogħol san, sikur u adattat b’mod tajjeb. L-istabbiliment ta’ OELs ġodda jew riveduti jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Din l-inizjattiva tikkonforma wkoll mal-Komunikazzjoni dwar “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd” 20 li fiha l-Kummissjoni tenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tinvesti fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u impenjat ruħha li tintensifika l-ġlieda kontra l-kanċer relatat mal-post tax-xogħol permezz ta’ proposti leġiżlattivi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer

Fil-linji gwida politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea 21 , il-President von der Leyen irrikonoxxiet li hemm ħafna aktar li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel dwar il-kanċer u impenjat ruħha li tressaq pjan Ewropew għall-ġlieda kontra l-kanċer. Fl-4 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika madwar l-UE dwar il-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer waqt konferenza intitolata “Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer: Ejjew Nirsistu għal Aktar” ospitat fil-Parlament Ewropew.

Il-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer se jkun strutturat madwar erba’ pilastri: il-prevenzjoni, id-dijanjożi bikrija, it-trattament u l-kura ta’ segwitu. Din il-proposta fiha l-objettivi tal-pilastru ta’ prevenzjoni bħalma huma miżuri biex jitnaqqsu l-fatturi ta’ riskju ambjentali, pereżempju t-tniġġis u l-esponiment għal sustanzi kimiċi, u b’mod partikolari t-tnaqqis tal-esponiment għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol.

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

L-objettivi tal-inizjattiva huma wkoll konsistenti mal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u mal-Artikolu 31 (Id-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Ir-Regolament REACH

Ir-Regolament REACH 22 , li daħal fis-seħħ fl-2007, ikkonsolida u żviluppa diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, inklużi dawk relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u mal-adozzjoni tal-miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskji. Dan ir-Regolament jistabbilixxi fost l-oħrajn żewġ approċċi regolatorji distinti tal-UE li huma r-restrizzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet jippermettu lill-UE timponi kondizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u/jew l-użu ta’ sustanzi waħedhom, f’taħlita jew f’oġġett, u l-awtorizzazzjoni hija mfassla biex tiżgura li r-riskju ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) ikun ikkontrollat kif suppost filwaqt li tippromwovi s-sostituzzjoni progressiva b’alternattivi xierqa li huma ekonomikament u teknikament vijabbli 23 .

Id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-awtorizzazzjoni tar-REACH u/jew ir-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi meqjusa f’din il-proposta huma kif ġej:

·Restrizzjoni: it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-benżen u t-taħlitiet tiegħu bi ftit eżenzjonijiet, it-tqegħid fis-suq u l-użu tan-nikil u l-komposti tiegħu fil-ġojjellerija u fl-oġġetti li huma maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ġilda, it-tqegħid fis-suq jew l-użu għall-provvista lill-pubbliku ġenerali tal-akrilonitril u t-taħlitiet tiegħu.

·Awtorizzazzjoni: l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi mhi soġġetta għall-awtorizzazzjoni skont ir-REACH.

Id-Direttiva u r-Regolament REACH huma komplimentari legalment. Id-Direttiva Qafas dwar l-OSH 89/391/KEE 24 , tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-prevenzjoni u l-protezzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol u tapplika għas-setturi kollha tal-attivitajiet. Din tipprevedi l-applikazzjoni tagħha mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-UE eżistenti jew tal-futur li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ġiet adottata serje ta’ Direttivi individwali fil-qasam tal-OSH abbażi tal-Artikolu 16 tal-Qafas dwar l-OSH (inkluża d-Direttiva). Ir-Regolament REACH min-naħa tiegħu jiddikjara li japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva.

Fil-kuntest tal-operazzjoni komplementari tad-Direttiva u tar-Regolament REACH, jagħmel sens li jiġu proposti valuri limitu skont id-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:

–Id-Direttiva tkopri kwalunkwe użu ta’ karċinoġenu jew ta’ mutaġenu fuq il-post tax-xogħol fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu, u tkopri l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal dawk l-aġenti rilaxxati minn kwalunkwe attività ta’ xogħol, kemm jekk jiġu prodotti intenzjonalment jew le, u kemm jekk huma disponibbli fis-suq jew le.

–Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-impjegaturi skont id-Direttiva 2004/37/KE hija relatata mal-post tax-xogħol u hija speċifika għall-proċess u għandha tqis ukoll l-espożizzjoni aggregata tal-ħaddiema waqt l-attività tax-xogħol tagħhom ta’ kuljum għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni kollha preżenti fuq il-post tax-xogħol.

–L-OELs għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni huma stabbiliti permezz ta’ proċess robust – u finalment jgħaddu quddiem il-koleġiżlatur għall-adozzjoni – abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika u teknika u l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

–L-OELs huma parti importanti mid-Direttiva u mill-approċċ usa’ tal-OSH fil-ġestjoni tar-riskji kimiċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill “jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i) [tal-Artikolu 153 tat-TFUE], permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji”. L-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tappoġġJa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-“titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema”.

Id-Direttiva 2004/37/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE bl-għan li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. L-Artikolu 16 jipprevedi l-adozzjoni ta’ valuri limitu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jissaħħaħ il-livell tal-protezzjoni ta’ saħħet il-ħaddiema skont l-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE, fil-forma ta’ valuri limitu ġodda jew riveduti kif ukoll ta’ notazzjonijiet fl-Anness III tad-Direttiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.

Skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, it-titjib, b’mod partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, huwa aspett tal-politika soċjali qasam li fih l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Minħabba li r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma ġeneralment simili fl-UE kollha, hemm rwol ċar għall-UE fl-appoġġ għall-Istati Membri biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.

Id-data miġbura fil-ħidma preparatorja tindika differenzi kbar fl-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ valuri limitu għall-karċinoġeni skont din il-proposta 25 . Xi Stati Membri diġà stabbilixxew valuri limitu vinkolanti li huma tal-istess valur jew anqas mill-valur irrakkomandat mill-ACSH. Dan juri li azzjoni nazzjonali unilaterali effettiva hija possibbli fir-rigward tal-istabbiliment ta’ valur limitu għal dawn l-aġenti kimiċi. Madankollu, hemm ukoll bosta każijiet fejn l-Istati Membri għandhom valuri limitu li huma anqas protettivi għal saħħet il-ħaddiema mill-valur imressaq f’din il-proposta. F’xi każijiet oħra, l-Istati Membri m’għandhom l-ebda valur limitu għal dawn il-karċinoġeni. Barra minn hekk, fejn hemm valuri limitu nazzjonali, dawn ivarjaw b’mod konsiderevoli, u jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni.

