Brussell, 7.9.2020

COM(2020) 484 final

2020/0232(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

rigward l-impenn tal-fondi li ġejjin mir-rimborżi skont il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet skont id-disa’, l-għaxar, u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-bilanċi mill-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti, u l-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-UE (u l-Istati Membri tagħha) huma mexxejja dinjija fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp internazzjonali. Tradizzjonalment, kienu fuq quddiem nett fl-azzjoni internazzjonali, kemm bħala donaturi, kif ukoll għar-rwol innovattiv tagħhom fil-finanzjament tal-iżvilupp.

Minkejja li madwar id-dinja rajna titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-aktar persuni vulnerabbli, għad hemm sfidi sostanzjali. L-isfidi globali qed isiru aktar kumplessi u multidimensjonali, u qed jevolvu rapidament. Biex tindirizzahom b’mod effettiv, hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tintensifika l-azzjoni esterna tagħha u tislet minn sett ta’ strumenti ta’ politika u ta’ finanzjament flessibbli u effiċjenti.

Minħabba li l-kobor tal-isfidi jisboq ir-riżorsi li bħalissa huma disponibbli, l-UE qed tfittex modi ġodda, innovattivi u effiċjenti biex toħloq qafas ta’ finanzjament għall-iżvilupp. L-ingranaġġ tal-investiment li jsir mill-istituzzjonijiet finanzjarji u s-sħab tas-settur privat huwa mod effiċjenti biex isir l-aħjar użu possibbli tal-baġit tal-UE.

Madankollu, l-istrumenti finanzjarji għadhom jirrappreżentaw frazzjoni żgħira ħafna tal-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna. Il-biċċa l-kbira tal-baġit għall-iżvilupp (madwar 90 % tul il-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020 (QFP)) jintefaq fuq għotjiet tradizzjonali għall-iżvilupp, appoġġ dirett tal-baġit, u arranġamenti oħrajn għall-finanzjament dirett u indirett tal-pajjiżi sħab.

****

Il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP (FI AKP) kienet strument finanzjarju pijunier. Twaqqfet fl-2003 permezz tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Iffinanzjar u l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (Cotonou Partnership Agreement – CPA) 1 biex tippromwovi t-tkabbir fis-settur privat, u biex tgħin fil-mobilizzazzjoni tal-kapital domestiku u barrani għal dan il-għan, fi 78 pajjiż fl-Afrika sub-Saħarjana, fil-Karibew u fil-Paċifiku.

Sa issa ġestita mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), tieħu r-riżorsi mid-disa’, mill-għaxar u mill-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll mir-riżorsi proprji tal-BEI.

Il-qafas legali għall-FI tal-AKP 2 jistabbilixxi dan li ġej (għar-riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)):

·ir-“rikavati u introjtu” (rimborżi 3 ) minn operazzjonijiet skont il-FI tal-AKP jintużaw għal operazzjonijiet ulterjuri (skont l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ), u jiffunzjonaw bħala fond rotanti.

·mal-iskadenza tal-Protokoll Finanzjarju tas-CPA (u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni speċifika mill-Kunsill) ir-rimborżi netti kumulattivi jiġu riportati għall-protokoll sussegwenti (l-Artikolu 3(2) tal-Anness II tas-CPA);

·ir-riżorsi totali tal-ħdax-il FEŻ u l-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi ma jibqgħux impenjati lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, b'azzjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni (il-punt 5 tal-Anness Ic tas-CPA u l-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ).

·B’mod parallel, l-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ, flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-ħdax-il Regolament Finanzjarju tal-FEŻ, jipprevedi li l-fondi sottoskritti mill-Istati Membri skont id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ biex jiffinanzjaw il-FI tal-AKP għandhom jibqgħu disponibbli wara l-31 ta’ Diċembru 2020 għall-iżborż, sal-31 ta’ Diċembru 2030. 

