IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2020
COM(2020) 498 final
2020/0255(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).
Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.
Franza talbet li tkun awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-konsum finali tal-elettriku, għal elettriku fornut direttament lill-bastimenti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni (inklużi l-bastimenti tas-sajd), minbarra dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”). L-għan ta’ din il-proposta huwa li tingħata dik l-awtorizzazzjoni permezz ta’ deroga valida, kif mitlub, sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2019, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw il-miżura. Informazzjoni u kjarifiki addizzjonali ġew ipprovduti fl-4 ta’ Marzu 2020 u fit-30 ta’ April 2020.
Franza qed tfittex awtorizzazzjoni biex tapplika rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50/MWh, ugwali għar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu kummerċjali kif stabbilit fid-Direttiva, għall-provvista tal-elettriku mix-xatt lil bastimenti li joperaw esklussivament għal skopijiet kummerċjali fl-ibħra u fl-ilmijiet interni tal-Unjoni (inkluż is-sajd).
Il-perjodu ta’ validità mitlub huwa mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025, li huwa fi ħdan il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Dan it-tnaqqis għandu l-għan li jipprovdi inċentiv ekonomiku għall-implimentazzjoni u l-użu tal-elettriku mix-xatt sabiex jonqos it-tniġġis tal-arja fl-ibliet portwali, itejjeb il-kwalità tal-arja lokali u jnaqqas l-istorbju għall-benefiċċju tas-saħħa tal-abitanti.
L-objettiv tal-miżura li għandha tiġi applikata minn Franza huwa wkoll li jitnaqqas l-impatt ambjentali globali tat-trasport fuq l-ilma.
Permezz tal-miżura li qed titlob, Franza trid tagħti inċentiv għall-użu tal-elettriku mix-xatt li hu kkunsidrat bħala alternattiva li tniġġes inqas mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port. Kif indikat fit-talba, fi Franza, ir-rata standard tat-taxxa fuq l-elettriku hija ta’ EUR 22,50/MWh. Il-konċessjoni tat-taxxa mitluba hija ta’ EUR 22,00/MWh. Dan ifisser li b’riżultat ta’ dan, il-benefiċjarji jiġu ċċarġjati bir-rata ta’ taxxa minima applikabbli tal-UE fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, li hija EUR 0,50/MWh (kif speċifikat fl-Artikolu 10(1) u t-Tabella C tal-Anness I tad-Direttiva).
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, l-Istati Membri jenħtieġu jeżentaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku u l-elettriku prodott abbord il-bastimenti rmiġġati fil-portijiet. Jistgħu jagħmlu dan ukoll fil-każ ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku u l-elettriku prodott abbord bastimenti għan-navigazzjoni f’passaġġi fuq l-ilma interni skont l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. Franza kkonfermat it-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar eżenzjoni fakultattiva.
L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li t-tnaqqis fit-taxxa japplika għall-bastimenti kollha minbarra għad-dgħajjes ta’ użu privat jew ta’ divertiment, jiġifieri li l-bastimenti kollha involuti fin-navigazzjoni kummerċjali, irrispettivament mid-daqs jew mill-bandiera li jtajru, jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa. F’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm obbligu għall-bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt.
Kif indikat fit-talba, in-numru stmat ta’ benefiċjarji huwa ta’ madwar 7 000 (inklużi l-kumpaniji tat-trasport marittimu u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll is-settur tas-sajd). Dan huwa numru potenzjali massimu ta’ benefiċjarji fit-tul marbut ma’ żieda stmata fl-użu ta’ sistemi ta’ konnessjoni tal-elettriku mix-xatt. In-numru ta’ terminali tal-elettriku mix-xatt attwalment użati huwa limitat (madwar 230) prinċipalment fiż-żona pubblika tal-passaġġi fuq l-ilma interni u huwa maħsub għat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri. Bħalissa m’hemmx terminali għall-bastimenti tas-sajd.
