Brussell, 28.5.2020

COM(2020) 452 final

2018/0197(COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ekonomija Ewropea, bil-pandemija tal-COVID-19 sofriet xokk eżoġenu profond u mingħajr preċedent. L-ekonomija qed tiċkien u l-qagħad qed jogħla; l-inċertezza tas-sitwazzjoni fil-ġejjieni tista’ twassal għal irkupru aktar bil-mod. Ir-reazzjonijiet tal-bidu għall-kriżi kienu jiddependu ħafna fuq il-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali li fil-maġġor parti huma differenti bejn l-Istati Membri u r-reġjuni minħabba l-istrutturi ekonomiċi u l-ispazju fiskali differenti. Differenzi bħal dawn jistgħu jirriżultaw fi rkupru asimetriku u jistgħu jikkontribwixxu għal aktar disparitajiet reġjonali, li min-naħa tagħhom jistgħu jimminaw is-suq uniku, l-istabbilità finanzjarja taż-Żona tal-Euro u s-solidarjetà għall-Unjoni tagħna.

Il-firxa tal-coronavirus fost il-pajjiżi ġiegħlet ħafna gvernijiet biex jintroduċu miżuri mingħajr preċedent biex jikkalmaw il-firxa tal-pandemija bħall-għeluq tan-negozji b’mod temporanju jew restrizzjonijiet mifruxa fuq is-safar u l-mobbiltà, u wasslu għal aktar inċertezza fuq is-swieq finanzjarji. Min-naħa tiegħu dan jista’ jwassal għal tnaqqis qawwi fil-livell ta’ output f’ħafna ekonomiji b’konsegwenzi soċjali severi. Dan jista’ jkun ta’ sfida sinifikanti għall-finanzi pubbliċi fis-snin li ġejjin, li min-naħa tiegħu jista’ jillimita l-investiment pubbliku meħtieġ għall-ekonomija biex tirkupra.

Il-Kummissjoni qed tipproponi biex tisfrutta l-qawwa sħiħa tal-baġit tal-UE biex timmobilizza l-investiment u tantiċipa l-appoġġ finanzjarju fl-ewwel ftit snin kruċjali ta’ rkupru. Dawn il-proposti huma bbażati fuq żewġ pilastri. Min-naħa l-waħda, Strument ta’ Rkupru Ewropew ta’ emerġenza li se jixpruna b’mod temporanju l-qawwa finanzjarja tal-baġit tal-UE bl-użu tal-marġni ta’ manuvra fil-baġit tal-UE biex iqajjem aktar finanzjament fuq is-swieq finanzjarji. Min-naħa l-oħra qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ għall-2021-2027. Il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ il-programmi ewlenin permezz tal-Istrument ta’ Rkupru Ewropew biex tgħaddi l-investiment malajr fejn hemm bżonn l-aktar, issaħħaħ is-suq uniku, iżżid il-kooperazzjoni f’oqsma bħas-saħħa u l-ġestjoni tal-kriżi u tgħammar lill-Unjoni b’baġit maħsub apposta biex jixpruna t-tranżizzjoni fuq żmien twil għal Ewropa aktar reżiljenti, ekoloġika u diġitali.

Il-proposta preżenti tappartjeni għat-tieni pilastru msemmi hawn fuq, Hija kruċjali biex tiżgura rkupru malajr tal-ekonomija tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tissodisfa l-objettiv tat-Trattat ta’ promozzjoni ta’ konverġenza u tnaqqis ta’ disparitajiet. Dan jeħtieġ azzjonijiet imfassla apposta fil-kuntest ta’ ekonomiji nazzjonali u reġjonali. L-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ rkupru għal kulħadd li jwitti t-triq għal żvilupp ekonomiku fuq terminu itwal. Meta jingħata l-appoġġ, għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar milquta mill-kriżi li huma anqas mgħammra biex ikunu jistgħu jirreaġixxu.

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu proposti emendi għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi speċifiċi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (‘FEŻR’) kif ukoll mekkaniżmu flessibbli li jista jiġi applikat malajr jekk ikun hemm okkorrenzi eċċezzjonali oħra li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ kriżi li taffettwa l-Unjoni.