·L-Artikolu 14(3) tal-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ iżid li dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ għall-operazzjonijiet kollha ffinanzjati permezz tas-CPA u biex il-QFP 2014-2020 jiġi eżegwit għalkollox (sar-ripagament u l-għeluq tal-operazzjonijiet).

Din il-proposta hija meħtieġa biex tippermetti l-impenn tal-fondi li jinbtu mir-rimborżi lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, il-fondi li jiġu mir-rimborżi lill-BEI jridu jitħallsu lura pro rata lill-Istati Membri, f’konformità mat-tabella fil-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ (l-Artikolu 1(2)(a)).

Skont l-istimi attwali tal-BEI, ir-rimborżi lill-BEI jammontaw għal madwar EUR 3,2 biljun (dotazzjoni totali ta’ EUR 3,6 biljun – mill-UE28 – bit-tnaqqis tat-tariffi u l-ispejjeż ta’ ġestjoni).

****

Il-proposta li jintużaw ir-rimborżi tal-FI tal-AKP għal operazzjonijiet ġodda qed tasal fi żmien kruċjali, li fih l-UE qed issawwar il-politika tal-iżvilupp futura tagħha.

(1)Għall-QFP tal-UE li jmiss għall-2021–2027, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-baġit għall-azzjoni esterna, inkluż b’fondi mill-Istrument Ewropew ta’ Rkupru 4 , u biex tissimplifika l-istruttura tiegħu biex ikun aktar flessibbli u effiċjenti biex jiġu indirizzati l-isfidi globali.

(2)Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-istrument ewlieni għall-azzjoni esterna jkun l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), li jinkludi arkitettura finanzjarja innovattiva u simplifikata għall-investiment barra mill-UE. Dan huwa bbażat fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (European Fund for Sustainable Development Plus, EFSD+), li huwa appoġġat mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna l-ġdida (External Action Guarantee, EAG) 5 . Il-proposta għall-NDICI qed tiġi nnegozjata mill-koleġiżlaturi.

Il-proposta tal-Kummissjoni tislet minn dawn id-diskussjonijiet u r-rapporti kollha li għaddejjin.

Tqis ukoll il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami ta’ tmiem it-terminu tal-FI tal-AKP 6 , li ġie ppubblikat fl-2019. Ir-rieżami kkonkluda li, minkejja li l-FI tal-AKP ikkontribwixxa għall-objettivi ta’ Cotonou li jitnaqqas il-faqar, li jintegra l-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija u jgħin l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, dan ma mmassimizzax il-kontribuzzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

Bejn l-2003 u l-2017, il-fond rotanti alloka EUR 5,2 biljun lill-proġetti, b’aktar minn EUR 4 biljun ta’ finanzjament permezz tal-FEŻ.

L-“addizzjonalità” finanzjarja (l-użu ta’ fondi tal-UE biex jattiraw investiment privat addizzjonali li kieku mod ieħor ma kienx isir) kienet sodisfaċenti, iżda ma ntużatx għall-potenzjal sħiħ tagħha. Dan huwa mmanifestat fl-użu relattivament limitat f’pajjiżi fraġli u b’introjtu baxx, li fih l-investiment addizzjonali kien ikollu l-akbar impatt. Aktar minn nofs l-operazzjonijiet tal-faċilità ta’ investiment permezz tal-FI tal-AKP saru f’pajjiż b’introjtu medju-baxx, u 30 % f’għadd żgħir ta’ pajjiżi b’introjtu baxx.

Skont ma nstab fir-rieżami, kien hemm enfasi akbar fuq is-sostenibbiltà finanzjarja milli fuq l-objettivi tal-iżvilupp.

L-evalwazzjoni ħarġet ukoll bosta rakkomandazzjonijiet. Dawn jinkludu l-ħtieġa li jinstab bilanċ aħjar bejn l-objettivi tal-iżvilupp u s-sostenibbiltà finanzjarja, b’enfasi akbar fuq pajjiżi b’introjtu baxx u fraġli, użu akbar ta’ għodod finanzjarji innovattivi bħall-garanziji, it-titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-eżiti tal-iżvilupp u r-reviżjoni tal-mudell tal-operazzjoni.