Bħala stima tal-infiq tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Franċiżi kkalkulaw it-telf tad-dħul mit-taxxa bbażat fuq l-ammont ta’ elettriku kkunsmat, l-ammont tal-vantaġġ fiskali mitlub u n-numru ta’ terminali. Il-konsum tal-elettriku minn dawn it-terminali huwa ta’ madwar 12 000 MWh/sena u l-ħelsien mit-taxxa jammonta għal EUR 22,00/MWh (ir-rata standard tat-taxxa, kif imsemmi qabel, hija EUR 22,50/MWh): dan jirriżulta f’telf ta’ dħul mit-taxxa li jammonta għal madwar EUR 270 000. Meta wieħed iqis in-numru dejjem jikber ta’ terminali (mill-230 attwali għal madwar 256 fil-futur qrib), huwa stmat telf attwali ta’ madwar EUR 300 000 għall-perjodu li ġej.
Franza talbet li tingħata awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025, li tibda mill-1 ta’ Jannar 2020, li hu fi ħdan il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.
Bit-tnaqqis fit-taxxa, Franza trid tagħti inċentiv biex l-operaturi rilevanti jiżviluppaw u jużaw l-elettriku mix-xatt sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ħsejjes fl-ajru mill-kombustjoni tal-karburanti minn bastimenti rmiġġati kif ukoll emissjonijiet tas-CO2. L-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-elettriku mix-xatt meta mqabbla mal-konsum ta’ karburant tal-bastimenti abbord, li huwa eżentat mit-taxxa.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
It-taxxa fuq l-elettriku hija regolata mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(c) jipprevedi eżenzjoni mit-taxxa obbligatorja għall-prodotti tal-enerġija għan-navigazzjoni kif ukoll għall-elettriku prodott fuq inġenju. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprovdu l-possibilità għall-Istati Membri li japplikaw differenzi fit-taxxa, inkluż eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux għal tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt.
Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.
Dispożizzjonijiet taħt id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jaqra kif ġej:
Flimkien ma' dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.
Permezz ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, l-awtoritajiet Franċiżi qed isegwu l-għan li jippromwovu mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent sabiex il-bastimenti jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet u b’hekk itejbu l-kwalità tal-arja lokali u jnaqqsu l-istorbju. Il-Kummissjoni fil-fatt diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq bastimenti li jkunu rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu. Attwalment ir-rata standard nazzjonali għall-elettriku hija ta’ EUR 22,50/MWh; il-konċessjoni tat-taxxa mitluba hija ta’ EUR 22,00/MWh. B’riżultat ta’ dan, il-benefiċjarji jiġu ċċarġjati bir-rata ta’ taxxa minima tal-UE fuq l-elettriku skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, li hija EUR 0,50/MWh u dan għalhekk jista’ jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ddikjarati.
Il-possibilità ta’ introduzzjoni ta’ trattament favorevoli ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.
Franza talbet li l-miżura għandha tapplika għall-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva (jiġifieri 6 snin). Fil-prinċipju, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga għandu jkun twil biżżejjed sabiex ma jaqtax qalb l-operaturi tal-portijiet u l-fornituri tal-elettriku milli jibdew jew milli jkomplu jagħmlu l-investimenti neċessarji f’faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt. Dan il-perjodu se jipprovdi l-massimu possibbli ta’ ċertezza legali anki għall-operaturi tal-bastimenti, li jridu jippjanaw l-investimenti tagħhom fuq tagħmir abbord.
Madankollu, id-deroga xorta ma għandhiex iddgħajjef l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u għandha tqis ir-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Din ir-reviżjoni ssegwi l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas tal-UE għat-tassazzjoni tal-enerġija mit-28 ta’ Novembru 2019. Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tevalwa l-għażliet possibbli bil-ħsieb li tippubblika maż-żmien, proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija; u talab lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ir-rati minimi u t-tnaqqis u l-eżenzjonijiet speċifiċi tat-taxxa.
Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt li jidher xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għall-perjodu mitlub, il-validità tad-deroga għandha tkun magħmula soġġetta għad-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni, f’mument qabel tmiem l-2025.
