IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
2020/0108(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
2020/0108(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, jenħtieġ li jiġi pprovdut programm ta’ investiment tal-UE li jindirizza l-objettivi trażversali f’termini ta’ simplifikazzjoni, flessibilità, sinerġiji u koerenza fil-politiki rilevanti tal-UE. Il-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE jenfasizzaw il-ħtieġa “li jsir aktar b’inqas” u li jiġi sfruttat il-baġit tal-UE fi żmien ta’ restrizzjonijiet baġitarji u ħtiġijiet kbar fl-investiment. Dawn il-ħtiġijiet żdiedu b’mod sinifikanti minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija Ewropea u r-riskju ta’ rkupru asimmetriku madwar l-UE u fl-Istati Membri.
Minħabba f’hekk il-Kummissjoni qed tirtira l-proposta preċedenti tagħha li ppreżentat f’Mejju 2018 għall-Programm InvestEU 1 u qed tippreżenta proposta ġdida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Din il-proposta l-ġdida tirrifletti kompletament il-ftehim parzjali li kien diġà ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’April 2019 2 . Iżżid il-pakkett finanzjarju inizjalment propost u temenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta biex tirrifletti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ wara l-pandemija tal-ekonomija Ewropea.
Issa, il-Kummissjoni qed tipproponi b’mod parallel li tindirizza l-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-ħaddiema, għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fl-Unjoni. Ħafna kumpaniji Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet minħabba l-kriżi u l-problemi se jiżdiedu hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali jibqgħu fis-seħħ u r-regoli ta’ tbegħid ikompli jkollhom impatt fuq l-attivitajiet tan-negozju f’ħafna setturi. Id-diffikultajiet jistgħu jdumu ħafna anki lil hinn mil-lockdowns attwali.
B’reazzjoni għall-kriżi ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-proposta għall-InvestEU tal-Kummissjoni tal-2018 trid tiġi emendata biex tkun adattata aħjar għat-tibdil fiċ-ċirkustanzi. L-emendi għall-ftehim parzjali li ntlaħqu mill-koleġiżlaturi jikkonsistu f’żieda fil-pakkett finanzjarju previst għall-Programm InvestEU propost oriġinarjament biex jirrifletti ż-żieda fil-ħtiġijiet għall-investiment kumplessivament u ambjent ta’ żieda fir-riskju. Il-proposta l-ġdida tespandi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm InvestEU. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet futuri tal-ekonomija Ewropea u biex tiġi żgurata jew tinżamm l-awtonomija strateġika f’setturi ewlenin, żdiedet tieqa ġdida fil-programm. Sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ta’ politika ambizzjużi tal-Unjoni, l-attrazzjoni ta’ kapital privat biex jiffinanzja l-investiment tibqa’ essenzjali filwaqt li jiġi aġġustat l-approċċ lejn aktar rilevanza politika. Il-Programm InvestEU se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni, kull meta l-użu ta’ appoġġ ta’ investiment ripagabbli jkun xieraq.
Il-Programm InvestEU huwa adattat b’mod uniku biex jipprovdi finanzjament fit-tul u biex jappoġġa l-politiki tal-Unjoni f’irkupru minn kriżi ekonomika u soċjali profonda. Fil-kriżi attwali, l-allokazzjoni fis-suq tar-riżorsi mhijiex kompletament effiċjenti u r-riskju perċepit ifixkel il-fluss tal-investiment privat b’mod sinifikanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karatteristika ewlenija tal-InvestEU li jneħħi r-riskji tal-proġetti biex jinkludi finanzjament privat hija partikolarment ta’ valur u jenħtieġ li tiġi sfruttata. Titjib fil-Programm InvestEU se jkun jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta’ rkupru u, fl-istess ħin u f’konformità mal-għanijiet oriġinali tiegħu, jiżgura li l-investituri jiffukaw bis-saħħa fuq il-prijoritajiet ta’ politika fi żmien medju u twil tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”. Il-programm se jżid il-kapaċità li l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali kif ukoll sħab inkarigati mill-implimentazzjoni oħrajn jieħdu riskji b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku fiċ-ċirkustanzi attwali fejn qed jesperjenzaw żieda fil-pressjoni fuq il-kapaċità tagħhom li jieħdu riskji.
Il-pandemija tal-COVID-19 hija xokk kbir għall-ekonomija dinjija u tal-Unjoni. Minħabba l-miżuri ta’ konteniment meħtieġa, l-attività ekonomika fl-UE naqset b’mod sinifikanti. It-tnaqqis fil-PDG tal-UE fl-2020 huwa mistenni li jkun madwar 7,5 %, li huwa ħafna aktar baxx minn waqt il-kriżi finanzjarja fl-2009 u se jkollu effetti soċjali negattivi inevitabbli. It-tifqigħa tal-pandemija wriet l-interkonnettività tal-ktajjen tal-provvista dinjija u esponiet xi dgħufijiet, fosthom id-dipendenza żejda tal-industriji strateġiċi fuq is-sorsi ta’ provvista esterna mhux diversifikati. Dawn id-dgħufijiet iridu jiġu indirizzati biex l-Unjoni tejjeb ir-rispons ta’ emerġenza tagħha kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija sħiħa, filwaqt li tibqa’ miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ f’konformità mar-regoli tagħha.
Fit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, jenħtieġ rispons b’saħħtu fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikulari biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-atturi ekonomiċi u b’hekk tissaħħaħ u tinżamm l-awtonomija ta’ setturi strateġiċi sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea fit-tul. Dan jista’ jintlaħaq biss fuq il-bażi ta’ Suq Uniku b’saħħtu u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Huwa kruċjali li l-ekonomiji tal-Istati Membri l-aktar milquta mill-impatt tal-pandemija jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ programmi permezz tal-baġit tal-UE.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi tipparteċipa f’żieda possibbli fil-kapital (f’ċiklu wieħed jew aktar) tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li se jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ għall-irkupru ekonomiku permezz ta’ ħruġ ta’ garanziji, twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni u appoġġ għall-investimenti fl-ekwità fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi riservat pakkett finanzjarju ta’ massimu ta’ EUR 900 000 000 fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 għal dan l-iskop sabiex l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tkun kapaċi żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI.
•Raġunijiet u objettivi
Il-ħolqien tal-Programm InvestEU jipprovdi mekkaniżmu uniku ta’ appoġġ għall-investiment tal-UE għal azzjoni interna għall-QFP 2021-2027. Il-Programm InvestEU jibni fuq l-esperjenza ta’ suċċess tal-FEIS u l-istrumenti finanzjarji attwali għall-politiki interni. Dan se joqgħod fuq erba’ pedamenti: (i) il-Fond InvestEU li jipprovdi għall-garanzija tal-UE; (ii) iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU li jipprovdi b’mod partikolari assistenza teknika relatata mal-iżvilupp tal-proġetti; (iii) il-Portal InvestEU li jipprovdi bażi ta’ data aċċessibbli faċilment għall-promozzjoni ta’ proġetti li jkunu qed ifittxu finanzjament; u (iv) operazzjonijiet ta’ taħlit.
Il-Fond InvestEU se jkun immexxi mid-domanda biex jattira investiment privat. Se jimbotta b’mod partikolari r-riċerka, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-investiment fl-infrastruttura sostenibbli u l-appoġġ għall-kumpaniji strateġiċi iżda se jindirizza wkoll il-ħtiġijiet fis-settur soċjali u tal-SMEs. Se jkun importanti li jintlaħqu wkoll proġetti iżgħar u lokali.
Novitajiet relatati mal-kriżi
Is-sitwazzjoni attwali hija ta’ detriment għall-kumpaniji tal-Unjoni, billi dawn jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv minn fatturi li mhumiex fil-kontroll tagħhom u fil-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. B’riżultat tat-tifqigħa attwali tal-COVID-19, il-kumpaniji tal-Unjoni jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ riskji ta’ likwidità li jistgħu jwasslu għal insolvenza, iżda anki għal riskju sistemiku ta’ żvalutazzjoni tal-assi li tista’ twassal għal dgħufija fil-partijiet strateġiċi tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, biex tindirizza n-nuqqas esperjenzat matul il-kriżi minħabba l-interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista, jenħtieġ li l-industrija tal-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tkopri partijiet usa’ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi.
Billi tidentifika u tindirizza ċerti oqsma ta’ investiment bħala “strateġiċi”, l-UE se tagħmel pressjoni għat-trasformazzjoni industrijali fuq skala kbira li tant hija meħtieġa u se tiżgura żieda fl-awtonomija għall-ekonomija tal-Unjoni, f’konformità ma’ politiki globali bħall-Istrateġija “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Jenħtieġ li dawn il-prijoritajiet ta’ politika fit-tul jiġu kkombinati mal-miżuri ta’ rkupru li ttieħdu b’konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19. Azzjoni mmirata u ambizzjuża fil-livell tal-Unjoni, li tippermetti li jsir użu sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku, irrispettivament mill-kapaċitajiet fiskali tal-Istati Membri li jintervjenu u jappoġġaw l-investiment, se twassal għal Unjoni aktar kompetittiva, aktar reżiljenti u aktar sigura fil-futur.
Għaldaqstant, flimkien ma’ żieda fir-riżorsi fl-ambitu tat-tieqa għall-infrastruttura sostenibbli, ġie propost li jkompli jittejjeb l-InvestEU b’Faċilità ta’ Investiment Strateġiku, jiġifieri l-ħames tieqa – it-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew – li se tiffoka fuq il-bini ta’ ktajjen tal-valur Ewropej aktar b’saħħithom f’konformità mal-aġenda strateġika tal-Unjoni u l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 3 ppreżentata mill-Kummissjoni. Dan ir-rinforz huwa ta’ importanza partikolari fis-sitwazzjoni ta’ wara l-kriżi, billi xi Stati Membri jista’ ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jappoġġaw dawn il-proġetti b’għajnuna mill-Istat nazzjonali, u ħafna proġetti huma transfruntiera u jeħtieġu approċċ Ewropew. Barra minn hekk, użu ottimu tal-potenzjal tas-Suq Uniku, inklużi l-istimulaturi tal-innovazzjoni u tal-effiċjenza tiegħu, jirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji minn ħafna Stati Membri, u mhux biss dawk li huma fiskalment kapaċi jinvestu wara dan il-perjodu diffiċli. Din il-proposta se tgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet.
L-enfasi primarju tat-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew ikun li jiġu appoġġati dawk ir-riċevituri finali stabbiliti fi Stat Membru u li joperaw 4 fl-Unjoni li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tat-titjib fir-reżiljenza f’wieħed minn dawn l-oqsma:
a) l-għoti ta’ kura tas-saħħa kritika, il-manifattura u l-kumulazzjoni ta’ prodotti mediċinali, apparat mediku u provvisti mediċi, it-tisħiħ tal-kapaċità għar-reazzjoni għall-kriżijiet tas-saħħa u tas-sistema tal-protezzjoni ċivili;
b) l-infrastruttura kritika, kemm dik fiżika kif ukoll dik virtwali, inklużi l-elementi tal-infrastruttura identifikati bħala kritiċi fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport (inkluża l-merkanzija bil-ferrovija), l-ambjent, is-saħħa, il-komunikazzjoni diġitali sigura, il-5G, l-internet tal-oġġetti, il-pjattaformi tas-servizzi online, il-cloud computing sigur, l-ipproċessar jew il-ħżin tad-data, il-pagamenti u l-infrastruttura finanzjarja, l-ajruspazju, id-difiża, il-komunikazzjoni, il-media, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-infrastruttura elettorali u l-faċilitajiet sensittivi, kif ukoll l-art u l-proprjetà immobbli kruċjali għall-użu ta’ din l-infrastruttura kritika;
c) il-forniment ta’ prodotti u servizzi li huma strumentali għall-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika fil-punt b);
d) it-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali ewlenin li huma abilitanti u trasformattivi u l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fejn l-investiment huwa strateġikament importanti għall-futur industrijali tal-Unjoni, inkluż:
i) l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, is-software, ir-robotika, is-semikondutturi, il-mikroproċessuri, it-teknoloġiji cloud avvanzati, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tal-kwantum, il-fotonika, il-bijoteknoloġija industrijali,
ii) it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija fosthom il-batteriji, it-teknoloġiji tat-trasport sostenibbli (inkluż it-tiġdid u l-modifiki retroattivi tal-assi mobbli li jużaw dawn it-teknoloġiji), l-applikazzjonijiet tal-idroġenu nadif u taċ-ċelloli tal-fjuwil, it-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni għall-industrija, il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, it-teknoloġiji tal-ekonomija ċirkolari,
iii) il-bijomediċina, in-nanoteknoloġija, il-prodotti mediċinali u l-materjal avvanzat (bħall-grafen);
e) il-faċilitajiet ta’ manifattura għall-produzzjoni tal-massa tal-komponenti u l-apparat tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni fl-UE;
f) il-forniment u l-kumulazzjoni ta’ inputs kritiċi għall-atturi pubbliċi, għan-negozji jew għall-konsumaturi fl-Unjoni, inkluż l-enerġija, il-materja prima, il-materjal iffabbrikat jew is-sigurtà alimentari fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi u ċ-ċirkolarità fil-ktajjen tal-valur strateġiku; kif ukoll
g) it-teknoloġiji u l-inputs kritiċi għas-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (bħas-setturi tad-difiża u tal-ispazju u ċ-ċibersigurtà) u l-oġġetti b’użu doppju kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009.
Il-ħames tieqa ġġib valur miżjud meta mqabbla mat-twieqi oriġinali fil-kuntest attwali billi tiffoka fuq ir-riċeventi jew il-proġetti minħabba l-importanza strateġika Ewropea għolja tagħhom, u dan huwa aspett li mhuwiex enfasizzat fl-ambitu tat-twieqi l-oħra. Pereżempju, dawn jistgħu jinkludu kumpaniji attivi fl-industriji mmirati jew fl-SMEs li jipparteċipaw f’dawn il-ktajjen ta’ provvista billi jipproduċu komponenti speċifiċi. Dawn l-operazzjonijiet ta’ spiss jistgħu jkunu aktar riskjużi b’mod inerenti fl-ambjent ta’ wara l-COVID-19 billi l-promoturi huma aktar esposti għal żieda fir-riskju fin-naħa tad-domanda jew tal-provvista.
Ċerti oqsma bħalma huma s-semikondutturi (inklużi l-mikroproċessuri), it-teknoloġiji tad-data, il-5G u t-teknoloġiji tal-kwantum huma ta’ importanza partikolari għas-sigurtà, għall-fiduċja u għall-innovazzjoni. Fl-istess ħin, dawn jeħtieġu investimenti kbar biex ikopru l-katina sħiħa tal-valur tal-inputs strateġiċi li xi kultant ikunu ġejjin kważi kompletament minn sorsi limitati barra mill-UE, jakkwistaw u jipproteġu għarfien espert teknoloġiku essenzjali, kif ukoll jimplimentaw u jissostitwixxu infrastruttura kritika biex itaffu d-dipendenza eċċessiva fuq il-fornituri li mhumiex tal-UE.
Il-ħames tieqa għandha ż-żewġ proġetti speċifiċi fil-mira tagħha (pereżempju tappoġġa l-konsorzji kbar jew is-sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom l-għan li jiżviluppaw teknoloġija speċifika u jibnu infrastruttura kritika) u tipprovdi finanzjament b’mod aktar diffuż, pereżempju billi tappoġġa l-formazzjoni ta’ ekosistemi sħaħ ta’ imprendituri attivi fis-setturi mmirati (pereżempju SMEs innovattivi li jaħdmu fuq teknoloġiji ta’ rilevanza potenzjali għall-bijoteknoloġija industrijali u l-prodotti mediċinali). Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jkunu kapaċi jibbenefikaw minn appoġġ fl-ambitu ta’ din it-tieqa.
Ir-rekwiżiti ta’ addizzjonalità fl-ambitu ta’ din it-tieqa huma differenti mill-addizzjonalità prevista għat-twieqi oriġinali tal-InvestEU. Pereżempju, l-addizzjonalità tal-appoġġ fl-ambitu tal-ħames tieqa għall-korporazzjonijiet il-kbar tkun li tinżamm u tiġi żviluppata l-produzzjoni tagħhom fl-Unjoni jew, fejn jindikaw l-ordni pubbliku jew il-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà, taħt il-kontroll tal-investituri Ewropej u li tiżdied l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji innovattivi, minflok f’konsiderazzjonijiet purament relatati mar-riskju tal-appoġġ tal-InvestEU. Dan l-appoġġ ikun komplementari għal dak li jkun disponibbli fit-tieqa għar-riċerka, għall-innovazzjoni u għad-diġitalizzazzjoni li se tiffoka fuq l-iżvilupp upstream ta’ kapaċitajiet strateġiċi ġodda. Se tiġi żgurata wkoll sinerġija partikolari għall-investimenti ta’ segwitu fiż-żieda ta’ negozji ġodda u SMEs strateġiċi tal-UE u li joħorġu mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (European Innovation Council, EIC) tal-Programmi Oqfsa tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa).
Il-Fond InvestEU
Il-Fond InvestEU jikkonsisti f’garanzija baġitarja tal-UE li tirfed il-prodotti finanzjarji pprovduti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Għandu l-proġetti ta’ valur miżjud tal-UE fil-mira tiegħu u jippromwovi approċċ koerenti għall-finanzjament tal-objettivi tal-politika tal-UE. Joffri taħlita effettiva u effiċjenti ta’ għodda ta’ finanzjament tal-UE għal oqsma ta’ politika speċifiċi.
Bħala skema ta’ investiment unika għall-politiki interni tal-Unjoni, il-Programm InvestEU huwa kemm strument ta’ politika kif ukoll għodda eżekuttiva.
Bħala strument ta’ politika, l-objettiv ġenerali tal-Programm InvestEU huwa li jappoġġa l-objettivi tal-Unjoni billi jimmobilizza l-investiment pubbliku u privat fl-UE, u b’hekk jindirizza fallimenti tas-suq u diskrepanzi fl-investiment li jfixklu l-kisba tal-għanijiet tal-UE rigward is-sostenibbiltà, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv kif ukoll l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.
L-iskop huwa li jiġi pprovdut finanzjament lil atturi ekonomiċi bi profil ta’ riskju li l-finanzjaturi privati mhux dejjem ikunu kapaċi jew lesti jindirizzaw sabiex jippromwovu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, it-tkabbir sostenibbli, il-konverġenza, ir-reżiljenza soċjali, l-inklużività u l-integrazzjoni tas-swieq tal-kapital fl-UE f’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-UE f’setturi differenti. Fuq il-bażi ta’ garanzija tal-UE, il-Programm InvestEU se jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-baġit tal-UE u se jżid l-impatt tal-baġit tal-UE billi “jagħmel aktar b’inqas”. Għal proġetti ekonomikament vijabbli b’kapaċità li jiġġeneraw id-dħul, użu aktar sistematiku ta’ garanzija baġitarja jista’ jgħin biex jiżdied l-impatt tal-fondi pubbliċi.
Jenħtieġ li l-Programm InvestEU jkollu l-kapaċità li jsawwar strateġija tal-UE li tindirizza l-attività ta’ investiment li għadha dgħajfa fl-Unjoni u li hija enfasizzata mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Bid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-finanzjament u bil-promozzjoni ta’ finanzjament sostenibbli u fit-tul, il-Programm InvestEU se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq tal-kapital Ewropej, fil-qafas tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u għat-tisħiħ tas-Suq Uniku filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa għodda importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa. Bħala riżorsa mifruxa mal-UE kollha li tiġbor l-għarfien espert fil-qasam finanzjarju, tas-suq, tekniku u politiku, jenħtieġ li l-Programm InvestEU jkun ukoll katalist għall-innovazzjoni finanzjarja għas-servizz tal-objettivi ta’ politika.
Bħala għodda eżekuttiva, il-Fond InvestEU għandu l-għan li jimplimenta l-baġit tal-UE permezz ta’ garanzija baġitarja b’mod aktar effiċjenti, jikseb ekonomiji ta’ skala, iżid il-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE u jissimplifika l-qafas tar-rapportar u tar-responsabbiltà. L-istruttura proposta għandha l-objettiv li tissimplifika, iżżid il-flessibbiltà u tneħħi d-duplikazzjoni potenzjali bejn strumenti ta’ appoġġ tal-UE apparentement simili.
Minbarra l-garanzija tal-UE fil-livell tal-Unjoni, il-proposta tipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jużaw parti mill-fondi li jinsabu b’ġestjoni kondiviża permezz ta’ kompartiment iddedikat fil-garanzija tal-UE tal-Fond InvestEU biex jintlaħqu l-istess objettivi fejn fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment ikunu preżenti fil-livell nazzjonali jew reġjonali.
Il-garanzija globali tal-UE hija proposta li tammonta għal massimu ta’ EUR 75 153 850 000 biljun b’parti speċifikament iddedikata għat-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew ta’ massimu ta’ EUR 31 153 850 000.
Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza u l-Portal tal-InvestEU
Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU se jipprovdi appoġġ konsultattiv għall-iżvilupp tal-proġetti u miżuri ta’ akkumpanjament matul iċ-ċiklu ta’ investiment biex jimbotta l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ proġetti u l-aċċess għall-finanzjament. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU se jiġi pprovdut fl-oqsma ta’ politika tal-InvestEU u se jiżgura wkoll punt uniku ta’ aċċess għall-promoturi u l-intermedjarji tal-proġetti. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU se jkun kumplimentari għall-attivitajiet ta’ assistenza teknika mwettqa bi programmi ta’ ġestjoni kondiviża. Biex ikun hemm ċertezza li t-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew u l-erba’ twieqi l-oħra jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-karatteristiċi kollha tal-Fond InvestEU, jenħtieġ li l-komponent konsultattiv u l-miżuri l-oħra ta’ akkumpanjament tal-Programm InvestEU jkunu proporzjonati mal-objettivi tal-proposta. Jenħtieġ li l-pakkett finanzjarju globali, inkluż il-miżuri ta’ akkumpanjament, jammonta għal EUR 724 733 000 biex jindirizza l-ħtiġijiet tat-tieqa l-ġdida kif ukoll iż-żieda fil-ħtiġijiet tal-erba’ twieqi l-oħra fiċ-ċirkustanzi attwali.
Fl-aħħar nett, il-Portal InvestEU se jsaħħaħ il-viżibbiltà tal-opportunitajiet ta’ investiment fl-UE u b’hekk jgħin lill-promoturi tal-proġetti fit-tfittxija għall-finanzjament.
Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija allinjata bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti billi l-Programm InvestEU jipprovdi l-garanzija tal-UE sabiex fondi baġitarji tal-UE jintużaw b’mod effiċjenti meta operazzjonijiet b’kapaċità li jiġġeneraw id-dħul jiġu ffinanzjati skont l-objettivi tal-politika tal-UE. Dawn jinkludu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija tal-Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża u l-Fond għad-Difiża, l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-Fond InvestEU jappoġġa lil dawn l-istrateġiji li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku minn perspettiva ta’ finanzjament.
Il-proposta hija komplementari għall-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza tal-FEIS. L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa maħsub biex jagħti appoġġ għall-ħtiġijiet tas-solvenza ta’ terminu qasir li jirriżultaw mill-konsegwenzi immedjati tat-tnaqqis ekonomiku kkaġunat mill-COVID-19 għall-aktar kumpaniji affettwati, bil-għan li tinbena mill-ġdid il-pożizzjoni kapitali tagħhom, filwaqt li l-InvestEU se jiffoka fuq l-investimenti ta’ terminu twil biex jappoġġa l-għanijiet tal-politika tal-UE, inkluż l-awtonomija u r-reżiljenza strateġiċi tal-ekonomija Ewropea.
It-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew f’din il-proposta se tkun aktar iffukata u tħares aktar ’il quddiem fl-approċċ tagħha mill-istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza fl-ambitu tal-FEIS. It-tieqa l-ġdida se tappoġġa proġetti u kumpaniji rilevanti għall-kisba jew għaż-żamma tal-awtonomija strateġika fil-ktajjen tal-valur ewlenin fis-Suq Uniku billi tappoġġa ż-żieda fil-proġetti bbażati fl-Unjoni, u ssaħħaħ il-bażi kapitali u l-finanzjament ta’ terminu twil tal-kumpaniji tal-Unjoni bħala alternattiva għall-akkwiżizzjonijiet possibbli minn kumpaniji li mhumiex tal-UE. Il-kumpaniji strateġiċi li għandhom attivitajiet transfruntiera jiġu appoġġati wkoll.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-Programm InvestEU huwa kumplimentari għall-finanzjament tal-għotjiet u għal azzjonijiet oħra taħt l-oqsma ta’ politika li jappoġġa, bħall-Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku, il-Programm tal-Kompetittività tal-SMEs u l-Istatistika Ewropea, il-Programm Spazjali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew+, l-Ewropa Kreattiva, il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u l-Fond Ewropew għad-Difiża. Is-sinerġiji mal-istrumenti tal-politika esterna se jkunu żgurati, fejn ikun rilevanti. Huwa konsistenti wkoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 5 , l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti u politiki u programmi oħra tal-UE li huma rilevanti għall-awtonomija u r-reżiljenza strateġiċi tal-Unjoni bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, ir-Regolament tal-UE dwar l-Ispazju u r-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB.
It-taħlit mal-finanzjament tal-għotjiet se jiżgura l-kumplimentarjetà mal-programmi l-oħra ta’ nfiq.
Il-Programm InvestEU huwa wkoll kumplimentari għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ ċerti Fondi b’ġestjoni kondiviża (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)) permezz ta’ prodotti finanzjarji, l-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jistrieħu fuq il-Programm InvestEU. Din hija simplifikazzjoni kbira meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali billi se japplika biss sett wieħed ta’ regoli f’dan il-każ.
Jenħtieġ li l-azzjonijiet tal-Programm InvestEU jintużaw sabiex jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, b’mod proporzjonat, mingħajr ma jiġi dduplikat jew eskluż il-finanzjament privat u jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Dan jiżgura konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-Programm InvestEU u r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
Il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida dwar l-ittestjar tas-sostenibbiltà b’kooperazzjoni mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, u tuża b’mod xieraq il-kriterji stabbiliti minn [ir-Regolament dwar it-twaqqif ta’ qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli] li fuq il-bażi tagħhom is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni se jivvalutaw l-impatti ambjentali, klimatiċi u soċjali tal-proġetti ffinanzjati. Din il-gwida tappoġġa l-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tipprovdi li l-proġetti li jimminaw l-objettivi klimatiċi, ambjentali u soċjali tal-Unjoni ma jiġux appoġġati mill-InvestEU. Barra minn hekk, l-inċentivi mmirati jistgħu jitqiesu għal prodotti finanzjarji ddedikati għall-prijoritajiet klimatiċi, ambjentali u soċjali li huma diffiċli li jintlaħqu, pereżempju fl-ambitu tat-tieqa għall-SMEs, u li għalihom hemm riskji ogħla identifikati li jiġġustifikaw dawn l-inċentivi addizzjonali.