L-evalwazzjonijiet preċedenti, bħall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-2010 tal-garanzija tal-Mandat ta’ Self Estern 7 u l-evalwazzjoni tal-2016 tal-finanzjament imħallat 8 , ikkonkludiet ukoll li l-mekkaniżmi finanzjarji li ġew stabbiliti m’ilux (finanzjament imħallat u garanzji) tabilħaqq jaħdmu, iżda li l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp huwa marbut mill-qrib mat-direzzjoni tal-politika.

****

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill li tittrasferixxi r-rimborżi mill-FI tal-AKP fl-EFSD+ tal-NDICI futur. Il-Kummissjoni beħsiebha tinvestihom fil-pajjiżi AKP permezz tal-BEI.

Kif inhu rifless fid-dokument informali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-BEI tal-2019 li tfassal fil-kuntest tan-negozjati dwar l-NDICI rigward l-“eks FI tal-AKP”, il-BEI jappoġġa speċifikament: li jkompli l-użu tar-rimborżi għal numru ta’ snin; bl-ebda spejjeż għall-baġit tal-UE u skont arranġamenti speċifiċi (dwar il-ġeografija, l-eliġibbiltà, u l-profil tar-riskju) li għad iridu jiġu ddefiniti.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll, wara konsultazzjoni mal-BEI, li l-użu tar-rimborżi permezz tal-BEI jiġu diretti primarjament għall-istrumenti tal-iżvilupp b’riskju finanzjarju għoli, b’mod partikolari l-finanzjament tal-impatt, fondi tal-ekwità u operazzjonijiet fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Din il-proposta ma tinvolvi l-ebda kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri.

****

Biex l-UE tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fl-Aġenda 2030, huwa essenzjali li jiġi mmassimizzat il-potenzjal li jiġi mmobilizzat il-kapital privat bl-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi flimkien ma’ finanzjament għall-iżvilupp tradizzjonali.

Minħabba li l-isfidi huma ferm akbar mir-riżorsi disponibbli, huwa essenzjali li jkun hemm prijoritizzazzjoni.

Għaldaqstant, huwa kruċjali li fl-istess qafas ta’ governanza jiddaħħlu l-bosta strumenti li hemm disponibbli għall-azzjoni esterna. Dan se jiżgura li l-fondi jsegwu l-prinċipju ta’ “il-politiki l-ewwel”, li min-naħa tiegħu jiżgura l-koerenza, il-komplementarjetà u jimmassimizza l-impatt tal-iżvilupp.

Din il-proposta għandha l-għan li tipprovdi direzzjoni politika aktar b’saħħitha u li żżid l-impatt fuq l-iżvilupp tar-rimborżi tal-FI tal-AKP. Se jippromwovi l-investiment fil-pajjiżi tal-AKP b’mod aktar strateġiku u effiċjenti. L-investimenti se jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab u fuq l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE, u se jiġu implimentati permezz tal-aħjar taħlita tal-finanzjament disponibbli, inkluż skont l-EFSD+.

****

L-EFSD+ huwa inkorporat fl-NDICI, proposta ambizzjuża b’ambitu globali, mezzi finanzjarji akbar u direzzjoni politika msaħħa, immexxi mill-prinċipju ta’ “il-politiki l-ewwel”.

L-NDICI se jipprovdi l-qafas ta’ politika u finanzjarju ideali, minħabba li se jġib il-finanzjament imħallat u l-garanziji bħala sorsi ta’ finanzjament taħt governanza unika u ssimplifikata, li għandhom jiġu ġestiti flimkien ma’ għodod tal-implimentazzjoni oħrajn (għotjiet, assistenza teknika, appoġġ dirett tal-baġit, eċċ.).

L-EFSD+ se jkun kompletament soġġett għall-prijoritajiet, l-objettivi u l-allokazzjonijiet indikattivi stabbiliti skont il-proċess tal-programmazzjoni, bl-għan aħħari li jiġi appoġġat l-investiment barra l-UE b’mod strateġiku u koerenti, għall-benefiċċju tal-iżvilupp sostenibbli.