L-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li huma meħtieġa miżuri addizzjonali (bħal miżuri regolatorji biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konnessjoni jew biex jippermettu, f’ċerti każijiet, l-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ użu tal-elettriku mix-xatt, kif ukoll strumenti legali oħra biex ikomplu jinvolvu ulterjorment u aktar mill-qrib lis-setturi pubbliċi u privati) filwaqt li ċerti miżuri regolatorji diġà huma fis-seħħ. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa, fost l-oħrajn, li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-użu tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet.
Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
Ir-rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50 għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Franċiżi hija ugwali għal-livell minimu tal-UE ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu kummerċjali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE. B’hekk il-miżura tidher li taqa’ taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE, li jistipula l-kundizzjonijiet li bihom, l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE, tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu ma jistax jiġi stabbilit f'dan l-istadju jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament humiex issodisfati u jekk il-proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari, f'każ ta' għajnuna eżentata, li taqa' taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Politika tal-ambjent u t-tibdil fil-klima
Il-miżura mitluba tikkonċerna b’mod ewlieni l-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima tal-UE. Sa fejn tgħin biex jonqos il-konsum ta’ karburanti tal-bastimenti abbord fil-portijiet, il-miżura fil-fatt sejra tikkontribwixxi għall-objettiv li tittejjeb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ bosta mis-sustanzi li jniġġsu l-arja jinżammu taħt il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u l-istandards l-oħrajn tal-kwalità tal-arja stabbiliti fid-Direttiva. Dan l-obbligu jirrikjedi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet fejn dan ikun rilevanti u huwa possibbli li fil-portijiet li għandhom dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mix-xatt se jkun imħeġġeġ bħala element tal-istrateġija kumplessiva għall-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mix-xatt huwa mħeġġeġ ukoll skont id-Direttiva (UE) 2016/802 li tirregola l-kontenut tal-kubrit fi fjuwils marini.
Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-miżura x’aktarx li twassal ukoll għal tnaqqis globali fit-tniġġis, li huwa stmat abbażi tal-konsum proprju tal-elettriku mix-xatt fl-2019.
Fit-trasport marittimu, dan il-konsum kien ta’ madwar 10 400 MWh; il-konsum ekwivalenti ta’ żejt tal-fjuwil dens skont id-data disponibbli kien jiġġenera:
•
4 472 kgSOx ta’ emissjonijiet ta’ SOx,
•
135 200 kgNOx ta’ emissjonijiet ta’ NOx,
•
5 919 kgPM2.5 ta’ partikolati.
F’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, konsum ekwivalenti ta’ żejt tal-fjuwil dens kieku kien jitfa’ 3 369 600 kg ta’ CO2.
Għat-trasport tal-passaġġi fuq l-ilma interni, minħabba li l-konsum tal-elettriku mix-xatt kien ta’ 1 800 MWh, konsum ekwivalenti ta’ diżil mhux għat-triq kien jirriżulta f’emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ta’:
•
155,56 kg ta’ SOx,
•
1 101,6 kg ta’ NOx,
•
584,56 kg ta’ partikoli fini (inkluż 553,71 kg ta’ PM2.5).
Fir-rigward tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-konsum ekwivalenti tad-diżil kien jiġġenera 553 780 kg ta’ CO2.
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elettriku mill-grilja fuq ix-xatt u l-impatt stmat tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, Franza enfasizzat li fit-taħlita nazzjonali tal-enerġija, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied b’madwar 4 punti matul l-aħħar għaxar snin, minn 6,6 % fl-2007 għal 10,7 % fl-2017. L-enerġija rinnovabbli kien għalhekk ir-raba’ sors ta’ enerġija primarja fl-2017, wara l-enerġija nukleari (40,0 %), il-prodotti tal-petroleum (28,9 %) u l-gass (15,7 %). Lil hinn minn din it-tendenza, il-konsum primarju tal-enerġija rinnovabbli jvarja minn sena għall-oħra, skont fatturi differenti.
Il-politika dwar l-enerġija
Il-miżura hija konformi mad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ karburanti alternattivi, li tindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku mix-xatt f’portijiet fejn hemm domanda għal dawn il-faċilitajiet u l-kostijiet ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inkluż il-benefiċċji ambjentali. Ġiet rikonoxxuta wkoll bħala objettiv ta’ interess komuni għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.
