IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2020
COM(2020) 455 final
2020/0214(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Polonja biex jittaffew r-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Polonja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Pollakki biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata direttament marbuta mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili kaġun tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:
(1)tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema għal rashom u kumpaniji li jimpjegaw sa 50 ruħ biex jipproteġu lill-postijiet tax-xogħol b’risposta għat-tifqigħa tal-COVID-19. It-tnaqqis applika għall-perjodu bejn Marzu u Mejju 2020. Dawk li jimpjegaw sa 10 min-nies u – fil-biċċa l-kbira – dawk li jaħdmu għal rashom, setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis sħiħ, filwaqt li għall-entitajiet li jimpjegaw bejn 10 u 50 impjegat, it-tnaqqis kien jammonta għal sa 50 %.
(2)benefiċċju għal perjodu ta’ inattività għan-nies li jaħdmu għal rashom u dawk li jaħdmu skont kuntratti tal-liġi ċivili li esperjenzaw tnaqqis fid-dħul minħabba l-kriżi. Il-miżura tikkonsisti minn somma f’daqqa għan-nies li jaħdmu għal rashom (50 % jew 80 % tal-paga minima – skont it-tnaqqis fid-dħul) u dawk li qed jaħdmu taħt kuntratti atipiċi (sa 80 % tal-paga minima) biex tikkumpensahom għal tnaqqis fid-dħul.
(3)sussidji għal salarji u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bil-kundizzjoni li kien hemm tnaqqis fil-fatturat minħabba l-kriżi. Irrispettivament mid-daqs tagħhom, l-impriżi jistgħu jitolbu kofinanzjament temporanju tal-ispejjeż tas-salarji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom.
(4)sussidji għan-nies li jaħdmu għal rashom u li m’għandhomx impjegati. Is-sussidji jipprovdu kofinanzjament temporanju ta’ parti mill-ispejjeż tal-operat ta’ negozju li jiġġarrbu minn persuni fiżiċi mingħajr impjegati. L-ammont jiddependi fuq it-tnaqqis fil-fatturat u jammonta għal bejn 50 % u 90 % tal-paga minima.
(5)miżura li tipprovdi self li jista’ jiġi kkonvertit f’għotjiet lil persuni li jaħdmu għal rashom, mikrokumpaniji u organizzazzjonijiet nongovernattivi. Il-miżura tipprovdi mikroself ta’ sa PLN 5 000. Is-self jista’ jiġi kkonvertit f’għotjiet jekk il-benefiċjarju jkompli l-operazzjonijiet għal tliet xhur wara li s-self ikun tħallas. Il-Polonja pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.
Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Polonja bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2020/0214 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Polonja biex jittaffew r-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Polonja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.
(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Polonja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha mistennija jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Polonja kienet mistennija jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 9,5 % u 58,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Polonja huwa previst li jonqos b’4,6 % fl-2020.
(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Polonja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fil-Polonja fir-rigward ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għan-nies li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji li ma jimpjegawx aktar minn 50 persuna, benefiċċju għall-perjodu ta’ inattività għal min jaħdem għal rasu u dawk li jaħdmu b’kuntratti tal-liġi ċivili, sussidji għas-salarji u l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sussidji għal min jaħdem għal rasu u m’għandux impjegati, u self li jista’ jiġi konvertit f’sussidji mogħtija lil min jaħdem għal rasu, lill-mikrokumpaniji, kif stipulat fil-premessi minn 4 sa 8.
(4)B’mod aktar speċifiku, “l-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, mal-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom”, kif inhu msemmi fit-talba tal-Polonja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal min jaħdem għal rasu u għall-kumpaniji b’mhux aktar minn 50 impjegat biex jitħarsu l-postijiet tax-xogħol b’risposta għat-tifqigħa tal-COVID-19. It-tnaqqis applika għall-perjodu bejn Marzu u Mejju 2020. Dawk li jimpjegaw sa 10 min-nies u – fil-biċċa l-kbira – dawk li jaħdmu għal rashom, setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis sħiħ, filwaqt li għall-entitajiet li jimpjegaw bejn 10 u 50 impjegat, it-tnaqqis kien jammonta għal sa 50 %. It-tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jista’ jitqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba li għal dawk li jaħdmu għal rashom, għandu l-għan li jipproteġihom minn tnaqqis jew telf tad-dħul u, għall-kumpaniji li ma jimpjegawx aktar minn 50 ruħ, jappoġġa lill-impjegati li jibqgħu f’impjieg sa tmiem il-miżura. It-tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkonsisti fi dħul mitluf għall-gvern, li għall-għan tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għal nefqa pubblika.