Il-Fond InvestEU se jipprevedi wkoll skema ddedikata li tiġġenera investiment addizzjonali għall-benefiċċju ta’ reġjuni fi tranżizzjoni ġusta (il-pilastru 2 tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta) b’komplementarjetà mal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta (il-pilastru 1) u l-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku (il-pilastru 3).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 173 (Industrija) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 (Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, il-bażi ġuridika msemmija tirrifletti l-kontenut prinċipali tal-proposta. Il-proċeduri stabbiliti għaż-żewġ Artikoli rigward il-bażi ġuridika huma l-istess (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni. Il-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 titlob reazzjoni fil-livell Ewropew biex tirfed irkupru rapidu tal-ekonomija tal-Unjoni billi tappoġġa lill-kumpaniji u tippreserva l-ktajjen tal-valur tal-Unjoni.
Il-proposta hija ta’ importanza partikolari fis-sitwazzjoni ta’ wara l-kriżi biex tinbena ekonomija Ewropea reżiljenti, inklużiva u integrata u jiġi ppreservat is-Suq Uniku anki għall-benefiċċju ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom inqas mezzi finanzjarji biex jappoġġaw dawn il-proġetti b’sorsi ta’ finanzjament nazzjonali. Il-proġetti li huma transfruntiera jirrikjedu wkoll approċċ fil-livell tal-Unjoni. L-appoġġ ipprovdut minn din il-proposta se jgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet.
L-effett multiplikatur u l-impatt fil-post se jkunu ħafna ogħla minn dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ inizjattiva ta’ investiment fl-Istati Membri individwali. Dan jappoġġa l-politika industrijali tal-UE u jippromwovi l-isforzi konġunti bejn l-Istati Membri biex tintlaħaq awtonomija teknoloġika u strateġika billi jinġabru flimkien l-investimenti. Is-Suq Uniku tal-Unjoni jipprevedi żieda fl-attrattività għall-investituri u diversifikazzjoni aħjar tar-riskji fis-setturi u fil-ġeografija.
Il-Programm InvestEU se jkopri l-investimenti u l-aċċess għall-finanzi li jappoġġaw il-prijoritajiet tal-politika tal-UE billi jindirizza l-fallimenti tas-suq u d-diskrepanzi fl-investiment mal-UE kollha. Jappoġġa wkoll it-tfassil, l-iżvilupp u l-ittestjar tas-suq madwar l-UE ta’ prodotti finanzjarji innovattivi, u s-sistemi li jxerrduhom, għal fallimenti tas-suq jew diskrepanzi fl-investiment ġodda jew kumplessi.
Il-kompartiment volontarju tal-Istat Membru jippermetti li jiġu indirizzati fallimenti tas-suq u diskrepanzi fl-investiment speċifiċi għall-pajjiż filwaqt li jibbaża ruħu fuq prodotti finanzjarji mfassla fil-livell ċentrali, u b’hekk jiżgura użu ġeografiku tar-riżorsi aktar effiċjenti fejn dan ikun iġġustifikat. Dan jippermetti li l-Istati Membri jimplimentaw parti mill-fondi tagħhom permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) permezz tal-Fond InvestEU.
L-istruttura proposta b’żewġ kompartimenti f’kull tieqa ta’ politika tippermetti applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, iż-żewġ kompartimenti f’kull tieqa se jaqsmu l-istess regoli tal-Fond InvestEU, u dan jippermetti qafas aktar ċar u sempliċi għall-użu ta’ sorsi differenti ta’ fondi tal-UE.
•Proporzjonalità
L-għanijiet fit-tul tal-UE rigward is-sostenibbiltà, il-kompetittività, it-tkabbir inklużiv u l-awtonomija u r-reżiljenza strateġiċi jeħtieġu investimenti sinifikanti f’oqsma ta’ politika differenti. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, mudelli ġodda relatati mal-mobbiltà, mal-enerġija rinnovabbli, mal-effiċjenza fl-enerġija, mal-kapital naturali, mal-innovazzjoni, mad-diġitalizzazzjoni, mal-ħiliet, mal-infrastruttura soċjali, mal-ekonomija ċirkolari, mal-azzjoni klimatika, mal-oċeani, mal-ħolqien u mat-tkabbir ta’ negozji żgħar kif ukoll mal-awtonomija u mar-reżiljenza strateġiċi tal-Unjoni.
Jenħtieġu sforzi mġedda biex jiġu trattati l-frammentazzjoni persistenti tas-suq u l-fallimenti tas-suq ikkawżati mill-biża’ tal-investituri privati mir-riskji, mill-kapaċità limitata ta’ finanzjament tas-settur pubbliku u mill-ineffiċjenzi strutturali tal-ambjent tal-investiment. L-Istati Membri ma jistgħux inaqqsu waħedhom b’mod suffiċjenti dawn id-diskrepanzi fl-investiment.
Intervent fil-livell tal-UE jiżgura li tkun tista’ tiġi sfruttata massa kritika ta’ riżorsi sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-investiment fil-post. Il-proposta ma tissostitwix l-investiment tal-Istat Membru iżda għall-kuntrarju hija kumplimentari għal dawn l-investimenti, billi tiffoka b’mod partikolari fuq appoġġ għal proġetti li jipprovdu valur miżjud tal-UE. Barra minn hekk, l-intervent fil-livell tal-UE jipprovdi ekonomiji ta’ skala fl-użu ta’ prodotti finanzjarji innovattivi billi jikkatalizza l-investiment privat fl-UE kollha u jagħmel l-aħjar użu mill-Istituzzjonijiet Ewropej u mill-għarfien espert tagħhom għal dan l-iskop. L-intervent tal-UE jipprovdi wkoll aċċess għal portafoll diversifikat ta’ proġetti Ewropej, u b’hekk jikkatalizza l-investiment privat, u jippermetti l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji innovattivi li jistgħu jiġu mkabbra jew irreplikati, kif xieraq, fl-Istati Membri kollha.
L-intervent fil-livell tal-UE huwa l-unika għodda li kapaċi tindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-investiment marbuta mal-objettivi ta’ politika mifruxa mal-UE kollha. Barra minn hekk, ir-riformi strutturali u ambjent regolatorju mtejjeb se jibqgħu meħtieġa biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-investiment li jkun fadal fil-perjodu 2021-2027.
Il-proposta tipprevedi appoġġ għall-kumpaniji, għall-ktajjen tal-valur u għall-ekosistemi li huma ta’ importanza strateġika u tirreaġixxi għall-vulnerabbiltajiet esposti mill-pandemija tal-COVID-19. Il-mobilizzazzjoni tal-fondi privati biex jiġu appoġġati l-investiment u l-irkupru flimkien mal-fondi pubbliċi tingrana r-riżorsi baġitarji.
Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi segwiti.
•Għażla tal-istrument
L-iskop tal-proposta huwa li tipprovdi strument uniku li jipprovdi garanzija baġitarja tal-UE biex isejjes operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt biex jibni fuq is-suċċess tal-FEIS u tal-strumenti finanzjarji preċedenti filwaqt li jqis it-tagħlimiet meħuda dwar, fost l-oħrajn, l-evitar tal-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni possibbli. Għaldaqstant, qiegħed jiġi propost Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET RETROSPETTIVI, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-proposta tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji predeċessuri u tal-FEIS. B’mod partikolari, fl-2018 saret evalwazzjoni indipendenti tal-FEIS 6 flimkien ma’ għadd ta’ evalwazzjonijiet oħra dwar il-FEIS sa mill-bidu tiegħu:
·l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u dwar il-funzjonament tal-fond ta’ garanzija tal-FEIS 7 akkumpanjata b’opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 8 ,
·l-evalwazzjoni tal-BEI dwar il-funzjonament tal-FEIS 9 (Ottubru 2016) u
·l-evalwazzjoni esterna indipendenti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-FEIS 10 (Novembru 2016).
Is-sejbiet ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet inġabru fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (COM(2016) 764) 11 .
L-evalwazzjonijiet kollha sabu li l-Garanzija tal-UE kienet rilevanti u ppermettiet lill-BEI jwettaq attivitajiet aktar riskjużi u jintroduċi prodotti ta’ riskju ogħla biex jappoġġa firxa usa’ ta’ benefiċjarji. Il-FEIS ta wkoll prova li kien għodda rilevanti biex jimmobilizza l-kapital privat. F’termini ta’ governanza, l-evalwazzjoni indipendenti tal-2018 enfasizzat l-importanza tal-Kumitat tal-Investiment għall-kredibbiltà tal-iskema, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-kwalità tat-tabella ta’ valutazzjoni, li ġiet evalwata bħala għodda rilevanti li tippermetti approċċ konsistenti għall-preżentazzjoni tal-proġetti u għall-ġbir fil-qosor tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni.
Abbażi ta’ operazzjonijiet iffirmati, il-FEIS immobilizza EUR 401 biljun ta’ investiment sal-aħħar tal-2019, li jikkorrispondi għal 80 % tal-mira. F’termini tal-operazzjonijiet approvati, sa dak iż-żmien il-volum kien ta’ EUR 458 miljun u jikkorrispondi għal 92 % tal-mira. L-investiment immobilizzat minn operazzjonijiet approvati laħaq il-mira ta’ EUR 315-il biljun sa nofs l-2018. Il-mira ta’ EUR 500 biljun hija mistennija li tintlaħaq.
L-evalwazzjonijiet innutaw xi konċentrazzjoni fl-Istati Membri b’kapaċitajiet istituzzjonali żviluppati sew. Madankollu, jekk l-investiment immobilizzat jitqies b’mod relattiv mal-Prodott Domestiku Gross tal-Istati Membri, din il-konċentrazzjoni tidher ħafna inqas evidenti. Madankollu, sabiex itejjeb aktar il-bilanċ ġeografiku, il-FEIS 2.0 saħħaħ ir-rilevanza taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti.
Fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-effett multiplikatur attwali tal-FEIS kien ġeneralment konformi ma’ dak li kien ġie vvalutat mill-bidu nett – multiplikatur aggregat globali ta’ 15,66 miksub sal-aħħar tal-2019 imqabbel mal-mira ta’ 15 fi tmiem il-perjodu tal-investiment. Il-FEIS kien effettiv ukoll fil-mobilizzazzjoni ta’ investimenti privati. Madwar 69 % tal-investiment immobilizzat kien mis-settur privat.
F’termini ta’ effiċjenza, id-disponibbiltà tal-Garanzija tal-UE wriet li hija għodda effiċjenti biex iżżid b’mod konsiderevoli l-volum ta’ operazzjonijiet aktar riskjużi mill-Bank Ewropew tal-Investiment. B’mod partikolari, il-Garanzija tal-UE tiffriża inqas riżorsi baġitarji meta mqabbla ma’ strumenti finanzjarji, għax teħtieġ proviżjonament prudenti iżda limitat meta mqabbel mal-livell tal-impenn finanzjarju. Dan iġorr obbligazzjoni kontinġenti u għaldaqstant huwa mistenni jikseb ekonomiji ta’ skala li jirriżultaw f’investiment ogħla mmobilizzat għal kull euro li jintefaq. L-evidenza analizzata bħala parti mill-evalwazzjoni indipendenti fl-2018 indikat ukoll b’mod ċar li d-daqs tal-Garanzija tal-UE fil-FEIS kien xieraq. Instab ukoll li l-approċċ użat għall-immudellar tar-rata fil-mira tal-FEIS kien fil-biċċa l-kbira adegwat u konformi mal-istandards tal-industrija, iżda ġew proposti xi żviluppi ulterjuri.
Garanzija baġitarja tat ukoll prova li hija iktar effiċjenti f’termini ta’ spejjeż għall-baġit tal-UE, billi din tillimita l-pagament ta’ tariffi ta’ ġestjoni lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. Fil-każ tal-FEIS, l-UE tiġi wkoll remunerata għall-Garanzija tal-UE pprovduta fl-ambitu tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni.
L-evalwazzjoni indipendenti tal-2016 enfasizzat il-ħtieġa li tiddefinixxi u tiċċara aħjar il-kunċett tal-addizzjonalità. B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament tal-FEIS 2.0 jinkludi diversi miżuri li jiċċaraw il-kunċett u l-kriterji u għamel il-proċess aktar trasparenti.
L-evalwazzjoni indipendenti tal-2018, li setgħet tivvaluta biss l-operazzjonijiet approvati taħt il-FEIS u għaldaqstant ma setgħetx tittestja l-miżuri l-ġodda tal-FEIS 2.0, ikkonfermat il-ħtieġa li jiġu ċċarati aktar il-kunċett tal-addizzjonalità u d-definizzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. B’mod partikolari, din ikkonkludiet li l-operazzjonijiet tal-FEIS huma kkaratterizzati minn livell ogħla ta’ riskju meta mqabbel ma’ operazzjonijiet standard (mhux tal-FEIS) mill-Bank Ewropew tal-Investiment, kif jirrikjedi r-Regolament tal-FEIS. Madanakollu, id-diversi eżerċizzji ta’ stħarriġ u intervisti indikaw li fl-ambitu tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni tal-FEIS seta’ kien hemm każijiet ta’ esklużjoni. Ikkonkludew li jkun importanti li tiġi evitata din is-sitwazzjoni fil-Programm InvestEU.
L-evalwazzjoni indipendenti tal-2018 enfasizzat ukoll il-valur miżjud mhux finanzjarju li jattira investituri ġodda, jipprovdi dimostrazzjonijiet u ttestjar tas-suq ta’ prodotti u mudelli ta’ finanzjament ġodda, u jappoġġa u jaddotta standards ogħla ta’ operazzjonijiet minn fornituri ta’ servizzi finanzjarji.
L-evalwazzjoni tal-BEI tal-2016 u l-evalwazzjoni indipendenti tal-2018 ikkonfermaw it-tfixkil inizjali li kkawża l-FEIS għal strumenti finanzjarji oħra fil-livell tal-UE bl-offerta ta’ prodotti finanzjarji simili, b’mod partikolari l-istrument ta’ dejn taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u parti mill-InnovFin, li ġie parzjalment solvut permezz ta’ ffokar mill-ġdid tal-istrumenti eżistenti lejn segmenti ġodda tas-suq.
Il-proposta għall-Fond InvestEU tibni wkoll fuq tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji predeċessuri li jkopru żewġ deċennji (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont 2020, COSME, eċċ.) u ta’ strumenti mnedija permezz ta’ oqfsa finanzjarji preċedenti bħall-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Framework Programme, CIP). B’mod ġenerali, dawn l-evalwazzjonijiet jikkonfermaw li għadhom jeżistu diskrepanzi fil-finanzjament fl-Ewropa fis-setturi u fl-oqsma ta’ politika koperti mill-istrumenti finanzjarji tal-UE u li l-appoġġ għall-investiment fil-livell tal-UE jibqa’ rilevanti u meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-politika tal-UE. Madankollu, huma jenfasizzaw ukoll li jenħtieġ li tissaħħaħ il-koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji differenti fil-livell tal-UE u ma’ inizjattivi oħra tal-UE, li jenħtieġ li jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji mal-inizjattivi nazzjonali u reġjonali u li teżisti duplikazzjoni fost l-istrumenti attwali. Huma jindikaw il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni u tfassil aħjar ta’ strumenti ta’ appoġġ għall-investiment sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-duplikazzjonijiet potenzjali. L-espansjoni tal-attivitajiet ħolqot il-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet, billi tiġi evitata l-proliferazzjoni mhux meħtieġa u billi jintlaħqu sinerġiji akbar.
Rigward l-istrumenti COSME li joffru appoġġ lill-SMEs li huma kruċjali għall-kompetittività futura tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet juru li dawn l-istrumenti huma mirfuda minn loġika b’saħħitha tal-falliment tas-suq u li huma mmexxija mir-restrizzjonijiet fl-aċċess għall-finanzi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs. B’mod partikolari n-negozji ġodda, l-SMEs iżgħar u dawk li ma għandhomx biżżejjed kollateral jiffaċċjaw nuqqasijiet persistenti u strutturali tas-suq għall-finanzjament tad-dejn prevalenti madwar l-UE. F’Rapport Speċjali, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-faċilità ta’ garanzija għall-SMEs kellha impatt pożittiv fuq it-tkabbir tal-SMEs appoġġati. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, jenħtieġ immirar aħjar tal-benefiċjarji u aktar koordinazzjoni ma’ skemi nazzjonali 12 .
Speċifikament rigward l-istrumenti finanzjarji InnovFin taħt l-Orizzont2020, l-evalwazzjonijiet juru li l-aċċess għall-finanzi jibqa’ kwistjoni essenzjali sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-Ewropa. Dawn jikkonfermaw li l-istrumenti finanzjarji tal-InnovFIn marru tajjeb f’kuntest ta’ domanda dejjem tikber għal finanzjament ta’ riskju għar-riċerka u l-innovazzjoni, u għamluha possibbli għall-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikopri segmenti ġodda aktar riskjużi. Madankollu, għal darb’oħra, ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakoli li għad baqa’ fil-kuntest ta’ għajnuna għall-kumpaniji innovattivi biex jikbru minn stadju bikri għal stadju ta’ espansjoni. Ġie rrimarkat ukoll li kien biss għadd relattivament żgħir mid-ditti li rċevew għotjiet taħt l-Orizzont 2020 li bbenefikaw ukoll minn strumenti finanzjarji permezz tal-Orizzont 2020, u li dan jista’ jxekkel it-tkabbir tal-kumpaniji innovattivi.
Il-Fond InvestEU se jibni fuq dawn l-esperjenzi u se jimmira lejn riċevituri tar-riċerka u l-innovazzjoni (inklużi SMEs u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja innovattivi) sabiex jipprovdilhom aċċess aħjar għall-finanzi fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom. Dan se jisfrutta s-sinerġiji bejn l-għotja u l-finanzjament ibbażat fuq is-suq billi jiffaċilita t-taħlit. Barra minn hekk, il-verifika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fuq il-faċilità ta’ garanzija rrakkomandat li l-benefiċjarji jiġu mmirati aħjar lejn kumpaniji aktar innovattivi. Billi jgħaqqad l-għarfien espert u r-riżorsi, il-Fond InvestEU se jiffoka dejjem aktar l-appoġġ tiegħu fuq kumpaniji li jidħlu f’attivitajiet ta’ innovazzjoni b’riskji ogħla.
Fil-qasam soċjali u fir-rigward tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), hemm evidenza empirika li l-investimenti f’infrastruttura soċjali, f’intrapriżi soċjali li jipproduċu l-oġġetti (“assi tanġibbli”) kif ukoll f’servizzi soċjali, f’ideat u f’persuni (“assi intanġibbli”) huma kruċjalment nieqsa fl-Unjoni, iżda jibqa’ kritiku għall-Istati Membri tagħha biex dawn jiżviluppaw f’soċjetà ġusta, inklużiva u bbażata fuq l-għarfien.
Il-mikrofinanzi u l-intrapriżi soċjali fl-Ewropa għadhom żviluppi riċenti u parti minn suq emerġenti li għadu mhux żviluppat għalkollox. Kif enfasizzat mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-EaSI mwettqa fl-2017, l-istrumenti finanzjarji tal-EaSI appoġġaw lil persuni vulnerabbli u lil mikrointrapriżi u ffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għal intrapriżi soċjali, u b’hekk kisbu impatt soċjali sinifikanti. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-iskjerament tal-potenzjal sħiħ muri mir-riżultati miksuba sa issa jiġġustifika l-kontinwità tal-appoġġ ta’ investiment fil-qasam soċjali u l-ħtieġa li tiġi pprovduta robustezza addizzjonali li għandha tiġi mill-InvestEU.
Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-Programm InvestEU jinkludi sommarju dettaljat tar-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni.
F’Jannar 2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat Rapport Speċjali (nru 03/2019) dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Ir-rapport iddikjara li l-FEIS kien effettiv biex iżid il-finanzjament biex jappoġġa investiment addizzjonali sostanzjali fl-UE. Ir-rapport identifika wkoll xi oqsma għal titjib. Ħafna minn dawn kienu diġà indirizzati fil-parti l-kbira mir-Regolament FEIS 2.0, filwaqt li oħrajn huma indirizzati permezz tal-proposta leġiżlattiva InvestEU.
B’mod partikolari, InvestEU se jsaħħaħ il-komplementarjetà u jevita d-duplikazzjonijiet u t-trikkib bejn l-istrumenti differenti. Barra minn hekk, InvestEU se jkompli jsaħħaħ u jiċċara l-kriterji relatati mal-valutazzjoni tal-addizzjonalità u mal-istima tal-investiment mobilizzat f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (UE 2018/1046).
Wara r-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tittejjeb il-firxa ġeografika, il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS wettaq studju fl-2019 biex janalizza l-kawżi ewlenin tal-firxa ġeografika osservata u adotta miżuri biex itejjeb aktar il-bilanċ ġeografiku filwaqt li jirrispetta n-natura xprunata mid-domanda tal-FEIS.
F’Mejju 2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat Rapport Speċjali (nru 12/2020) dwar iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH, European Investment Advisory Hub). Ir-rapport ikkonkluda li sa issa l-EIAH kien għadu ma weriex li huwa għodda effettiva biex tingħata spinta lill-investiment fl-UE sa tmiem l-2018. Matul il-perjodu tal-awditjar, kienu biss ftit assenjamenti li ġew konklużi li kellhom impatt sinifikanti fuq il-provvista ta’ proġetti xierqa għall-investiment u li l-biċċa l-kbira tal-assenjamenti tal-EIAH kienu relatati mal-istadji bikrin taċ-ċiklu ta’ investiment tal-proġett, għalhekk dawn jistgħu jkollhom biss effetti fuq terminu itwal.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nnutat is-sodisfazzjon għoli tal-benefiċjarji għas-servizzi konsultattivi mfassla apposta li rċeviet permezz tal-appoġġ tal-EIAH u li l-biċċa l-kbira tal-assenjamenti tal-EIAH kienu f’setturi ta’ prijorità għolja u fl-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li l-EIAH irċieva ftit talbiet li jwasslu għal kompiti konsultattivi żviluppati bis-sħiħ meta mqabbla mar-riżorsi disponibbli. Barra minn hekk, kien jeħtieġ strateġija aktar ċara u proċeduri aħjar għas-segwitu tal-investimenti li jirriżultaw mill-assenjamenti tal-EIAH. Barra minn hekk, minkejja l-isforzi tal-EIAH, il-kooperazzjoni mas-sħab biex titjieb il-kopertura ġeografika żviluppat bil-mod minħabba l-kumplessità legali u l-NPBI li jvarjaw fir-rieda u l-kapaċità li jikkooperaw.
Iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU se jindirizza b’mod wiesa’ r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jinkorporaw it-tagħlimiet meħuda mill-EIAH, pereżempju billi
–jiżviluppa aktar kooperazzjoni mal-NLBI biex jittejbu l-preżenza lokali u l-aċċess għal servizzi ta’ konsulenza;
–jistabbilixxi prijoritajiet u kriterji speċifiċi għall-valutazzjoni tal-valur ta’ appoġġ konsultattiv u l-iżvilupp ta’ qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni;
–iżid il-proċeduri ta’ skrinjar għall-valutazzjoni tal-valur tal-assenjamenti potenzjali, biex jimmassimizza l-kontribuzzjoni tiegħu;
–jivvaluta l-ħtiġijiet ta’ konsulenza u d-domanda probabbli għal inizjattivi mmirati u konsultattivi u għall-proġetti ta’ żvilupp li jistgħu jiġu sostnuti skont il-garanzija tal-Fond InvestEU.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta hija parti mill-pakkett biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-Covid-19 u hija miżura ta’ kriżi. Fid-dawl tal-urġenza li jingħata appoġġ lill-kumpaniji Ewropej li ntlaqtu ħażin mill-pandemija u l-miżuri ta’ lockdown, ma kienx possibbli li jsiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati b’rabta ma’ dawk l-elementi li huma ġodda meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2018.
Għall-elementi l-oħra, l-evalwazzjoni tal-impatt ibbażat ruħha fuq il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa (OPC, Open Public Consultation) dwar fondi tal-UE fil-qasam tal-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u s-suq uniku u b’mod partikolari dwar it-tweġibiet relatati mas-Sostenn tal-UE għall-Investiment 13 .
Din il-proposta tqis ir-riżultati ta’ din l-OPC. B’mod partikolari l-biċċa l-kbira tar-rispondenti esprimew l-opinjoni li l-appoġġ attwali tal-UE għall-investiment ma jindirizzax biżżejjed l-isfidi ta’ politika bħat-tnaqqis tal-qgħad, l-appoġġ għall-investiment soċjali, l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni diġitali, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzi b’mod partikolari għall-SMEs, l-iżgurar ta’ ambjent nadif u san u l-appoġġ għall-iżvilupp industrijali.
Ir-rispondenti enfasizzaw l-importanza ta’ sfidi ta’ politika li jinsabu mifruxa mal-UE kollha, fost oħrajn f’oqsma bħar-riċerka, l-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ, ambjent nadif u san u tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ċirkulari, u t-tnaqqis tal-qgħad.
Madwar 60 % tar-rispondenti li wieġbu għall-OPC dwar l-Infrastruttura Strateġika esprimew l-opinjoni li d-diffikultà għall-aċċess għal strumenti finanzjarji hija ostaklu li jipprevjeni lill-programmi attwali milli jiksbu għanijiet ta’ politika b’suċċess.
Il-maġġoranza l-kbira tal-parteċipanti appoġġaw il-passi identifikati li jistgħu jgħinu fis-simplifikazzjoni u fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. B’mod partikolari, dan kien jinkludi inqas regoli, regoli aktar ċari u iqsar, allinjament tar-regoli mal-fondi tal-UE, kif ukoll qafas stabbli iżda flessibbli bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni.
Il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn ir-riżultati billi ssaħħaħ il-konċentrazzjoni fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni fil-kuntest tal-appoġġ fil-qafas tal-Fond InvestEU. Is-sett uniku ta’ regoli stabbiliti mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jindirizza l-kwistjoni ta’ duplikazzjoni possibbli u b’mod partikolari jagħmilha aktar faċli għar-riċevituri finali biex jitolbu appoġġ. Il-Fond InvestEU għandu wkoll flessibilità intrinsika li tippermettilu jiġi aġġustat għall-iżvilupp ta’ sitwazzjonijiet u ħtiġijiet tas-suq. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar ġew ukoll armonizzati.