Ta’ min ifakkar f'dan il-punt li raġuni importanti għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mix-xatt hija minħabba li l-alternattiva, jiġifieri l-elettriku prodott abbord il-bastimenti f’portijiet marittimi, attwalment tgawdi minn eżenzjoni mit-taxxa netta sħiħa: mhux talli l-karburant tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, u dan jikkorrispondi għal sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, iżda wkoll l-elettriku nnifsu prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat (ara l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE). Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ bħala tali titqies diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, din tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ fattibbiltà. Fil-fatt, it-tassazzjoni fuq l-elettriku ġġenerat abbord tkun teħtieġ dikjarazzjoni mingħand sid il-bastiment - ħafna drabi stabbilit f’pajjiż terz - jew mingħand l-operatur fir-rigward tal-ammont ta’ elettriku kkunsmat. Id-dikjarazzjoni trid tiddetermina wkoll dak il-porzjon tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien tal-bastimenti biex jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għan-navigazzjoni interna u għat-trattament fakultattiv tat-taxxa pprovdut mill-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva (attwalment implimentat minn Franza). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iġġustifikat li l-alternattiva tal-elettriku mix-xatt li tniġġes inqas ma tkunx ippenalizzata, billi Franza titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni.
Politika dwar it-trasport
Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet tal-Unjoni u mal-għanijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta
Mill-perspettiva tas-suq intern u tal-kompetizzjoni ġusta, il-miżura tnaqqas biss id-distorsjoni li teżisti fit-taxxa bejn żewġ sorsi tal-elettriku f’kompetizzjoni bejniethom għad-dgħajjes irmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mix-xatt, ikkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-karburanti tal-bastimenti.
Rigward il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-bastimenti, wieħed irid l-ewwel nett isemmi li fil-preżent hemm għadd żgħir biss ta’ bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt fuq bażi kummerċjali. Għaldaqstant, distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jistgħu biss jinħolqu bejn bastimenti li jibbenefikaw mill-miżura mitluba billi jaqilbu għall-elettriku mix-xatt filwaqt li oħrajn jibqgħu jużaw il-ġenerazzjoni abbord. Minkejja li l-projezzjonijiet preċiżi tal-kostijiet jiddependu ħafna minn kif jiżviluppa l-prezz taż-żejt u għalhekk huma diffiċli ħafna, l-aktar valutazzjonijiet reċenti disponibbli jindikaw li kollox ma’ kollox anke eżenzjoni sħiħa mit-taxxa f’ħafna mill-każijiet ma tnaqqasx il-kostijiet operattivi għall-elettriku mix-xatt taħt il-kostijiet ta' ġenerazzjoni abbord u għalhekk, fi kwalukwe każ, ma tkunx tirrappreżenta benefiċċju kompetittiv sinifikanti għall-operaturi tal-bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt meta mqabbel ma’ dawk li jużaw il-ġenerazzjoni abbord. F’dan il-każ, wieħed għandu jistenna inqas distorsjoni sinifikanti tat-tip li ssemma’ hawn fuq billi Franza se tirrispetta l-livell minimu ta’ tassazzjoni preskritt bid-Direttiva 2003/96/KE għall-elettriku għall-użu kummerċjali.
Barra minn hekk, kif diġà ssemma', l-operaturi tal-bastimenti, li jirċievu l-elettriku mix-xatt intaxxat fil-livell minimu previst fid-Direttiva 2003/96/KE, fil-prinċipju ma jibbenefikawx minn vantaġġ ekonomiku fuq l-operaturi li jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess abbord minħabba li dan l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sostituzzjoni tal-ġenerazzjoni proprja abbord b’elettriku mix-xatt intaxxat fil-livell minimu applikabbli ma twassalx għal vantaġġ kumplessiv sinifikanti fuq il-kost.
