IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2020
COM(2020) 422 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2020
COM(2020) 422 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 (“ir-Regolament dwar il-QFP”) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross biex l-EU-28 jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti bħala strument tal-aħħar rimedju. Fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2020 2 , abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament QFP, l-ammont assolut tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena 2020 huwa stabbilit għal EUR 5 096,8 miljun.
Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 5/2020 3 biex jitkompla l-appoġġ lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija, b’risposta għall-kriżi fis-Sirja. Taħt l-intestatura 4 (Ewropa Globali), il-Kummissjoni f’dan l-ABE qed tipproponi li talloka, f’approprjazzjonijiet ta' impenn, EUR 100 miljun bħala appoġġ għar-reżiljenza tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan u fil-Libanu, u EUR 485 miljun biex jiġi żgurat li jitkompla l-appoġġ umanitarju urġenti għar-refuġjati fit-Turkija.
Wara li analizzat bir-reqqa l-possibbiltà li jiġu riallokati ammonti sinifikanti taħt it-taqsima 4 (Ewropa Globali), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ma hemmx lok għal riallokazzjonijiet fl-2020. Il-marġni mhux allokat li għadu disponibbli taħt din l-intestatura (EUR 103,4 miljun) jippermetti li jsir il-finanzjament ta’ EUR 100 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-appoġġ tar-reżiljenza tal-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan u l-Libanu. Il-porzjon li jifdal ta’ dan il-marġni (EUR 3,4 miljun) madankollu verament mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-għajnuna umanitarja urġenti għar-refuġjati fit-Turkija.
Minħabba li l-pakketti taż-żewġ strumenti speċjali l-oħrajn tal-Regolament dwar il-QFP ġew eżawriti għalkollox (il-Marġini Globali għall-Impenji u l-Istrument ta’ Flessibbiltà), il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala l-aħħar rimedju, li timmobilizza l-Marġni ta’ Kontinġenza għall-2020 għal ammont ta’ EUR 481,6 miljun biex jiġi żgurat il-finanzjament sħiħ tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn relatati man-nefqa taħt l-intestatura 4 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, li jaqbeż il-limitu għall-impenji.
2.ĠUSTIFIKAZZJONI TAL-MOBILIZZAZZJONI
2.1.INTRODUZZJONI
Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri impenjaw EUR 6 biljun f’assistenza tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija f’żewġ segmenti għall-2016–2019, imwassla permezz tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija. Il-pakkett finanzjarju ta’ dan il-finanzjament ġie impenjat kollu kemm hu u l-ikkuntrattar se jiġi ffinalizzat tul l-2020. L-iżborżi laħqu EUR 3,2 biljun sa tmiem April 2020.
It-tieni segment ta’ EUR 3 biljun ġie pprogrammat sabiex jiżgura s-sostenibbiltà tal-Faċilità u teħid tal-kontroll gradwali tal-inizjattivi ffinanzjati mill-Faċilità mill-awtoritajiet Torok. Madankollu, l-awtoritajiet Torok għad mhumiex fil-qagħda li jkunu jistgħu jkomplu bl-għoti tal-appoġġ meħtieġ għall-madwar 4 miljun refuġjat fit-Turkija fit-terminu medju sa twil. Fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2019, it-Turkija talbet appoġġ mingħand l-UE lil hinn mill-Faċilità biex tappoġġa r-refuġjati. Kien hemm ukoll bosta Stati Membri li talbu li jkomplu jappoġġaw lir-refuġjati fit-Turkija fix-xhur reċenti. Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, is-sitwazzjoni ekonomika fit-Turkija qed tiddeterjora u r-refuġjati vulnerabbli huma fost dawk li l-aktar intlaqtu ħażin mill-kriżi.
F'dan l-isfond, u sabiex jiġi evitat li dawn il-proġetti ma jitkomplewx, b’konsegwenzi umanitarji u poliċi gravi, hemm il-ħtieġa urġenti li jiġu pprovduti l-mezzi neċessarji biex tiġi ffinanzjata t-tkomplija taż-żewġ azzjonijiet ta’ appoġġ umanitarju tal-UE ewlenin, ix-Xibka ta’ Sikurezza Soċjali ta’ Emerġenza (Emergency Social Safety Net, ESSN) u t-Transferiment Kondizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (Conditional Cash Transfer for Education, CCTE).
Huwa mistenni li l-ESSN, li tipprovdi trasferimenti ta’ flus lil madwar 1,7 miljun refuġjat kull xahar, sa mhux aktar tard minn Marzu tal-2021 se jkunu spiċċawlha l-flus, u teħtieġ EUR 400 miljun biex tiġi estiża sa tmiem l-2021.
Is-CCTE jipprovdi l-flus lill-familji li t-tfal tagħhom jattendu l-iskola minflok jaħdmu. Il-kuntratt attwali għas-CCTE jintemm f’Settembru 2020, u hemm bżonn EUR 85 miljun urġentement biex il-programm ikun jista’ jaħdem għal sena oħra sa tmiem Diċembru 2021.