F’ċirkostanzi bħal dawn, ir-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema kontra r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni għal dawn il-karċinoġeni ma jistgħux jiġu żgurati għall-ħaddiema kollha tal-UE fl-Istati Membri kollha b’azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri waħedhom.

Livelli diverġenti ta’ protezzjoni jistgħu jipprovdu wkoll inċentivi għall-kumpaniji biex iċaqalqu l-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fi Stati Membri bir-rekwiżiti aktar baxxi. Fil-każijiet kollha, id-differenzi fir-rekwiżiti tax-xogħol għandhom impatt fuq il-kompetittività, minħabba li dawn jimponu kostijiet differenti fuq l-operaturi. Dan l-effett fuq is-suq uniku jista’ jitnaqqas permezz tal-istabbiliment fil-livell tal-UE ta’ rekwiżiti minimi ċari u speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Membri.

Minn dan jirriżulta li l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta hija neċessarja u f’konformità mal-Artikolu 5(3) tat-TUE. Id-Direttiva tista’ tiġi emendata biss fil-livell tal-UE u wara konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali (il-maniġment u l-ħaddiema) f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE.

Proporzjonalità

Din il-proposta tagħmel pass ’il quddiem biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema.

Fir-rigward tal-valuri limitu proposti, tqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi tal-fattibbiltà wara diskussjonijiet intensivi mal-partijiet ikkonċernati kollha (ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-gvernijiet).

Skont l-Artikolu 153(4) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta ma jimpedixxu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti kompatibbli mat-Trattati, fil-forma, pereżempju, ta’ valuri limitu aktar baxxi. L-Artikolu 153(3) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkarigaw lill-maniġment u lill-ħaddiema, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, biex b’hekk jiġu rispettati tajjeb l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti għar-regolamentazzjoni f’dan il-qasam.

Minn dan jirriżulta li f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jispeċifika li r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jistgħu jiġu adottati “permezz ta’ direttivi”.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni ex post tad-Direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea 26 (l-evalwazzjoni tar-REFIT) tenfasizza li s-sustanzi kimiċi kklassifikati bħala karċinoġeni u mutaġeni għadhom jiġu manifatturati madwar l-UE. Il-ħaddiema fil-manifattura u l-utenti downstream huma wkoll esposti għalihom. Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ din l-evalwazzjoni jindikaw li d-Direttiva titqies bħala ta’ rilevanza kbira. Wara t-tħassib imqajjem minn gruppi ta’ partijiet ikkonċernati differenti fil-proċess tal-evalwazzjoni u fir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali, għandha titqies il-ħtieġa li jiġu adottati valuri limitu għal aktar sustanzi. L-emenda tad-Direttiva bl-istabbiliment jew bir-reviżjoni ta’ OELs għal tliet sustanzi għandu jwassal għal ġestjoni aħjar tar-riskju kimiku fil-futur u jtejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE

Fl-2017 27 , il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE skont l-Artikolu 154 (2) tat-TFUE. L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għalqet fit-30 ta’ Settembru 2017 u ġew identifikati tliet sustanzi għal din l-inizjattiva. Il-konsultazzjoni tat-tieni fażi għalqet fit-22 ta’ Diċembru 2017 u kkonfermat li dawn it-tliet sustanzi għandhom jiġu indirizzati f’din l-inizjattiva.

Din il-konsultazzjoni ppermettiet ukoll li jinġabru l-opinjonijiet tas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni u l-kontenut possibbli tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-istabbiliment u/jew tar-reviżjoni tal-OELs vinkolanti fl-Anness III tad-Direttiva, kif ukoll fir-rigward ta’ reviżjonijiet futuri tad-Direttiva.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-ewwel fażi kkonfermaw li jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu introdotti standards aħjar madwar l-UE, u biex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-espożizzjoni tal-ħaddiema.

It-tliet organizzazzjonijiet tal-ħaddiema 28 li wieġbu għall-konsultazzjoni, kollha rrikonoxxew l-importanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ħtieġa għal aktar azzjoni. Huma qablu, b’mod ġenerali, mal-kwistjonijiet deskritti fid-dokument ta’ konsultazzjoni u kkonfermaw l-importanza li dawn jagħtu lill-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji tas-saħħa assoċjati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni, u enfasizzaw il-ħtieġa għal inklużjoni kontinwa ta’ OELs ġodda jew riveduti fl-Anness III.

L-erba’ organizzazzjonijiet tal-impjegaturi 29 li wieġbu għall-konsultazzjoni appoġġjaw l-objettiv li l-ħaddiema jiġu protetti b’mod effettiv mill-kanċer relatat mal-post tax-xogħol, inkluż billi jiġu stabbiliti OELs vinkolanti fil-livell tal-UE. Fir-rigward tal-kwistjonijiet identifikati fid-dokument ta’ diskussjoni, l-impjegaturi fil-prinċipju appoġġjaw aktar reviżjonijiet tad-Direttiva, soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Fil-fehma tagħhom, l-OELs vinkolanti għandhom jiġu stabbiliti għas-sustanzi ta’ prijorità biss. Il-proċess tal-istabbiliment tal-OELs għandu jkun ibbażat fuq evidenza xjentifika soda, il-fattibbiltà teknika u ekonomika, il-valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku u l-opinjoni tal-ACSH tripartitiku.

It-tieni fażi tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għalqet fit-22 ta’ Diċembru 2017. Id-dokument ta’ diskussjoni għal din it-tieni fażi qies il-perkorsi possibbli għall-azzjoni tal-UE biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeni jew il-mutaġeni.

It-tliet organizzazzjonijiet tal-ħaddiema 30 li wieġbu għall-konsultazzjoni tat-tieni fażi rrikonoxxew l-importanza li l-qafas leġiżlattiv eżistenti jitjieb aktar f’konformità mal-azzjoni tal-Kummissjoni proposta u lil hinn minnha, bil-ħsieb li jiġu indirizzati kontinwament ir-riskji kkawżati mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni. Dawn tennew il-ħtieġa li jintlaħaq l-objettiv li jiġu stabbiliti 50 OEL għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni sal-2020.

L-erba’ organizzazzjonijiet tal-impjegaturi 31 li wieġbu għall-konsultazzjoni tat-tieni fażi kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet li jimmiraw lejn il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema mill-kanċer relatat mal-post tax-xogħol, inkluż l-istabbiliment ta’ OELs vinkolanti fil-livell tal-UE, iżda enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati valuri li huma proporzjonati u fattibbli biex jiġu implimentati f’termini tekniċi. Filwaqt li l-impjegaturi qiesu li l-kriterji tal-Kummissjoni għall-prijoritizzazzjoni tas-sustanzi huma rilevanti, dawn issuġġerew b’mod partikolari li l-kriterji tal-fattibbiltà teknika u ekonomika għandhom jiġu inklużi wkoll.