Dan jimplika li l-attivitajiet kollha tal-investiment se jiġu ppjanati sabiex ikollhom l-akbar impatt fuq l-iżvilupp u jimmassimizzaw il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE. Il-programmazzjoni tal-operazzjonijiet trid tkun proċess inklużiv, li jinvolvi l-konsultazzjoni mas-settur pubbliku u dak privat, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji, is-soċjetà ċivili, u partijiet oħra involuti.

L-EFSD+ jibni fuq l-esperjenza ta’ suċċess tal-predeċessur tiegħu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), li huwa l-ġebla tax-xewka tal-Pjan ta’ Investiment Estern (PIE) attwali u l-fergħa finanzjarja tal-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa.

Valutazzjoni indipendenti reċenti 9 sabet li l-EFSD huwa rilevanti ħafna għall-ħtiġijiet tal-investiment tar-reġjuni koperti (l-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew), u għall-prijoritajiet u l-impenji tal-UE.

Min-naħa tal-finanzjament imħallat (il-kombinazzjoni ta’ fondi pubbliċi u privati), ġew allokati EUR 3,1 biljun bejn l-2017 u l-2019 biex jiffinanzjaw 154 proġett fil-kontinent Afrikan u fil-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew. Din il-kontribuzzjoni tal-UE ħeġġet id-dħul ta’ finanzjament addizzjonali, li mistenni jkopri madwar EUR 30 biljun f’investiment globali, prinċipalment fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport, iżda wkoll b’appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u tal-agrikoltura.

Fl-Afrika sub-Saħarjana, l-EFSD, permezz tal-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 1,8 biljun, ingrana total ta’ EUR 13,5 biljun, li ffinanzjaw 78 operazzjoni. Fil-pajjiżi tal-Viċinat, il-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 1,3 biljun fetħet it-triq għal investiment totali ta’ EUR 16,2 biljun, li ffinanzja 76 operazzjoni.

Barra minn hekk, kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 1,55 biljun ġiet allokata għal 22 programm ta’ garanzija proposti. Dawn huma mistennija li jiftħu t-triq għal EUR 17,5 biljun f’investiment kumplessiv.

****

F’termini ta’ koerenza, din il-proposta tibni wkoll fuq id-dikjarazzjoni konġunta tal-2017 dwar il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp 10 il-ġdid, li fforma parti mir-rispons tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-SDGs tagħha 11 . Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp diġà ppreskriva l-ħtieġa li l-għajnuna tiġi kkombinata ma’ riżorsi oħrajn, li jinbnew sħubijiet imfasslin aħjar ma’ firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, u rriafferma l-impenn favur koerenza tal-politiki għall-iżvilupp .

Barra minn hekk, din il-proposta tiżgura li l-UE se timxi mal-prinċipji u l-kriterji stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tas-settur privat fl-kisba ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli 12 .

****

Il-Kummissjoni infurmat lill-BEI dwar il-kontenut ta’ din il-proposta.

2020/0232 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

rigward l-impenn tal-fondi li ġejjin mir-rimborżi skont il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet skont id-disa’, l-għaxar, u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-bilanċi mill-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti, u l-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 13 (“il-Ftehim Intern tal-ħdax-il FEŻ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3), (4) u (5) tiegħu,

Wara li [kkunsidra l-proposta/kkunsidraw il-proposta] tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fondi ġejjin minn rimborżi skont il-Faċilita ta’ Investiment tal-AKP minn operazzjonijiet skont id-Disa’, l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew tal-Iżvilupp (“il-FEŻ”) ma jistgħux jiġu impenjati lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill li jkun qed jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni ma jiddeċidix mod ieħor.