Il-politika ta’ koeżjoni diġà tippermetti firxa wiesgħa ta’ possibilitajiet ta’ finanzjament, biex tkun adattabbli għaċ-ċirkostanzi individwali tal-Istati Membri u r-reġjuni. Madankollu, biex titjieb ir-reżiljenza ekonomika ġenerali u l-irkupru tal-UE, huwa propost li titjieb il-flessibilità tal-investiment taħt il-programmi biex jiġu indirizzati d-dgħjufijiet fis-settur tas-saħħa, titjieb it-tħejjija relatata mal-emerġenzi mhux mistennija, jitħeġġeġ il-ħolqien tax-xogħol f’impriżi żgħar u medji u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku tas-setturi tat-turiżmu u tal-kultura.

Biex jitjiebu l-kapaċitajiet li jiġu evitati l-emerġenzi tas-saħħa u jkun hemm protezzjoni kontrihom u reazzjoni malajr għalihom, qed jiġi propost li l-investimenti li jtejbu r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa jiġu programmati u implimentati b’mod komprensiv. Dan jeħtieġ li l-investimenti jmorru lil hinn mill-infrastruttura ta’ implimentazzjoni u jistgħu jinkludu investimenti f’tagħmir u forniment li huma meħtieġa biex jiżguraw li s-sistemi tas-saħħa jkunu reżiljenti. Barra minn hekk, minħabba li l-ittrattar b’mod effettiv ta’ kriżi li qed tiżviluppa jeħtieġ id-dispożizzjoni ta’ provvisti korrispondenti, il-FEŻR għandu wkoll ikun kapaċi jiffinanzja provvisti biex isaħħaħ ir-reżiljenza għad-diżastri minbarra li jtejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw approċċ ikkoordinat u komplimentarjetà bejn l-investimenti ffinanzjati mill-[Programm tas-Saħħa] u mill-FEŻR.

Il-lockdown minħabba l-pandemija tal-COVID-19 se jkollu impatt qawwi fuq ir-reġjuni fejn is-setturi tal-kultura u t-turiżmu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ekonomiji reġjonali. Id-data disponibbli turi li l-impatt ekonomiku u soċjali li jirriżulta minn restrizzjonijiet ta’ vjaġġar imposti kif ukoll it-tnaqqis fil-kunfidenza tal-konsumaturi aktarx jinħassu l-aktar f'territorji li jiddependu aktar fuq it-turiżmu u l-ospitalità. Għalhekk huwa propost li b'żieda mal-possibilitajiet għall-appoġġ lit-turiżmu u l-kultura taħt objettivi ta’ politika oħrajn, jinħoloq objettiv separat speċifiku taħt l-objettiv ta’ politika 4 biex jippermetti l-isfruttar tal-potenzjal tal-kultura u t-turiżmu fit- tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali.

Biex jitħeġġeġ tkabbir favur l-impjieg u l-kompetittività tal-SME’s l-objettivi speċifiċi tal-FEŻR għandhom jirriflettu l-ħolqien tal-impjiegi f’impriżi żgħar u medji. Qiegħed jiġi propost ukoll li l-FEŻR jappoġġja l-impriżi li jinsabu f’diffikultà fejn jiġu stabbiliti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji għal ċirkostanzi speċifiċi. Dan huwa konsistenti mal-approċċ meħud taħt il-Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġjata l-ekonomija fil-pandemija preżenti tal-COVID-19 u b’regoli għall-għoti ta’ għajnuna de minimis.

Fl-aħħar, huwa meħtieġ li jiġu aġġustati l-indikaturi biex l-output u l-indikaturi tar-riżultati relatati mat-turiżmu u l-kultura jitħallew jintużaw barra l-objettiv ta’ politika 5 f’konformità mal-emendi proposti għall-objettiv speċifiku dwar il-kultura u t-turiżmu.

Biex nitgħallmu mill-kriżi preżenti, huwa essenzjali li l-qafas legali għall-politika ta’ koeżjoni jipprevedi għall-mekkaniżmi li jistgħu jintużaw malajr jekk jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali fid-deċennju li jmiss. Għalhekk, qed jiġu proposti miżuri temporanji għall-użu tal-FEŻR b’rispons għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali biex jiġi żgurat li taħt ċirkostanzi limitati u speċifiċi, jkunu jistgħu jingħataw derogi għal ċertu regoli biex jiffaċilitaw ir-rispons għal ċirkostanzi bħal dawn.