Minn dawn il-konsultazzjonijiet tas-sħab soċjali rriżulta li jkun xieraq li jiġu miżjuda OELs ġodda jew riveduti għat-tliet karċinoġeni permezz ta’ raba’ emenda tad-Direttiva.

Il-konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

L-ACSH, magħmul minn tliet membri sħaħ għal kull Stat Membru, li jirrappreżentaw il-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, jiġi kkonsultat fuq bażi regolari. Dan jagħti, billi jqis il-kontribut tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) kif ukoll il-fatturi soċjoekonomiċi u tal-fattibilità, opinjonijiet li jintużaw biex titħejja l-proposta tal-Kummissjoni.

L-ACSH adotta opinjonijiet għall-akrilonitril 32 , għall-komposti tan-nikil 33 u għall-benżen 34 fil-qafas ta’ din ir-raba’ reviżjoni tad-Direttiva. L-ACSH qiegħed jipproponi bħala approċċi possibbli għal dawn is-sustanzi kimiċi OEL vinkolanti wieħed jew aktar b’notazzjonijiet addizzjonali għalihom kollha. Għalkemm il-Valuri Limitu Bijoloġiku (VLB) mhumiex proposti fl-ambitu tas-CMD, l-ACSH qabel dwar l-utilità tal-bijomonitoraġġ għall-benżen u dwar il-VLB għall-akrilonitril kif propost mill-RAC.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Waqt reviżjoni jew stabbiliment ta’ valuri limitu ġodda skont id-Direttiva, il-Kummissjoni ssegwi proċedura speċifika, li tinvolvi t-tiftix ta’ parir xjentifiku u l-konsultazzjoni mal-ACSH. Bażi xjentifika b’saħħitha hija indispensabbli biex tirfed kwalunkwe azzjoni għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni. F’dan ir-rigward, bl-għan li l-pariri xjentifiċi jiġu integrati u f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd” 35 tal-10 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni tfittex parir mill-RAC tal-ECHA.

L-RAC jiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja u jiżgura li l-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda. Il-membri tal-RAC huma esperti indipendenti speċjalizzati u kkwalifikati ħafna magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Dawn jipprovdu lill-Kummissjoni b’opinjonijiet li huma ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema.

Għal din l-inizjattiva, l-RAC ipprovda tliet opinjonijiet xjentifiċi għall-OELs dwar l-akrilonitril 36 , il-komposti tan-nikil 37 u l-benżen 38 li fihom jevalwa l-effetti tal-aġenti kimiċi fuq is-saħħa fuq il-ħaddiema abbażi ta’ evidenza xjentifika soda. L-RAC assista lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-aħħar data xjentifika disponibbli u fil-proposta ta’ OELs għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE skont id-Direttiva. Għalkemm il-Valuri Limitu Bijoloġiku (VLB) mhumiex proposti fl-ambitu tas-CMD, l-RAC jirrakkomanda l-VLB għall-akrilonitril u l-benżen.

Wara l-konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej, id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni nieda, fid-9 ta’ Mejju 2018, proċedura miftuħa 39 . L-għan kien li titwettaq valutazzjoni tal-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ għadd ta’ għażliet ta’ politika dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema mir-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni possibbli għal ċertu għadd ta’ sustanzi fuq il-post tax-xogħol, inklużi l-akrilonitril, il-komposti tan-nikil u l-benżen. Il-kuntratt beda fit-3 ta’ Settembru 2018 u dam 11-il xahar. L-eżitu ta’ dan l-istudju pprovda l-bażi ewlenija għall-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din il-proposta.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet riveduta mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-27 ta’ Mejju 2020. Din irċeviet opinjoni pożittiva b’xi riżervi. Sussegwentement, dawn ġew indirizzati fil-Valutazzjoni tal-Impatt finali.

Ġew eżaminati l-għażliet li ġejjin għall-valuri limitu differenti u/jew in-notazzjonijiet (notazzjoni għall-ġilda, u sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda) għal kull wieħed mit-tliet karċinoġeni:

·Xenarju bażi ta’ ebda azzjoni ulterjuri mill-UE għal kull aġent kimiku f’din l-inizjattiva (l-għażla 1).

·Barra mix-xenarju bażi, tqiesu għażliet għall-OELs fil-livell propost mill-ACSH u f’punti ta’ referenza addizzjonali (eż. l-aktar valur limitu strett osservat fost l-Istati Membri, OELs idderivati mill-RAC).

Bosta għażliet oħra ġew skartati fi stadju bikri minħabba li dawn ġew meqjusa bħala sproporzjonati jew anqas effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva. Dawn l-għażliet skartati huma relatati jew mal-mod kif jiġu stabbiliti l-OELs, jew mal-għażla ta’ strument ieħor, jew mal-appoġġ tal-SMEs. L-għażliet skartati relatati mal-mod kif jiġu stabbiliti l-OELs kienu l-projbizzjoni tal-użu tal-aġenti kimiċi karċinoġeniċi u l-adozzjoni tal-aktar OEL strett fost l-Istati Membri tal-UE. L-istrumenti l-oħra meqjusa kienu informazzjoni speċifika għall-industrija mingħajr emendi fid-Direttiva, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija, ir-regolamentazzjoni skont strumenti oħra tal-UE (ir-REACH) u dokumenti ta’ gwida. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-SMEs ġiet skartata wkoll minħabba li għadd sinifikanti ħafna ta’ ħaddiema Ewropej ma kinux ikunu koperti minn din id-Direttiva.

Twettqet analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-għażliet ta’ politika differenti għal kull aġent kimiku. Ir-riżultati tal-istudju huma ppreżentati fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja lil din il-proposta. It-tqabbil tal-għażliet ta’ politika u s-selezzjoni tal-għażla ppreferuta twettqu abbażi tal-kriterji li ġejjin: l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. Il-kostijiet u l-benefiċċji ġew ikkalkulati fuq perjodu ta’ 60 sena, f’konformità mal-piż futur tal-kanċer stmat matul l-istess perjodu, biex jitqies kif suppost il-perjodu ta’ latenza tal-kanċer. Il-passi analitiċi kollha twettqu f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 40 .