•Għarfien espert estern
Twettqet evalwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u r-Regolamenti emendatorji (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 14 kif spjegat taħt is-subintestatura ‘Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti’ 15 .
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija parti mill-pakkett biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-Covid-19 u hija miżura ta’ kriżi. Fid-dawl tal-urġenza li jingħata appoġġ lill-kumpaniji Ewropej li ntlaqtu ħażin mill-pandemija u l-miżuri ta’ lockdown, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tal-impatt formali b’rabta ma’ dawk l-elementi li huma ġodda meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2018.
Għall-elementi l-oħra, il-valutazzjoni tal-impatt 16 ippreżentata fil-kuntest tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2018 eżaminat fid-dettall l-isfidi ewlenin għall-MFF li jmiss, b’mod partikolari d-diskrepanzi fl-investiment u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali f’oqsma differenti ta’ politika bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-infrastruttura sostenibbli, il-finanzjament tal-SMEs kif ukoll l-investiment soċjali. Din analizzat u spjegat l-għażliet għall-istruttura proposta tal-Fond InvestEU, għall-governanza, għall-azzjonijiet immirati, għall-prodotti finanzjarji u għar-riċevituri finali tagħha. Fejn xieraq, il-valutazzjoni tal-impatt iddeskriviet is-soluzzjonijiet alternattivi kkunsidrati u spjegat ir-raġunament għall-għażliet proposti. Dan b’mod partikolari irrelata mal-loġika għall-ħolqien ta’ strument uniku ta’ appoġġ għall-investiment, il-mekkaniżmi eżekuttivi u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, u għall-istruttura ta’ governanza proposta.
Il-valutazzjoni tal-impatt enfasizza li l-esperjenza attwali mal-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanzija baġitarja tal-FEIS uriet ħtieġa għal simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti ta’ appoġġ għall-investiment tal-UE matul l-MFF li jmiss. L-esperjenza tal-FEIS kienet żvelat ukoll benefiċċji sinifikanti u kisbiet fl-effiċjenza inerenti fl-użu, fejn possibbli, ta’ garanzija baġitarja minflok ta’ strumenti finanzjarji tradizzjonali.
Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat il-karatteristiċi ewlenin li ġejjin għall-Fond InvestEU:
·Struttura waħda, ikkomunikata direttament lill-intermedjarji finanzjarji, lil promoturi ta’ proġetti u lil destinatarji finali li jkunu qed ifittxu finanzjament.
·Żieda fl-ingranaġġ u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi baġitarji permezz tal-użu ta’ garanzija baġitarja unika li ssejjes il-prodotti finanzjarji differenti li jindirizzaw portafoll diversifikat ta’ riskji. Dawn jippreżentaw titjib fl-effiċjenza apparagun mal-għażla li jkun hemm strumenti finanzjarji differenti jew garanziji baġitarji ċentralizzati li jindirizzaw medda limitata ta’ riskji, minħabba li jeħtieġu rata ta’ proviżjonament aktar baxxa filwaqt li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni.
·Offerta ssimplifikata u ffokata ta’ strumenti ta’ appoġġ għall-investiment li jimmiraw lejn l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE. Din l-offerta tippermetti wkoll it-tlaqqigħħ tal-għotjiet u tal-finanzi minn programmi differenti tal-UE, is-self konvenzjonali tal-BEI jew l-finanzi privati.
·Il-kapaċità li jitwasslu strumenti speċifiċi għas-settur biex jappoġġaw fallimenti partikolari tas-suq (pereżempju t-tbaħħir ekoloġiku, proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija, il-kapital naturali).
·Miżuri ta’ flessibilità li se jippermettu li l-Fond InvestEU jirreaġixxi malajr għall-bidliet tas-suq u l-prijoritajiet tal-politika li jevolvu maż-żmien.
·Governanza integrata u struttura ta’ implimentazzjoni li ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna u tqawwi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni lejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Dan iwassal ukoll għal effiċjenzi fl-infiq maniġerjali, għall-evitar ta’ duplikazzjonijiet u ta’ duplikazzjoni u għal żieda fil-viżibbiltà għall-investituri.
·Rekwiżiti ssimplifikati ta’ rappurtar, monitoraġġ u kontroll. Minħabba l-qafas uniku, il-Fond InvestEU se jipprevedi regoli ta’ monitoraġġ u rappurtar integrati u ssimplifikati.
·Komplementarjetà aħjar bejn programmi ġestiti b’mod ċentrali u dawk b'ġestjoni kondiviża. Dan jinkludi possibbiltà għall-Istati Membri biex jikkanalizzaw allokazzjonijiet ta’ ġestjoni kondiviża permezz tal-Fond InvestEU (fil-kompartiment tal-Istat Membru).
·Assoċazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU mal-Fond InvestEU sabiex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sensiela ta’ proġetti bankabbli.
Il-medda ta’ interventi previsti taħt il-Fond InvestEU se tkun implimentata permezz ta’ prodotti differenti li jimmiraw għal riskji differenti li b’mod inerenti jeħtieġu rati ta’ proviżjonament għolja, medji jew baxxi, skont it-tip ta’ kopertura tal-garanzija pprovduta u l-operazzjonijiet appoġġati. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u tissorvelja l-użu u r-riskji mġarrba taħt prodotti differenti, sabiex tiżgura li l-portafoll ġenerali jkun kompatibbli mar-rata ta’ proviżjonament stabbilita fil-proposta.
Fis-27 ta’ April 2018, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva b’xi riżervi 17 . Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Valutazzjoni tal-Impatt 18 jindirizza l-kwistjonijiet imqajma. Issa r-rapport jispjega aħjar id-dupplikazzjonijiet attwali bejn il-FEIS u strumenti finanzjarji mmaniġġjati ċentralment. Huwa jiċċara wkoll kif il-potenzjal ta’ duplikazzjoni se jiġi evitat fil-Fond InvestEU. Barra minn hekk, l-għażla tal-istruttura ta’ governanza proposta kif ukoll ir-rwol tal-korpi differenti huma ppreżentati f’aktar dettall. Dan jinkludi paragun tal-arranġamenti ta’ governanza li bħalissa qed jintużaw għall-FEIS u l-istrumenti finanzjarji ma’ dak propost fil-qafas tal-Fond InvestEU. Ġiet miżjuda kjarifika addizzjonali dwar is-suppożizzjonijiet għal-livell previst ta’ riskju u r-rata ta’ proviżjonament, inkluż aktar spjegazzjonijiet dwar il-funzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju fl-istruttura ta’ governanza.
•Simplifikazzjoni
Sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali attwalment qed jiġu indirizzati permezz ta’ portafoll eteroġenu u frammentat ta’ strumenti finanzjarji tal-UE u tal-FEIS. Din is-sitwazzjoni twassal ukoll għal kumplessità għall-intermedjarji u r-riċevituri finali li huma ffaċċjati b’regoli ta’ eliġibbiltà u rappurtar differenti.
L-għan tal-Fond InvestEU huwa li jissimplifika l-appoġġ għall-investiment tal-UE billi jistabbilixxi qafas uniku li jgħin biex titnaqqas il-kumplessità. Minħabba għadd iżgħar ta’ ftehimiet taħt sett uniku ta’ regoli, il-Fond InvestEU se jissimplifika l-aċċess tal-benefiċjarji finali għall-appoġġ tal-UE, il-governanza u l-ġestjoni tal-istrumenti ta’ appoġġ għall-investiment.
Barra minn hekk, peress li l-Fond InvestEU jkopri l-ħtiġijiet kollha tal-politika ta’ appoġġ għall-investiment, huwa jippermetti r-razzjonalizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar u tal-indikaturi tal-prestazzjoni.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha ebda impatt sinifikanti fuq il-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJI
Skont il-Komunikazzjoni 19 tal-Kummissjoni dwar il-baġit tal-UE li jixpruna l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa inkluż il-Qafas Finanzjarju Pluriennali msħaħħaħ għall-perjodu 2021-2027, il-qafas baġitarju (impenji fi prezzijiet kurrenti) previst għall-Programm InvestEU huwa ta’ EUR 33 524 733 000, inklużi EUR 724 733 000 għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti u miżuri ta’ akkumpanjament oħra.. Il-proviżjonament ġenerali se jammonta għal EUR 33 800 000 000, li minnhom EUR 1 000 000 000 huma koperti mid-dħul, mill-ħlasijiet lura u l-irkupri ġġenerati mill-istrumenti finanzjarji eżistenti u l-FEIS. Id-dħul u l-irkupri mill-Fond InvestEU għandhom jipprovdu wkoll kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-proviżjonament. Mill-qafas baġitarju ġenerali msemmi hawn fuq, EUR 33 000 440 000 se jsiru disponibbli permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Rkupru bbażat fuq l-għoti tas-setgħa mogħtija fid-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji.
Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’żieda kapitali possibbli mistennija (f’ċiklu wieħed jew aktar) tal-FEI se teħtieġ pakkett finanzjarju sa EUR 900 000 000 fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Dan huwa relatat mas-sehem tal-Unjoni tal-parti mħallsa ta’ żieda fil-kapital. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun kapaċi żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet finanzjarji.
Hija inkluża dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva b’aktar informazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Fond InvestEU (il-garanzija tal-UE) se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ garanzija neċessarju mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta jew diretta skont in-natura tal-assistenza. Il-Portal tal-InvestEU se jkun prinċipalment implimentat permezz ta’ ġestjoni diretta.
L-impatt tal-Programm InvestEU se jiġi vvalutat permezz ta’ evalwazzjonijiet. L-evalwazzjonijiet se jitwettqu skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-13 ta’ April 2016 20 , fejn it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw li l-evalwazzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni u politika eżistenti għandhom jipprovdu l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ għażliet għal azzjoni ulterjuri. L-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effetti tal-Programm InvestEU fir-realtà bbażati fuq l-indikaturi / il-miri tal-Programm InvestEU u fuq analiżi dettaljata tal-grad sa fejn il-Programm InvestEU jista’ jiġi meqjus rilevanti, effettiv, effiċjenti, jipprovdi biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwa koerenti ma’ politiki oħrajn tal-UE. Dawn se jinkludu t-tagħlimiet meħuda biex jiġu identifikati kwalunkwe nuqqas / problema jew kwalunkwe potenzjal għal titjib ulterjuri tal-azzjonijiet jew tar-riżultati tagħhom u biex jgħin l-isfruttament / l-impatt massimizzat tagħhom. Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni jitkejjel fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fil-proposta. Barra minn dawn l-indikaturi prinċipali, indikaturi aktar dettaljati se jiġu inklużi fil-linji gwida dwar l-investimenti jew fil-ftehimiet ta’ garanzija fuq il-bażi tal-prodotti finanzjarji speċifiċi li għandhom jiġu skjerati. Barra minn hekk, indikaturi speċifiċi se jiġu żviluppati għaċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU u għall-Portal InvestEU.
Se jintalab rappurtar armonizzat mis-sħab implimentattivi f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali
Id-dispożizzjonijiet ġenerali jipprovdu għall-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm InvestEU li mbagħad jiġu riflessi fis-sezzjonijiet ta’ politika.
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li għandhom ikunu appoġġati mill-garanzija tal-UE tal-Fond InvestEU għandhom jikkontribwixxu (i) għall-kompetittività tal-Unjoni, inkluża r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; (ii) it-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija tal-Unjoni, is-sostenibbiltà tagħha u d-dimensjoni ambjentali u klimatika tagħha li jikkontribwixxu għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; (iii) ir-reżiljenza soċjali, l-inklużività u l-innovazzjoni tal-Unjoni; (iv) il-promozzjoni tal-avvanz xjentifiku u teknoloġiku, tal-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ; (v) l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u t-tisħiħ tas-Suq Uniku, inklużi soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, għad-diversifikazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament għal intrapriżi tal-Unjoni u għall-promozzjoni ta’ finanzi sostenibbli; (vi) il-promozzjoni ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jsir kontribut għall-ġlieda kontra l-irkupru asimetriku ta’ wara l-kriżi; jew (vii) l-irkupru tal-ekonomija tal-Unjoni wara l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, iż-żamma u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi tagħha, li ta’ sikwit jolqtu numru ta’ Stati Membri u reġjuni, u ż-żamma u t-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ importanza strateġika għall-Unjoni fir-rigward tal-infrastruttura kritika, it-teknoloġiji u l-inputs għan-negozji u l-konsumaturi.
L-ammont tal-garanzija tal-UE huwa propost li jkun EUR 75 153 850 00 u r-rata ta’ proviżjonament ta’ 45%, jiġifieri jenħtieġu EUR 33 800 000 000 għall-proviżjonament (iż-żewġ ammonti fi prezzijiet kurrenti). L-allokazzjoni indikattiva tal-garanzija tal-UE bejn is-sezzjonijiet ta’ politika hija stabbilita fl-Anness I. Madankollu, it-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew għandha allokazzjoni ta’ garanzija tal-UE speċifika sa EUR 31 153 850 000. Id-daqs tal-proviżjonament huwa bbażat fuq it-tip ta’ prodotti finanzjarji kkonċernati u r-riskju tal-portafolli, u f’dar-rigward trid titqies l-esperjenza bil-FEIS u l-istrumenti finanzjarji preċedenti.
Huwa propost pakkett finanzjarju ta’ EUR 724 733 000 (fi prezzijiet attwali) għaċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, il-Portal tal-InvestEU u miżuri ta’ akkumpanjament. Id-daqs tal-pakkett huwa proporzjonat mal-volum tal-garanzija tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-użu bla xkiel tal-finanzjament disponibbli billi jiġi pprovdut appoġġ konsultattiv adegwat għal promoturi ta’ proġetti, fost l-oħrajn.
Huwa wkoll previst li pajjiżi terzi jistgħu jkunu assoċjati mal-prodotti finanzjarji fil-qafas tas-sezzjonijiet ta’ politika tal-Fond InvestEU, barra mit-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew, billi jipprovdu l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fi flus. Din il-possibbiltà hija prevista b’mod partikolari biex tippermetti, fejn ikun ġustifikat, il-kontinwazzjoni tal-arranġamenti eżistenti, fost l-oħrajn fil-qasam tar-riċerka, jew biex jiġu previsti possibbiltajiet għal appoġġ fir-rigward tal-proċessi ta’ adeżjoni. L-Istati Membri li jixtiequ jużaw parti mill-fondi tagħhom b’ġestjoni kondiviża permezz tal-Fond InvestEU jistgħu jikkontribwixxu wkoll. Dawn l-ammonti jiġu flimkien mal-garanzija tal-UE ta’ EUR 75 153 850 000 (fi prezzijiet attwali).
Kapitolu II – Il-Fond InvestEU
Dan il-Kapitolu jidentifika l-ħames sezzjonijiet ta’ politika tal-Fond InvestEU: (i) infrastruttura sostenibbli; (ii) ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; (iii) SMEs; (iv) investiment soċjali u ħiliet; (v) investiment Ewropew strateġiku, u jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
Dan jiddefinixxi wkoll iż-żewġ kompartimenti tal-garanzija tal-UE: (i) il-kompartiment tal-UE; u (ii) il-kompartiment tal-Istat Membru, li se jkun magħmul minn sottokompartiment wieħed għal kull Stat Membru li jiddeċiedi li jikkontribwixxi parti mill-fondi tiegħu b'ġestjoni kondiviża fil-Fond InvestEU.
Ir-regoli speċifiċi relatati mal-kompartiment tal-Istat Membru jipprevedu ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u jiddefinixxu l-elementi ewlenin tal-kontribuzzjoni, bħal, pereżempju, id-daqs, ir-rata ta’ proviżjonament u l-obbligazzjoni kontinġenti. Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u l-istrumenti ġuridiċi rilevanti oħrajn se jkun fihom id-dispożizzjonijiet ta’ abilitazzjoni meħtieġa. Ladarba jsir it-trasferiment għall-Fond InvestEU, l-implimentazzjoni tal-kompartiment tal-Istat Membru ssegwi r-regoli tal-Fond InvestEU. Il-Kummissjoni għandha tagħżel is-sieħeb ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi ta’ proposta mill-Istat Membru u tiffirma l-ftehim ta’ garanzija mal-Istat Membru kkonċernat.
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 stabbilixxiet mira aktar ambizzjuża għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi fil-programmi kollha tal-UE b'mira globali ta' 25 % tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi. Il-kontribut tal-Programm InvestEU għall-kisba ta’ din il-mira ġenerali se jiġi mmonitorjat permezz ta’ sistema tal-UE għall-intraċċar tal-klima. Mira separata ambizzjuża ta’ mill-inqas 60 % ġiet stabbilita għal investimenti li jilħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent skont it-tieqa għall-infrastruttura sostenibbli. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-informazzjoni kull sena fil-kuntest tal-abbozz annwali tal-baġit.
Biex tappoġġa l-utilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal tal-Programm InvestEU li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-klima, il-Kummissjoni se tagħmel minn kollox biex tidentifika l-azzjonijiet rilevanti matul il-proċessi ta’ preparazzjoni, implimentazzjoni, rieżami u evalwazzjoni tal-Programm InvestEU.
Kapitolu III – Sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment
Għandha tiġi stabbilita sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Din tkopri barra mill-implimentazzjoni ta’ 75 % tal-garanzija tal-UE, ċerti kompiti ta’ konsulenza fir-rigward ta’ aspetti relatati mal-banek tal-ftehimiet ta’ garanzija, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju finanzjarju, u fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju tal-portafoll. Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jkollu wkoll rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-appoġġ konsultattiv permezz taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU. Barra minn hekk, huwa se jagħti pariri lill-Kummissjoni u jwettaq kompiti operattivi b’rabta maċ-Ċentru.
Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess ma’ sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni b’rabta mal-kompiti li jwettaq lill-Kummissjoni skont is-sħubija.
Kapitolu IV – Il-garanzija tal-UE
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-garanzija tal-UE u mal-iskjerament tagħha huma ppreżentati f’dan il-Kapitolu. Dawn jinkludu l-karattru irrevokabbli u on-demand tal-garanzija tal-UE, il-perjodu ta’ investiment, ir-rekwiżiti għall-finanzjament eliġibbli u l-operazzjonijiet ta’ investiment u t-tipi eliġibbli ta’ finanzjament. Is-setturi eliġibbli għall-finanzjament u għall-operazzjonijiet ta’ investiment huma stipulati f’aktar dettall fl-Anness II.
Barra minn hekk, dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni – li, fost l-oħrajn, għandhom jgħaddu mill-valutazzjoni tal-pilastru f’konformità mar-Regolament Finanzjarju –, u għall-ftehimiet ta’ garanzija bejn il-Kummissjoni u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Ir-rekwiżiti relatati mar-remunerazzjoni tal-garanzija tal-UE u l-kundizzjonijiet biex titnaqqas ir-rimunerazzjoni f’każijiet debitament ġustifikati huma inklużi wkoll f’dan il-Kapitolu.
Fl-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tqis il-kapaċità tagħhom li jilħqu l-għanijiet tal-Fond InvestEU u li jikkontribwixxu r-riżorsi proprji tagħhom, li jiġbdu lill-investituri privati, li jipprovdu kopertura ġeografika u settorjali adegwata u li jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Minħabba r-rwol tiegħu skont it-Trattati, il-kapaċità tiegħu li jopera fl-Istati Membri kollha u l-esperjenza eżistenti taħt l-istrumenti finanzjarji attwali u l-FEIS, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment jenħtieġ li jibqa’ sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni privileġġjat fil-kompartiment tal-UE. Huwa se jimplimenta 75 % tal-garanzija tal-UE. Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu wkoll isiru sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Barra minn hekk, se jkun possibbli li jkun hemm istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, b’mod partikolari meta jippreżentaw vantaġġ komparattiv f’termini ta’ kompetenza u ta’ esperjenza speċifika f’ċerti Stati Membri. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għal entitajiet oħra li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju sabiex jaġixxu bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
Jinkludi wkoll il-kopertura dettaljata tal-garanzija tal-UE fil-funzjoni tan-natura differenti tal-finanzjament li jista’ jiġi pprovdut permezz tiegħu.
Kapitolu V – Governanza
Il-Fond InvestEU se jkollu Bord Konsultattiv magħmul minn (i) rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni; (ii) rappreżentanti tal-Istati Membri; (iii) espert maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; u (iv) espert maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-kompiti tiegħu jinkludu l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta' Tmexxija dwar it-tfassil ta’ prodotti finanzjarji li għandhom jiġu implimentati permezz tal-Fond InvestEU u l-għoti ta’ pariri dwar l-iżviluppi tas-suq, il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet tas-suq. Huwa jiskambja wkoll opinjonijiet dwar l-iżviluppi tas-suq u jaqsam l-aħjar prattiki.
Huwa stabbilit Bord ta’ Tmexxija biex jiddetermina l-gwida strateġika u operazzjonali, jadotta l-qafas metodoloġiku tar-riskju, jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ InvestEU, jiġi kkonsultat dwar il-lista mqassra ta’ kandidati biex isiru membri tal-Kumitat tal-Investiment, jadotta r-regoli ta’ proċedura għas-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment u jadotta r-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet bi pjattaformi ta’ investiment.
Il-Bord ta’ Tmexxija huwa magħmul minn erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni, tliet rappreżentanti tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u żewġ rappreżentanti ta’ sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar espert bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun il-president.
Il-Kummissjoni twettaq verifika tal-politika dwar il-finanzjament propost jew dwar l-operazzjonijiet ta’ investiment biex tivverifika li dawn huma konformi mal-liġi tal-UE qabel ma titressaq proposta quddiem il-Kumitat tal-Investiment. Fir-rigward tal-Bank Ewropew tal-Investiment, huwa suġġeriet li l-proposti tiegħu ma jgħaddux minn verifika ta’ politika billi jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 5. Huwa biss jekk il-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli f’dak il-kuntest, li operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment tiġi eskluża mill-kopertura tal-garanzija tal-UE.
Il-Kumitat tal-Investiment japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet tal-finanzjament u l-investiment. Il-membri tiegħu għandhom ikunu esperti esterni b’kompetenza esperta fis-setturi rilevanti. Il-Kumitat se jiltaqa’ f’ħames konfigurazzjonijiet differenti li jirriflettu s-sezzjonijiet ta’ politika. Kull konfigurazzjoni għandha sitt membri li erba’ minnhom huma membri permanenti li jieħdu sehem fil-konfigurazzjonijiet kollha. Iż-żewġ membri li jibqa’ jintagħżlu biex iqisu b’mod aktar speċifiku l-oqsma koperti minn din is-sezzjoni ta’ politika partikolari.
Għandu jiġi stabbilit segretarjat indipendenti biex jassisti lill-Kumitat tal-Investiment. Is-Segretarjat ser ikun ibbażat fuq livell amministrattiv fil-Kummissjoni iżda huwa jiddependi fuq il-president tal-Kumitat tal-Investiment.
Il-Kumitat tal-Investiment se jieħu ħsieb ukoll li jagħti garanzija tal-UE lil operazzjonijiet skont ir-Regolament tal-FEIS 21 .
Hija meħtieġa tabella ta’ valutazzjoni b’rabta mal-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament u investiment li għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat tal-Investiment. Din se tiżgura valutazzjoni indipendenti, trasparenti u armonizzata tat-talbiet ta’ garanzija. Għandu jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment inkwistjoni li tikkonċerna, fost l-oħrajn, il-kontribuzzjoni tal-operazzjoni għall-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni, l-addizzjonalità, id-deskrizzjoni tan-nuqqas tas-suq jew tas-sitwazzjoni tal-investiment subottimali, l-impatt tal-investiment u l-profil finanzjarju.
Kapitolu VI – Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU
Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU se tipprovdi appoġġ konsultattiv għall-identifikazzjoni, għall-preparazzjoni, għall-iżvilupp, għall-istrutturar, għall-akkwist u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti, inkluż il-bini tal-kapaċità relatata. Se jkun disponibbli għal promoturi ta’ proġetti pubbliċi u privati kif ukoll għal intermedjarji finanzjarji u intermedjarji oħrajn.
Kapitolu VII – Il-Portal tal-InvestEU
Il-Portal tal-InvestEU se jiġi stabbilit, filwaqt li jibni fuq l-esperjenza tal-Portal tal-Proġetti fil-qafas tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Se jsiru verifiki sistematiċi tal-konsistenza tal-proġetti mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni huma obbligati jikkunsidraw dawk il-proġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ konsistenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi viżibilità għal proġetti investibbli fl-UE li qed ifittxu l-finanzjament. Madankollu, proġett li ma għandux għalfejn jiġi ppubblikat fuq il-portal sabiex jibbenefika mill-finanzjament tal-UE. Bl-istess mod, is-sottomissjoni lill-Portal ma tfissirx li l-proġett fl-aħħar mill-aħħar se jibbenefika mill-garanzija tal-UE.
Kapitolu VIII – Kontabbiltà, monitoraġġ u rapportar, evalwazzjoni u verifika
Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija jista’ jintalab jirrapporta lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew iwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet tagħhom.
Dan il-Kapitolu jipprovdi għal monitoraġġ u rapportar regolari filwaqt li jistabbilixxi l-indikaturi li fuq il-bażi tagħhom se titkejjel il-prestazzjoni fl-Anness III. Barra minn hekk, fih dispożizzjonijiet dwar l-awditjar u dwar id-drittijiet tal-OLAF fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment f’pajjiżi terzi.
Barra minn dan, qed jiġi propost li l-użu tal-garanzija tal-UE għandu jkun evalwat permezz ta’ evalwazzjoni interim u finali skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju. L-evalwazzjoni interim se jkollha tikkunsidra ċerti karatteristiċi speċifiċi tar-Regolament, bħall-funzjonament tal-modalitajiet skont is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE bejn il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u s-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, l-implimentazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU.
Kapitolu IX – Trasparenza u Viżibbiltà
Id-dispożizzjonijiet huma inklużi biex jiżguraw trasparenza u viżibilità xierqa fil-konfront tar-riċevituri finali u l-pubbliku ġenerali, rispettivament.
Kapitolu X – Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali
Dan il-Kapitolu finali jinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu tad-dħul, tal-ħlasijiet lura u tal-irkupri mill-programmi predeċessuri. Lista ta’ dawk il-programmi, barra mill-FEIS, tinsab fl-Anness IV. Dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-proċedura għall-atti delegati.