Dawn jinkludu l-possibilità li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ appoġġ għall-FEŻR bħal appoġġ għall-kapital operatorju fl-SMEs fil-forma ta’ għotjiet kif ukoll li jiġu llaxkati r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika fejn ikun hemm bżonn bħala miżura temporanja biex jingħata rispons effettiv għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali bħal dawn.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija limitata għal emenda mmirata tal-proposta għal Regolament COM(2018) 372 tad-29 ta’ Mejju 2018 u hija konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-Fondi, b’mod partikolari mal-proposta għal Regolament COM(2018) 375 tad-29 ta’ Mejju 2018 u l-proposta għall-emenda tiegħu.

Flimkien mal-emenda proposta għal Regolament COM(2018) 375 tad-29 ta’ Mejju 2018, hija tikkostitwixxi mezz ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u mekkaniżmu għar-rispons tal-kriżi taħt ir-regoli tal-ġestjoni kondiviża f’każ ta’ okkorrenzi eċċezzjonali li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ kriżi fil-livell tal-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija limitata għal emendi immirati tal-proposta għal Regolament COM(2018) 372 tad-29 ta’ Mejju 2018 u żżomm konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari tippromwovi l-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-Programm tas-Saħħa.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

BAŻI ĠURIDIKA

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 177, 178 u 349 TFUE

Sussidjarjetà (għal kompetenzi mhux esklussivi)

Il-proposta tintroduċi aktar flessibilità għall-ipprogrammar, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproponu interventi li jindirizzaw bl-aħjar mod il-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku għar-reġjuni kollha. Hija tintroduċi wkoll mekkaniżmu ta’ rispons għal kriżi taħt ir-regoli ta’ ġestjoni konġunta fil-forma ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiżgura li taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, id-derogi temporanji jistgħu jingħataw biex iwieġbu għal avvenimenti bħal dawn.

Proporzjonalità

Il-proposta hija bidla limitata u mmirata li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-objettiv li tipprovdi aktar flessibilitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tal-FEŻR meħtieġa biex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku u biex iħejju għal okkorrenzi eċċezzjonali li jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ta’ kriżi fil-livell tal-Unjoni fil-futur.

Għażla tal-istrument

Il-proposta temenda proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TA’ EVALWAZZJONIJIET EX-POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post. kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Ma kien hemm ebda konsultazzjoni ta’ partijiet interessati esterni. Madankollu, il-proposta ssegwi konsultazzjonijiet estensivi mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fuq ġimgħat riċenti relatati mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Saret valutazzjoni tal-impatt biex tħejji l-proposta għal Regolament COM(2018) 372 tad-29 ta’ Mejju 2018. Dawn il-bidliet limitati u mmirati preżenti ma jeħtieġux valutazzjoni tal-impatt separata

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-modifika proposta ma timplikax bidliet fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 tat-2 ta’ Mejju 2018 (COM(2018) 322). Ammonti għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 ma jinbidlux.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

L-implimentazzjoni tal-miżuri se tiġi mmonitorjata u rrappurtata fil-qafas tal-mekkaniżmi ta’ rappurtar stabbiliti fil-proposta għal Regolament COM(2018) 375 tad-29 ta’ Mejju 2018 u l-proposta għal Regolament COM(2018) 372 tad-29 ta’ Mejju 2018.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni dettaljata għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Huwa propost li tiġi emendata l-proposta għal Regolament COM(2018) 372 tad-29 ta’ Mejju 2018 kif imiss:

(1)L-Artikolu 2(1)(a)(iii) huwa modifikat biex it-titolu tal-objettiv speċifiku jkopri l-ħolqien tax-xogħol;

(2)L-Artikolu 2(1)(d)(ii) huwa modifikat biex jiżgura l-appoġġ għat-trawwim tar-reżiljenza għal edukazzjoni u taħriġ b’distanza u onlajn;

(3)L-Artikolu 2(1)(d)(iv) huwa modifikat biex it-titolu tal-objettiv speċifiku jkopri r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa;

(4)objettiv speċifiku ġdid relatat mal-kultura u t-turiżmu jiżdied bħala punt ġdid (v) fl-Artikolu 2(1)(d);

(5)fl-Artikolu 4(1), subparagrafu ġdid jiżdied biex jiżgura l-eliġibbiltà ta’ fornimenti kritiċi meħtieġa biex isaħħu s-sistema tas-saħħa jew ir-reżiljenza għad-diżastri;

(6)L-Artikolu 6(1)(d) huwa modifikat biex jippermetti li l-FEŻR jappoġġja l-impriżi li jinsabu f’diffikultà fejn jiġu stabbiliti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji b’reazzjoni għal ċirkostanzi speċifiċi;

(7)l-Artikolu 11a ġdid jiżdied biex jippermetti miżuri temporanji li jippermettu għal estensjoni mmirata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR, bħal kapital operatorju fl-SMEs fil-forma ta’ għotjiet, kif ukoll deroga mir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u allokazzjoni minima għall-iżvilupp urban sostenibbli fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

(8)L-Anness I huwa modifikat biex jippermetti għall-użu ta’ output jew indikatur tar-riżultat relatati mat-turiżmu u l-kultura barra l-objettiv ta’ politika 5.