Il-miżuri li jirriżultaw mill-opinjonijiet tal-ACSH inżammu u ġew mibdula f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi fir-rigward tal-aġenti kimiċi kollha f’din il-proposta, inklużi l-perjodi tranżizzjonali għat-tliet sustanzi. Dawn il-miżuri tranżizzjonali se jippermettu lill-kumpaniji jkollhom aktar żmien biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa filwaqt li diġà jkunu tejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema. Tabilħaqq, għalkemm il-kost annwalizzat għal kull kumpanija huwa mistenni li jkun sostenibbli, ħafna mill-investimenti fil-miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskji (RMMs) iseħħu kmieni fil-perjodu ta’ 60 sena meqjus fil-kalkoli. Fir-rigward tal-akrilonitril u l-benżen, l-OEL se japplika wara perjodu tranżizzjonali ta’ 4 snin li jibda mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, OEL tranżizzjonali għall-benżen se japplika minn sentejn sa erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Dawn il-miżuri tranżizzjonali huma meqjusa bħala meħtieġa u suffiċjenti biex jippermettu lill-kumpaniji jagħmlu l-investimenti meħtieġa. Għall-każ speċifiku tal-komposti tan-nikil, il-miżuri tranżizzjonali se japplikaw sas-17 ta’ Jannar 2025 sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-miżuri tranżizzjonali adottati għall-kromju VI 41 , li japplikaw ukoll sas-17 ta’ Jannar 2025. Fil-fatt, iż-żewġ gruppi ta’ sustanzi (il-komposti tan-nikil u l-komposti tal-kromju VI) ta’ spiss iseħħu fl-istess setturi u ta’ spiss fl-istess proċessi. Kif irrakkomandat b’mod unanimu mill-ACSH 42 , it-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-komposti tan-nikil u għall-komposti tal-kromju VI irid ikun ikkoordinat u jista’ jibbenefika mis-sinerġiji. Abbażi tal-analiżi tas-suġġeriment t’hawn fuq kif ukoll tad-data li tirriżulta mill-istudju estern, il-Kummissjoni tqis bħala xieraq li jiġu stabbiliti perjodi tranżizzjonali għat-tliet sustanzi.

L-impatt fuq il-ħaddiema

Fir-rigward tal-impatt fuq il-ħaddiema, din l-inizjattiva għandha tirriżulta f’benefiċċji f’termini ta’ każijiet evitati ta’ kanċer u ta’ mard serju ieħor relatat max-xogħol, filwaqt li tnaqqas l-effetti bħat-tbatija tal-ħaddiema u tal-familji li qegħdin jindukrawhom, kwalità tal-ħajja mnaqqsa jew benesseri mdgħajjef.

L-akbar benefiċċji li jistgħu jiġu vvalutati huma mistennija fir-rigward tal-komposti tan-nikil u tal-benżen. L-għażla miżmuma fil-fatt tirriżulta fi:

·Akrilonitril: sa 12-il każ ta’ kanċer fil-moħħ, 408 każijiet ta’ irritazzjonijiet nażali evitati u benefiċċju tas-saħħa mmonetizzat ta’ € 440,000-€ 5,800,000.

·Komposti tan-nikil: 133 każ ta’ kanċer fil-pulmun, 702 każ ta’ morbiditajiet pulmonari u 80 każ ta’ korrimenti evitati, u benefiċċju tas-saħħa mmonetizzat ta’ EUR 72-92 miljun.

·Benżen: 182 każ ta’ lewkimja u 189 każ ta’ lewkoċitopenija evitati, u benefiċċju tas-saħħa mmonetizzat ta’ EUR 121-198 miljun.

L-impatt fuq l-impjegaturi

Fir-rigward tal-impatt fuq l-impjegaturi, din l-inizjattiva tista’ tirriżulta f’kostijiet ogħla għall-kumpaniji li jkollhom jimplimentaw miżuri protettivi u preventivi addizzjonali. Madankollu, dawn l-investimenti se jirrappreżentaw frazzjoni żgħira tal-fatturat tal-kumpaniji. Barra minn hekk, l-investimenti f’miżuri protettivi se jgħinu lill-kumpaniji jevitaw il-kostijiet relatati mal-assenza tal-persunal u mal-produttività mnaqqsa, li jistgħu inkella jkunu kkawżati minħabba mard.

Barra minn hekk, huma previsti miżuri tranżizzjonali għat-tliet sustanzi sabiex il-kumpaniji jkollhom aktar żmien biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa filwaqt li diġà jkunu tejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema. Tabilħaqq, għalkemm il-kost annwalizzat għal kull kumpanija huwa mistenni li jkun sostenibbli, ħafna mill-investimenti fir-RMMs iseħħu kmieni fil-perjodu ta’ 60 sena meqjus fil-kalkoli.

Il-proposta ma żżid l-ebda obbligu ta’ informazzjoni u għalhekk mhijiex se twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi.

L-impatt fuq l-ambjent

Fir-rigward tal-impatt fuq l-ambjent, l-introduzzjoni tal-OEL għall-akrilonitril mhijiex se twassal għal aktar installazzjoni ta’ ventilazzjonijiet tal-egżost lokalizzati (LEVs) li jistgħu jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet fl-arja. L-ebda wieħed mill-RMMs potenzjali li għandhom jikkonformaw mal-għażla ppreferuta għall-akrilonitril mhu mistenni li jwassal għal bidliet sinifikanti fir-rilaxxi tal-akrilonitril fl-ilma. L-introduzzjoni tal-għażla ppreferuta għall-komposti tan-nikil ma għandhiex tibdel b’mod sinifikanti r-rilaxxi ambjentali totali tal-komposti tan-nikil. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ OEL madwar l-UE kollha għall-akrilonitril u l-komposti tan-nikil mhux se jwassal għar-rilaxxi ogħla fl-ambjent u m’għandu l-ebda impatt. Fir-rigward tal-benżen, it-tnaqqis tal-OEL eżistenti fil-livell tal-UE se jnaqqas ukoll l-emissjonijiet li jaħarbu jew dawk diffużi f’xi setturi.

L-impatt fuq l-Istati Membri/l-awtoritajiet nazzjonali

Fir-rigward tal-impatt fuq l-Istati Membri/l-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri b’OELs stabbiliti fil-livell tal-valuri limitu stabbiliti f’din l-inizjattiva se jkunu anqas affettwati minn dawk li għandhom OEL ogħla jew li m’għandhom l-ebda OEL stabbilit. Għalkemm il-kostijiet amministrattivi u dawk tal-infurzar se jkunu differenti minn Stat Membru għal ieħor, dawn m’għandhomx ikunu sinifikanti. Jistgħu jiġġarrbu xi kostijiet amministrattivi addizzjonali mill-awtoritajiet fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu pprovduti informazzjoni u taħriġ lill-persunal, kif ukoll biex issir reviżjoni tal-listi ta’ kontroll tal-konformità. Madankollu, dawn il-kostijiet huma żgħar meta mqabbla mal-kostijiet globali tal-funzjonament imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar.