Huwa previst li r-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
2020/0108 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 22 ,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 23 ,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-pandemija tal-COVID-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomija globali u tal-Unjoni. Minħabba l-miżuri ta’ konteniment meħtieġa, l-attività ekonomika fl-UE naqset b’mod sinifikanti. Ir-reċessjoni ekonomika fil-PDG tal-UE fl-2020 hija mistennija li tkun madwar 7,5 %, ferm aktar profonda milli matul il-kriżi finanzjarja fl-2009. It-tifqigħa tal-pandemija wriet l-interkonnettività tal-ktajjen tal-provvista globali u esponiet xi vulnerabilitajiet bħad-dipendenza żejda tal-industriji strateġiċi fuq sorsi esterni tal-provvista mhux diversifikati. Dawn il-vulnerabbiltajiet jenħtieġ li jiġu indirizzati, biex jitjieb ir-rispons ta’ emerġenza tal-Unjoni kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija sħiħa, filwaqt li tibqa’ miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ f’konformità mar-regoli tagħha. L-attività ta’ investiment hija mistennija li tkun naqset b’mod sinifikanti. Anki qabel il-pandemija, filwaqt li seta’ jiġi osservat irkupru fil-proporzjonijiet ta’ bejn l-investiment u l-PDG fl-Unjoni, dan baqa’ taħt dak li jista’ jkun mistenni f’irkupru qawwi u ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għal snin ta’ nuqqas ta’ investiment wara l-kriżi tal-2009. Aktar importanti minn hekk, il-livelli u t-tbassir attwali tal-investiment ma jkoprux il-ħtiġijiet ta' investiment strutturali tal-Unjoni għall-bidu mill-ġdid u għas-sostenn ta' tkabbir fit-tul quddiem il-bidla teknoloġika u l-kompetittività globali, inkluż l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-infrastruttura, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ('SMEs') u l-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi soċjetali ewlenin bħas-sostenibbiltà jew it-tixjiħ demografiku. Konsegwentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni u biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku rapidu, inklużiv u b’saħħtu, hemm bżonn ta’ sostenn biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment f’setturi fil-mira.
(2)L-evalwazzjonijiet enfasizzaw li l-varjetà ta’ strumenti finanzjarji mogħtija matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 wasslet għal xi duplikazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Din il-varjetà pproduċiet ukoll kumplessità għall-intermedjarji u d-destinatarji finali li ġew iffaċċjati b’regoli ta’ eliġibbiltà u rapportar differenti. L-assenza ta’ regoli kompatibbli xekklet ukoll il-kombinazzjoni ta’ bosta fondi tal-Unjoni, għalkemm kombinazzjonijiet bħal dawn kienu jkunu ta’ benefiċċju sabiex isostnu proġetti li kienu jeħtieġu tipi differenti ta’ finanzjament. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit fond uniku, il-Fond InvestEU, li jibni fuq l-esperjenza tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) stabbilit skont il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, sabiex jingħata sostenn li jiffunzjona b’mod aktar effiċjenti lir-riċevituri finali billi jiġi integrat u ssimplifikat il-finanzjament offrut skont skema ta’ garanzija baġitarja unika, u b’hekk jittejjeb l-impatt tas-sostenn tal-Unjoni filwaqt li titnaqqas l-ispiża għall-Unjoni pagabbli mill-baġit.
(3)Fl-aħħar snin, l-Unjoni adottat strateġiji ambizzjużi biex tlesti s-Suq Uniku u biex tistimula tkabbir u impjiegi sostenibbli u inklużivi, bħall-“Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” tat-3 ta’ Marzu 2010, “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” tat-30 ta’ Settembru 2015, “Strateġija Ewropea ġdida għall-Kultura” tat-22 ta’ Mejju 2018, “Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha” tat-30 ta’ Novembru 2016, “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” tat-2 ta’ Diċembru 2015, “Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi” tal-20 ta’ Lulju 2016, “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża” tat-30 ta’ Novembru 2016, "Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża” tas-7 ta’ Ġunju 2017, “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” tas-26 ta’ Ottubru 2016, Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tat-13 ta’ Diċembru 2017, il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2019, il-”Pjan ta' Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew” tal-14 ta’ Jannar 2020, l-“Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” tal-14 ta’ Jannar 2020, l-”Istrateġija biex insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, l-"Istrateġija dwar id-Data” u l-”Komunikazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali” tad-19 ta’ Frar 2020, “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” tal-10 ta’ Marzu 2020 u “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” tal-10 ta’ Marzu 2020. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jisfrutta u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn dawn l-istrateġiji li jsaħħu lil xulxin permezz tal-għoti ta’ appoġġ għall-investiment u l-aċċess għall-finanzjament.
(4)Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet ta’ riformi nazzjonali u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri, jekk xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ investiment pluriennali nazzjonali tagħhom stess b’appoġġ għal dawk il-prijoritajiet ta’ riforma. Dawk l-istrateġiji jenħtieġ li jiġu ppreżentati flimkien mal-programmi nazzjonali ta’ riforma annwali bħala mod kif jiġu deskritti u kkoordinati proġetti ta’ investiment ta’ prijorità li għandhom jiġu appoġġati minn finanzjament nazzjonali, finanzjament mill-Unjoni, jew it-tnejn li huma. Dawn l-istrateġiji jenħtieġ li jużaw ukoll il-finanzjament tal-Unjoni b’mod koerenti u jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut, b’mod partikolari mill-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-Programm InvestEU.
(5)Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi biex tittejjeb il-kompetittività u l-konverġenza soċjoekonomika u l-koeżjoni tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-kuntest ta' ekonomija ċirkolari, is-sostenibbiltà u l-inklużività tat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni u r-reżiljenza u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament għall-intrapriżi tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti teknikament u ekonomikament vijabbli billi jipprovdi qafas għall-użu ta’ strumenti ta’ dejn, ta’ kondiviżjoni tar-riskju u ta’ ekwità appoġġjata minn garanzija mill-baġit tal-Unjoni u minn kontribuzzjonijiet finanzjarji minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont kif rilevanti. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkun immexxi mid-domanda, filwaqt li fl-istess ħin jiffoka fuq il-forniment ta’ benefiċċji strateġiċi fit-tul fir-rigward ta’ oqsma ewlenin tal-politika tal-Unjoni li altrimenti ma jiġux iffinanzjati jew ma jkunux iffinanzjati biżżejjed, u b’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-appoġġ bil-Fond InvestEU jenħtieġ li jkopri firxa wiesgħa ta’ setturi u reġjuni, iżda jenħtieġ li jevita konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva u jenħtieġ li jiffaċilita l-aċċess ta’ proġetti magħmula minn entitajiet sħab f’diversi reġjuni madwar l-UE.
(6)Is-setturi kulturali u kreattivi huma setturi ewlenin u li qed jikbru malajr fl-Unjoni, u jiġġeneraw valur ekonomiku u kulturali mill-proprjetà intellettwali u mill-kreattività individwali. Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-kuntatti soċjali stabbiliti matul il-kriżi tal-Covid-19 kellhom impatt ekonomiku negattiv sinifikanti fuq dawn is-setturi. Barra minn hekk, in-natura intanġibbli tal-assi f’dawk is-setturi tillimita l-aċċess tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet minn dawk is-setturi għal finanzjament privat li huwa essenzjali biex wieħed ikun jista’ jinvesti, jespandi u jikkompeti f’livell internazzjonali. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jkompli jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mis-setturi kulturali u kreattivi. Is-setturi kulturali u kreattivi, awdjoviżivi u tal-midja huma essenzjali għad-diversità kulturali u d-demokrazija tagħna fl-era diġitali, u parti intrinsika tas-sovranità u l-awtonomija tagħna, u l-investimenti strateġiċi fil-kontenut u fit-teknoloġija awdjoviżivi u tal-midja se jiddeterminaw il-kapaċità fit-tul li jipproduċu u jqassmu kontenut lil udjenzi kbar bejn il-fruntieri nazzjonali.
(7)Bil-ħsieb li jitrawwem it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, l-investiment u l-impjiegi, u b’hekk jingħata kontribut għal titjib fil-benesseri, għal distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul u għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-Unjoni, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, inkluż fil-wirt kulturali. Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jissodisfaw l-istandards ambjentali u soċjali tal-Unjoni, inklużi l-istandards dwar id-drittijiet tax-xogħol. L-interventi permezz tal-Fond InvestEU jenħtieġ li jikkumplimenta l-appoġġ tal-Unjoni li jitwassal permezz ta’ għotjiet.
(8)L-Unjoni approvat l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-"Aġenda 2030"), l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha (SDGs) u l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima 24 ("Ftehim ta’ Pariġi dwar Tibdil fil-Klima") kif ukoll il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, kif ukoll dawk stabbiliti fil-politiki ambjentali tal-Unjoni, l-azzjoni favur l-iżvilupp sostenibbli għandha tiżdied b’mod sinifikanti. Għalhekk, il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jenħtieġ li jkollhom rwol prominenti fit-tfassil tal-Fond InvestEU.
(9)Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-bini ta’ sistema ta’ finanzjament sostenibbli fl-Unjoni li tappoġġa l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ kapital privat lejn investimenti sostenibbli f’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2018 “Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 dwar il-Pjan ta’ Investiment Ewropew għal Patt Ekoloġiku.
(10)Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b’konformità mal-impenji tal-Unjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Programm InvestEU se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi ewlenin u għall-kisba ta’ mira ġenerali fejn 25 % tal-infiq tal-baġit tal-UE jappoġġa għanijiet relatati mal-klima. Azzjonijiet fil-qafas tal-Programm InvestEU huma mistennija jikkontribwixxu 30 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm InvestEU għall-għanijiet tal-klima. L-azzjonijiet rilevanti se jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta’ rieżami rilevanti.
(11)Il-kontribut tal-Fond InvestEU għall-kisba tal-mira tal-klima se jiġi traċċat permezz ta' sistema tal-Unjoni tal-intraċċar tal-klima żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, u bl-użu xieraq tal-kriterji stabbiliti bir-[Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli 25 ] biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni ta’ dimensjonijiet oħra tal-SDGs.
(12)Skont ir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-2018 maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji, nofs l-aktar għaxar riskji kritiċi li jheddu l-ekonomija dinjija huma relatati mal-ambjent. Dawn ir-riskji jinkludu t-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-kanali ilma interni u tal-oċeani, l-avvenimenti klimatiċi estremi, it-telf tal-bijodiversità u l-fallimenti fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-prinċipji ambjentali huma integrati bis-sħiħ fit-Trattati u f’ħafna mill-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali jenħtieġ li tiġi promossa f’operazzjonijiet relatati mal-Fond InvestEU. Il-protezzjoni ambjentali u l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ riskji relatati jenħtieġ li jiġu integrati fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-investimenti. L-Unjoni jenħtieġ ukoll li tintraċċa n-nefqiet tagħha relatati mal-bijodiversità u t-tniġġis tal-arja sabiex tissodisfa l-obbligi tar-rappurtar skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika 26 u skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 . Investiment allokat għal għanijiet tas-sostenibbiltà ambjentali jenħtieġ għalhekk jiġi segwit permezz ta’ metodoloġiji komuni li huma konsistenti ma’ dik żviluppata fil-qafas ta’ programmi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-klima, il-bijodiversità u t-tniġġis tl-arja sabiex tkun possibbli l-valutazzjoni tal-impatt individwali u kkombinat tal-investimenti fuq komponenti ewlenin tal-kapital naturali, inklużi l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità.
(13)Il-proġetti ta’ investiment li jirċievu appoġġ sostanzjali mill-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-infrastruttura, jenħtieġ li jiġu skrinjati mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx impatt ambjentali, klimatiku jew soċjali. Jenħtieġ li l-proġetti ta’ investiment li jkollhom tali impatt ikunu soġġetti għall-verifika tas-sostenibbiltà f’konformità mal-gwida li jenħtieġ li tiġi żviluppata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni fil-qafas tal-Programm InvestEU. Din il-gwida jenħtieġ li tuża b’mod xieraq il-kriterji stabbiliti mir-[Regolament dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli] biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tkunx ambjentalment sostenibbli u konsistenti mal-gwida żviluppata għal programmi oħra tal-Unjoni. B’konsistenza mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali gwida jenħtieġ li tinkludi dispożizzjonijiet adegwati biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux dovuti, u proġetti taħt ċertu daqs li għandhom jiġu definiti fil-gwida jenħtieġ li jiġu esklużi mill-verifika tas-sostenibbiltà . Jekk s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jikkonkludi li ma għandha titwettaq l-ebda verifika tas-sostenibbiltà, jenħtieġ li jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kumitat tal-Investiment stabbilit għall-Fond InvestEU. Operazzjonijiet li ma jkunux konsistenti mal-kisba tal-għanijiet klimatiċi jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għall-appoġġ skont dan ir-Regolament.
(14)Ir-rati baxxi ta’ investiment fl-infrastruttura fl-Unjoni matul il-kriżi finanzjarja u għal darba oħra matul il-kriżi tal-Covid-19 dgħajfu l-kapaċità tal-Unjoni li tagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-kompetittività u lill-konverġenza. Dan joħloq ukoll ir-riskju li l-iżbilanċi u l-iżvilupp tar-reġjuni jiġu kkonsolidati fit-tul. L-investimenti kbar fl-infrastruttura tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-interkonnessjoni u l-effiċjenza enerġetika u l-ħolqien ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport, huma essenzjali biex jintlaħqu l-miri tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, inklużi l-impenji tal-Unjoni lejn l-SDGs, u l-miri għall-enerġija u għall-klima tal-2030. Għaldaqstant, l-appoġġ mill-Fond InvestEU jenħtieġ li jkollu fil-mira tiegħu investimenti fit-trasport, fl-enerġija, inkluż fl-effiċjenza enerġetika u fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u f’sorsi tal-enerġija oħra sikuri u sostenibbli b’emissjonijiet baxxi, fl-infrastruttura ambjentali, fl-infrastruttura marbuta mal-azzjoni klimatika, fl-infrastruttura marittima u fl-infrastruttura diġitali. Jenħtieġ li l-Programm InvestEU jagħti prijorità lil oqsma li ma jsirx biżżejjed investiment fihom, u li huwa meħtieġ li jsir investiment addizzjonali fihom. Biex jiġi mmassimizzat l-impatt u l-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi promoss proċess tal-investiment irrazzjonalizzat li jippermetti l-viżibbiltà tar-riżerva tal-proġetti u jimmassimizza s-sinerġiji bejn il-programmi rilevanti tal-Unjoni bħal fit-trasport, l-enerġija u d-diġitalizzazzjoni. B'kont meħud tat-theddid għas-sikurezza u s-sigurtà, proġetti ta' investiment li jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jinkludu miżuri għar-reżiljenza tal-infrastruttura, inklużi l-manutenzjoni u s-sikurezza tal-infrastruttura, u jenħtieġ li jqisu l-prinċipji għall-ħarsien taċ-ċittadini fi spazji pubbliċi. Dan jenħtieġ li jkun komplementari għall-isforzi magħmula minn fondi oħra tal-Unjoni li jipprovdu appoġġ għal komponenti ta’ sigurtà ta’ investimenti fl-ispazji pubbliċi, it-trasport, l-enerġija u infrastruttura kritika oħra, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
(15)Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Programm InvestEU jikkontribwixxi għall-objettivi tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 u r-Regolament dwar il-Governanza 29 , kif ukoll jippromwovi l-effiċjenza enerġetika f’deċiżjonijiet ta’ investiment.
(16)Il-multimodalità ġenwina hija opportunità biex jinħoloq netwerk tat-trasport effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li juża l-potenzjal massimu tal-mezzi kollha tat-trasport u li jiġġenera sinerġija bejniethom. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jappoġġa investimenti f'ċentri tat-trasport multimodali, li - minkejja l-argumenti favur il-vijabbiltà u l-potenzjal ekonomiku sinifikanti tagħhom - iġorru riskju sinifikanti għall-investituri privati. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp u l-użu tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS). Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jgħin biex tingħata spinta lill-isforzi favur it-tfassil u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji li jgħinu biex titjieb is-sikurezza tal-vetturi u tal-infrastruttura tat-toroq.
(17)Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-politiki tal-Unjoni dwar l-ibħra u l-oċeani, permezz tal-iżvilupp ta' proġetti u intrapriżi fil-qasam tal-ekonomija blu, u l-Prinċipji ta' Finanzi tal-Ekonomija Blu Sostenibbli. Dan jista' jinkludi interventi fil-qasam tal-intraprenditorija u l-industrija marittima, industrija marittima innovattiva u kompetittiva, kif ukoll enerġija marittima rinnovabbli u ekonomija ċirkolari.
(18)Għalkemm il-livell ta’ investiment globali fl-Unjoni kien qed jiżdied qabel il-kriżi Covid-19, l-investiment f’attivitajiet ta’ riskju ogħla bħar-riċerka u l-innovazzjoni kien għadu inadegwat u issa huwa mistenni li se jkun sofra b’mod sinifikanti minħabba l-kriżi. In-nuqqas ta’ investiment li rriżulta fir-riċerka u fl-innovazzjoni qiegħed iġib ħsara fuq il-kompetittività industrijali u ekonomika tal-Unjoni u fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jipprovdi l-prodotti finanzjarji xierqa biex ikopru l-istadji differenti fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni u l-firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari biex jippermetti t-tkabbir u l-użu ta' soluzzjonijiet fuq skala kummerċjali fl-Unjoni sabiex dawn is-soluzzjonijiet ikunu kompetittivi fis-swieq dinjija u jippromwovi l-eċċellenza tal-Unjoni fit-teknoloġiji sostenibbli fil-livell globali, f'sinerġija ma' Orizzont Ewropa, inkluż il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. F'dan ir-rigward, l-esperjenza li nkisbet mill-istrumenti finanzjarji bħalma huma InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi, imniedi taħt Orizzont 2020 sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-aċċess għal finanzjament għal negozji innovattivi, jenħtieġ li sservi bħala bażi b'saħħitha biex jingħata dan l-appoġġ immirat.
(19)It-turiżmu huwa qasam importanti għall-ekonomija tal-Unjoni u għas-settur, li esperjenza kontrazzjoni partikolarment gravi bħala riżultat tal-pandemija tas-COVID-19. Il-Programm InvestEU jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-kompetittività fit-tul tiegħu billi jappoġġa operazzjonijiet li jippromwovu t-turiżmu sostenibbli, innovattiv u diġitali.
(20)Jenħtieġ sforz sinifikanti biex isir investiment fit-trasformazzjoni diġitali, u tissaħħaħ, u biex jitqassmu l-benefiċċji tagħha maċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-Unjoni. Il-qafas b'saħħtu ta' politika tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali llum jenħtieġ li jkun ibbilanċjat b'investiment ta' ambizzjoni komparabbli, inkluż fl-intelliġenza artifiċjali f'konformità mal-programm Ewropa Diġitali.
(21)L-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 99 % tan-negozji fl-Unjoni u l-valur ekonomiku tagħhom huwa sinifikanti u kruċjali . Madankollu, huma jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzi minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom u minħabba li ma jkollhomx biżżejjed kapital ta' garanzija. Sfidi addizzjonali jirriżultaw mill-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività tal-SMEs u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali permezz tad-diġitalizzazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni, it-trasformazzjoni f'loġika tal-ekonomija ċirkolari u l-attivitajiet ta' innovazzjoni u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom aċċess għal sett aktar limitat ta’ sorsi ta’ finanzjament minn intrapriżi akbar, minħabba li tipikament ma joħorġux bonds, u għandhom biss aċċess limitat għal boroż u investituri istituzzjonali kbar. Soluzzjonijiet innovattivi bħall-akkwist ta' negozju jew sehem ta’ sjieda f'negozju mill-impjegati huma wkoll dejjem aktar komuni għall-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Id-diffikulta għall-aċċess għall-finanzjament hija saħansitra akbar għal dawk l-SMEs li l-attivitajiet tagħhom jiffokaw fuq assi intanġibbli. L-SMEs fl-Unjoni jiddependu ħafna mill-banek u mill-finanzjament b'dejn fil-forma ta' self kurrenti (overdrafts) bankarji, self bankarju jew kiri. Li l-SMEs li jiffaċċjaw l-isfidi msemmija hawn fuq billi jsir aktar faċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament u jiġu appoġġati u pprovduti b'sorsi ta' finanzjament aktar diversifikati huwa meħtieġ biex tiżdied il-kapaċità tal-SMEs biex jiffinanzjaw il-ħolqien, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, tiġi żgurata l-kompetittività tagħhom u biex ikunu jifilħu għal xokkijiet ekonomiċi biex l-ekonomija u s-sistema finanzjarja jsiru aktar reżiljenti matul perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija u tinżamm il-kapaċità tal-SMEs li joħolqu l-impjiegi u l-benesseri soċjali. Dan ir-Regolament hu komplementari wkoll għall-inizjattivi li diġà ttieħdu fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Fond InvestEU għalhekk jenħtieġ li jibni fuq dawk il-programmi ta' suċċess tal-Unjoni bħall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u jipprovdi l-kapital operatorju u l-investiment tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' kumpanija, il-finanzjament għal tranżazzjonijiet ta' kiri u jenħtieġ li jipprovdi opportunità biex tinxteħet attenzjoni fuq prodotti finanzjarji speċifiċi u aktar immirati. Jenħtieġ ukoll jimmassimizza s-setgħa ta’ vetturi pubbliċi / privati, bħall-Fond IPO (Initial Public Offing) SME, li jfittex li jappoġġa lill-SMEs billi jidderieġi kemm aktar ekwità privata kif ukoll pubblika b’mod partikolari f’kumpaniji strateġiċi.
(22)Kif stabbilit fid-dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa tas-26 ta’ April 2017 u l-Komunikazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-qafas tal-Unjoni għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Komunikazzjoni “Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” tal-14 ta’ Jannar 2020, il-bini ta' Unjoni iktar inklużiva u aktar ġusta huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni biex tindirizza l-inugwaljanza u trawwem politiki ta' inklużjoni soċjali fl-Ewropa. L-inugwaljanza tal-opportunitajiet taffettwa b'mod partikolari l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-impjiegi, is-saħħa u s-servizzi soċjali. L-investiment fl-ekonomija soċjali, tal-ħiliet u tal-kapital uman relatat kif ukoll fl-integrazzjoni ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli fis-soċjetà jista’ jtejjeb l-opportunitajiet ekonomiċi, speċjalment jekk ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jintuża biex jappoġġa l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, fost l-oħrajn fir-reġjuni li jiddependu fuq ekonomija b’użu intensiv tal-karbonju u li huma affettwati mit-tranżizzjoni strutturali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Jenħtieġ li jintuża biex jappoġġa proġetti li jiġġeneraw impatt pożittiv soċjali u jtejbu l-inklużjoni soċjali billi jgħinu jżidu l-impjiegi fir-reġjuni kollha, b'mod partikolari fost dawk bla sengħa u bla xogħol fit-tul, u fit-titjib tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, is-solidarjetà interġenerazzjonali, is-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali, in-nies mingħajr dar, l-inklużività diġitali, l-iżvilupp komunitarju, ir-rwol u l-post taż-żgħażagħ fis-soċjetà kif ukoll dak ta' persuni vulnerabbli, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jappoġġja wkoll il-kultura u l-kreattività Ewropea li għandha għan soċjali.
(23)Biex jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tat-trasformazzjonijiet profondi tas-soċjetajiet fl-Unjoni u s-suq tax-xogħol matul id-deċennju li ġej, huwa meħtieġ li jsir investiment fil-kapital uman, fl-infrastruttura soċjali, fil-mikrofinanzi, il-finanzjament tal-intrapriżi etiċi u soċjali u mudelli tan-negozju ġodda tal-ekonomija soċjali, inkluż l-investiment tal-impatt soċjali u l-ikkuntrattar tal-eżiti soċjali. Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jsaħħaħ l-ekosistema tal-ekonomija soċjali tas-suq naxxenti, biex iżid il-provvista tal-finanzi u l-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi u intrapriżi soċjali u għal istituzzjonijiet ta' solidarjetà soċjali, sabiex tiġi ssodisfata d-domanda ta' dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa ta’ Jannar 2018 bit-titlu “It-Titjib tal-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa” identifika diskrepanza totali fl-investiment ta' mill-inqas EUR 1,5 triljun għall-perjodu bejn l-2018 u l-2030 fl-infrastruttura soċjali u fis-servizzi, inkluż f'dawk relatati mal-edukazzjoni, mat-taħriġ, mas-saħħa u mal-akkomodazzjoni. Dan jitlob appoġġ, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-isfruttar tal-poter kollettiv tal-kapital pubbliku, kummerċjali u filantropiku, kif ukoll l-appoġġ minn fondazzjonijiet u minn tipi alternattivi ta' provvedituri tal-finanzi bħal atturi etiċi, soċjali u sostenibbli, jenħtieġ li jiġi utilizzat biex jappoġġa l-iżvilupp tal-katina tal-valur tas-suq soċjali u Unjoni aktar reżiljenti.
(24)Fil-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-Covid-19, l-allokazzjoni tas-suq tar-riżorsi mhijiex kompletament effiċjenti u r-riskju perċepit ifixkel il-fluss tal-investiment privat b’mod sinifikanti. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-karatteristika ewlenija tal-Fond InvestEU ta’ tneħħija tar-riskji minn proġetti ekonomikament vijabbli biex jiġi attirat il-finanzjament privat hija partikolarment ta’ valur u jenħtieġ li tiġi msaħħa, fost l-oħrajn sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta’ rkupru asimmetriku. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta’ rkupru u fl-istess ħin jiżgura fokus qawwi tal-investituri fuq il-prijoritajiet ta’ politika fuq terminu medju u twil tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli, l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa u l-Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjoni Ġusta. Jenħtieġ li jżid b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ teħid ta’ riskju tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku.
(25)Il-pandemija Covid-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomija dinjija u tal-Unjoni. It-tnaqqis fil-PDG tal-UE huwa mistenni li jkun ferm aktar profond minn matul il-kriżi finanzjarja fl-2009 u l-effetti soċjali negattivi se jkunu inevitabbli. It-tifqigħa tal-pandemija wriet il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet strateġiċi sabiex jitjieb ir-rispons ta’ emerġenza tal-Unjoni kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija kollha. Ekonomija Ewropea reżiljenti, inklużiva u integrata biss tista’ tippreserva s-Suq Uniku u l-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni għall-benefiċċju wkoll tal-Istati Membri l-aktar milquta.