2018/0197 (COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 372 hija emendata kif ġej:

(1)tiddaħħal il-premessa li jmiss (7a) :

“(7a) Il-fatt li l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, il-FEŻR għandu jkompli jappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs billi jsaħħaħ it-tkabbir u l-kompetittività tagħhom. Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-impatt potenzjalment qawwi tal-pandemija tal-COVID-19 jew kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kriżi potenzjali li fil-futur jaf ikollha impatt fuq in-negozji u l-impjieg, il-FEŻR għandu jappoġġja l-irkupru mill-kriżi billi jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs.”;

(2)tiddaħħal il-premessa li jmiss (10a) :

“(10a) Biex isaħħaħ it-tħejjija għal edukazzjoni u taħriġ b’distanza u onlajn b’mod soċjalment inklussiv, il-FEŻR, fil-kompitu tiegħu li jtejjeb l-aċċess għal servizzi inklussivi u ta’ kwalità fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, għandu jikkontribwixxi fuq kollox biex titrawwem ir-reżiljenza għat-tagħlim b’distanza u onlajn. L-isforzi biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-edukazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 żvelaw nuqqasijiet kbar fl-aċċess għat-tagħmir meħtieġ tal-ICT u l-konnettività min-naħa ta’ studenti li ġejjin minn sfond żvantaġġjat u minn żoni remoti. F'dan il-kuntest, il-FEŻR għandu jappoġġja li jagħmel disponibbli t-tagħmir meħtieġ tal-ICT u l-konnettività, u għalhekk irawwem ir-reżiljenza tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ għal tagħlim b’distanza u onlajn.”;

(2)tiddaħħal il-premessa li jmiss (10b) :

“(10b) Biex tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa pubblika biex jevitaw, jirreaġixxu malajr u jirkupraw minn emerġenzi tas-saħħa, il-FEŻR għandu wkoll jikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. Barra minn hekk, minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 mingħajr preċedent kixfet l-importanza tad-disponibilità immedjata ta’ fornimenti kritiċi biex jingħata rispons effettiv f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR għandu jitwessa’ biex jippermetti għax-xiri ta’ fornimenti neċessarji biex isaħħu r-reżiljenza f’diżastru u biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. Meta jinxtraw il-fornimenti biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, dawn għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġija nazzjonali tas-saħħa u ma jmorrux ‘lil hinn minnha u għandhom jiżguraw il-komplementarjetajiet mal-[Programm tas-Saħħa], kif ukoll il-kapaċitajiet tar-rescEU taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM)”;

(3)tiddaħħal il-premessa li jmiss (10c) :

“(10c) Biex ikunu jistgħu jiġu appoġġjati l-ekonomiji reġjonali li jiddependu ħafna fuq is-setturi tat-turiżmu u tal-kultura, għandu jiġi previst objettiv speċifiku dedikat. Dan jippermetti biex ikun jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kultura u tat-turiżmu għall-irkupru ekonomiku, għall-inklużjoni soċjali u għall-innovazzjoni soċjali mingħajr preġudizzju għall-possibilitajiet li jingħata appoġġ mill-FEŻR lil dawk is-setturi taħt objettivi speċifiċi oħra.”;

(4)il-premessa 21 tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(21) Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu ċċarati dawk l-attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, inklużi l-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill (*) biex tiġi evitata duplikazzjoni tal-finanzi disponibbli li diġà jeżistu bħala parti minn dik id-Direttiva. Il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni barra minn hekk m’għandhomx jappoġġjaw lil impriżi f’diffikultà kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014(**), sakemm ma jkunux awtorizzati taħt oqfsa ta’ għajnuna mill-Istat temporanji stabbiliti biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. barra minn hekk, għandu jkun stabbilit b’mod espliċitu li l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-TFUE mhumiex eliġibbli għall-appoġġ mill-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni.

