IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2020
COM(2020) 469 final
2020/0222(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Spanja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fit-3 ta’ Awwissu 2020, Spanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Spanjoli biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata relatata direttament max-xogħol għal żmien qasir tagħha għall-impjegati, skemi simili mmirati speċifikament għal persuni li jaħdmu għal rashom u ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, u benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema infettati b’COVID-19, ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:
(a)kumpens ta’ paga li jammonta sa 70 % tas-salarju bażiku tal-impjegati għal impjegati assenti bil-permess taħt l-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir “ERTE” (‘Expediente de Regulación Temporal de Empleo’). Il-kumpens huwa limitat għal massimu ta’ EUR 1 098,09 fix-xahar, li jista’ jiżdied għal EUR 1 254,96 fix-xahar jew EUR 1 411,83 fix-xahar, skont l-għadd ta’ tfal dipendenti tal-benefiċjarju.
(b)eżenzjoni sħiħa jew parzjali tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, skont id-daqs tal-impjegatur, u x-xahar tas-sena, fir-rigward tal-impjegati li jkunu qed jipparteċipaw fl-“ERTE”. L-eżenzjoni tikkonsisti fi dħul mitluf għall-gvern, li għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għan-nefqa pubblika.
(c)benefiċċju għall-“waqfien tal-attività” (jiġifieri, is-sospensjoni, kompletament jew parzjalment mill-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom) u li jakkumpanjaw l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-miżura tipprovdi pagamenti ta’ kull xahar filwaqt li n-negozji huma meħtieġa li jingħalqu jew, jekk jinfetħu, fejn il-fatturat naqas b’aktar minn 75 %.
(d)benefiċċju għal “ħaddiema staġjonali permanenti” fis-settur tat-turiżmu li ma setgħux jirritornaw għall-attività tagħhom fid-dati skedati.
(e)eżenzjoni għall-impjegaturi mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (b’50 %) bħala appoġġ għall-“konservazzjoni tal-impjieg fis-settur tat-turiżmu” matul l-istat ta’ emerġenza u lil hinn, filwaqt li jinżamm livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għal diversi kategoriji ta’ ħaddiema. Il-medja tan-nefqa totali fix-xahar u l-għadd ta’ persuni li għalihom il-kumpaniji rċevew sussidji tagħti nefqa medja għal kull persuna kull xahar ta’ madwar EUR 192.
(f)benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema assenti minħabba l-COVID-19 (jew f’iżolament preventiv jew ħaddiema infettati). Il-miżura hija simili għall-iskema ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol (jiġifieri, il-benefiċċji huma aktar ġenerużi u jitħallsu mill-Fond Soċjali tas-Sigurtà sa mill-ewwel jum tal-liv), bil-benefiċċji limitati għal 75 % tas-salarju bażiku.
Spanja ipprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.
Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil Spanja taħt ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkumplimenta strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu self fuq is-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, hemm integratisalvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għal ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li jkunhemm biżżejjed riżorsi li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2020/0222 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Spanja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fit-3 ta’ Awwissu 2020, Spanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.
(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Spanja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, Spanja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 10.1 % u 115.6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-Sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Spanja huwa previst li jonqos b’10.9 % fl-2020.
(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fi Spanja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika minn Spanja fir-rigward tal-iskema tax-xogħol għal żmien qasir, skemi simili mmirati speċifikament għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, u b’appoġġ għal miżuri tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fil-premessi 4 sa 9.
(4)B’mod aktar speċifiku, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 11/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020”, kif inhuma msemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020, introduċew kumpens ta’ pagi li jlaħħaq sa 70 % tas-salarju bażiku tal-impjegati għal impjegati assenti bil-permess taħt l-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir “ERTE” (‘Expediente de Regulación Temporal de Empleo’). Il-kumpens huwa limitat għal massimu ta’ EUR 1 098,09 fix-xahar, li jista’ jiżdied għal EUR 1 254,96 fix-xahar jew EUR 1 411,83 fix-xahar, skont l-għadd ta’ tfal dipendenti tal-benefiċjarju.
(5)L-awtoritajiet introduċew ukoll eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, skont id-daqs tal-impjegatur, u x-xahar tas-sena, fir-rigward tal-impjegati li jkunu qed jipparteċipaw fl-“ERTE”. L-eżenzjoni tikkonsisti fi dħul mitluf għall-gvern, li għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għan-nefqa pubblika.
(6)Għal min jaħdem għal rasu, l-awtoritajiet introduċew benefiċċju għall-“waqfien tal-attività” (jiġifieri, is-sospensjonisħiħa jew parzjali tal-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom) u li jakkumpanjaw l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-miżura tipprovdi pagamenti ta’ kull xahar filwaqt li n-negozji huma meħtieġa li jingħalqu jew, jekk jinfetħu, fejn il-fatturat naqas b’aktar minn 75 %.