2.2.IL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA BĦALA L-ISTRUMENT TAL-AĦĦAR RIMEDJU
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-aħħar għażla biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. F’konformità mal-punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 4 , il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-possibbiltà ta’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ ammonti sinifikanti fl-intestatura 4 (Ewropa Globali), iżda kkonkludiet li ma hemmx ambitu għal aktar riallokazzjonijiet fl-2020.
Minħabba li l-marġini mhux allokat disponibbli taħt din l-intestatura (EUR 3,4 miljun) mhuwiex biżżejjed biex jiffinanzja ż-żieda proposta tal-approprjazzjonijiet ta' impenn (u minħabba li kemm l-Istrument ta’ Flessibbiltà kif ukoll il-Marġini Globali għall-Impenji diġà ġew eżawriti għalkollox fl-2020, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza hija l-unika strument disponibbli – l-aħħar għażla – għall-finanzjament tan-nefqa addizzjonali li tisboq il-limitu massimu tal-intestatura 4, kif proposta fl-ABE Nru 5/2020.
2.3.IMPATT FUQ IL-BAĠIT TA’ ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2020
Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu mmobilizzati EUR 481,6 miljun permezz tal-Marġni ta’ Kontinġenza biex ikopru l-ħtiġijiet addizzjonali relatati mat-tkomplija tal-appoġġ umanitarju urġenti għar-refuġjati fit-Turkija.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament korrespondenti se jiġu akkomodati fil-limitu massimu għall-pagamenti. Ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi mmobilizzat il-Marġni ta’ Kontinġenza f’pagamenti.
3.TPAĊIJA TAL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA KONTRA L-LIMITI MASSIMI TAL-QFP
L-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP jirrikjedi li l-ammonti magħmula disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu paċuti kompletament kontra l-marġnijiet għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri.
Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament QFP, l-ammonti paċuti ma għandhomx ikunu mobilizzati ulterjorment fil-kuntest tal-QFP, b’tali mod li t-total tal-limiti massimi ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stabbiliti fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri ma jinqabiżx. Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 4 fl-2020 u t-tpaċija relatata jridu jirrispettaw il-limitu massimu tal-impenji totali għas-sena 2020, l-aħħar sena tal-perjodu tal-QFP attwali.
Il-Kummissjoni tipproponi li tpaċi t-tisħiħ propost tan-nefqa taħt l-intestatura 4 kontra l-marġni mhux allokat disponibbli taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5, (Amministrazzjoni) u tal-intestatura 2 (Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali).
Wara t-tpaċija, ikun għad hemm disponibbli marġni ta’ EUR 48,7 miljun taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 2 (Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali).
Ma jkun jifdal l-ebda marġni taħt il-limiti massimi tan-nefqa l-oħrajn.
Il-limitu massimu globali għall-impenji għall-QFP kollu jibqa' l-istess.
4.ELEMENTI ADDIZZJONALI
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mfakkra li l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex issir aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-ABE Nru 5/2020, f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 5 , u b’mod partikolari l-punt 14 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi,
(1) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 6 stabbilixxa Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.
(2) F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont assolut ta’ dan il-Marġni ta' Kontinġenza għall-2020 7 .
(3) Wara li ġew eżaminati l-possibbiltajiet finanzjarji l-oħrajn kollha biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti fi ħdan il-limitu massimu tal-2020 għall-intestatura 4 (Ewropa Globali) tal-Qafas Finanzjarju Plurennali (QFP), u minħabba li ma hemm l-ebda strument speċjali ieħor disponibbli fl-2020 biex issir reazzjoni għal tali ċirkostanzi, huwa neċessarju li l-Marġini ta' Kontinġenza jiġi mmobilizzat biex jindirizza l-ħtieġa urġenti li jiġi pprovdut appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija bill jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 4 tal-QFP.
(4) Wara li tqieset din is-sitwazzjoni ferm partikolari, il-kundizzjoni tal-aħħar rimedju stipulata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 hija ssodisfata.
(5) Din id-Deċiżjoni hija marbuta mal-finanzjament inkluż fil-baġit emendatorju Nru 5 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2020. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ dan il-baġit emendatorju, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Marġni ta’ Kontinġenza għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi EUR 481 572 239 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn lil hinn mil-limitu massimu tal-impenji tal-intestatura 4 (Ewropa Globali) tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Artikolu 2
L-ammont ta’ EUR 481 572 239 imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jiġi paċut kontra l-marġni taħt il-limitu massimu għall-impenji għas-sena finanzjarja 2020 tal-intestaturi li ġejjin tal-qafas finanzjarju pluriennali:
(a)l-intestatura 5 (Amministrazzjoni): EUR 16 248 368;
(b)l-intestatura 2 (Tkabbir Sostenibbli - Riżorsi Naturali): EUR 465 323 871.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika minn… [id-data tal-adozzjoni tagħha**].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
[** Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.]
ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.