Barra minn hekk, aċċess għall-elettriku mix-xatt se jkun disponibbli għall-bastimenti kkonċernati, indipendentament mill-bandiera tagħhom, bla ma jwasslu għal trattament tat-taxxa aktar vantaġġjuż ta' operaturi ekonomiċi nazzjonali fuq il-kompetituri tagħhom minn Stati Membri tal-UE.
Rigward il-kompetizzjoni bejn il-portijiet, huwa mistenni li kwalunkwe impatt potenzjali li jista’ jirriżulta fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jekk il-bastimenti jbiddlu r-rotot tagħhom, minħabba l-possibbiltà ta’ konsum ta’ elettriku mix-xatt b’rata ta’ taxxa mnaqqsa, jiġi kkunsidrat negliġibbli. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, l-użu tal-elettriku mix-xatt mhuwiex probabbli, tal-inqas f’terminu ta’ żmien qasir, li jsir iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord minkejja t-tnaqqis fit-taxxa, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt mhuwiex probabbli wkoll li joħloq distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi jġiegħel lill-bastimenti jbiddlu l-itinerarju tagħhom skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva. L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li fatturi oħrajn (bħad-destinazzjoni tal-merkanzija) għandhom rwol fl-għażla tal-portijiet, sabiex is-sempliċi disponibbiltà tal-elettriku mix-xatt soġġett għal rata ta’ taxxa mnaqqsa ma tidhirx deċiżiva.
Il-perjodu ta’ żmien li għalih qed tiġi proposta l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata ta’ taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni attwali, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti se tinbidel qabel id-data tal-iskadenza tal-miżura.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.
Madankollu, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ leġislazzjoni sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi iżjed eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma għandux jiġi trasmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal reviżjoni ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan inkwistjoni.
•L-għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula minn Franza u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.
L-informazzjoni pprovduta minn Franza tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa (kif issemma qabel, huwa stmat telf proprju ta’ madwar EUR 300 000 għall-perjodu li ġej) u r-rata tat-taxxa fuq l-elettriku mix-xatt se tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilita fid-Direttiva 2003/96/KE. Franza qed tistenna li l-miżura se jkollha impatt pożittiv fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali tagħha u b’mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet (l-istima hija rrappurtata hawn fuq), it-titjib tal-kwalità tal-arja lokali u t-tnaqqis tal-istorbju fl-ibliet portwali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hija r-riżultat ta’ talba li għamlet Franza u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Id-drittijiet fundamentali
Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma twassal għall-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma hemm bżonn ta’ ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija prevista għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2025. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika se tkun ugwali għal-livell minimu ta' tassazzjoni stabbilit mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma għandhiex bżonn dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jistipula li Franza se titħalla tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, minbarra lil dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati fil-portijiet Franċiżi (“elettriku mix-xatt”). Ir-rata ta' taxxa ma għandhiex tkun inqas minn EUR 0,50 għal kull MWh, jiġifieri l-livell minimu ta' tassazzjoni fuq l-elettriku għal skopijiet kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi fornut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.
L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020, sal-31 ta’ Diċembru 2025, kif mitlub minn Franza, fi ħdan il-perjodu massimu ta’ 6 snin permess mid-Direttiva.
2020/0255 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2019, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fl-4 ta’ Marzu 2020 u fit-30 ta’ April 2020.
(2)Bir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni li beħsiebha tapplika, Franza għandha l-għan li tippromwovi l-implimentazzjoni u l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.
(3)Diment li l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti mill-bastimenti irmiġġati, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għal tnaqqis fl-istorbju. Skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Franza, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti huwa mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, ta’ sustanzi oħrajn li jniġġsu l-arja u ta’ storbju. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.
(4)Li jingħata permess lil Franza biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-iġġenerar abbord se jibqa’ l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li l-penetrazzjoni attwali tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.
(5)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk dawn id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2025.
(6)Sabiex l-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti, kif ukoll id-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, ikunu jistgħu jippromwovu l-elettriku mix-xatt, għandu jiġi żgurat li Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020.
(7)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Franza hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”), diment li jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dakinhar li jsiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.