Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 464 final

2020/0217(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Malta biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ taħt SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fil-post tax-xogħol.

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, Malta talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni permezz tar-Regolament SURE. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet Maltin biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa attwali u ppjanata direttament relatata ma’ miżuri rigward suppliment għall-paga, benefiċċju ta’ diżabbiltà, benefiċċju għal ġenitur u benefiċċju mediku kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

(a)suppliment tal-paga tal-COVID-19, li tkopri impjegati u individwi li jaħdmu għal rashom, biex jindirizza t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija. L-impjegati full-time li jaħdmu fis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi elenkati fl-Anness A (pereż. is-settur tal-ospitalità) huma eliġibbli għal appoġġ tal-pagi ta’ EUR 800 fix-xahar. F’setturi inqas affettwati elenkati fl-Anness B, l-impjegati full-time jistgħu jirċievu EUR 160 fix-xahar. F’Lulju 2020, l-iskema ġiet estiża sa Settembru 2020 u ġiet riveduta l-lista ta’ setturi inklużi fiż-żewġ annessi. Setturi li qabel kienu appoġġati permezz tal-iskema iżda mhux inklużi fl-Anness A jew l-Anness B aġġornati jiġu megħjuna b’żieda fil-paga ta’ EUR 600 għall-impjegati full-time.

(b)benefiċċju għad-diżabilità tal-COVID-19 li jippermetti lill-persuni b’diżabbiltà li jaħdmu fis-settur privat biex jibqgħu d-dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, filwaqt li jżommu l-kuntratt tagħhom ma’ min iħaddimhom. Dan il-benefiċċju jammonta għal EUR 166,15 fil-ġimgħa għal min jaħdem full-time.

(c)skema ta’ benefiċċji tal-COVID-19 għall-ġenituri li tipprovdi benefiċċju għall-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat li huma meħtieġa li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb ta’ tfal tal-età tal-iskola. Il-benefiċċju jingħata bil-kundizzjoni li l-ġenitur ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ arranġamenti ta’ telexogħol. L-impjegati full-time huma eliġibbli li jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

(d)miżura ta’ benefiċċju mediku COVID-19, mis-27 ta’ Marzu 2020, għal persuni impjegati fis-settur privat li ma setgħux jitilqu mid-dar biex imorru għax-xogħol għax hekk ikunu ġew ordnati jagħmlu. Il-persuni eliġibbli ma jkunux jistgħu jaħdmu mid-dar u ma jitħallsux minn min iħaddimhom matul l-assenza tagħhom mix-xogħol. Il-persuni eliġibbli jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

Malta pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.

Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil Malta permezz tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li skontu ssir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkumplimenta strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fuq is-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja permezz tal-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għal ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u espożizzjoni eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0217 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Malta biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, Malta talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Malta biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, Malta kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,7 % u 50,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir interim tas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Malta huwa previst li jonqos b’6,0 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol f’Malta. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika minn Malta fir-rigward ta’ miżura ta’ suppliment għall-paga, miżura ta’ benefiċċju tad-diżabbiltà, miżura ta’ benefiċċju għall-ġenituri u b’appoġġ għal miżuri tas-saħħa pubblika għal miżura ta’ benefiċċju mediku, kif stabbilit fil-premessi minn 4 sa 7.

(4)L-“Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Kapitolu 463 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Avviż tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020”, kif imsemmija fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċew suppliment tal-paga tal-COVID-19, li jkopri impjegati u individwi li jaħdmu għal rashom, biex jindirizza t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija. L-impjegati full-time li jaħdmu fis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi elenkati fl-Anness A (pereż. is-settur tal-ospitalità) huma eliġibbli għal appoġġ tal-pagi ta’ EUR 800 fix-xahar. F’setturi inqas affettwati elenkati fl-Anness B, l-impjegati full-time jistgħu jirċievu EUR 160 fix-xahar. F’Lulju 2020, l-iskema ġiet estiża sa Settembru 2020 u ġiet riveduta l-lista ta’ setturi inklużi fiż-żewġ annessi. Setturi li qabel kienu appoġġati permezz tal-iskema iżda mhux inklużi fl-Anness A jew l-Anness B aġġornati jiġu megħjuna b’żieda fil-paga ta’ EUR 600 għall-impjegati full-time.

(5)“L-Avviż tal-Gvern Nru 331 tal-25 ta’ Marzu 2020”, kif imsemmi fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċa benefiċċju għad-diżabilità tal-COVID-19 li jippermetti lill-persuni b’diżabbiltà li jaħdmu fis-settur privat biex jibqgħu d-dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, filwaqt li jżommu l-kuntratt tagħhom ma’ min iħaddimhom. Dan il-benefiċċju jammonta għal EUR 166,15 fil-ġimgħa għal min jaħdem full-time.

(6)Fuq il-bażi tal-“avviż tal-Gvern Nru 330 tal-25 ta’ Marzu 2020”, kif imsemmi fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, skema ta’ benefiċċji tal-COVID-19 għall-ġenituri tipprovdi benefiċċju għall-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat li huma meħtieġa li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb ta’ tfal tal-età tal-iskola. Il-benefiċċju jingħata bil-kundizzjoni li l-ġenitur ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ arranġamenti ta’ telexogħol. L-impjegati full-time huma eliġibbli li jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

(7)Fl-aħħar nett, l-“Avviż tal-Gvern Nru 353 tat-30 ta’ Marzu 2020”, kif imsemmi fit-talba ta’ Malta tas-7 ta’ Awwissu 2020, jintroduċi miżura ta’ benefiċċju mediku COVID-19, mis-27 ta’ Marzu 2020, għal persuni impjegati fis-settur privat li ma setgħux jitilqu mid-dar biex imorru għax-xogħol għax hekk ikunu ġew ordnati jagħmlu. Il-persuni eliġibbli ma jkunux jistgħu jaħdmu mid-dar u ma jitħallsux minn min iħaddimhom matul l-assenza tagħhom mix-xogħol. Il-persuni eliġibbli jirċievu pagament dirett ta’ EUR 166,15 fil-ġimgħa.

(8)Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Malta pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 243 632 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba ż-żieda fl-ammont direttament relatat mas-suppliment tal-pagi tal-COVID, il-benefiċċju ta’ diżabbiltà tal-COVID u l-benefiċċju tal-COVID għall-ġenituri. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Malta.

(9)Il-Kummissjoni kkonsultat lil Malta u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Malta tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(11)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(12)Jenħtieġ li Malta tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Malta implimentat dik in-nefqa.

(13)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Malta, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Malta self li jammonta għal massimu ta’ EUR 243 632 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil Malta f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Malta għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull pagament parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Malta tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)is-suppliment tal-paga COVID, kif previst mill-Att ta’ Malta dwar l-Intrapriża (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Avviż tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020;

(b)il-benefiċċju ta’ diżabbiltà COVID, kif previst mill-Avviż tal-Gvern Nru 331 tal-25 ta’ Marzu 2020;

(c)il-benefiċċju COVID għall-ġenituri, kif previst mill-Avviż tal-Gvern Nru 330 tal-25 ta’ Marzu 2020;

(d)il-benefiċċju mediku COVID, kif previst mill-Avviż tal-Gvern Nru 353 tat-30 ta’ Marzu 2020.

Artikolu 4

Malta għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: sitt xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.