(7)Ġew introdotti wkoll pagamenti ta’ kull xahar għal “ħaddiema staġonali permanenti” fis-settur tat-turiżmu li ma setgħux jerġgħu lura għall-attività tagħhom fid-dati skedati minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, abbażi tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 15/2020”, kif inhi msemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020.
(8)Id-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2019”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 12/2019”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 7/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 25/2020”, kif inhuma msemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020, introduċew eżenzjoni għall-impjegatur mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (b’50 %) bħala appoġġ għall-“konservazzjoni tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu” matul l-istat ta’ emerġenza u lil hinn, filwaqt li jinżamm livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għal diversi kategoriji ta’ ħaddiema. Il-medja tan-nefqa totali fix-xahar u l-għadd ta’ persuni li għalihom il-kumpaniji rċevew sussidji tagħti nefqa medja għal kull persuna kull xahar ta’ madwar EUR 192.
(9)Fl-aħħar nett, Spanja estendiet il-benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema assenti minħabba l-COVID-19 (jew f’iżolament preventiv jew ħaddiema infettati) abbażi tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 6/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 13/2020”, kif inhuma msemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020. Il-miżura hija simili għall-iskema ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol (jiġifieri, il-benefiċċji huma aktar ġenerużi u jitħallsu mill-Fond Soċjali tas-Sigurtà sa mill-ewwel jum tal-liv), bil-benefiċċji limitati għal 75 % tas-salarju bażiku.
(10)Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Spanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet bi EUR 23 803 573 600 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-ammont miżjud relatat direttament mal-iskema tax-xogħol għal żmien qasir “ERTE” u miżuri simili mmirati speċifikament għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba ż-żieda kważi immedjata u bla preċedent fl-għadd ta’ benefiċjarji koperti minn dawk l-iskemi u d-daqs tal-benefiċċji relatati fi Spanja. Spanja biħsiebha tiffinanzja EUR 1 660 000 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.
(11)Il-Kummissjoni kkonsultat lil Spanja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tat-3 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(12)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Spanja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.
(13)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.
(14)Jenħtieġ li Spanja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Spanja implimentat dik in-nefqa.
(15)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Spanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. B’mod partikolari, l-ammont tas-self ġie stabbilit biex jiżgura l-konformità mar-regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll ta’ self kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Spanja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 21 324 820 449. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil Spanja f’massimu ta’ għaxar ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4. L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5. Spanja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull pagament parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.
6. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
Spanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a)l-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir “ERTE” (‘Expediente de Regulación Temporal de Empleo’) għall-impjegati, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu (il-Kapitolu II, Artikoli 22-28), id-Digriet Amministrattiv Irjali 18/2020 tat-12 ta’ Mejju u d-Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju (l-Artikoli 1–7);
(b)il-miżuri straordinarji ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati soġġetti għal ERTE, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu (Kapitolu II, Artikoli 22-28), id-Digriet Amministrattiv Irjali 18/2020 tat-12 ta’ Mejju, id-Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju (il-Kapitolu I, l-Artikolu 4);
(c)il-benefiċċju minħabba “waqfien tal-attività” u l-eżenzjonijiet li jakkumpanjaw il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu (Artikolu 17), immodifikat mid-Digriet Amministrattiv Irjali 11/2020 tal-31 ta’ Marzu (id-dispożizzjoni finali 1.8) u mid-Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju (Artikolu 8);
(d)l-iskema ta’ appoġġ għal “ħaddiema staġonali permanenti”, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 15/2020 tal-21 ta’ April (id-dispożizzjoni finali 8);
(e)l-eżenzjoni parzjali tal-impjegatur mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b’appoġġ għall-“konservazzjoni tal-impjieg fis-settur tat-turiżmu”, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2019 tat-8 ta’ Marzu, id-Digriet Amministrattiv Irjali 12/2019 tal-11 ta’ Ottubru, id-Digriet Amministrattiv Irjali 7/2020 (Artikolu 13) tat-12 ta’ Marzu u d-Digriet Amministrattiv Irjali 25/2020 (id-dispożizzjoni finali 4);
(f)benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema assenti minħabba l-COVID-19, kif previst mid-Digriet Amministrattiv Irjali 6/2020 tal-10 ta’ Marzu (Artikolu 5) u d-Digriet Amministrattiv Irjali 13/2020 tas-7 ta’ April (id-dispożizzjoni finali 1).
Artikolu 4
Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt (6) xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata għalkollox.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President