(26)Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jopera taħt ħames sezzjonijiet ta' politika, li jirriflettu l-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni, jiġifieri: l-infrastruttura sostenibbli; ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; l-SMEs; l-investiment soċjali u l-ħiliet; u l-investiment Ewropew strateġiku.
(27)Filwaqt li s-sezzjoni tal-politika tal-SME jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq il-benefiċċju tal-SMEs, il-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll fl-ambitu ta' din is-sezzjoni ta’ poltika. Il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-appoġġ taħt l-erba’ sezzjonijiet l-oħra ta’ politika.
(28)Il-fokus primarju tas-sezzjoni ta’ investiment Ewropew strateġiku jenħtieġ li jkun fuq appoġġ għal dawk ir-riċevituri finali stabbiliti fi Stat Membru u li joperaw fl-Unjoni li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u ta’ reżiljenza msaħħa f’oqsma ta’ (i) forniment tal-kura tas-saħħa kritika, il-manifattura u l-ħżin ta’ farmaċewtiċi, tagħmir mediku u provvisti mediċi, it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet tas-saħħa u tas-sistema tal-protezzjoni ċivili, (ii) infrastruttura kritika, kemm fiżika kif ukoll virtwali; (iii) l-għoti ta’ oġġetti u servizzi li huma strumentali għat-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tali infrastruttura, (iv) teknoloġiji abilitanti essenzjali, trasformattivi, ekoloġiċi u diġitali u innovazzjonijiet li jbiddlu l-qagħda attwali fejn l-investiment huwa importanti b’mod strateġiku għall-futur industrijali tal-Unjoni, inklużi l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, is-software, ir-robotika, is-semikondutturi, il-mikroproċessuri, it-teknoloġiji tal-cloud computing, it-teknoloġiji ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tal-kwantum, il-fotonika, il-bijoteknoloġija industrijali, it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija inklużi l-batteriji, it-teknoloġiji tat-trasport sostenibbli, l-applikazzjonijiet tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil, il-bijomediċina, in-nanoteknoloġiji, il-farmaċewtiċi u l-materjali avvanzati; (v) faċilitajiet ta’ manifattura għall-produzzjoni tal-massa ta’ komponenti u apparati tal-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni fl-UE; (vi) il-provvista u l-ħażna ta’ inputs kritiċi għall-atturi pubbliċi, in-negozji jew il-konsumaturi fl-Unjoni; (vii) it-teknoloġiji u l-inputs kritiċi għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, bħas-setturi tad-difiża u tal-ispazju u ċ-ċibersigurtà, u oġġetti b’użu doppju kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009. Ir-riċevituri finali jenħtieġ li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u jenħtieġ li jkunu attivi fl-Unjoni fis-sens li għandhom attivitajiet sostanzjali f’termini ta’ persunal, manifattura, riċerka u żvilupp jew attivitajiet kummerċjali oħra fl-Unjoni. Proġetti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista strateġiċi fis-Suq Uniku permezz ta’ operazzjonijiet f’diversi postijiet madwar l-UE jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw.
(29)Is-sezzjoni ta’ investiment Ewropew strateġika jenħtieġ li timmira wkoll fornituri stabbiliti u li joperaw fl-Unjoni li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni u li jkunu jeħtieġu investiment fit-tul jew ikunu koperti mill-mekkaniżmu tal-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani. Barra minn hekk, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni jenħtieġ li b’mod partikolari jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sezzjoni ta’ investiment Ewropew strateġika.
(30)L-InvestEU jenħtieġ li jipprovdi wkoll appoġġ għall-finanzjament biex jiġi ġġenerat investiment għall-benefiċċju ta’ reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta.
(31)Kull sezzjoni ta’ politika jenħtieġ li tkun magħmula minn żewġ kompartimenti, jiġifieri kompartiment tal-UE u kompartiment tal-Istati Membri. Il-kompartiment tal-UE jenħtieġ li jindirizza fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali madwar l-Unjoni kollha jew speċifiċi għall-Istati Membri b'mod proporzjonat; Operazzjonijiet appoġġati jenħtieġ li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Il-kompartiment tal-Istati Membri jenħtieġ li jagħti lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali permezz tal-Istati Membri l-possibilità li jikkontribwixxu sehem mir-riżorsi tagħhom tal-fondi b'ġestjoni kondiviża għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE sabiex il-garanzija tal-UE tintuża għal finanzjamenti jew għal operazzjonijiet ta’ investiment li jindirizzaw fallimenti speċifiċi tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali fit-territorji tagħhom stess, inkluż f’żoni vulnerabbli u remoti bħall-aktar reġjuni mbiegħda tal-Unjoni, li jitnizzel fil-ftehim dwar il-kontribuzzjoni, sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-fondi b’ġestjoni kondiviża. Operazzjonijiet appoġġati mill-Fond InvestEU permezz tal-kompartiment tal-UE jew dak tal-Istat Membru jenħtieġ li ma jiddupplikawx u ma jeskludux il-finanzjament privat u ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-suq intern.
(32)Il-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li jkun imfassal speċifikament sabiex jippermetti l-użu ta’ fondi b’ġestjoni kondiviża għall-proviżjonament ta’ garanzija maħruġa mill-Unjoni. Din il-possibbiltà tkun iżżid il-valur miżjud tal-garanzija tal-UE billi tipprovdi l-appoġġ taħtha għal firxa usa' ta' destinatarji u proġetti finali u tiddiversifika l-mezzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-fondi b'ġestjoni kondiviża, filwaqt li tiżgura ġestjoni konsistenti tar-riskju tar-responsabbiltajiet kontinġenti billi timplimenta l-garanzija tal-UE mogħtija b'ġestjoni indiretta. Jenħtieġ li l-Unjoni tiggarantixxi l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment previsti fil-ftehimiet ta’ garanzija konklużi bejn il-Kummissjoni u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-kompartiment tal-Istat Membru. Il-fondi b’ġestjoni kondiviża jenħtieġ li jipprovdu l-proviżjonament għall-garanzija, skont rata ta’ proviżjonament determinata mill-Kummissjoni u stabbilita fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni konkluż mal-Istat Membru, fuq il-bażi tan-natura tal-operazzjonijiet u tat-telf mistenni li jirriżulta. L-Istat Membru jassumi telf ogħla mit-telf mistenni billi joħroġ garanzija back-to-back favur l-Unjoni. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu konklużi fi ftehim ta’ kontribuzzjoni waħdieni ma’ kull Stat Membru li jagħżel din l-għażla b’mod volontarju. Il-Ftehim ta’ kontribuzzjoni jenħtieġ li jinkludi wieħed jew aktar ftehimiet ta’ garanzija speċifiċi li għandhom jiġu implimentati fl-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi tar-regoli tal-Fond InvestEU, u kwalunkwe delimitazzjoni reġjonali. L-iffissar tar-rata ta' proviżjonament fuq bażi ta' każ b'każ jirrikjedi deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 (ir-Regolament Finanzjarju). Dan id-disinn jipprovdi wkoll sett uniku ta' regoli għal garanziji baġitarji appoġġati minn fondi ġestiti b'mod ċentrali jew minn fondi b'ġestjoni kondiviża, u dan għandu jiffaċilita l-kombinazzjoni tagħhom.
(33)Jenħtieġ li sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI tiġi stabbilita billi wieħed jibbaża fuq il-punti b'saħħithom relattivi ta' kull sieħeb sabiex jiġu żgurati l-impatt massimu fuq il-politika, l-effiċjenza fl-użu u s-sorveljanza baġitarja u tal-ġestjoni tar-riskju xierqa li jenħtieġ li tappoġġa aċċess dirett effettiv u inklużiv għall-garanzija tal-UE.
(34)Sabiex tkun tista’ tgħaddi l-appoġġ lill-ekonomija Ewropea permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa f’wieħed jew aktar żidiet possibbli fil-kapital tal-FEI sabiex tkun tista’ tkompli tappoġġa l-ekonomija Ewropea u l-irkupru tagħha. L-Unjoni jenħtieġ li tkun kapaċi żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li jiġi previst pakkett finanzjarju suffiċjenti għal dan il-għan fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.
(35)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex il-fehmiet ta' sħab potenzjali oħra inkarigati mill-implimentazzjoni flimkien mal-Grupp tal-BEI dwar linji gwida għall-investiment, is-sistema tal-monitoraġġ tal-klima u dokumenti ta' gwida dwar is-sostenibbiltà u metodoloġiji komuni, kif xieraq, bl-għan li tiżgura l-inklużività u l-operattività, sa ma jiġu stabbiliti l-korpi ta' governanza, fejn imbagħad l-involviment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jenħtieġ li jsir fil-qafas tal-Bord Konsultattiv u tal-Bord ta' Tmexxija tal-Programm InvestUE.
(36)Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jkun miftuħ għal kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li huma membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għal pajjiżi aderenti, għal kandidati u kandidati potenzjali, għal pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u għal pajjiżi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bejn Unjoni u dawk il-pajjiżi. Dan mistenni li jippermetti li titkompla l-kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti, jekk ikun xieraq, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-SMEs.
(37)Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-miżuri tal-Programm Invest UE li ma jaqgħux fil-proviżjonament tal-garanzija tal-UE, li għandha tikkostitwixxi fl-ammont ta’ referenza primarju, fis-sens tal-[ir-referenza għandha tiġi aġġornata kif xieraq f’konformità mal-ftehim interistituzzjonali l-ġdid: il-punt 16 tal-Proposta għall-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 31 kif adottata minn dawn l-Istituzzjonijiet], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(38)Il-garanzija tal-UE ta' EUR 75 153 850 000 (fi prezzijiet attwali) fil-livell tal-Unjoni hija mistennija li timmobilizza aktar minn EUR 1 000 000 000 000 f'investiment addizzjonali madwar l-Unjoni u jenħtieġ li tiġi indikattivament allokata bejn is-sezzjonijiet ta' politika. Madankollu, is-sezzjoni ta’ investiment Ewropew strateġiku jenħtieġ li jkollha parti ddedikata mill-garanzija tal-UE.
(39)Fit-18 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ddikjarat li mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, kemm jekk minn Stat Membru kif ukoll jekk minn banek promozzjonali nazzjonali klassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 32 u tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 33 . Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-PST, il-Kummissjoni iddikjarat li se tikkunsidra sa liema punt l-istess trattament bħall-FEIS, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà, jista' jiġi applikat għall-Programm InvestEU bħala l-istrument suċċessur għall-FEIS fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri fi flus biex jiġi ffinanzjat ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru.
(40)Il-garanzija tal-UE li ssejjes il-Fond InvestEU jenħtieġ li tiġi implimentata indirettament mill-Kummissjoni fejn din tistrieħ fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkollhom aċċess għall-intermedjarji finanzjarji, fejn applikabbli, u għad-destinatarji finali. L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jenħtieġ li tkun trasparenti u ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonkludi ftehim ta’ garanzija li jalloka kapaċità ta’ garanzija mill-Fond InvestEU ma’ kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jappoġġa l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tiegħu li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Fond InvestEU u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. Il-ġestjoni tar-riskju relatat mal-garanzija tal-UE jenħtieġ li ma tfixkilx l-aċċess dirett għall-garanzija tal-UE mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Ladarba tingħata l-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, dawn jenħtieġ li jkunu kompletament responsabbli għall-proċess ta' investiment kollu u għad-diliġenza dovuta relatata mal-operazzjonijiet ta' finanzjament jew investiment. Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jappoġġa proġetti li tipikament ikollhom profil ta' riskju ogħla mill-proġetti appoġġati minn operazzjonijiet normali tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u li ma setgħux jitwettqu matul il-perjodu li fih tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew li ma setgħux jitwettqu fl-istess livell, minn sorsi pubbliċi jew privati oħra mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU. Madankollu, kundizzjonijiet speċifiċi jistgħu japplikaw għall-kriterju tal-addizzjonalità b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt is-sezzjoni strateġika ta’ investiment Ewropew li tirriżulta mill-objettiv tiegħu.
(41)Il-Fond InvestEU jenħtieġ li jingħata struttura ta' governanza li l-funzjoni tagħha jenħtieġ li tkun konformi mal-iskop uniku tagħha li tiżgura l-użu xieraq tal-garanzija tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza politika tad-deċiżjonijiet ta' investiment. Din l-istruttura ta' governanza jenħtieġ li tkun magħmula minn Bord Konsultattiv, minn Bord ta' Tmexxija u minn Kumitat tal-Investiment kompletament indipendenti. Il-kompożizzjoni ġenerali tal-istruttura ta' governanza jenħtieġ li tistinka biex tikseb bilanċ bejn is-sessi. L-istruttura ta' governanza jenħtieġ li ma taffettwax jew ma tinterferixxix fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Grupp tal-BEI jew ta' sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, u jenħtieġ li ma tkunx sostitut għall-korpi governattivi rispettivi tagħhom.
(42)Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Konsultattiv li jikkonsisti f'rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u rappreżentanti tal-Istati Membri, espert wieħed maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u espert maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiskambja informazzjoni u opinjonijiet dwar l-adozzjoni tal-prodotti finanzjarji użati taħt il-Fond InvestEU u biex jiddiskuti dwar il-ħtiġijiet li qed jevolvu u prodotti ġodda, inklużi lakuni fis-suq speċifiċi territorjali.
(43)Sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi l-Bord Konsultattiv mill-bidu, il-Kummissjoni jenħtieġ li taħtar ir-rappreżentanti tas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni għal perjodu temporanju ta’ sena, minn hemm ’il quddiem is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jkunu ffirmaw ftehimiet ta’ garanzija jieħdu f’idejhom din ir-responsabbiltà.
(44)Jenħtieġ li Bord ta' Tmexxija magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, rappreżentanti minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u minn espert wieħed li ma jivvutax, u li jkun maħtur mill-Parlament Ewropew, jiddetermina l-gwida strateġika u operattiva għall-Fond InvestEU.
(45)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-kompatibilità tal-operazzjonijiet ta’ investiment u ta’ finanzjament proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mal-liġi u mal-politiki kollha tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar jittieħdu minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni.
(46)Kumitat tal-Investiment magħmul minn esperti indipendenti jenħtieġ li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-appoġġ mill-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà, u b’hekk jipprovdi kompeteza esterna f’valutazzjonijiet ta’ investiment konnessi ma’ proġetti. Il-kumitat tal-investiment jenħtieġ li jkollu konfigurazzjonijiet differenti biex ikopri bl-aħjar mod oqsma u setturi ta’ politika differenti.
(47)Il-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jsir responsabbli mill-kostituzzjoni tiegħu anki għall-għoti tal-benefiċċju tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 biex jiġu evitati strutturi simili li jivvalutaw il-proposti għall-użu tal-garanzija tal-UE.
(48)Segretarjat indipendenti ospitat mill-Kummissjoni u li jagħti rendikont lill-President tal-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jassisti lill-kumitat tal-investiment.
(49)Fl-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għall-iskjerament tal-Fond InvestEU, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-abilità tal-kontroparti li tissodisfa l-objettivi tal-Fond InvestEU u tikkontribwixxi r-riżorsi proprji tagħha, biex tiżgura kopertura u diversifikazzjoni ġeografika adegwata, tħeġġeġ investituri privati u tipprovdi diversifikazzjoni suffiċjenti tar-riskji u soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Minħabba r-rwol tiegħu skont it-Trattati, il-kapaċità tiegħu li jopera fl-Istati Membri kollha u l-esperjenza eżistenti taħt l-istrumenti finanzjarji attwali u l-FEIS, il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jibqa' sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni privileġġjat taħt il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU. Minbarra l-Grupp tal-BEI, il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu joffru firxa ta’ prodotti finanzjarji kumplimentari, billi l-esperjenza u l-kapaċitajiet tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-massimizzazzjoni tal-impatt tal-fondi pubbliċi fit-territorju kollu tal-Unjoni, u biex ikun żgurat bilanċ ġeografiku ġust tal-proġetti. Il-programm InvestEU jenħtieġ li jiġi implimentat b’tali mod li jippromwovi kundizzjonijiet ekwi għal banek u istituzzjonijiet promozzjonali iżgħar fid-daqs u fiż-żmien. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra jsiru sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, b’mod partikolari meta jippreżentaw vantaġġ komparattiv f’termini ta’ kompetenza u ta’ esperjenza speċifika f’ċerti Stati Membri u meta jippreżentaw maġġoranza azzjonarja tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għal entitajiet oħra li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju sabiex isiru sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
(50)Bil-ħsieb li tiġi promossa diversifikazzjoni ġeografika mtejba, jistgħu jiġu stabbiliti pjattaformi ta’ investiment biex jgħaqqdu l-isforzi u l-għarfien espert tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ma’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali oħra li għandhom esperjenza limitata fl-użu ta’ strumenti finanzjarji. Tali strutturi jenħtieġ li jiġu mħeġġa, anki bl-appoġġ disponibbli miċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU. Huwa xieraq li l-koinvestituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-esperti, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-sħab soċjali relevanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u atturi relevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, jingħaqdu fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali biex jippromwovu l-użu ta’ pjattaforma ta' investiment f'setturi rilevanti.
(51)Il-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru jenħtieġ li tiġi allokata lil kwalunkwe sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni eliġibbli f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew reġjonali, il-BEI, il-Fond Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn. Meta tagħżel sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-kompartiment tal-Istat Membru, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-proposti magħmula minn kull Stat Membru, kif rifless fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni. F’konformità mal-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni sabiex tiżgura li dan ikun qed jipprovdi livell ta’ protezzjoni għall-interess finanzjarju tal-Unjoni li jkun ekwivalenti għal dak provdut mill-Kummissjoni.
(52)L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jiġu deċiżi mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, u għandhom jiġu implimentati skont ir-regoli, il-politiki u l-proċeduri interni tiegħu u kontabilizzati fir-rapporti finanzjarji tiegħu stess jew, fejn xieraq, żvelati fin-noti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi esklużivament għal kwalunkwe obbligazzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-garanzija tal-UE u jenħtieġ li tiżvela l-ammont massimu ta’ garanzija, inkluża l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-garanzija provduta.
(53)Fejn xieraq, il-Fond InvestEU jenħtieġ li jippermetti taħlita bla xkiel, uniformi u effiċjenti ta' għotjiet u/jew strumenti finanzjarji, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn fondi oħra, bħall-Fond ta' Innovazzjoni tas-sistema tan-negozjar tal-emissjonijiet tal-UE (ETS) bil-garanzija tal-UE f'sitwazzjonijiet fejn dan ikun neċessarju biex jiġu sostnuti l-aħjar l-investimenti li jistgħu jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali.
(54)Proġetti ppreżentati minn sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal appoġġ fil-qafas tal-Programm InvestEU li jinkludu appoġġ għat-taħlit permezz tal-Fond InvestEU b’appoġġ minn programmi oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li b’mod ġenerali jkunu konsistenti mal-objettivi u l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-programmi l-oħra rilevanti tal-Unjoni. L-użu tal-garanzija tal-UE jenħtieġ li jkun deċiż skont il-Programm InvestEU.
(55)Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp ta’ sensiela robusta ta’ proġetti ta’ investiment f’kull sezzjoni ta’ politika permezz ta’ inizjattivi konsultattivi li jiġu implimentati mill-Grupp tal-BEI jew minn sħab konsultattivi oħra, jew li jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU jenħtieġ li jippromwovi diversifikazzjoni ġeografika bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi ekonomiċi, soċjali, u ta’ koeżjoni territorjali u għat-tnaqqis tad-differenzi reġjonali tal-Unjoni. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari għall-aggregazzjoni tal-proġetti żgħar f’portafolli akbar. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u is-sħab konsultattivi l-oħra jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-appoġġ tal-kopertura ġeografika effettiva madwar l-Unjoni, waqt li jikkunsidraw il-kompetenza u l-kapaċità lokali tas-sħab lokali inkarigati mill-implimentazzjoni, kif ukoll iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti stabbilit taħt ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 . Barra minn hekk, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jipprovdi punt tad-dħul ċentrali għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti mogħtija taħt iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU lill-awtoritajiet pubbliċi u għall-promoturi tal-proġetti.
(56)Jenħtieġ li ċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jiġi stabbilit mill-Kummissjoni mal-Grupp tal-BEI bħala s-sieħeb ewlieni, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun responsabbli għat-tmexxija politika taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU u għall-ġestjoni tal-punt tad-dħul ċentrali. Il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jimplimenta inizjattivi konsultattivi skont it-twieqi ta' politika. Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI jenħtieġ li jipprovdi servizzi operazzjonali lill-Kummissjoni, anki billi jipprovdi kontribut għal-linji gwida strateġiċi u ta’ politika dwar inizjattivi ta’ konsulenza, l-immappjar ta’ inizjattivi konsultattivi eżistenti u emerġenti, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ konsulenza u l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni dwar modi ottimali biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet permezz ta’ inizjattivi konsultattivi eżistenti jew ġodda.
(57)Sabiex tiġi żgurata firxa ġeografika wiesgħa tas-servizzi ta' konsulenza madwar l-Unjoni u biex jiġi sfruttat b'suċċess l-għarfien lokali dwar il-Fond InvestEU, jenħtieġ li tiġi żgurata preżenza lokali tal-Konsulenza tal-InvestEU, fejn tkun meħtieġa, filwaqt li jitqiesu l-iskemi ta' appoġġ eżistenti u l-preżenza tas-sħab lokali, bl-għan li tiġi pprovduta assistenza tanġibbli, proattiva u mfassla apposta fil-post. Sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ appoġġ konsultattiv fil-livell lokali u biex jiġu żgurati l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ madwar l-Unjoni, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jikkoopera ma’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, u jenħtieġ li jibbenefika u jagħmel użu mill-għarfien espert tagħhom.
(58)Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU jenħtieġ li jipprovdi appoġġ konsultattiv għal proġetti żgħar u proġetti għal negozji ġodda, speċjalment meta n-negozji l-ġodda jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta’ innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titoli ta’ proprjetà intellettwali, bħal privattivi, filwaqt li titqies l-eżistenza ta’ servizzi oħra li jistgħu jkopru tali azzjonijiet u li jfittxu sinerġiji ma’ dawn is-servizzi.
(59)Fil-kuntest tal-Fond InvestEU, hemm il-ħtieġa li jinbena appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti u bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzazzjonali u l-attivitajiet ta’ żvilupp tas-suq meħtieġa biex jiġu oriġinati proġetti ta’ kwalità. Tali appoġġ jenħtieġ li jkun immirat ukoll lejn l-intermedjarji finanzjarji li huma essenzjali biex jgħinu lil kumpaniji żgħar jaċċessaw finanzjament u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Minbarra dan, l-għan tal-appoġġ konsultattiv huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-espansjoni tal-għadd potenzjali ta’ riċevituri eliġibbli f’segmenti kummerċjali emerġenti, b’mod partikolari meta d-daqs żgħir ta’ proġetti individwali jgħolli b’mod konsiderevoli l-kost tat-tranżazzjoni fil-livell tal-proġett, bħall-każ tal-ekosistema tal-finanzi soċjali. L-appoġġ għall-bini tal-kapaċità jenħtieġ li jkun kumplimentari għall-azzjonijiet imwettqa skont programmi oħra tal-Unjoni li jkopru qasam ta’ politika speċifiku, u addizzjonali magħhom. Jenħtieġ li jsir sforz ukoll biex ikun appoġġat l-bini tal-kapaċità ta’ promoturi ta’ proġetti potenzjali, b’mod partikolari organizzazzjonijiet u awtoritajiet lokali.
(60)Il-portal InvestEU jenħtieġ li jkun stabbilit sabiex jipprovdi għal bażi ta’ data tal-proġetti aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent biex jippromwovi l-viżibbiltà ta’ proġetti ta’ investiment li jkunu qed ifittxu finanzjament b’enfasi akbar fuq il-forniment ta’ riżerva possibbli ta’ proġetti ta’ investiment, kompatibbli mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
(61)Skont ir-Regolament [Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru] u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, jenħtieġ li jitwettqu miżuri ta’ rkupru u reżiljenza taħt InvestEU sabiex jiġi indirizzat l-impatt mingħajr preċedent tal-kriżi tal-COVID-19. Tali riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw b’tali mod li tkun żgurata l-konformità mal-limiti ta’ żmien stipulati fir-Regolament [EURI].
(62) Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 35 , hemm ħtieġa għal evalwazzjoni tal-Programm InvestEU fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm InvestEU fil-prattika.
(63)Jenħtieġ li jiġi implimentat qafas sod ta’ monitoraġġ li jkun ibbażat fuq il-produzzjoni, l-eżiti u l-indikaturi tal-impatt biex jissorvelja l-progress lejn l-għanijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena għand il-Parlament Ewropew u il-Kunsill dwar il-progress, l-impatt u l-operazzjonijiet tal-Programm InvestEU.
(64)Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-għotjiet, l-akkwist, il-premju, l-implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabilità tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, billi r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE.
(65)Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Programm InvestEU. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fosthom ir-regoli dwar il-garanziji baġitarji.
(66)Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 , ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 37 , ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 38 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 39 , l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jeħtieġu jkunu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fil-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“UPPE”) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 . Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lil OLAF, lill-UPPE, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni mtejba skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(67)Pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE, li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta’ deċiżjoni skont dan il-ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta’ strumenti legali oħra. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika biex jingħataw id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa, lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lil-OLAF u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.
(68)Skont l-Artikolu 83 tal- [Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u Territorji ekstra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra. (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”)] 41 , persuni u entitajiet stabbiliti fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (PTEE) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm InvestEU u arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew territorju ekstra-Ewropew rilevanti huwa marbut.
(69)Sabiex l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament jiġu ssupplimentati b’linji gwida dwar l-investiment u tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi, sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament fil-pront u flessibbli tal-indikaturi tal-prestazzjoni u sabiex tiġi aġġustata r-rata ta’ proviżjonament, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tfassil tal-linji gwida dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt sezzjonijiet ta’ politika differenti, it-tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi, l-emenda tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament biex jiġu rieżaminati jew ikkumplimentati l-indikaturi u l-aġġustament tar-rata ta’ proviżjonament. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tali linji gwida dwar l-investiment jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(70)Il-Programm InvestEU jenħtieġ li jindirizza l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali madwar l-Unjoni u dawk speċifiċi għall-Istati Membri u jenħtieġ li jipprovdi għall-ittestjar tas-suq madwar l-Unjoni ta’ prodotti finanzjarji innovattivi u sistemi għat-tixrid tagħhom, biex ikunu indirizzati fallimenti tas-suq ġodda jew kumplessi. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija ġustifikata,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond InvestEU, li għandu jipprovdi garanzija tal-UE biex tappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment imwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jikkontribwixxu għal objettivi ta’ politiki interni tal-Unjoni.