Abbażi tal-esperjenza miġbura mill-ħidma tal-Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC) u wara li ġie kkunsidrat il-mod kif l-attivitajiet tal-infurzar jiġu organizzati fi Stati Membri differenti, mhuwiex probabbli li l-introduzzjoni ta’ valuri limitu ġodda fid-Direttiva se jkollha kwalunkwe impatt fuq il-kostijiet globali taż-żjarat ta’ spezzjoni. Dawn jiġu ppjanati l-aktar b’mod indipendenti mill-proposta, u ta’ spiss minħabba lmenti li jkunu waslu matul sena speċifika u/jew skont l-istrateġiji ta’ spezzjoni definiti minn awtorità speċifika, li jistgħu jindirizzaw l-industriji rilevanti fejn ikunu preżenti s-sustanzi kimiċi kkonċernati. Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza tal-OELs, permezz tal-introduzzjoni ta’ livelli massimi ta’ esponiment, tiffaċilita x-xogħol tal-ispetturi billi tipprovdi għodda utli għall-kontrolli tal-konformità.

Barra minn hekk, din l-inizjattiva għandha tikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqas it-telf finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri billi tipprevjeni l-mard. Il-benefiċċji għall-awtoritajiet pubbliċi huma wkoll mistennija li jkunu ogħla mill-kostijiet.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-impatt fuq is-SMEs

Din il-proposta ma fihiex reġimi eħfef għall-mikrointrapriżi jew għall-SMEs. Skont id-Direttiva, l-SMEs mhumiex eżonerati mill-obbligu li jeliminaw jew inaqqsu għal minimu r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni.

Għal ħafna mill-karċinoġeni koperti f’din l-inizjattiva, diġà jeżistu OELs fil-livell nazzjonali, anki jekk il-livell bħala tali jvarja fost l-Istati Membri. L-istabbiliment tal-valuri limitu previsti f’din il-proposta m’għandu jkollu l-ebda impatt fuq dawk is-SMEs li jinsabu/huma lokalizzati f’dawk l-Istati Membri fejn il-valuri limitu nazzjonali huma jew ugwali jew anqas mill-valuri proposti. Madankollu, se jkun hemm impatt ekonomiku f’dawn l-Istati Membri (u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fihom) li attwalment għandhom limiti ogħla tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol stabbiliti għall-karċinoġeni li huma s-suġġett ta’ din il-proposta.

Filwaqt li l-kumpaniji li jużaw l-akrilonitril huma prinċipalment kumpaniji kbar, is-SMEs jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-industriji rilevanti li jittrattaw il-komposti tan-nikil u l-benżen. Għas-sustanzi kollha kkunsidrati f’din l-inizjattiva, l-investimenti meħtieġa għas-SMEs se jirrappreżentaw sehem żgħir mill-fatturat tas-SMEs tul is-60 sena li ġejjin. Għadd żgħir ħafna biss ta’ SMEs ikkonċernati mill-użu tal-komposti tan-nikil jistgħu jiffaċċjaw xi diffikultajiet biex jikkonformaw mal-għażla ppreferuta. Għal din ir-raġuni, il-perjodi ta’ tranżizzjoni li għandhom l-għan li jtaffu l-isfidi ġew inklużi fil-pakkett ta’ għażliet ippreferuti.

L-impatt fuq il-kompetittività tal-UE jew il-kummerċ internazzjonali

Din l-inizjattiva se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern billi tnaqqas id-differenzi kompetittivi bejn il-kumpaniji li joperaw fi Stati Membri b’OELs nazzjonali differenti u tipprovdi ċertezza akbar dwar il-limitu ta’ espożizzjoni infurzabbli madwar l-UE.

Għalkemm din l-inizjattiva se tirriżulta f’OELs aktar stretti meta mqabbla ma’ xi wħud mill-pajjiżi kompetituri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, din m’għandux ikollha impatt sinifikanti fuq il-kompetittività esterna tal-kumpaniji tal-UE. Kif imsemmi hawn fuq, il-kostijiet addizzjonali għal kull kumpanija mhumiex sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet.

Barra minn hekk, l-OELs stabbiliti fil-pajjiżi mhux tal-UE ma jistgħux neċessarjament jitqabblu mal-valuri limitu tal-UE. Il-metodi tal-istabbiliment tal-OELs u l-implimentazzjoni tal-OELs ivarjaw sostanzjalment fost il-ġurisdizzjonijiet b’riżultat, pereżempju, ta’ approċċi differenti dwar jekk u kif jistgħu jitqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi, tad-differenzi fl-eżegwibbiltà ġuridika jew fl-aspettattivi fir-rigward tal-konformità, tal-użu tal-evidenza xjentifika u l-metodu analitiku, tar-relazzjonijiet industrijali u r-rwoli tal-industrija, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u oħrajn. B’riżultat ta’ dan, wieħed għandu joqgħod attent meta jqabbel u jislet konklużjonijiet dwar il-valuri, li jistgħu ma jkunux direttament kumparabbli.

Drittijiet fundamentali

L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali jitqies bħala pożittiv b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (Id-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi, li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħhom).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji u tal-persunal addizzjonali għall-baġit tal-UE jew għall-korpi stabbiliti mill-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-għadd ta’ każijiet tal-mard relatat mal-post tax-xogħol u tal-kanċer relatat max-xogħol fl-UE u t-tnaqqis tal-kostijiet relatati mal-kanċer relatat mal-post tax-xogħol għall-operaturi ekonomiċi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE huma l-indikaturi ewlenin meta jiġu mmonitorjati l-impatti ta’ din id-Direttiva. Il-monitoraġġ tal-ewwel indikatur jirreferi għad-data disponibbli miġbura mill-Eurostat, id-data nnotifikata mill-impjegaturi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 14(8) tad-Direttiva u li tista’ tiġi aċċessata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva, u d-data ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE. Il-monitoraġġ tat-tieni indikatur jeħtieġ it-tqabbil tad-data stmata dwar il-piż tal-kanċer relatat mal-post tax-xogħol f’termini ta’ telf ekonomiku u l-kostijiet tal-kura tas-saħħa u tad-data miġbura sussegwentement dwar dawn il-kwistjonijiet wara l-adozzjoni tar-reviżjoni.

Se titwettaq valutazzjoni tal-konformità f’żewġ stadji (kontrolli tat-traspożizzjoni u tal-konformità) għat-traspożizzjoni tal-valuri limitu stabbiliti. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni prattika tal-emendi proposti se ssir fil-qafas tal-evalwazzjoni perjodika li għandha titwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE. Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni u tal-infurzar se jitwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol nazzjonali.