_____________

(*) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 t’Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(**) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 26.6.2014, p.1).”;

(5)tiddaħħal il-premessa li jmiss (27 a) :

“(27a) Biex tiġi permessa reazzjoni rapida għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali, kif imsemmi fil-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir li jistgħu jinqalgħu matur il-perjodu ta’ programmar, għandhom jiġu previsti miżuri temporanji biex jiffaċilitaw l-użu tal-appoġġ mill-FEŻR b’reazzjoni għal ċirkostanzi bħal dawn. Barra minn hekk, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għall-miżuri temporanji għall-użu tal-Fondi b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali għandhom jiġu adottati mingħajr proċeduri tal-kumitat minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikazzjoni huwa determinat mill-Patt ta’ Stabbilta u Tkabbir u huwa limitat għall-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.”;

(6)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt(a), punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii) it-tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività tal-SMEs u ll-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs;”;

(b)jiġi emendat il-punt (d) kif imiss:

(i) punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej

“ (ii) it-titjib tal-aċċess għal servizzi inklussivi u ta’ kwalità fl-edukazzjoni, t-taħriġ u t-taħriġ tul il-ħajja permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura, inkluż permezz tat-trawwim tar-reżiljenza għal tagħlim u taħriġ b’distanza u online;”;

(ii)    punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv) l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u t-trawwim ta’ reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa;”;

(iii)    il-punt li jmiss (v) huwa miżjud:

“(v) it-tisħiħ tar-rwol tal-kultura u t-turiżmu fl-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali;”;

(7)fl-Artikolu 4 (1), jiżdied is-subparagrafu li jmiss:

“Biex jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku taħt il-PO 2 stabbilit taħt il-punt (b) (iv) tal-Artikolu 2(1) u għall-objettiv speċifiku taħt PO 4 stabbilit fil-punt (d) (iv) ta’ dak l-Artikolu, il-FEŻR għandu wkoll jappoġġja x-xiri ta’ forniment neċessarju għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u għat-tisħiħ tar-reżiljenza għad-diżastri.”;

(8)fl-Artikolu 6 (1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(d) impriżi f’diffikultà, kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, sakemm ma jkunx awtorizzat taħt qafas ta’ għajnuna mill-Istat temporanju stabbilit biex jindirizza ċirkostanzi eċċezzjonali;”;

(9)il-kapitlu IIa li jmiss huwa miżjud :

KAPITOLU IIa

Miżuri temporanji b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali

L-Artikolu 11a

Miżuri temporanji għall-użu tal-FEŻR b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali

Fejn il-Kunsill wara [d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], irrikonoxxa l-eżistenza ta’ avveniment mhux tas-soltu barra l-kontroll ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li jkollu impatt ewlieni fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika jew tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha kemm hi imsemmija fl-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 5(1), ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(3), l-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97(*) jew l-eżistenza ta’ avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b’konsegwenzi kbar mhux favorevoli għall-finanzi tal-gvern imsemmija fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97(**), il-Kummissjoni tista’ permezz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u għall-perjodu definit f’dik id-deċiżjoni:

(a)testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4 biex tappoġġja miżuri li huma strettament neċessarji biex ikun hemm reazzjoni għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux normali bħal dawn, b’mod partikolari permezz tal-iffinanzjar tal-kapital operatorju għall-SMEs fil-forma ta’ għotjiet;

(b)tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u r-rekwiżiti ta’ allokazzjoni minima stabbiliti għal żvilupp urban sostenibbli permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3 u l-Artikolu 9(2).

_____________

(*) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(**) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar l-aċċellerar u l-iċċarar tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).”;

(10)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din il-proposta.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President


Brussell, 28.5.2020

COM(2020) 452 final

ANNESS

tal-

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta' Koeżjoni


ANNESS

Fl-Anness I tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 372, it-Tabella 1 hija emendata kif ġej:

(1)    l-indikatur ‘RCO 77 - Kapaċità ta’ infrastruttura kulturali u tat-turiżmu appoġġjata’ hija sostitwita b’dan li ġej:

‘RCO 77-Kapaċità ta’ infrastruttura kulturali u tat-turiżmu appoġġjata*’

(2)     l-indikatur ‘RCR 78 - Utenti li jibbenefika minn infrastruttura kulturali appoġġjata’ hija sostitwita b’dan li ġej:

‘RCR 78 - Utenti li jibbenefikaw minn infrastruttura kulturali appoġġjata*’