2.Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta’ appoġġ konsultattiv biex jipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta’ proġetti investibbli u l-aċċess għall-finanzjament u biex jipprovdi assistenza għall-bini ta’ kapaċità relatat (“iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU”). Huwa jistabbilixxi wkoll bażi ta’ data li tagħti viżibbiltà lill-proġetti li l-promoturi tal-proġetti jkunu qed ifittxu finanzjament għalihom u li tipprovdi lill-investituri b’informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ investiment (il-“Portal tal-InvestEU”).
3.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm InvestEU, il-baġit tiegħu u l-ammont ta’ garanziji tal-UE għall-perjodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“il-Programm InvestEU” tfisser il-Fond InvestEU, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU, u l-operazzjonijiet ta’ taħlit, b’mod kollettiv;
(2)“garanzija tal-UE” tfisser garanzija baġitarja ġenerali irrevokabbli, mhux kondizzjonali u mat-talba pprovduta mill-baġit tal-Unjoni li taħtu l-garanziji baġitarji skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament Finanzjarju isiru effettivi permezz tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehimiet individwali ta’ garanzija ma’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni;
(3)“sezzjoni ta’ politika” tfisser żona mmirata għal appoġġ mill-garanzija tal-UE kif stabbilit fl-Artikolu 7(1);
(4)“kompartiment” tfisser parti mill-garanzija tal-UE definita f’termini tal-oriġini tar-riżorsi li jappoġġawha;
(5)“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tikkombina forom ta’ appoġġ li mhumiex ripagabbli, forom ta’ appoġġ ripagabbli, jew it-tnejn li huma, mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ ripagabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliċi oħra, jew minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament kummerċjali u investituri; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, programmi tal-Unjoni ffinanzjati minn sorsi oħra minbarra l-baġit tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fond tal-Innovazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading System, ETS), jista’ jiġi assimilat ma’ programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;
(6)“BEI” tfisser il-Bank Ewropew tal-Investiment;
(7)“Grupp tal-BEI” tfisser il-BEI, is-sussidjarji tiegħu u entitajiet oħra stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 28(1) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE (l-Istatut tal-BEI);
(8)“kontribuzzjoni finanzjarja” tfisser kontribuzzjoni minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-forma ta’ kapaċità ta’ teħid tar-riskju proprju li tingħata fuq bażi pari passu mal-garanzija tal-UE jew f’forma oħra li tippermetti implimentazzjoni effiċjenti tal-Programm InvestEU filwaqt li jiġi żgurat allinjament xieraq tal-imgħax;
(9)“ftehim ta’ kontribuzzjoni” tfisser strument legali li bih il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru, kif stabbilit fl-Artikolu 9;
(10)“prodott finanzjarju” tfisser mekkaniżmu jew arranġament finanzjarju li skont it-termini tiegħu s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jipprovdi finanzjament dirett jew intermedjat lil riċevituri finali bl-użu ta’ kwalunkwe tip ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 15;
(11)"finanzjament u/jew operazzjonijiet ta' investiment" tfisser operazzjonijiet li jipprovdu finanzi b'mod dirett jew indirett lil destinatarji finali permezz ta' prodotti finanzjarji, imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f'ismu stess, ipprovdut mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni skont ir-regoli interni, il-politiki u l-proċeduri tiegħu u li jiġu kontabilizzati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew, fejn applikabbli, żvelati fin-noti għal dawk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji;
(12)“fondi b’ġestjoni kondiviża” tfisser il-fondi li jipprevedu l-possibbiltà li porzjon minnhom jiġi allokat għall-provvediment ta’ garanzija baġitarja fil-kompartiment tal-Istat Membru tal-Fond InvestEU, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u l-[Fond għal Tranżizzjoni Ġusta] (JTF) 42 ;
(13)“ftehim ta’ garanzija” tfisser strument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jipproponu operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment sabiex jingħataw il-benefiċċju tal-garanzija tal-UE, biex jipprovdu l-garanzija tal-UE għal dawn l-operazzjonijiet u biex jimplimentawhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;
(14)“sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni” tfisser kontroparti eliġibbli bħal istituzzjoni finanzjarja jew intermedjarju finanzjarju ieħor li magħha l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ftehim ta’ garanzija;
(15)“Proġett Importanti ta’ Interess Komuni Ewropew” tfisser proġett li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex jippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4) jew kwalunkwe reviżjoni sussegwenti;
(16) “Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU” tfisser l-assistenza teknika definita fl-Artikolu 24;
(17) “ftehim konsultattiv” tfisser strument legali li bih il-Kummissjoni u s-sieħeb konsultattiv jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU;
(18)“inizjattiva konsultattiva” tfisser servizzi ta’ assistenza teknika u ta’ konsulenza li jappoġġaw l-investiment, inklużi attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità, ipprovduti minn sħab konsultattivi, minn fornituri tas-servizzi esterni kkuntrattati mill-Kummissjoni jew minn aġenziji eżekuttivi;
(19)“sieħeb konsultattiv” tfisser kontroparti eliġibbli bħal istituzzjoni finanzjarja jew entità oħra li magħha l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ftehim konsultattiv bil-għan li timplimenta inizjattiva konsultattiva waħda jew aktar, minbarra l-inizjattivi konsultattivi implimentati permezz ta’ fornituri tas-servizzi esterni kkuntrattati mill-Kummissjoni jew minn aġenziji eżekuttivi;
(20)“Portal tal-InvestEU” tfisser il-bażi ta’ data definita fl-Artikolu 25;
(21)"linji gwida ta’ investiment" tfisser il-linji gwida stabbiliti minn att delegat imsemmi fl-Artikolu 7(7);
(22)“pjattaforma ta’ investiment” tfisser veikolu bi skop speċjali, kont ġestit, arranġament ta’ kofinanzjament jew ta’ kondiviżjoni tar-riskji bbażat fuq kuntratt jew arranġament stabbilit bi kwalunkwe mezz ieħor li permezz tiegħu entitajiet jibagħtu kontribuzzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw għadd ta’ proġetti ta’ investiment, u li jistgħu jinkludu:
(a)pjattaforma nazzjonali jew subnazzjonali li tiġbor flimkien diversi proġetti ta' investiment fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari;
(b)pjattaforma transfruntiera, multinazzjonali, reġjonali jew makroreġjonali li tiġbor flimkien sħab minn diversi Stati Membri, reġjuni jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f’żona ġeografika partikolari;
(c)pjattaforma tematika li tiġbor flimkien proġetti ta’ investiment f'settur partikolari;
(23)“mikrofinanzjament” tfisser il-mikrofinanzjament kif definit fl-Artikolu [2(11)] fir-Regolament [[FSE+] numru];
(24)“bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali” jew “NBPI” tfisser l-entità legali li twettaq attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li ngħatat mandat minn Stat Membru, jew entità ta’ Stat Membru f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali biex twettaq attivitajiet ta’ żvilupp jew ta’ promozzjoni;
(25)“intrapriża żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 43 ;
(26)“kumpanija żgħira b’kapitalizzazzjoni medja” tfisser entità li mhijiex SME u li timpjega sa 499 impjegat;
(27)“intrapriża soċjali” tfisser intrapriża soċjali kif definita fl-Artikolu [2(15)] tar-Regolament [[FSE+] numru];
(28) “pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni.
Artikolu 3
L-għanijiet tal-Programm InvestEU
1.L-objettiv ġenerali tal-Programm InvestEU huwa li jappoġġa l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni permezz ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jikkontribwixxu:
(a) għall-kompetittività tal-Unjoni, inklużi r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;
(b) it-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija tal-Unjoni, is-sostenibbiltà tal-ekonomija tal-Unjoni u d-dimensjoni ambjentali u klimatika tagħha li jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs u tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja;
(c) għar-reżiljenza, l-inklużività u l-innovazzjoni soċjali tal-Unjoni;
(d) il-promozzjoni ta’ avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, tal-kultura, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;
(e) għall-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni u għat-tisħiħ tas-Suq Uniku, inklużi soluzzjonijiet li jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, jiddiversifikaw is-sorsi ta’ finanzjament għal intrapriżi tal-Unjoni u jippromwovu finanzjament sostenibbli;
(f) il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jew
(g) l-irkupru sostenibbli u inklużiv tal-ekonomija tal-Unjoni wara l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, iż-żamma u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi tagħha u ż-żamma u t-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ importanza strateġika għall-Unjoni fir-rigward ta’ infrastruttura kritika, teknoloġiji trasformattivi, innovazzjonijiet u inputs li jbiddlu l-qagħda attwali għan-negozji u għall-konsumaturi.
2.Il-Programm InvestEU għandu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:
(a) jappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment relatati mal-infrastruttura sostenibbli fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1);
(b) jappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment relatati mar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, inkluż appoġġ għaż-żieda ta’ kumpaniji innovattivi u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji għas-suq, fl-oqsma msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1);
(c) iżid l-aċċess u d-disponibbiltà tal-finanzjament għall-SMEs u għal kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja u jsaħħaħ il-kompetittività globali ta’ dawn l-SMEs;
(d) iżid l-aċċess għall-mikrofinanzjament u għall-finanzjament għal intrapriżi soċjali, u d-disponibbiltà tagħhom biex jappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjamenti u ta’ investiment relatati mal-investimenti soċjali, mal-kompetenzi u mal-ħiliet u jiżviluppa u jikkonsolida swieq ta’ investiment soċjali, fl-oqsma msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1);
(e) jappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fis-setturi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1) sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u tal-ekonomija tagħha.
Artikolu 4
Il-baġit u l-ammont tal-garanzija tal-UE
1.Il-garanzija tal-UE għall-finijiet tal-kompartiment tal-UE msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) għandha tkun EUR 75 153 850 000 (prezzijiet kurrenti). Din għandha tkun provduta bir-rata ta’ 45 %. L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) għandu jitqies ukoll għall-kontribut għall-proviżjonament li jirriżulta minn din ir-rata ta’ proviżjonament.
Ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE jista’ jiġi pprovdut għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 8(1), suġġett għall-allokazzjoni mill-Istati Membri, skont [l-Artikolu 10(1)] tar-Regolament [[CPR] numru] 44 u l-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru] 45 tal-ammonti korrispondenti.
Ammont addizzjonali tal-garanzija tal-UE jista’ jingħata wkoll fil-forma ta’ flus kontanti mill-Istati Membri għall-finijiet tal-kompartiment tal-Istat Membru. Tali ammont għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern b’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju;
Il-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5 għandhom iżidu wkoll il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu, billi jipprovdu proviżjonament fi flus kontanti b’mod sħiħ skont l-Artikolu 218(2) tar-Regolament Finanzjarju.
2.Ammont ta’ EUR 31 153 850 000 (prezzijiet kurrenti) tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għall-operazzjonijiet ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [EURI] għall-objettivi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 3(2).
Ammont ta’ EUR 41 500 000 000 (prezzijiet kurrenti) tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għall-operazzjonijiet ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [EURI] għall-objettivi msemmija fil-punti (a)-(d) tal-Artikolu 3(2).
Ammont ta’ EUR 2 500 000 000 (prezzijiet kurrenti) tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għall-objettivi msemmija fil-punti (a)-(d) tal-Artikolu 3(2).
L-ammonti msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu għandhom ikunu disponibbli biss mid-data msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament [EURI].
Id-distribuzzjoni indikattiva tal-garanzija tal-UE għall-fini tal-kompartiment tal-UE hija stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-ammonti msemmija fl-Anness I u żżid l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu b’sa 15 % għal kull objettiv. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’tali modifiki.
3.Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitoli VI u VII għandu jkun EUR 724 733 000 (prezzijiet kurrenti).
4.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 jista’ jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, anki għal sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.
Artikolu 5
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Fond InvestEU
Il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u kull waħda mis-sezzjonijiet ta’ politika msemmija fl-Artikolu 7(1), għajr is-sezzjoni tal-investiment strateġiku Ewropew, jistgħu jirċievu kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi terzi li ġejjin sabiex jipparteċipaw f’ċerti prodotti finanzjarji skont l-Artikolu 218(2) tar-Regolament Finanzjarju:
(a) Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;
(b) pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u b’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u tali pajjiżi terzi;
(c) pajjiżi terzi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u tali pajjiżi terzi;
(d) pajjiżi terzi, skont il-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz għal kull programm tal-Unjoni, sakemm il-ftehim:
(i) jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;
(ii) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, fosthom il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern b’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju;
(iii) ma jikkonferixxix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-programm tal-Unjoni;
(iv) jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.
Artikolu 6
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni
1.Il-garanzija tal-UE għandha tiġi implimentata b’ġestjoni indiretta bil-korpi msemmija fil-punti (c)(ii), (c)(iii), (c)(v) u (c )(vi ) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju. Forom oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni f’dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati b’ġestjoni diretta jew indiretta skont ir-Regolament Finanzjarju , inklużi l-għotjiet implimentati skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u l-operazzjonijiet ta’ taħlit implimentati f’konformità ma’ dan l-Artikolu kemm jista’ jkun mingħajr xkiel, b’mod li jiżgura appoġġ effiċjenti u koerenti għall-politiki tal-Unjoni.
2.L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti mill-garanzija tal-UE li jiffurmaw parti mill-operazzjoni ta’ taħlit li jikkombinaw appoġġ skont dan ir-Regolament ma’ appoġġ ipprovdut skont xi programm jew programmi oħra tal-Unjoni jew kopert mill-Fond ta’ Innovazzjoni EU ETS għandhom:
(a) ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika u jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni skont liema l-appoġġ ikun ġie deċiż;
(b) jimxu skont dan ir-Regolament.
3.Operazzjonijiet ta’ taħlit li jinkludu strument finanzjarju ffinanzjat kompletament minn programmi oħrajn tal-Unjoni jew mill-Fond ta’ Innovazzjoni tal-EU-ETS mingħajr l-użu tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ politika u konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni skont liema tingħata l-għajnuna.
4.Skont l-Artikolu 6(2), forom mhux ripagabbli ta’ appoġġ u / jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni li jifformaw parti mill-operazzjoni ta’ taħlit imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu deċiżi skont ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni u għandhom jiġu implimentati f’operazzjoni ta’ taħlit skont dan ir-Regolament u skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.
Ir-rappurtar relatat ma’ tali operazzjonijiet ta’ taħlit għandu jkopri wkoll il-konsistenza tagħhom mal-għanijiet ta' politika u l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-regoli tal-programm tal-Unjoni li bihom l-appoġġ jiġi deċiż kif ukoll dwar il-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
Il-Fond InvestEU
Artikolu 7
Twieqi ta' politika
1.Il-Fond InvestEU għandu jopera permezz tal-ħames twieqi ta' politika li ġejjin li għandhom jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali fil-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tagħhom:
(a) tieqa ta’ politika ta’ infrastruttura sostenibbli li tinkludi investiment fl-oqsma tat-trasport, inklużi t-trasport multimodali, is-sikurezza fit-toroq, inkluż skont l-għan tal-Unjoni li telimina l-inċidenti tat-traffiku fatali u l-korrimenti serji sal-2050, it-tiġdid u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji u tat-toroq, tal-enerġija, b'mod partikolari l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika skont il-qafas ta' politika għall-enerġija għall-2030, il-proġetti ta' rinnovazzjoni tal-bini ffokati fuq l-iffrankar tal-enerġija u l-integrazzjoni tal-bini f'sistemi konnessi diġitali u ta' enerġija, ħżin, trasport, filwaqt li jittejbu l-livelli ta' interkonnessjoni, tal-konnettività diġitali, u l-aċċess, inkluż fiż-żoni rurali, tal-provvista u tal-ipproċessar tal-materja prima, tal-ispazju, tal-oċeani, tal-ilma, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma intern, tal-ġestjoni tal-iskart skont il-ġerarkija tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari, tan-natura u ta' infrastruttura ambjentali oħra, tal-wirt kulturali, tat-turiżmu, tat-tagħmir, tal-assi mobbli u tal-użu ta' teknoloġiji innovattivi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali jew tar-reżiljenza tal-klima jew ambjentali tal-Unjoni u li jissodisfaw l-istandards ta' sostenibbiltà ambjentali jew soċjali tal-Unjoni;
(b) tieqa ta’ politika ta’ riċerka, innovazzjoni u diġitizzazzjoni li tinkludi attivitajiet ta' riċerka, żvilupp ta' prodott u innovazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġiji u tar-riżultati tar-riċerka għas-suq biex tappoġġa l-faċilitaturi tas-suq u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, id-dimostrazzjoni u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u l-appoġġ għat-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni;
(c) tieqa ta’ politika għall-SMEs li tinkludi l-aċċess għal u d-disponibbiltà tal-finanzi primarjament għall-SMEs, inklużi għal SMEs innovattivi u SMEs li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja;
(d) tieqa ta’ politika għall-investiment soċjali u l-ħiliet, li tinkludi l-mikrofinanzjament, il-finanzi għall-intrapriżi soċjali, l-ekonomija soċjali u l-miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ħiliet, l-edukazzjoni, it-taħriġ u servizzi relatati, l-infrastruttura soċjali, inkluża l-infrastruttura tas-saħħa u edukattiva u tal-akkomodazzjoni soċjali u għall-istudenti, l-innovazzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u fit-tul, l-inklużjoni u l-aċċessibilità, l-attivitajiet kulturali u kreattivi b’għan soċjali, u l-integrazzjoni tan-nies vulnerabbli, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi;
(e) tieqa ta’ politika għall-investiment Ewropew strateġiku li tinkludi investiment strateġiku biex jiġu appoġġati r-riċevituri finali li huma stabbiliti fi Stat Membru u li joperaw fl-Unjoni, u li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tar-reżiljenza msaħħa, f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:
i) il-provvista tal-kura tas-saħħa kritika, il-manifattura u l-ħżin tal-farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku u l-provvisti mediċi, it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet tas-saħħa u tas-sistema tal-protezzjoni ċivili;
ii) l-infrastruttura kritika, kemm fiżika kif ukoll virtwali, inklużi elementi ta’ infrastruttura identifikati bħala kritiċi fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent, is-saħħa, il-komunikazzjoni diġitali sikura, il-5G, l-internet tal-oġġetti, il-pjattaformi tas-servizzi online, il-cloud computing sigur, l-ipproċessar jew il-ħżin tad-data, il-pagamenti u l-infrastruttura finanzjarja, l-ajruspazju, id-difiża, il-komunikazzjoni, il-midja, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-infrastruttura elettorali u l-faċilitajiet sensittivi, kif ukoll l-art u l-proprjetà immobbli kruċjali għall-użu ta’ tali infrastruttura kritika;
iii) il-forniment ta’ prodotti u servizzi li huma strumentali għat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika taħt il-punt ii);
iv) teknoloġiji ewlenin permissivi, trasformattivi, ekoloġiċi u diġitali u innovazzjonijiet li jbiddlu l-qagħda attwali fejn l-investiment huwa strateġikament importanti għall-futur industrijali tal-Unjoni, inkluż
(a) l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, is-software, ir-robotika, is-semikondutturi, il-mikroproċessuri, it-teknoloġiji tal-cloud bi prestazzjoni għolja, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tal-kwantum, il-fotonika, il-bijoteknoloġija industrijali,
(b) it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji ta’ ħżin tal-enerġija inklużi batteriji, it-teknoloġiji tat-trasport sostenibbli, l-applikazzjonijiet taċ-ċelloli tal-fjuwil u tal-idroġenu nadif, it-teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni għall-industrija, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, it-teknoloġiji tal-ekonomija ċirkolari,
(c) il-bijomediċina, in-nanoteknoloġiji, il-farmaċewtiċi u l-materjali avvanzati;
v) il-faċilitajiet ta’ manifattura għall-produzzjoni tal-massa ta’ komponenti u tagħmir ta’ Komunikazzjoni u Teknoloġija tal-Informazzjoni fl-UE;
vi) il-provvista u l-ħżin ta’ inputs kritiċi għall-atturi pubbliċi, in-negozji jew il-konsumaturi fl-UE, inkluża l-enerġija jew il-materja prima jew is-sigurtà tal-ikel, b’kont meħud tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità fi ktajjen ta’ valur strateġiku;
vii) it-teknoloġiji u l-inputs kritiċi għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, bħas-setturi tad-difiża u tal-ispazju u ċ-ċibersigurtà, u oġġetti b’użu doppju kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009;
Barra minn hekk, fil-każ ta’ investimenti fl-ispazju, id-difiża u ċ-ċibersigurtà, u f’tipi speċifiċi ta’ proġetti b’implikazzjonijiet ta’ sigurtà reali u diretta f’setturi kritiċi, ir-riċevituri finali ma għandhomx ikunu kkontrollati minn pajjiż terz jew entitajiet ta’ pajjiż terz u għandu jkollhom il-ġestjoni eżekuttiva tagħhom fl-Unjoni bil-ħsieb li jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit meħtieġ relatat mal-kontroll u l-ġestjoni eżekuttiva ta’ riċevituri finali għal żoni oħra taħt it-tieqa għall-investiment Ewropew strateġiku, u għall-kontroll ta’ intermedjarji taħt dik it-tieqa, fid-dawl ta’ kwalunkwe ordni pubbliku applikabbli jew kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà.
2.Jekk operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment proposta lill-Kumitat ta' Investiment imsemmi fl-Artikolu 23 taqa' taħt aktar minn tieqa ta’ politika waħda, din għandha tiġi attribwita lit-tieqa ta’ politika li taħtha jaqa' l-għan prinċipali jew l-għan prinċipali tal-biċċa l-kbira tas-sottoproġetti tagħha, sakemm il-linji gwida dwar l-investiment ma jipprevedux mod ieħor.
3.L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandhom jiġu skrinjati biex jiġi ddeterminat jekk għandhomx impatt ambjentali, klimatiku jew soċjali. Jekk dawk l-operazzjonijiet ikollhom impatt bħal dan, dawn għandhom ikunu soġġetti għall-ittestjar tas-sostenibilità klimatika, ambjentali u soċjali bil-għan li jiġu mminimizzati l-impatti negattivi u jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-klima, l-ambjent u d-dimensjonijiet soċjali. Għal dan il-għan, il-promoturi ta’ proġett li jitolbu finanzjament għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata fuq il-bażi tal-gwida msemmija fil-paragrafu 4. Proġetti taħt ċertu daqs speċifikat fil-linji gwida ta' prova għandhom jiġu esklużi. Proġetti li ma jkunux konsistenti mal-għanijiet klimatiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont dan ir-Regolament. Jekk is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jikkonkludi li ma għandha titwettaq l-ebda prova tas-sostenibbiltà, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kumitat tal-Investiment.
4.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida dwar is-sostenibbiltà li, f'konformità mal-għanijiet u l-istandards ambjentali tal-Unjoni, tippermetti li:
(a)rigward l-adattament, tiġi żgurata r-reżiljenza għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima permezz ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u r-riskju tal-klima, inkluż permezz ta’ miżuri ta' adattament rilevanti u, rigward il-mitigazzjoni, jiġu integrati l-kost tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u l-effetti pożittivi ta' miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji;
(b)jittieħed kont tal-impatt ikkonsolidat tal-proġetti f'termini tal-komponenti ewlenin tal-kapital naturali relatati mal-arja, mal-ilma, mal-art u mal-bijodiversità;
(c)jiġi stimat l-impatt soċjali tal-proġetti, inkluż fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fuq l-inklużjoni soċjali ta' ċerti żoni jew popolazzjonijiet u fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' żoni u setturi affettwati mill-isfidi strutturali bħalma hija l-ħtieġa tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija;
(d)jiġu identifikati proġetti li ma jkunux konsistenti mal-kisba tal-għanijiet klimatiċi;
(e)is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jiġu pprovduti bi gwida għall-fini tal-eżami previst fil-paragrafu 3.
5.Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu t-traċċar ta' investiment li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent, fuq il-bażi ta' gwida li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni.
6.Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom japplikaw mira ta’ mill-inqas 60 % tal-investiment taħt it-tieqa ta' politika għall-infrastruttura sostenibbli biex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent.
Il-Kummissjoni, flimkien mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, għandhom jirsistu li jiżguraw li l-parti tal-garanzija tal-UE użata għat-tieqa ta' politika għall-infrastruttura sostenibbli tiġi distribwita bl-għan li jintlaħaq bilanċ bejn l-oqsma differenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 33 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi l-linji gwida dwar l-investiment għal kull tieqa ta' politika. Il-linji gwida dwar l-investiment għandhom jitħejjew fi djalogu mill-qrib mal-Grupp tal-BEI u sħab potenzjali oħra inkarigati mill-implimentazzjoni.
8. Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt it-tieqa ta’ investiment Ewropew strateġiku fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju u fiċ-ċibersigurtà, il-linji gwida għall-investiment jistgħu jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tat-trasferiment u l-liċenzjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal teknoloġiji u teknoloġiji kritiċi li huma strumentali biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
9.Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, tal-Kumitat tal-Investiment u tas-sħab konsultattivi l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-linji gwida dwar l-investiment.
Artikolu 8
Kompartimenti
1.It-twieqi ta’ politika msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jikkonsistu minn kompartiment tal-UE u kompartiment tal-Istati Membri. Dawn il-kompartimenti għandhom jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali kif ġej:
(a)il-kompartiment tal-UE għandu jindirizza kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(i) fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali relatati mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni;
(ii) fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment mal-Unjoni kollha jew speċifiċi għall-Istati Membri; jew
(iii) fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, li jirrikjedu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u strutturi tas-suq innovattivi, b’mod partikolari fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali ġodda jew kumplessi;
(b)il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jindirizza fallimenti tas-suq speċifiċi jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali f'reġjun jew fi Stat Membru wieħed jew aktar sabiex iwettaq l-għanijiet tal-politika tal-fondi kontribwenti b’ġestjoni kondiviża jew tal-ammont addizzjonali pprovdut minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1), speċjalment biex isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni billi jindirizza l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha.
2.Jekk xieraq, il-kompartimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw b'mod komplementari biex isostnu operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment partikolari, inkluż billi jgħaqqdu l-appoġġ miż-żewġ kompartimenti.
Artikolu 9
Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kompartiment tal-Istat Membru
1.Għandhom jintużaw ammonti allokati minn Stat Membru fuq bażi volontarja skont l-Artikolu [10(1)] tar-Regolament [[RDK] numru] jew l-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru] għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li jkopri operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fl-Istat Membru kkonċernat jew għall-kontribuzzjoni possibbli mill-fondi b'ġestjoni kondiviża għaċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU. Dawk l-ammonti għandhom jintużaw biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta’ politika speċifikati fil-Ftehim ta’ Sħubija msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament [[RDK] numru], fil-programmi jew fil-Pjan Strateġiku tal-PAK li jikkontribwixxu għal InvestEU.