Fil-livell tal-UE, is-SLIC se jkompli jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe problema prattika relatata mal-infurzar tad-Direttiva 2004/37/KE, inklużi d-diffikultajiet fir-rigward tal-konformità mal-valuri limitu vinkolanti. Barra minn hekk, is-SLIC se jkompli jivvaluta l-każijiet irrappurtati, jiskambja informazzjoni u prattika tajba f’dan ir-rigward u, jekk ikun meħtieġ, jiżviluppa għodod ta’ appoġġ għall-infurzar bħall-gwida.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva. Hija meħtieġa informazzjoni mhux ambigwa dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-proposta. Il-piż amministrattiv addizzjonali stmat għall-provvediment tad-dokumenti ta’ spjegazzjoni mhuwiex sproporzjonat (huwa ta’ darba u m’għandux jirrikjedi l-involviment ta’ ħafna organizzazzjonijiet). Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jiġu abbozzati b’mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar fejn tiġi spjegata r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jiddikjara li d-Direttiva 2004/37/KE ġiet emendata f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva. Żdiedu żewġ sustanzi ġodda fl-Anness III, u b’hekk ġiet estiża l-lista ta’ valuri limitu vinkolanti tal-UE, issuplimentati b’notazzjoni għall-ġilda għall-akrilonitril u notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda u respiratorja għall-komposti tan-nikil. Il-valur limitu għal sustanza waħda eżistenti fl-Anness III, jiġifieri l-benżen, ġie aġġornat filwaqt li nżammet in-notazzjoni għall-ġilda tiegħu. Il-miżuri tranżizzjonali għat-tliet sustanzi ġew previsti fl-aħħar kolonna tat-tabella.

L-Artikoli 2 sa 4

L-Artikoli 2 sa 4 fihom id-dispożizzjonijiet tas-soltu dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 jirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

L-Anness

It-terminu “valur limitu” użat f’dan l-Anness huwa ddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva. Il-valuri limitu jindirizzaw ir-rotta tal-inalazzjoni tal-esponiment, u jiddeskrivu l-livell ta’ konċentrazzjoni massima fl-arja għal aġent kimiku partikolari li l-ħaddiema m’għandhomx ikunu esposti għalih, bħala medja, matul perjodu ta’ żmien definit.

“Notazzjoni għall-ġilda” ġiet assenjata għal aġent kimiku wieħed fejn l-RAC ivvaluta li l-assorbiment kutanju jista’ jikkontribwixxi għall-piż totali fuq il-ġisem u konsegwentement għal tħassib dwar l-effetti possibbli fuq is-saħħa, jiġifieri l-akrilonitril. Notazzjoni għall-ġilda tidentifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Notazzjoni għas-“sensitizzazzjoni tal-ġilda” ġiet assenjata għal aġent kimiku wieħed fejn l-RAC ivvaluta li l-espożizzjoni għalih jista’ jikkawża reazzjonijiet avversi fuq il-ġilda, jiġifieri l-komposti tan-nikil. Notazzjoni għas-“sensitizzazzjoni respiratorja” ġiet assenjata għal aġent kimiku wieħed fejn l-RAC ivvaluta li l-espożizzjoni għalih permezz tal-inalazzjoni jista’ jikkawża reazzjonijiet avversi fis-sistema respiratorja, jiġifieri l-komposti tan-nikil. L-impjegaturi għandhom l-obbligu li jqisu dawn in-notazzjonijiet meta jwettqu valutazzjoni tar-riskju u meta jimplimentaw miżuri preventivi u protettivi għal karċinoġenu jew mutaġenu partikolari skont id-Direttiva.

2020/0262 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 43 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 44 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Din id-Direttiva tipprevedi livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali li jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. L-għan ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi huwa li l-ħaddiema jiġu protetti fil-livell tal-Unjoni. Dispożizzjonijiet aktar stretti jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

(2)Il-Prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 46 , ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir fis-17 ta’ Novembru 2017, jipprovdi d-dritt tal-ħaddiema għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol, u dan jinkludi l-protezzjoni mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

(3)Il-valuri limitu tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol vinkolanti huma komponent importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti bid-Direttiva 2004/37/KE u m’għandhomx jinqabżu. Jenħtieġ li l-valuri limitu u dispożizzjonijiet oħra relatati direttament jiġu stabbiliti għal dawk il-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha li l-informazzjoni disponibbli għalihom, inkluża d-data xjentifika u teknika, tagħmel dan possibbli.

(4)Il-konformità mal-valuri limitu tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol vinkolanti hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra tal-impjegaturi skont id-Direttiva 2004/37/KE, bħal pereżempju t-tnaqqis tal-użu tal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati għal dan il-għan. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew tal-mutaġenu b’sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunux perikolużi jew li jkunu anqas perikolużi għas-saħħa tal-ħaddiema, l-użu ta’ sistema magħluqa jew miżuri oħrajn li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema.

(5)Din id-Direttiva ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Jenħtieġ li valuri limitu ġodda jiġu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluża data xjentifika u teknika ġdida, u għandhom ikunu bbażati wkoll fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u fuq id-disponibbiltà tal-protokolli u t-tekniki għall-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li din l-informazzjoni jekk ikun possibbli, tinkludi data dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ASCH). L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu, li ssir disponibbli pubblikament fil-livell tal-Unjoni, hija ta’ valur għal kwalunkwe ħidma futura biex jiġu llimitati r-riskji mill-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni.

(6)Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-RAC u tal-ACSH, fejn ikun possibbli, il-valuri limitu għar-rotta ta’ inalazzjoni tal-espożizzjoni jiġu stabbiliti b’rabta ma’ perjodu ta’ referenza ta’ medja ponderata skont il-ħin ta’ tmien sigħat (valuri limitu ta’ espożizzjoni fit-tul) u, għal ċerti karċinoġeni jew mutaġeni għal perjodu ta’ referenza iqsar, b’mod ġenerali medja ponderata skont il-ħin ta’ ħmistax-il minuta (valuri limitu ta’ espożizzjoni għal żmien qasir), sabiex jiġu llimitati, sa fejn hu possibbli, l-effetti li jirriżultaw minn espożizzjoni għal żmien qasir.

(7)Jenħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati mezzi ta’ assorbiment oħra minbarra l-inalazzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni kollha, inkluża l-possibbiltà ta’ assorbiment mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni.

(8)Il-valutazzjoni tal-effetti tal-karċinoġeni fuq is-saħħa soġġetti għal din id-Direttiva kienet ibbażata fuq l-għarfien espert xjentifiku rilevanti mill-RAC. Skont Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz iffirmat mid-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u l-ECHA, l-RAC jipprovdi evalwazzjonijiet xjentifiċi dwar il-profil tossikoloġiku ta’ kull waħda mis-sustanzi kimiċi prijoritarji magħżula fir-rigward tal-effetti avversi tagħhom fuq is-saħħa tal-ħaddiema.