(5)Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew benefiċċju għal perjodu ta’ inattività għan-nies li jaħdmu għal rashom u dawk li jaħdmu skont kuntratti tal-liġi ċivili li esperjenzaw tnaqqis fid-dħul minħabba l-kriżi. Il-miżura tikkonsisti minn somma f’daqqa għan-nies li jaħdmu għal rashom (50 % jew 80 % tal-paga minima – skont it-tnaqqis fid-dħul) u dawk li qed jaħdmu taħt kuntratti atipiċi (sa 80 % tal-paga minima) biex tikkumpensahom għal tnaqqis fid-dħul.
(6)Ġew introdotti sussidji għal salarji u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bil-kundizzjoni li kien hemm tnaqqis fil-fatturat minħabba l-kriżi. Irrispettivament mid-daqs tagħhom, l-impriżi jistgħu jitolbu kofinanzjament temporanju tal-ispejjeż tas-salarji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom. Is-sussidji għas-salarji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, f’dak li jirrigwarda n-nefqa mġarrba minn kumpaniji li jużaw ix-xogħol b'ħinijiet aqsar, li jnaqqsu l-ħin tax-xogħol volontarjament jew meta l-impjegati kienu kontinwament f’impjieg sal-aħħar data dwar l-eżitu tal-baġit disponibbli, minħabba li huwa meħtieġ li l-kumpaniji jżommu l-impjiegi, sew tul il-perjodu tal-ħin tax-xogħol imqassar jew sal-aħħar data dwar l-eżitu tal-baġit disponibbli.
(7)L-awtoritajiet introduċew sussidji għal min jaħdem għal rasu u ma jkollux impjegati. Is-sussidji jipprovdu kofinanzjament temporanju ta’ parti mill-ispejjeż tal-operat ta’ negozju li jiġġarrbu minn persuni fiżiċi mingħajr impjegati. L-ammont jiddependi fuq it-tnaqqis fil-fatturat u jammonta għal bejn 50 % u 90 % tal-paga minima.
(8)Finalment, l-awtoritajiet introduċew miżura li tipprovdi self li jista’ jiġi kkonvertit f’għotjiet lil persuni li jaħdmu għal rashom, mikrokumpaniji u organizzazzjonijiet nongovernattivi. Il-miżura tipprovdi mikroself ta’ sa PLN 5 000. Is-self jista’ jiġi kkonvertit f’għotjiet jekk il-benefiċjarju jkompli l-operazzjonijiet għal tliet xhur wara li s-self ikun tħallas. Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li n-nefqa tkun pubblika, jenħtieġ li tkun in-nefqa relatata ma’ self li jiġi konvertit f’għotjiet biss li tiġi appoġġata skont ir-Regolament (UE) 2020/672.
(9)Il-Polonja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Polonja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 11 668 118 894 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata ma’ miżuri ġodda u estensjoni tal-miżuri eżistenti, li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Polonja.
(10)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Polonja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(11)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Polonja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19.
(12)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Din ma teliminax il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.
(13)Jenħtieġ li l-Polonja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Polonja implimentat dik in-nefqa.
(14)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Polonja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. B’mod partikolari, l-ammont tas-self ġie stabbilit biex jiżgura l-konformità mar-regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll tas-self kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Polonja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Polonja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 11 236 693 087. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Polonja f’massimu ta’ għaxar ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5.Il-Polonja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.
6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
Il-Polonja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kif previst mill-Art. 31zo tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u, għal kumpaniji li ma jimpjegawx aktar minn 50 persuna, il-parti tan-nefqa fir-rigward tal-ħaddiema li baqgħu f’impjieg;
benefiċċju għal perjodu ta’ inattività għal min jaħdem għal rasu u dawk li jaħdmu skont kuntratti tal-liġi ċivili, kif previst mill-Art. 15zq u 15zua tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom;
sussidji għal salarji u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ kumpaniji li qed jużaw ix-xogħol b'ħinijiet aqsar jew li volontarjament naqqsu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati kienu kontinwament f’impjieg, kif previst mill-Art. 15g, 15ga, 15gg, 15zzb, 15zze, 15zze2 tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom;
sussidji għal persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati kif previst mill-Artikolu 15zzc tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom;
self konvertibbli f’sussidji mogħtija lil min jaħdem għal rasu, mikrokumpaniji u organizzazzjonijiet nongovernattivi, għall-ammont realment ikkonvertit f’għotjiet, kif previst mill-Art. 15zzd u 15zzda tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-eradikazzjoni tal-COVID-19, mard infettiv ieħor u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minnhom.
Artikolu 4
Il-Polonja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President