Għandu jintuża ammont addizzjonali allokat minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru.
2.L-istabbiliment tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru għandu jkun soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kontribuzzjoni bejn Stat Membru u l-Kummissjoni.
Ir-raba' subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-ammont addizzjonali pprovdut minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1).
Id-dispożizzjonijiet f'dan l-Artikolu relatati mal-ammonti allokati skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament [RDK numru] jew l-Artikolu 75(1) tar-Regolament [Pjan Strateġiku tal-PAK] mhumiex applikabbli għal ftehim ta' kontribuzzjoni dwar ammont addizzjonali minn Stat Membru, imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1).
L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkonkludu ftehim ta’ kontribuzzjoni jew emenda għalih fi żmien erba’ xhur wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Ftehim ta’ Sħubija skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament [RDK] jew il-Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament [PAK] jew simultanjament mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda programm skont l-Artikolu 10 tar-Regolament [RDK] jew Pjan Strateġiku tal-PAK skont l-Artikolu 107 tar-Regolament [PAK].
Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkonkludu ftehim ta' kontribuzzjoni konġunta mal-Kummissjoni.
B'deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata ta' proviżjonament tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru għandha tiġi ffissata għal 40 % u tista’ tiġi aġġustata 'l isfel jew 'l fuq f'kull ftehim ta' kontribuzzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-prodotti finanzjarji maħsuba biex jintużaw.
3.Il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu tal-anqas jinkludi dawn l-elementi li ġejjin:
(a) l-ammont totali tal-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru li jappartjeni lill-Istat Membru, ir-rata ta' proviżjonament tiegħu, l-ammont tal-kontribuzzjoni minn fondi b'ġestjoni kondiviża, il-fażi ta' kostituzzjoni tal-proviżjonament skont pjan finanzjarju annwali u l-ammont tal-obbligazzjoni kontinġenti riżultanti li għandu jkun kopert minn garanzija back-to-back provduta mill-Istat Membru kkonċernat;
(b) l-istrateġija tal-Istat Membru li tikkonsisti fil-prodotti finanzjarji u fl-ingranaġġ minimu tagħhom, il-kopertura ġeografika, li tinkludi l-kopertura reġjonali jekk meħtieġa, it-tipi ta' proġetti, il-perjodu ta' investiment u, jekk applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri finali u tal-intermedjarji eliġibbli;
(c) is-sieħeb jew sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni proposti skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(1), u l-obbligu għall-Kummissjoni li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar is-sieħeb jew sħab inkarigati mill-implimentazzjoni magħżula;
(d) kwalunkwe kontribuzzjoni mill-fondi b'ġestjoni kondiviża għaċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU;
(e) l-obbligi li jiġi pprovdut rappurtar annwali lill-Istat Membru, inkluż ir-rappurtar dwar l-indikaturi rilevanti relatati mal-għanijiet ta' politika koperti fil-Ftehim ta' Sħubija, fil-programm jew fil-Pjan Strateġiku tal-PAK u msemmija fil-ftehim ta' kontribuzzjoni;
(f) dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għall-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru;
(g) kwalunkwe kombinazzjoni ma’ riżorsi taħt il-kompartiment tal-UE f’konformità mal-Artikolu 8(2), inkluż fi struttura b’saffi li tikseb kopertura tar-riskju aħjar.
4.Il-ftehimiet ta' kontribuzzjoni għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni permezz ta' ftehimiet ta' garanzija konklużi ma' sħab inkarigati mill-implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16 u ftehimiet konsultattivi konklużi ma’ sħab konsultattivi f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1).
Jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ garanzija fi żmien disa’ xhur mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni, il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jintemm jew jiġi mtawwal bi ftehim reċiproku. Jekk l-ammont ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni ma jkunx ġie impenjat kompletament taħt ftehim ta’ garanzija wieħed jew aktar fi żmien disa’ xhur mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni, dan l-ammont għandu jiġi emendat kif meħtieġ. L-ammont mhux użat ta' proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati mill-Istati Membri skont l-Artikolu [10(1) tar-Regolament [[RDK]] jew l-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[PAK]] għandu jerġa' jintuża f’konformità mal-[Artikolu 10(5)] tar-Regolament [[RDK] numru] u l-Artikolu [75(5)] tar-Regolament [[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru]. L-ammont mhux użat tal-proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jitħallas lura lill-Istat Membru.
Jekk ftehim ta' garanzija ma ġiex implimentat kif xieraq fi żmien perjodu speċifikat fl-Artikolu [10(6)] tar-Regolament [[RDK] numru] jew l-Artikolu [75(6)] tar-Regolament [[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru], il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jiġi emendat. L-ammont mhux użat ta' proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati mill-Istati Membri skont l-Artikolu [10(1) tar-Regolament [[RDK]] tal-Artikolu [75(1)] tar-Regolament [[PAK]] għandu jerġa' jintuża skont [l-Artikolu 10(6)] tar-Regolament [[RDK] numru] u l-Artikolu [75(6)] tar-Regolament [[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru]. L-ammont mhux użat tal-proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati minn Stat Membru skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jitħallas lura lill-Istat Membru.
5.Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-proviżjonament għall-parti tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-Istat Membru stabbilit bi ftehim ta' kontribuzzjoni
(a) Wara l-fażi ta' kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, kull bilanċ annwali ta' dispożizzjonijiet, ikkalkulat billi jitqabbel l-ammont ta' dispożizzjonijiet meħtieġa mir-rata ta' proviżjonament stabbilita fil-ftehim ta’ konribuzzjoni u l-ammont reali ta’ dispożizzjonijiet, għandu jerġa' jintuża skont l-[Artikolu 10(7)] tar-[RDK] u l-Artikolu [75(7)] tal-[[Pjan Strateġiku tal-PAK] numru];
(b) B'deroga mill-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, wara l-fażi tal-kostituzzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-proviżjonament ma għandux joħloq rifornimenti annwali matul id-disponibbiltà ta' din il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru.
(c) Il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru jekk il-livell ta’ provvedimenti għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE jaqa’ taħt l-20 % tal-proviżjonament inizjali bħala riżultat ta’ sejħiet għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru.
(d) Jekk il-livell tal-proviżjonamenti għal dik il-parti tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-Istat Membru jilħaq l-10 % tal-proviżjonament inizjali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi sa 5 % tal-proviżjonament inizjali lill-fond komuni għall-proviżjonament imsemmi fl-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju b'talba għal dan mill-Kummissjoni.
KAPITOLU III
SĦUBIJA BEJN IL-KUMMISSJONI U L-GRUPP TAL-BEI
Artikolu 10
L-ambitu tas-sħubija
1. Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI għandhom jiffurmaw sħubija skont dan ir-Regolament bil-għan li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-InvestEU u jrawmu l-konsistenza, l-inklużività, l-addizzjonalità, u l-bidu effiċjenti tal-użu tiegħu. F'konformità ma' dan ir-Regolament u kif speċifikat aktar fil-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-Grupp tal-BEI:
(a) għandu jimplimenta l-porzjon tal-garanzija tal-UE speċifikat fl-Artikolu 12(4);
(b) għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU, u, fejn applikabbli, il-kompartiment tal-Istat Membru, b’mod partikolari billi:
(i) flimkien mas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni jikkontribwixxi għal-linji gwida dwar l-investiment skont l-Artikolu 7(7), jikkontribwixxi għat-tfassil tat-tabella ta' valutazzjoni skont l-Artikolu 21 u jikkontribwixxi għal dokumenti oħra li jistabbilixxu l-gwida operattiva tal-Fond InvestEU;
(ii) flimkien mal-Kummissjoni u s-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, jiddefinixxi l-metodoloġija tar-riskju u s-sistema ta' mmappjar tar-riskju relatati mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni sabiex dawn l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu vvalutati fuq skala komuni ta' klassifikazzjoni;
(iii) b'talba mill-Kummissjoni u bi qbil mas-sieħeb potenzjali kkonċernat inkarigat mill-implimentazzjoni, iwettaq valutazzjoni tas-sistemi ta’ dan is-sieħeb potenzjali ta’ implimentazzjoni u jipprovdi pariri tekniċi mmirati dwar dawk is-sistemi, jekk u sal-punt meħtieġ mill-konklużjonijiet tal-awditjar tal-valutazzjoni tal-pilastru fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-prodotti finanzjarji previsti minn dan is-sieħeb potenzjali inkarigat mill-implimentazzjoni;
(iv) jipprovdi opinjoni mhux vinkolanti dwar l-aspetti relatati mas-settur bankarju, b'mod partikolari dwar ir-riskju finanzjarju u t-termini finanzjarji relatati mal-porzjon tal-garanzija tal-UE li għandu jiġi allokat lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, minbarra l-Grupp BEI, kif definit fil-ftehim ta’ garanzija li għandu jiġi konkluż ma’ dan is-sieħeb ta’ implimentazzjoni;
(v) iwettaq simulazzjonijiet u projezzjonijiet tar-riskju finanzjarju u r-remunerazzjoni tal-portafoll aggregat fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet miftiehma mal-Kummissjoni;
(vi) ikejjel ir-riskju finanzjarju tal-portafoll aggregat u jipprovdi rapporti finanzjarji dwar il-portafoll aggregat; kif ukoll
(vii) jipprovdi servizzi ta' ristrutturar u rkupru stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 lill-Kummissjoni b'talba tal-Kummissjoni u bi qbil mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, skont il-punt (g) tal-Artikolu 16(2) meta dak is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkunx għadu responsabbli għat-twettiq ta' attivitajiet ta' ristrutturar u rkupru skont il-ftehim ta' garanzija rilevanti;
(c) jista’ jipprovdi l-bini tal-kapaċità kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 24(2) lil bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali u servizzi oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ prodotti finanzjarji sostnuti mill-garanzija tal-UE jekk mitluba minn dan il-bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali;
(d) għandu, fir-rigward taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU:
(i) jiġi allokat lilu ammont sa EUR 525 000 000 għall-inizjattivi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 24 u l-kompiti operazzjonali msemmija fil-punt (ii) ta’ dan il-punt (d) mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(3);
(ii) jagħti pariri lill-Kummissjoni u jwettaq kompiti operattivi stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3, billi:
– jappoġġa lill-Kummissjoni fit-tfassil, fl-istabbiliment u fl-operazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU;
– jipprovdi valutazzjoni tat-talbiet għal appoġġ konsultattiv li l-Kummissjoni ma tqisx li jaqgħu taħt inizjattivi konsultattivi eżistenti, bil-ħsieb li jappoġġa d-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ talbiet ta’ konsulenza rċevuti taħt il-punt ċentrali ta’ dħul definit fil-punt (a) tal-Artikolu 24(2);
– jipprovdi appoġġ lil banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali billi jipprovdi bini ta’ kapaċità kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 24(2) fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ konsulenza tagħhom biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’inizjattivi ta’ konsulenza, b'talba ta’ tali banek jew istituzzjonijiet;
– b'talba tal-Kummissjoni u ta' sieħeb konsultattiv potenzjali u soġġett għall-qbil tal-Grupp tal-BEI, jikkonkludi f'isem il-Kummissjoni ftehim mas-sieħeb konsultattiv għat-twassil ta' inizjattivi konsultattivi.
Il-Grupp tal-BEI għandu jiżgura li l-kompiti tiegħu kif imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu jitwettqu b'mod kompletament indipendenti mir-rwol tiegħu bħala sieħeb konsultattiv.
Kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fuq il-bażi tas-sejbiet tal-opinjoni tal-Grupp tal-BEI imsemmi fil-punt (b)(iv) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp tal-BEI dwar l-eżitu tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha.
2. L-informazzjoni relatata mal-banek trażmessa lill-Grupp tal-BEI mill-Kummissjoni skont il-punti b(ii), b(iv), b(v) u b(vi) tal-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal informazzjoni strettament meħtieġa għall-Grupp tal-BEI biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dawn il-punti. Il-Kummissjoni, fi djalogu mill-qrib mal-Grupp tal-BEI u ma' sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, għandha tiddefinixxi n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni relatata mal-banek, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-garanzija tal-UE, l-interessi leġittimi tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-ħtiġijiet tal-Grupp tal-BEI fl-issodisfar tal-obbligi tiegħu skont dawk il-punti.
3. It-termini tas-sħubija għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet, inklużi:
(a) dwar l-għoti u l-implimentazzjoni tal-porzjon tal-garanzija tal-UE speċifikat fl-Artikolu 12(4):
(i) ftehim ta' garanzija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI; jew
(ii) ftehimiet ta' garanzija separati bejn il-Kummissjoni u l-BEI u s-sussidjarji tiegħu jew entitajiet oħra stabbiliti skont l-Artikolu 28(1) tal-Istatut tal-BEI, kif applikabbli;
(b) ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI fir-rigward tal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1;
(c) ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI fir-rigward taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU;
(d) ftehimiet ta' servizz bejn il-Grupp tal-BEI u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali li jikkonċernaw il-bini tal-kapaċità u servizzi oħra previsti taħt il-punt (c) tal-paragrafu 1.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17(3) u 24(4) ta’ dan ir-Regolament, il-kostijiet imġarrba mill-Grupp tal-BEI fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu konformi mat-termini tal-ftehim imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u jistgħu jiġu koperti mill-ħlasijiet lura jew mid-dħul attribwibbli għall-garanzija tal-UE, jew mill-proviżjonament, f'konformità mal-Artikolu 211(4) u (5) tar-Regolament Finanzjarju, jew jistgħu jiġu imposti lill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, fuq il-ġustifikazzjoni ta' dawk il-kostijiet mill-Grupp tal-BEI u soġġett għal limitu massimu ġenerali ta’ EUR 10 000 000.
5. Il-kostijiet imġarrba mill-Grupp tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti operattivi msemmija fil-punt (d)(ii) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu koperti kompletament u mħallsa mill-ammont imsemmi fil-punt (d)(i) tal-paragrafu 1, fuq ġustifikazzjoni ta' dawk il-kostijiet mill-Grupp tal-BEI u soġġett għal limitu ġenerali ta' EUR 15 000 000.
Artikolu 11
Kunflitti ta' interess
1. Fil-qafas tas-sħubija kif imsemmi fl-Artikolu 10, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess ma’ sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, inkluż billi jiġi stabbilit tim iddedikat u indipendenti għall-kompiti msemmija fil-punti (b) minn (iii) sa (vi) tal-Artikolu 10(1). Dan it-tim għandu jkun soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, li għandhom ikomplu japplikaw għall-membri tat-tim wara li jkunu telqu mit-tim.
2. Il-Grupp tal-BEI u s-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe sitwazzjoni li tikkostitwixxi kunflitt ta’ interess jew li x’aktarx li twassal għal kunflitt ta' interess. F'każ ta' dubju, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk jeżistix kunflitt ta' interess u għandha tinforma lill-Grupp tal-BEI bil-konklużjoni tagħha. F'każ ta' kunflitt ta' interess, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri xierqa. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi infurmat b’dawk il-miżuri u bir-riżultati tagħhom.
3. Il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jevita sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm kunflitt ta' interess fl-implimentazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompiti operattivi tiegħu fir-rwol tiegħu ta' appoġġ lill-Kummissjoni kif imsemmi fil-punt (d)(ii) tal-Artikolu 10(1). F'każ ta' kunflitt ta' interess, il-Grupp tal-BEI għandu jieħu l-miżuri xierqa.
KAPITOLU IV
Il-garanzija tal-UE
Artikolu 12
Il-garanzija tal-UE
1. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u b'talba lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament Finanzjarju u tiġi implimentata fil-ġestjoni indiretta skont it-Titolu X ta’ dak ir-Regolament.
2. Ir-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE għandha tkun marbuta mal-karatteristiċi u l-profil tar-riskju tal-prodotti finanzjarji, filwaqt li tqis in-natura tal-operazzjonijiet sottostanti ta' finanzjament u investiment u t-twettiq tal-għanijiet ta' politika fil-mira tal-prodotti finanzjarji.
Jekk ikun debitament ġustifikat min-natura tal-għanijiet tal-politika fil-mira tal-prodott finanzjarju u l-ħtieġa li l-prodotti finanzjarji jkunu affordabbli għar-riċevituri finali fil-mira, il-kost tal-finanzjament ipprovdut lir-riċevitur finali jista’ jitnaqqas jew it-termini ta’ dak il-finanzjament jistgħu jittejbu, bl-aġġustament tar-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE, jew, jekk meħtieġ, billi jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi pendenti mġarrba mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni permezz tal-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari:
(a) jekk il-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju enfasizzati jkunu jimpedixxu t-twettiq ta' operazzjoni finanzjarja jew ta’ investiment skont il-prezzijiet fuq il-bażi tas-suq; jew
(b) jekk meħtieġ sabiex jiġu katalizzati l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment f'setturi jew oqsma li qed jesperjenzaw falliment sinifikanti tas-suq jew sitwazzjoni ta' investiment subottimali jew biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment,
sal-punt li t-tnaqqis tar-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE jew il-kopertura tal-kostijiet amministrattivi pendenti mġarrba mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkollux impatt sinifikanti fuq il-proviżjonament għall-garanzija InvestEU.
It-tnaqqis tar-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE għandu jkun ta' benefiċċju totali għar-riċevituri finali.
3. Il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 219(4) tar-Regolament Finanzjarju għandha tapplika għal kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fuq bażi ta' portafoll.
4. Ħamsa u sebgħin fil-mija (75 %) tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-UE kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), li tammonta għal EUR 56 365 380 000, għandha tingħata lill-Grupp tal-BEI. Il-Grupp tal-BEI għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja aggregata li tammonta għal EUR 9 418 270 000. Din il-kontribuzzjoni għandha tingħata b'mod u għamla li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU u l-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2).
5. Il-25 % li jifdal tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-UE għandu jingħata lil sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, li għandhom jipprovdu wkoll kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi determinata fil-ftehimiet ta' garanzija.
6. Għandu jsir l-aqwa sforz biex jiġi żgurat li fi tmiem il-perjodu ta' investiment tkun koperta firxa wiesgħa ta' setturi u reġjuni, u tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva. Dawn l-isforzi għandhom jinkludu inċentivi għal banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali iżgħar jew anqas sofistikati li għandhom vantaġġ komparattiv minħabba l-kompetenzi lokali tagħhom ta' preżenza, għarfien u investiment. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa approċċ koerenti biex tappoġġa dawn l-isforzi.
7. Appoġġ għall-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandu jingħata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament [EURI]. F’każijiet oħra, l-appoġġ tal-garanzija tal-UE jista' jingħata għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għal perjodu ta' investiment li jintemm fl-31 ta' Diċembru 2027.
Il-kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) skont il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandhom jiġu ffirmati sa sena wara l-approvazzjoni tal-operazzjoni rilevanti ta’ finanzjament jew ta’ investiment mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. F’każijiet oħra, kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) għandhom jiġu ffirmati sal-31 ta' Diċembru 2028.
Artikolu 13
Operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment eliġibbli
1. Il-Fond InvestEU għandu jappoġġa biss operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li:
(a) jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari rigward il-fallimenti tas-suq, is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali u l-addizzjonalità kif stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Anness V ta' dan ir-Regolament u, jekk xieraq, jimmassimizzaw l-investiment privat f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju;
(b) jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' politika tal-Unjoni u jinsabu fil-kamp ta' applikazzjoni taż-żoni eliġibbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment taħt it-tieqa ta’ politika xierqa skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament;
(c) ma jipprovdux appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet esklużi stabbiliti fil-punt B tal-Anness V ta' dan ir-Regolament; kif ukoll
(d) ikunu konsistenti mal-linji gwida dwar l-investiment.
2. Minbarra proġetti li jinsabu fl-Unjoni, jew f’pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbuta ma’ Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE, il-Fond InvestEU jista’ jappoġġa l-proġetti u l-operazzjonijiet li ġejjin permezz ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt twieqi oħra għajr it-tieqa ta’ investiment Ewropew strateġiku:
(a) proġetti li jinvolvu entitajiet ibbażati jew stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar li jestendu għal pajjiż terz wieħed jew aktar, fosthom Stati aderenti, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, miż-ŻEE jew mill-EFTA, għal pajjiż jew territorju extra-Ewropew kif stabbilit fl-Anness II TFUE, jew għal pajjiż terz assoċjat, irrispettivament minn jekk ikunx hemm sieħeb f'dawk il-pajjiżi jew territorji extra-Ewropej;
(b) operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment f'pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 5 li jkunu kkontribwew għal prodott finanzjarju speċifiku.
3. Il-Fond InvestEU jista' jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li jipprovdu finanzi lil riċevituri finali li huma entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'xi wieħed mill-pajjiżi u territorji li ġejjin:
(a) Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut ma’ Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II TFUE;
(b) pajjiż terz assoċjat mal-Programm InvestEU skont l-Artikolu 5;
(c) pajjiż terz imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, jekk applikabbli;
(d) Pajjiżi terzi oħra, jekk meħtieġ għall-finanzjament ta' proġett f'pajjiż jew territorju msemmi fil-punti (a), (b) jew (c).
Minkejja l-ewwel subparagrafu, taħt it-tieqa tal-investiment Ewropew strateġiku, ir-riċevituri u l-intermedjarji finali għandhom ikunu entitajiet ġuridiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza introduttorja u fit-tieni subparagrafu, u f’konformità mat-tielet subparagrafu, tal-punt (e) tal-Artikolu 7(1).
Artikolu 14
L-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, minbarra l-Grupp tal-BEI
1. Il-Kummissjoni għandha tagħżel sħab ta’ implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI skont l-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju.
Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jistgħu jiffurmaw grupp. Sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista' jkun membru ta' grupp wieħed jew aktar.
Għall-kompartiment tal-UE, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu esprimew l-interess tagħhom fir-rigward tal-porzjon tal-garanzija tal-UE msemmi fl-Artikolu 12(5).
Għall-kompartiment tal-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipproponi kontroparti waħda jew aktar bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni minn fost dawk il-kontropartijiet li jkunu wrew l-interess tagħhom. L-Istat Membru kkonċernat jista' jipproponi wkoll lill-Grupp tal-BEI bħala sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u, bi spejjeż tiegħu, jista’ jikkuntratta lill-Grupp tal-BEI biex jipprovdi s-servizzi elenkati fl-Artikolu 10.
Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jipproponix sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skont it-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu u għandha tagħżel bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni kontropartijiet eleġibbli li jkunu kapaċi jkopru operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.
2. Meta tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portafoll ta' prodotti finanzjarji permezz tal-Fond InvestEU jissodisfa l-għanijiet li ġejjin:
(a) jimmassimizza l-kopertura tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;
(b) jimmassimizza l-impatt tal-garanzija tal-UE permezz tar-riżorsi proprji impenjati mis-sieħeb ta’ implimentazzjoni;
(c) jimmassimizza, jekk xieraq, l-investiment privat;
(d) jippromwovi soluzzjonijiet finanzjarji u tar-riskji innovattivi biex jindirizza fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali.
(e) jikseb diversifikazzjoni ġeografika permezz ta' allokazzjoni gradwali tal-garanzija tal-UE, u li jippermetti finanzjament ta' proġetti iżgħar;
(f) il-provvediment ta’ biżżejjed diversifikazzjoni tar-riskju.
3. Meta tkun qed tagħżel is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll:
(a) l-ispiża u r-rimunerazzjoni possibbli għall-baġit tal-Unjoni;
(b) il-kapaċità tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jimplimenta bir-reqqa r-rekwiżiti tal-Artikolu 155(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju relatati mal-evitar tat-taxxa, mal-frodi tat-taxxa, mal-evażjoni tat-taxxa, mal-ħasil tal-flus, mal-finanzjament tat-terroriżmu u mal-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkoperawx.
4. Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jintgħażlu bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Artikolu 15
Tipi eliġibbli ta’ finanzjament
1. Il-garanzija tal-UE tista’ tintuża għall-kopertura tar-riskji għat-tipi ta’ finanzjament li ġejjin ipprovduti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni:
(a) self, garanziji, kontrogaranziji, strumenti tas-suq tal-kapital, kull forma oħra ta’ finanzjament jew tisħiħ fil-kreditu, inkluż dejn subordinat, jew investimenti f’ekwità jew kważi ekwità, provduti direttament jew indirettament permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, fondi, pjattaformi tal-investiment jew mezzi oħra li jkunu se jiġu mgħoddija lil riċevituri finali;
(b) finanzjament jew garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja oħra li tippermetti lil dan tal-aħħar iwettaq il-finanzjament imsemmi fil-punt (a).
Sabiex jiġi kopert mill-garanzija tal-UE, il-finanzjament imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jingħata, jinkiseb jew jinħareġ għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment imsemmijin fl-Artikolu 13(1), jekk il-finanzjament mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jkun ingħata f’konformità ma’ ftehim jew tranżazzjoni ta’ finanzjament iffirmati jew sottoskritti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni wara li jkun ġie ffirmat il-ftehim ta’ garanzija u li ma jkunx skada jew ġie kkanċellat.
2. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment permezz ta’ fondi jew strutturi intermedjarji simili oħra għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tal-investiment, anki jekk tali struttura tinvesti minoranza tal-ammonti investiti tagħha barra l-Unjoni u fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 13(2) jew f’assi għajr dawk eliġibbli skont dan ir-Regolament.
Il-linji gwida ta’ investiment jistgħu jistabbilixxu limitazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-proporzjon tal-ammonti investiti barra mill-Unjoni f’operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment permezz ta’ fondi jew strutturi intermedji oħra skont is-sezzjoni strateġika ta’ investiment Ewropew, inklużi klawżoli potenzjali mal-ħruġ minn tali investimenti.
Artikolu 16
Ftehim ta’ garanzija
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ garanzija ma’ kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament sa ammont li jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni.
F’każ li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jiffurmaw grupp għandu jiġi konkluż ftehim ta’ garanzija wieħed bejn il-Kummissjoni u kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fil-grupp jew ma’ sieħeb wieħed inkarigat mill-implimentazzjoni f’isem il-grupp.