(2)Hemm evidenza b’saħħitha li filwaqt li l-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP ikkontribwiet għall-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar, għall-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, kif stipulat fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, din ma mmassimizzatx il-kontribuzzjoni tagħha f’dan ir-rigward. L-użu mkompli tar-rimborżi tal-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP f’qafas ġdid u taħt governanza ġdida jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar fl-iżvilupp.

(3)[Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (“NDICI”) 14 , li jipprevedi t-twaqqif tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (“EFSD+”) appoġġat minn Garanzija għall-Azzjoni Esterna, li għaliha l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet li jkunu jistgħu jallokaw għall-bidu ta’ azzjonijiet f’reġjuni, pajjiżi, setturi jew fi twieqi ta’ investiment eżistenti speċifiċi.]

(4)Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli 15 ("EFSD") tqies li huwa rilevanti ħafna għall-ħtiġijiet tal-investiment tar-reġjuni koperti (l-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew), u għall-prijoritajiet u l-impenji tal-UE.

(5)Fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” 16 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà talbu lill-Unjoni biex tappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli fil-kontinent Afrikan. Fost il-miżuri, l-Unjoni trid tissieħeb mal-Afrika għall-promozzjoni tal-investiment billi jiżdied l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi.

(6)F’din il-Komunikazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà qalu li jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji jħeġġu l-investiment b’impatt għoli fuq l-iżvilupp, fil-biċċa l-kbira f’appoġġ għas-settur privat, skont il-kriterji stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw” 17 , jiġifieri impatt fuq l-iżvilupp li jista’ jitkejjel, l-addizzjonalità, in-newtralità, interess komuni u kofinanzjament, l-effett ta’ dimostrazzjoni u l-aderenza ma’ standards soċjali, ambjentali u fiskali.

(7)Għaldaqstant, huwa neċessarju li jkun previst li r-rimborżi u l-ammonti tat-teżor imsemmija f’din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (“dħul assenjat estern allokat”). Dawn ir-rimborżi u l-ammonti tat-teżor mhux se jiġu rċevuti bħala dħul assenjat estern mill-NDICI lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2027. Wara dik id-data, il-fondi se jiġu rċevuti minn mekkaniżmi ta’ finanzjament sussegwenti sakemm jiġu eżawriti.

(8)Jenħtieġ li r-rimborżi tal-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP jiġu ttrasferiti annwalment, bħala pagament supplimentari għal-linji baġitarji tal-NDICI biex jiġu investiti permezz tal-EFSD+ f’konformità mad-dokumenti tal-programmazzjoni.

(9)Il-Kummissjoni se tgħaddi l-investimenti permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, bil-għan li timmassimizza l-impatt fuq l-iżvilupp u l-addizzjonalità tagħhom, filwaqt li tqis ukoll il-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(10)[Konformi mar-Regolament (UE) XXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali] jenħtieġ li l-fondi jiġu primarjament diretti lejn strumenti għall-iżvilupp b’riskji finanzjarji għoljin, b’mod partikolari l-finanzjament tal-impatt, il-fondi tal-ekwità u l-attività fil-pajjiżi l-anqas żviluppati (least developed countries, LDCs). Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ikollhom l-għan li jimmassimizzaw l-impatt fuq l-iżvilupp.]

(11)Skont l-Artikolu 152(4) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 18 , is-sehem tar-Renju Unit mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP mill-FEŻ, akkumulat permezz ta’ perjodi suċċessivi tal-FEŻ, għandhom jiġu rimborżati lir-Renju Unit meta l-investiment jimmatura. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, is-sehem tar-Renju Unit fil-kapital ma għandux jiġi impenjat mill-ġdid lil hinn minn tmiem il-perjodu ta’ impenn tal-ħdax-il FEŻ jew jiġi riportat f’perjodi sussegwenti.