(9)L-akrilonitril jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Huwa possibbli, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika u teknika, li jiġi stabbilit valur limitu fuq terminu twil u fuq terminu qasir għal dan il-karċinoġenu. L-akrilonitril jista’ wkoll jiġi assorbit mill-ġilda. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-akrilonitril fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE u li tiġi assenjata notazzjoni għall-ġilda għalih. L-ACSH, ibbażat fuq l-opinjoni tal-RAC, qabel dwar l-utilità tal-bijomonitoraġġ għall-akrilonitril. Dan għandu jitqies meta tkun qiegħda tiġi żviluppata gwida dwar l-użu prattiku tal-bijomonitoraġġ.

(10)Fir-rigward tal-akrilonitril, jista’ jkun diffiċli li jiġi osservat valur limitu ta’ 1 mg/m³ (0,45 ppm) u valur limitu għal żmien qasir ta’ 4 mg/m³ (1,8 ppm) f’terminu qasir. Jenħtieġ li jiġi introdott perjodu tranżizzjonali u ta’ erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva li minnu għandhom japplikaw dawn il-valuri limitu tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (OEL).

(11)Il-komposti tan-nikil jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan il-grupp ta’ karċinoġeni. L-espożizzjoni għall-komposti tan-nikil fuq il-postijiet tax-xogħol jista’ jirriżulta wkoll f’sensitizzazzjoni tal-ġilda u sensitizzazzjoni tas-sistema respiratorja. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti żewġ valuri limitu kemm għall-frazzjonijiet inalabbli u kif ukoll għal dawk respirabbli tal-komposti tan-nikil fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda u respiratorja.

(12)Fir-rigward tal-komposti tan-nikil, il-valuri limitu ta’ 0,01 mg/m³ għall-frazzjoni respirabbli u ta’ 0,05 mg/m³ għall-frazzjoni inalabbli jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu ssodisfati f’għadd ta’ setturi jew proċessi, inkluż b’mod speċifiku t-tidwib, ir-raffineriji u l-iwweldjar. Barra minn hekk, minħabba li jistgħu jintużaw miżuri identiċi tal-ġestjoni tar-riskji kemm għall-komposti tal-kromju (VI) kif ukoll għal dawk tan-nikil, il-miżuri tranżizzjonali li għandhom l-għan li jnaqqsu l-espożizzjoni għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ karċinoġeni jenħtieġ li jiġu allinjati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi introdott perjodu tranżizzjonali sas-17 ta’ Jannar 2025 inklużiv li matulu għandu japplika valur limitu ta’ 0,1 mg/m³ għall-frazzjoni inalabbli tal-komposti tan-nikil. Dan il-perjodu tranżizzjonali jiżgura allinjament mad-data tal-applikazzjoni tal-OEL għall-komposti tal-Kromju (VI) adottat fid-Direttiva 2017/2398/UE 48 .

(13)Il-benżen jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fis-sens tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-benżen jista’ wkoll jiġi assorbit mill-ġilda. Jenħtieġ li l-valur limitu stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE għall-benżen jiġi rivedut fid-dawl ta’ data xjentifika aktar reċenti u huwa xieraq li tinżamm in-notazzjoni għall-ġilda. L-ACSH, abbażi tal-opinjoni tal-RAC, qabel dwar l-utilità tal-bijomonitoraġġ għall-benżen. Dan għandu jitqies meta tkun qiegħda tiġi żviluppata gwida dwar l-użu prattiku tal-bijomonitoraġġ.

(14)Fir-rigward tal-benżen, jista’ jkun diffiċli li xi setturi jikkonformaw ma’ valur limitu rivedut ta’ 0,2 ppm (0,66 mg/m³) f’terminu qasir. Jenħtieġ li jiġi introdott perjodu tranżizzjonali ta’ 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Minn sentejn sa erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ, jenħtieġ li japplika valur limitu tranżizzjonali ta’ 0,5 ppm (1,65 mg/m³).

(15)Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din ikkonsultat ukoll lill-ACSH, li adotta opinjonijiet għas-sustanzi prijoritarji kollha kkonċernati minn din id-Direttiva, u rrakkomandat valur limitu tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol vinkolanti wieħed jew aktar għal kull wieħed minnhom, kif ukoll notazzjonijiet.

(16)Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinżammu taħt skrutinju u reviżjoni regolari biex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 49 .

(17)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, inkluż il-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, li jirriżultaw jew li jistgħu jirriżultaw minn espożizzjoni għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(18)Billi din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(19)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2004/37/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn] wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir referenza bħal din.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Cancer_statistics#Deaths_from_cancer  
(2)    Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf
(3)    EU-OSHA (2017), Tqabbil internazzjonali tal-kost ta’ aċċidenti u mard relatati max-xogħol, disponibbli fuq: https://osha.europa.eu/mt/publications/international-comparison-cost-work-related-accidents-and-illnesses/view
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” COM(2020) 14 final, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0014  
(5)    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Novembru 2017, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/social-summit-european-pillar-social-rights-booklet_mt.pdf
(6)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd - Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali” COM(2017) 12 final, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52017DC0012
(7)     https://roadmaponcarcinogens.eu/about/the-roadmap/
(8)    Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32004L0037
(9)    Id-Direttiva (UE) 2017/2398 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571906530859&uri=CELEX:32017L2398
(10)    Id-Direttiva (UE) 2019/130 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571906467330&uri=CELEX:32019L0130
(11)    Id-Direttiva (UE) 2019/983 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571906381017&uri=CELEX:32019L0983
(12)    Notazzjoni għall-ġilda tidentifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.
(13)    Consultation Document of 26.07.2017, First phase consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on revisions of Directive 2004/37/EC to include binding occupational exposure limit values for additional carcinogens and mutagens, C(2017) 5191 final.
(14)    Consultation Document of 10.11.2017, Second phase consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on revisions of Directive 2004/37/EC to include binding occupational exposure limit values for additional carcinogens and mutagens, C(2017) 7466 final.
(15)    L-Artikolu 1 (1) u l-premessa 13 tad-Direttiva
(16)    L-Artikolu 16 (1) u l-premessa 13 tad-Direttiva
(17)    Notazzjoni għas-“sensitizzazzjoni tal-ġilda” tfisser li l-espożizzjoni għal sustanza jista’ jikkawża reazzjonijiet avversi fuq il-ġilda.
(18)    Notazzjoni għas-“sensitizzazzjoni respiratorja” tfisser li l-espożizzjoni għal sustanza permezz tal-inalazzjoni jista’ jikkawża reazzjonijiet avversi fis-sistema respiratorja.
(19)    Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna
(20)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd – Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali” COM(2017) 12 final, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52017DC0012
(21)    Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna
(22)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX%3A32006R1907
(23)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta’ ċerti elementi – Konklużjonijiet u Azzjonijiet. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018DC0116&from=MT
(24)     ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1 .
(25)    Ara t-tabella 3 fil-valutazzjoni tal-impatt.
(26)    Commission Staff Working Document “Ex-post evaluation of the European Union occupational safety and health Directives (REFIT evaluation). Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX%3A52017SC0010
(27)    Din il-konsultazzjoni f’żewġ stadji tkopri t-tielet u r-raba’ (l-inizjattiva attwali) reviżjonijiet tas-CMD sabiex ma jinħelix żmien u sabiex jitwasslu aktar malajr. Dan jispjega d-distakk taż-żmien bejn il-konsultazzjoni u din l-inizjattiva huwa aktar imdewwem mis-soltu.
(28)    Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema fil-Bini u fl-Injam (EFBWW)
(29)    BusinessEurope, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Grupp Ewropew tal-Impjegaturi Kimiċi (ECEG) u l-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEEMET)
(30)    Federazzjoni Ewropea tal-Junjins tas-Servizzi Pubbliċi (EPSU), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema fil-Bini u fl-Injam (EFBWW)
(31)    BusinessEurope, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Grupp Ewropew tal-Impjegaturi Kimiċi (ECEG) u l-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEEMET)
(32)    Disponibbli fuq: https://circabc.europa.eu/sd/a/df365d23-26f3-4266-8a55-4b60f631506e/Doc.1050-19-EN%20ACSH%20WPC_CMD__Opinion_acrylonitrile%20Adopted%2004062019.pdf
(33)    Disponibbli fuq: https://circabc.europa.eu/sd/a/4748ba6a-59aa-4349-9baa-f85dc59a4ed3/Doc.1054-19-EN_ACSH%20WPC_CMD_draft_Opinion_nickel%20rev-clean.pdf
(34)    Disponibbli fuq: https://circabc.europa.eu/sd/a/b28832c6-8cc6-4a6c-b966-986211b180fc/Doc.1056-19-EN-ACSH%20CMD_Opinion_benzene%20Adoped%2004062019.pdf
(35)    Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna
(36)

   RAC opinion on acrylonitrile

Disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/acrylonitrile_opinion_en.pdf/102477c9-a961-2c96-5c4d-76fcd856ac19   

(37)

   RAC opinion on nickel and its compounds

Disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/nickel_opinion_en.pdf/9e050da5-b45c-c8e5-9e5e-a1a2ce908335  

(38)

   RAC opinion on benzene

Disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/benzene_opinion_en.pdf/4fec9aac-9ed5-2aae-7b70-5226705358c7  

(39)    Id-dokumenti tas-Sejħa għall-Offerti huma disponibbli fuq: https://etendering.ted.europa.eu/cft/cft-display.html?cftId=3559
(40)    Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt
(41)     ĠU L 345, 27.12.2017, p. 87
(42)    Ara n-nota 33 f’qiegħ il-paġna
(43)    ĠU C , , p. .
(44)    ĠU C , , p. .
(45)    Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) ( ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50 ).
(46)    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Novembru 2017, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/social-summit-european-pillar-social-rights-booklet_mt.pdf
(47)    Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar, u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX%3A32008R1272 .
(48)    Id-Direttiva (UE) 2017/2398 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571906530859&uri=CELEX:32017L2398 .
(49)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX%3A32006R1907 .

Brussell, 22.9.2020

COM(2020) 571 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

{SEC(2020) 302 final} - {SWD(2020) 183 final} - {SWD(2020) 184 final}


ANNESS

1.Fil-punt A tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE, ir-ringiela għall-benżen hija sostitwita bir-ringiela li ġejja:

Isem tal-aġent

Nru tal-KE (1)

Nru tal-CAS (2)

Valuri limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

Tmien (8) sigħat (3)

Terminu qasir  (4)

mg/m3 (5)

ppm (6)

f/ml

(7)

mg/m3

ppm

f/ml

Benżen

200-753-7

71-43-2

0,66

0,2

−

−

−

−

Ġilda (8)

Il-valur limitu għandu japplika minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Minn sentejn sa erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ, għandu japplika valur limitu ta’ 0,5 ppm (1,65 mg/m³).

2.Fil-punt A tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE, jiżdiedu l-linji li ġejjin:

Isem tal-aġent

Nru tal-KE ( I )

Nru tal-CAS ( II )

Valuri limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

Tmien (8) sigħat ( III )

Terminu qasir  ( IV )

mg/m3 ( V )

ppm ( VI )

f/ml

( VII )

mg/m3

ppm

f/ml

Akrilonitril

203-466-5

107-13-1

1

0,45

−

4

1,8

−

Ġilda ( VIII )

Il-valuri limitu għandhom japplikaw minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Komposti tan-nikil

−

−

0,01( IX ) 

0,05( X )

−

−

−

−

−

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda ( XI )

Il-valur limitu (9) għandu japplika mit-18 ta’ Jannar 2025

Il-valur limitu (10) għandu japplika mit-18 ta’ Jannar 2025. Sa dak iż-żmien għandu japplika valur limitu ta’ 0,1 mg/m³(10).

(I)

()    Nru tal-KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(II)

()        Nru tal-CAS: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.

(III)

()        Imkejla jew ikkalkulati b’rabta ma’ perjodu ta’ referenza tal-medja kkunsidrata fil-funzjoni tal-ħin ta’ tmien sigħat (TWA).

(IV)

()        Limitu ta’ espożizzjoni għal terminu qasir (STEL). Valur limitu li ’l fuq minnu ma għandux ikun hemm espożizzjoni u li huwa relatat ma’ perjodu ta’ 15-il minuta, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

(V)

()        mg/m3 = milligrammi kull metru kubu ta’ arja b’20 °C u 101,3 kPa (pressjoni tal-merkurju ta’ 760 mm).

(VI)

()        ppm = partijiet kull miljun skont il-volum fl-arja (ml/m3).

(VII)

()        f/ml = fibri kull millilitru.

(VIII)

()    Kontribuzzjoni sostanzjali għall-piż totali tal-ġisem mill-espożizzjoni tal-ġilda possibbli.

(IX)

()    Frazzjoni respirabbli, imkejla bħala nikil

(X)

()    Frazzjoni inalabbli, imkejla bħala nikil

(XI)

()        Is-sustanza tista’ tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda u tas-sistema respiratorja.