(12)Jenħtieġ li d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkunu soġġetti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali]. Għaldaqstant, id-dati għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali] għandhom jikkoinċidu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-fondi li jirriżultaw mir-rimborżi taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP għal operazzjonijiet permezz tad-disa’, l-għaxar, u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-bilanċi mill-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti, u l-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar FEŻ jew minn FEŻ preċedenti fi.... [data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni] għandhom jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet [għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali] għall-finijiet tal-provvediment ta’ finanzjament permezz ta’ garanziji baġitarji skont l-Artikolu 23(1)(f) u l-finanzjament imħallat skont l-Artikolu 23(1)(g) ta’ dak ir-Regolament].

(2)Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “rimborżi” tfisser kull dħul, inklużi dividendi, gwadanji kapitali, tariffi ta’ garanzija u mgħax fuq self, fuq ammonti fi kwalunkwe kont miftuħ għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ flus miżmuma għall-kont tal-Faċilità ta' Investiment tal-AKP u remunerazzjoni minn investimenti tat-teżor, u ripagamenti, inklużi ripagamenti tal-kapital, garanziji rilaxxati u ripagament tal-prinċipal tas-self li jirriżulta minn operazzjonijiet taħt il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP. Il-fondi li jirriżultaw mid-diżimpenn ta’ rimborżi wkoll għandhom jitqiesu bħala rimborżi.

(3)Ir-rimborżi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u l-proċeduri tal-EFSD+ kif stipulat fir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali].

Artikolu 2

Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu allokati għall-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew [li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali]. Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Iffinanzjar u l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f’Cotonou (Benin) fit-23 ta’ Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355–372).
(2)    L-Artikolu 76(1)(d) tas-CPA, kif emendat għat-tieni darba fl-2010, u l-Anness Ic u l-Anness II tas-CPA (ĠU L 317, 15.12.2000; ĠU L 287, 28.10.2005; ĠU L 287, 4.11.2010). Il-qafas legali jinkludi wkoll l-Artikoli 1(5), 2(d), 4(1), 5(3), 7(1) 9, 11(2) tal-Ftehim Intern tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp bejn ir-Rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 210, 6.8.2013) u l-Artikoli minn 45 sa 52 tal-ħdax-il Regolament Finanzjarju tal-FEŻ (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323, ĠU L 307, 3.12.2018).
(3)    b’rimborżi, hu mifhum kull introjtu (pereżempju pagamenti tal-imgħax, dividendi, kontribuzzjonijiet kapitali, remunerazzjoni minn investimenti tat-teżor, garanziji, tariffi u kummissjonijiet oħrajn u r-rikavati tal-fidi jew il-bejgħ ta’ parteċipazzjoni fl-ekwità tal-IF tal-AKP), ripagamenti (pereżempju r-rilaxx ta’ garanziji tal-IF tal-AKP iffinanzjati, ripagamenti tal-kapital, ripagamenti tal-prinċipal tas-self), jew ammonti tat-Teżor sa mill-1 ta’ Jannar 2021, li jirriżultaw minn operazzjonijiet permezz tal-IF tal-AKP. Biex jiġi evitat kull dubju, il-fondi li joħorġu mid-diżimpenn ta’ rimborżi għandhom jitqiesu wkoll bħala rimborżi.
(4)    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19, COM(2020) 441 final 28.5.2020.
(5)    Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+), imwaqqaf skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, kif stipulat fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, COM(2018) 460 final.
(6)    End-of-term review of the ACP Investment Facility, final report, Aide à la Décision Economique (ADE), Marzu 2020.
(7)    Il-mandat ta’ self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment 2007–2013 — Rieżami ta’ nofs it-terminu u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Għorrief, Frar 2010, magħruf ukoll bħala r-rapport Camdessus.
(8)    Evalwazzjoni tal-finanzjament imħallat, rapport finali, Diċembru 2016.
(9)    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, COM/2020/224 final, Ġunju 2020.
(10)    “Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp ‘Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna’”, Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, 2017 (ĠU C 210, 30.06.2017).
(11)    Riżoluzzjoni tan-NU: Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development, 2015.
(12)    COM(2014) 263 final. 
(13)    ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.
(14)    COM(2018) 460 final.
(15)    Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).
(16)    JOIN(2020) 4 final.
(17)    COM(2014) 263 final.
(18)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.