2. Il-ftehim ta’ garanzija għandu jinkludi:
(a) l-ammont u t-termini tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandu jipprovdi s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;
(b) it-termini tal-finanzjament jew tal-garanziji li għandu jipprovdi s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil entità legali oħra li tipparteċipa fl-implimentazzjoni, kull meta dan ikun il-każ;
(c) regoli dettaljati dwar l-għoti ta’ garanzija tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18, inkluż dwar il-kopertura ta’ portafolli ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti u l-każi rispettivi li jattivaw is-sejħiet possibbli fuq il-garanzija tal-UE;
(d) ir-rimunerazzjoni għat-teħid tar-riskji li għandha tiġi allokata fi proporzjon mas-sehem rispettiv fit-teħid tar-riskji tal-Unjoni u tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew kif aġġustata f’każijiet debitament ġustifikati skont l-Artikolu 12(2);
(e) il-kundizzjonijiet tal-pagament;
(f) l-impenn tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jaċċetta d-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tal-Investiment fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE għall-benefiċċju ta’ operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment li tiġi proposta, mingħajr preġudizzju għat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni dwar l-operazzjoni mingħajr il-garanzija tal-UE;
(g) id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri relatati mal-irkupru ta’ pretensjonijiet li għandu jiġi fdat lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;
(h) ir-rapportar finanzjarju u operattiv u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet skont il-garanzija tal-UE;
(i) l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE, it-twettiq tal-għanijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3, 7 u 13 kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat;
(j) jekk applikabbli, id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ operazzjonijiet ta’ taħlit;
(k) dispożizzjonijiet rilevanti oħra f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 155(2) u tat-Titlu X tar-Regolament Finanzjarju;
(l) l-eżistenza ta’ mekkaniżmi adegwati biex jiġi indirizzat it-tħassib potenzjali tal-investituri privati.
3. Ftehim ta’ garanzija għandu wkoll jipprovdi li r-remunerazzjoni attribwibbli lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta wara li jitnaqqsu l-pagamenti dovuti fir-rigward ta’ sejħiet fuq il-garanzija tal-UE.
4. Barra minn hekk, ftehim ta’ garanzija għandu jipprovdi li kull ammont dovut lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat mal-garanzija tal-UE għandu jitnaqqas mill-ammont globali tar-rimunerazzjoni, tad-dħul u tal-ħlasijiet lura dovuti mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti minn dan Regolament. Meta dan l-ammont ma jkunx suffiċjenti biex ikopri l-ammont dovut lil sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni skont l-Artikolu 17(3), l-ammont pendenti għandu jittieħed mill-proviżjonament tal-garanzija tal-UE.
5. Jekk il-ftehim ta’ garanzija jiġi konkluż skont il-kompartiment tal-Istat Membru, dan jista’ jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mill-Istat Membru jew mir-reġjuni kkonċernati fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ garanzija.
Artikolu 17
Rekwiżiti għall-użu tal-garanzija tal-UE
1. L-għoti tal-garanzija tal-UE għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ garanzija mas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni rilevanti.
2. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandhom ikunu koperti mill-garanzija tal-UE biss jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament u fil-linji gwida tal-investiment rilevanti u jekk l-Kumitat tal-Investiment ikun ikkonkluda li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ma’ dan ir-Regolament u mal-linji gwida ta’ investiment rilevanti.
3. Ebda nefqa jew tariffa amministrattiva relatata mal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt il-garanzija tal-UE ma għandha tkun dovuta mill-Kummissjoni lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, sakemm in-natura tal-objettivi ta’ politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkun se jiġi implimentat u l-affordabbiltà tar-riċevituri finali mmirati jew it-tip ta’ finanzjament ipprovdut ikunu jippermettu lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni debitament jagħti ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-ħtieġa li ssir eċċezzjoni. Il-kopertura ta’ tali spejjeż mill-baġit tal-Unjoni għandha tkun limitata għall-ammont strettament meħtieġ biex jiġu implimentati l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment rilevanti, u għandha tiġi pprovduta biss sal-punt li l-ispejjeż ma jkunux koperti mid-dħul li jirċievu s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mill-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ikkonċernati. L-arranġamenti dwar it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta’ garanzija u għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(4) u mal-punt (g) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju.
4. Barra minn hekk, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista’ juża l-garanzija tal-UE biex jissodisfa s-sehem rilevanti ta’ kull spiża ta’ rkupru skont l-Artikolu 16(4), sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru.
Artikolu 18
Kopertura u t-termini tal-garanzija tal-UE
1. Ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji għandha tiġi allokata bejn l-Unjoni u sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni fi proporzjon mas-sehem rispettiv tagħhom fit-teħid tar-riskji ta' portafoll ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment jew, fejn ikun rilevanti, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment individwali. Ir-remunerazzjoni għall-garanzija tal-UE tista’ titnaqqas f’każijiet debitament ġustifikati msemmija fl-Artikolu 12(2).
Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jkollu skopertura xierqa għar-riskji tiegħu stess għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati mill-garanzija tal-UE, sakemm eċċezzjonalment l-objettivi tal-politika mmirati mill-prodott finanzjarju li jkollu jiġi implimentat ikunu ta' tali natura li s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma jkunx jista' jikkontribwixxi b'mod raġonevoli l-kapaċità ta' rfigħ tar-riskji għaliha.
2. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri:
(a) il-prodotti ta’ dejn imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1):
(i) il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni iżda mhux riċevuti f’konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament sal-każ ta’ inadempjenza;
(ii) it-telf fuq ir-ristrutturar;
(iii) it-telf li jirriżulta minn fluttwazzjonijiet ta' muniti barra mill-euro fi swieq jekk il-possibilitajiet għall-hedging fit-tul ikunu limitati;
(b) għal investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1): l-ammonti investiti kif ukoll l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati u t-telf li jirriżultaw minn fluttwazzjonijiet ta’ muniti li mhumiex l-euro;
(c) il finanzjament jew il-garanziji minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja oħra skont il-punt (b) tal-Artikolu 15(1): l-ammonti użati u l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati magħhom.
Għall-finijiet tal-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu, għal dejn subordinat differiment, tnaqqis jew ħruġ meħtieġ għandhom jitqiesu bħala każ ta’ inadempjenza.
3. Meta l-Unjoni tagħmel pagament lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni bħala riżultat ta’ sejħa fuq il-garanzija tal-UE, l-Unjoni għandha tkun surrogata fid-drittijiet rilevanti tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni relatat ma’ kull operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment tiegħu li tkun koperta mill-garanzija tal-UE, sal-punt li dawk id-drittijiet jibqgħu jeżistu.
Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jsegwi l-irkupru tal-pretensjonijiet għall-ammonti surrogati f’isem l-Unjoni u għandu jirrimborża lill-Unjoni mill-ammonti rkuprati.
KAPITOLU V
GOVERNANZA
Artikolu 19
Il-Bord Konsultattiv
1. Il-Kummissjoni u l-Bord ta’ Tmexxija stabbiliti skont l-Artikolu 20 għandhom jirċievu pariri minn Bord Konsultattiv.
2. Il-Bord Konsultattiv għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura l-bilanċ bejn is-sessi u għandu jkun jinkludi:
(a) rappreżentant ta' kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;
(b) rappreżentant ta' kull Stat Membru;
(c) espert maħtur mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;
(d) espert maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni.
3. Il-Bord Konsultattiv għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Grupp tal-BEI għandu jkun il-Viċi President.
Il-Bord Konsultattiv għandu jiltaqa’ regolarment u mill-inqas darbtejn fis-sena b'talba tal-President.
4. Il-Bord Konsultattiv għandu:
(a) jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta’ Tmexxija dwar it-tfassil ta’ prodotti finanzjarji li għandhom jintużaw skont dan ir-Regolament;
(b) jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-iżviluppi fis-suq, il-kundizzjonijiet tas-suq, il-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali;
(c) jiskambja opinjonijiet dwar l-iżviluppi tas-suq u jaqsam l-aħjar prattiki.
5. Il-Kummissjoni għandha tinnomina l-ewwel membri tal-Bord Konsultattiv li jirrappreżentaw lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI wara konsultazzjoni ma’ sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni. It-terminu tagħhom huwa limitat għal sena.
6. Il-laqgħat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’format separat għandhom ukoll jiġu organizzati mill-inqas darbtejn fis-sena u jkunu ppreseduti mill-Kummissjoni.
7. Il-Bord Konsultattiv u l-laqgħat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 6 jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet lill-Bord ta’ Tmexxija għall-kunsiderazzjoni tiegħu rigward l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-Programm InvestEU.
8. Minuti dettaljati tal-laqgħat tal-Bord Konsultattiv għandhom isiru pubbliċi kemm jista’ jkun malajr wara li jkunu ġew approvati mill-Bord Konsultattiv.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri operattivi u tamministra s-segretarjat tal-Bord Konsultattiv. Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha rilevanti għandhom isiru disponibbli għall-Bord Konsultattiv sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu.
9. Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali rappreżentati fil-Bord Konsultattiv għandhom jagħżlu minn bejniethom ir-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI fil-Bord ta’ Tmexxija msemmija fl-Artikolu 20(1). Il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali għandhom jimmiraw għal rappreżentanza bbilanċjata fil-Bord ta’ Tmexxija f'termini tad-daqs u tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Ir-rappreżentanti magħżula għandhom jirrappreżentaw il-pożizzjoni komuni maqbula mis-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI.
Artikolu 20
Il-Bord ta’ Tmexxija
1. Għandu jiġi stabbilit Bord ta’ Tmexxija għall-Programm InvestEU. Dan għandu jkun magħmul minn erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni, tliet rappreżentanti tal-Grupp tal-BEI u żewġ rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI u espert maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot mill-Parlament Ewropew. L-espert maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot mill-Parlament Ewropew ma għandux ifittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra u għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa. L-espert għandu jaqdi dmirijietu b’mod imparzjali u fl-interess tal-Fond InvestEU.
Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jinħatru għal terminu ta’ erba’ snin, li jiġġedded darba, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI, li għandhom jinħatru għal terminu ta’ sentejn.
2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu għal terminu ta’ erba’ snin li jiġġedded darba. Darbtejn f’sena, il-President għandu jirrapporta lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Bord Konsultattiv dwar l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-Programm InvestEU.
Il-minuti dettaljati tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu ppubblikati malli jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija.
3. Il-Bord Konsultattiv għandu:
(a) jipprovdi gwida strateġika u operazzjonali lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, inkluża gwida dwar id-disinn ta’ prodotti finanzjarji u dwar politiki u proċeduri operattivi oħra meħtieġa għall-operat tal-Fond InvestEU;
(b) jadotta l-qafas metodoloġiku tar-riskju żviluppat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab l-oħra inkarigati mill-implimentazzjoni;
(c) jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU;
(d) jiġi kkonsultat, billi jippreżenta l-fehmiet tal-membri kollha tiegħu, dwar il-lista finali tal-kandidati għall-Kumitat tal-Investiment qabel l-għażla f'konformità mal-Artikolu 23(2);
(e) jadotta r-regoli ta' proċedura tas-segretarjat għall-Kumitat tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 23(4);
(f) jadotta r-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet bi pjattaformi ta’ investiment.
4. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu juża approċċ kunsenswali fid-diskussjonijiet tiegħu, jiġifieri jqis kemm jista' jkun possibbli l-pożizzjoni tal-membri kollha. Jekk il-membri ma jkunux jistgħu jilħqu kunsens, id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu adottati b’maġġoranza kwalifikata tal-membri bi dritt ta' vot, li tikkonsisti mill-inqas f'seba' voti.
Artikolu 21
Tabella ta' valutazzjoni
1. Għandha tiġi stabbilita tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi (it-“Tabella ta’ Valutazzjoni”) biex jiġi żgurat li l-Kumitat tal-Investiment ikun jista’ jwettaq valutazzjoni indipendenti, trasparenti u armonizzata tat-talbiet għall-użu tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
2. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jimlew it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-proposti tagħhom għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment.
3. It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkopri l-elementi li ġejjin:
(a) deskrizzjoni tal-operazzjoni proposta ta' finanzjament u ta' investiment;
(b) kif l-operazzjoni proposta tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ politika tal-UE;
(c) deskrizzjoni tal-addizzjonalità;
(d) deskrizzjoni tal-fallimenti tas-suq jew tas-sitwazzjoni subottimali ta’ investiment;
(e) il-kontribuzzjoni finanzjarja u teknika mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni;
(f) l-impatt tal-investiment;
(g) il-profil finanzjarju tal-operazzjoni ta’ finanzjament u ta’ investiment;
(h) l-indikaturi komplementari.
4. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi elementi addizzjonali tat-Tabella ta’ Valutazzjoni, inklużi regoli dettaljati għat-Tabella ta’ Valutazzjoni li għandhom jintużaw mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
Artikolu 22
Verifika tal-politiki
1. Il-Kummissjoni għandha twettaq verifika biex tikkonferma li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment proposti mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-BEI jikkonformaw mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni.
2. Fil-każ tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tali operazzjonijiet ma għandhomx ikunu koperti mill-garanzija tal-UE jekk il-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI.
Artikolu 23
Il-Kumitat tal-Investiment
1. Għandu jiġi stabbilit kumitat tal-investiment indipendenti għal kollox għall-Fond InvestEU (il-“Kumitat tal-Investiment”). Il-Kumitat tal-Investiment għandu:
(a) jeżamina l-proposti għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ippreżentati mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għal kopertura skont il-garanzija tal-UE li jkunu għaddew mill-kontroll tal-politika msemmi fl-Artikolu 22(1) jew li jkunu rċevew opinjoni favorevoli fil-qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI;
(b) jivverifika l-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament u l-linji gwida ta’ investiment rilevanti;
(c) jagħti attenzjoni partikolari għar-rekwiżit ta' addizzjonalità stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Anness V ta' dan ir-Regolament u r-rekwiżit li jiġi inkluż investiment privat stipulat fil-punt (d) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju; kif ukoll
(d) jivverifika jekk l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE jikkonformawx mar-rekwiżiti rilevanti kollha.
2. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiltaqa’ f’ħames konfigurazzjonijiet differenti, li jikkorrispondu mal-ħames twieqi ta’ politika msemmijin fl-Artikolu 7(1).
Kull konfigurazzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tkun magħmula minn sitt esperti esterni remunerati. L-esperti għandhom jintgħażlu u għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, bir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu sa’ erba’ snin, li jiġġedded darba. Huma għandhom ikunu remunerati mill-Unjoni. Il-Kummissjoni, bir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, tista’ tiddeċiedi li ġġedded il-mandat ta’ membru stabbilit tal-Kumitat tal-Investiment mingħajr ma tuża l-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu.
L-esperti għandu jkollhom livell għoli ta’ esperjenza rilevanti fis-suq fl-istrutturar u fil-finanzjament tal-proġetti jew fil-finanzjament ta’ SMEs jew ta’ korporazzjonijiet.
Il-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Investiment għandha tiżgura li jkollu għarfien wiesa’ tas-setturi koperti mit-twieqi ta’ politika msemmijin fl-Artikolu 7(1) u tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni, u għandu jiżgura li l-Kumitat tal-Investiment kumplessivament ikollu bilanċ bejn is-sessi.
Ħames membri tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu membri permanenti ta’ kull waħda mill-ħames konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment. Mill-inqas wieħed mill-membri permanenti għandu jkollu għarfien espert fl-investiment sostenibbli. Barra minn hekk, kull waħda mill-ħames konfigurazzjonijiet għandu jkollha żewġ esperti b’esperjenza fl-investiment f’setturi koperti mit-tieqa ta’ politika korrispondenti. Il-Kummissjoni għandha tassenja l-membri tal-Kumitat tal-Investiment għall-konfigurazzjoni jew konfigurazzjonijiet xierqa tiegħu. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jaħtar president minn fost il-membri permanenti tiegħu.
3. Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat tal-Investiment, il-membri tiegħu għandhom iwettqu d-doveri tagħhom imparzjalment u fl-interess uniku tal-Fond InvestEU. Huma ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-Istati Membri, jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.
Il-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess ta’ kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu ppubblikati u aġġornati regolarment. Kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandu, mingħajr dewmien, jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord ta’ Tmexxija fuq bażi kontinwa l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkonferma n-nuqqas ta’ xi kunflitt ta’ interess.
Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jirrakkomanda lill-Kummissjoni li din tneħħi membru mill-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jekk dan il-membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu jew għal raġunijiet oħra debitament ġustifikati.
4. Meta jaġixxi skont dan l-Artikolu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun assistit minn segretarjat. Is-segretarjat għandu jkun indipendenti u jagħti kont lill-President tal-Kumitat tal-Investiment. Is-segretarjat għandu jkun amministrattivament allokat fil-Kummissjoni. Ir-regoli ta’ proċedura tas-segretarjat għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ skambji ta’ informazzjoni u dokumenti bejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u l-korpi ta’ tmexxija rispettivi. Il-Grupp tal-BEI jista’ jippreżenta proposti għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment direttament lill-Kumitat tal-Investiment u għandu jinnotifikahom lis-segretarjat.
Id-dokumentazzjoni li trid tiġi pprovduta mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandha tinkludi formola ta’ talba standardizzata, it-Tabella ta’ Valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 u kull dokument ieħor li l-Kumitat tal-Investiment iqis rilevanti, b’mod partikolari deskrizzjoni tal-karattru tal-falliment tas-suq jew tas-sitwazzjoni ta’ investiment subottimali u kif dan se jittaffa mill-operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment, kif ukoll valutazzjoni affidabbli tal-operazzjoni li turi l-addizzjonalità tal-operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment. Is-segretarjat għandu jivverifika l-kompletezza tad-dokumentazzjoni li jipprovdu s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li mhumiex il-Grupp tal-BEI . Il-Kumitat tal-Investiment jista’ jfittex kjarifiki mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni kkonċernat fir-rigward ta’ proposta għal operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment, inkluż billi jitlob il-preżenza diretta ta’ rappreżentant tal-imsieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni matul id-diskussjoni tal-operazzjoni msemmija hawn fuq. Kull valutazzjoni tal-proġett imwettqa minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kumitat tal-Investiment biex tingħata kopertura lil operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment mill-garanzija tal-UE.
Il-Kumitat tal-Investiment għandu juża t-Tabella ta’ Valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 fil-valutazzjoni u l-verifika tiegħu tal-operazzjonijiet finanzjarji u ta’ investiment proposti.
5. Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-membri kollha, dment li din il-maġġoranza sempliċi tkun tinkludi mill-inqas wieħed mill-membri mhux permanenti tal-konfigurazzjoni relatata mat-tieqa ta’ politika li taħtha ssir il-proposta. F’każ ta’ parità, il-President tal-Kumitat tal-Investiment ikollu l-vot deċiżiv.
Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment li japprovaw il-kopertura tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku u għandhom jinkludu r-raġuni għall-approvazzjoni u l-informazzjoni dwar l-operazzjoni, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tagħha, l-identità tal-promoturi jew l-intermedjarji finanzjarji, u l-objettivi tal-operazzjoni. Il-konklużjonijiet għandhom jirreferu wkoll għall-valutazzjoni globali li tirriżulta mit-Tabella ta’ Valutazzjoni.
It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku wara l-iffirmar ta’ operazzjoni jew sottoproġett ta’ finanzjament jew ta’ investiment, jekk applikabbli.
L-informazzjoni li għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku skont it-tieni u t-tielet subparagrafi ma għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew data personali li ma tistax tiġi divulgata skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-partijiet kummerċjalment sensittivi tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara talba għal dan, soġġetti għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità.
Darbtejn fis-sena, il-Kumitat tal-Investiment għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista tal-konklużjonijiet kollha tal-Kumitat tal-Investiment fis-sitt xhur preċedenti, kif ukoll it-Tabelli ta' Valutazzjoni ppubblikati relatati magħhom. Din il-preżentazzjoni għandha tinkludi kull deċiżjoni li tirrifjuta l-użu tal-garanzija tal-UE u tkun soġġetta għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.
Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom isiru disponibbli fil-ħin lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni kkonċernat mis-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment.
Is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jirreġistra l-informazzjoni kollha relatata mal-proposti għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ipprovduti lill-Kumitat tal-Investiment u l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment dwar dawk il-proposti f’repożitorju ċentrali.
6. Jekk il-Kumitat tal-Investiment jintalab japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għal operazzjoni ta’ finanzjament jew investiment li tkun faċilità, programm jew struttura b’sottoproġetti sottostanti, dik l-approvazzjoni għandha tinkludi s-sottoproġetti sottostanti, sakemm il-Kumitat tal-Investiment ma jiddeċidix li jżomm id-dritt li japprovahom separatament. Il-Kumitat tal-Investiment ma għandux ikollu d-dritt japprova separatament sottoproġetti ta’ daqs inqas minn EUR 3 000 000.
7. Meta jidhirlu neċessarju, il-Kumitat ta’ Investiment jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni kwalunkwe kwistjoni operattiva relatata mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tal-linji gwida dwar l-investiment.
8. Mid-data tal-kostituzzjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun inkarigat mill-approvazzjoni tal-użu tal-garanzija tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 għall-bqija tal-perjodu ta’ investiment skont dak ir-Regolament. Il-valutazzjoni għandha ssir skont il-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament. Il-konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment responsabbli għat-tieqa għall-infrastruttura sostenibbli u t-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew għandhom jivvalutaw dawk il-proposti. L-Artikolu 22 ma għandux japplika għal tali sottomissjonijiet.
KAPITOLU VI
Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU
Artikolu 24
Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jipprovdi appoġġ konsultattiv għall-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-iżvilupp, l-istrutturar, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment, u għat-titjib tal-kapaċità tal-promoturi tal-proġetti u l-intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment. L-appoġġ tiegħu jista’ jkopri kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett jew ta’ finanzjament ta’ entità appoġġata, kif xieraq.
Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehimiet ta’ konsulenza mal-Grupp tal-BEI u ma’ sħab konsultattivi potenzjali oħra u tagħtihom il-kompitu li jfornu appoġġ konsultattiv kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, kif ukoll is-servizzi msemmijin fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni tista’ wkoll timplimenta inizjattivi ta’ konsulenza, inkluż permezz ta’ fornituri esterni tas-servizzi. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ dħul ċentrali għaċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU u għandha talloka talbiet għal appoġġ konsultattiv biex jiġu ttrattati skont l-inizjattiva adatta ta’ konsulenza. Il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u s-sħab konsultattivi l-oħra għandhom jikkooperaw mill-qrib bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza, is-sinerġiji u l-kopertura ġeografika effettiva tal-appoġġ fl-Unjoni kollha, filwaqt li jqisu l-istrutturi u x-xogħol eżistenti.
Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkun disponibbli bħala komponent taħt kull sezzjoni ta’ politika msemmija fl-Artikolu 7(1) u jkopri s-setturi kollha ta’ dik is-sezzjoni. Barra minn hekk, l-inizjattivi konsultattivi għandhom ikunu disponibbli f’komponent transsettorjali.
2. I-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu, b’mod partikolari:
(a) jipprovdi punt ta' dħul ċentrali, ġestit u ospitat mill-Kummissjoni, għall-assistenza rigward l-iżvilupp tal-proġetti fil-qafas taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU lill-awtoritajiet u lill-promoturi tal-proġetti;
(b) jiddissemina lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-promoturi tal-proġetti kull informazzjoni addizzjonali disponibbli rigward il-linji gwida ta’ investiment, inkluża informazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom jew dwar l-interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni;
(c) jekk adatt, jassisti lill-promoturi tal-proġetti fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom sabiex jissodisfaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 7 u l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13, u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni u ta’ aggregaturi għal proġetti ta’ daqs żgħir, inkluż permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment kif imsemmi fil-punt (f) ta’ dan il-paragrafu, dment li tali assistenza ma tippreġudikax il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment fir-rigward tal-kopertura tal-garanzija tal-UE fir-rigward ta’ tali proġetti;
(d) jappoġġa l-azzjonijiet u jisfrutta l-għarfien lokali biex jiffaċilita l-użu tal-appoġġ tal-Fond InvestEU fl-Unjoni u jikkontribwixxi b’mod attiv jekk possibbli għall-objettiv tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-Fond InvestEU billi jappoġġa s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex joriġinaw u jiżviluppaw operazzjonijiet potenzjali ta’ finanzjament u ta’ investiment;
(e) jiffaċilita l-istabbiliment ta’ pjattaformi kollaborattivi għal skambju bejn il-pari u għal skambju ta’ data, ta’ kompetenzi u tal-aħjar prattiki biex jappoġġa r-riżerva tal-roġetti u l-iżvilupp tas-settur;
(f) jipprovdi appoġġ konsultattiv proattiv fir-rigward tal-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment, inklużi pjattaformi ta’ investiment transfruntiera u makroreġjonali kif ukoll pjattaformi ta’ investiment li jaggruppaw proġetti żgħar u ta’ daqs medju fi Stat Membru wieħed jew aktar skont it-tema jew ir-reġjun;
(g) jappoġġa l-użu tat-taħlit ma’ sovvenzjonijiet jew strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew minn sorsi oħra sabiex jissaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-istrumenti tal-Unjoni u biex jiġu massimizzati l-ingranaġġ u l-impatt tal-Programm InvestEU;
(h) jappoġġa azzjonijiet għall-bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati kapaċitajiet, kompetenzi u proċessi organizzattivi u biex jitħaffef il-pass li bih l-organizzazzjonijiet ikunu mħejjija għall-investiment sabiex il-promoturi u l-awtoritajiet jibnu riżervi ta’ proġetti ta’ investiment u jimmaniġġjaw proġetti u sabiex l-intermedjarji finanzjarji jimplimentaw operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għall-benefiċċju ta’ entitajiet li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzi, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ valutazzjoni tar-riskji jew ta’ għarfien speċifiku għas-settur;
(i) jipprovdi appoġġ ta’ konsulenza għal impriżi ġodda, speċjalment meta jfittxu li jipproteġu r-riċerka u l-investimenti ta’ innovazzjoni tagħhom billi jiksbu titli ta’ proprjetà intellettwali, bħal privattivi.
3. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkun disponibbli għall-promoturi ta’ proġetti pubbliċi u privati, fosthom l-SMEs u n-negozji ġodda, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, għall-intermedjarji finanzjarji u mhux finanzjarji.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ konsulenza ma’ kull sieħeb konsultattiv inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ inizjattiva konsultattiva waħda jew aktar. Jistgħu jintalbu tariffi għas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 biex ikopru parti mill-ispejjeż biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi, ħlief għal servizzi pprovduti lil promoturi ta’ proġetti pubbliċi jew istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li, jekk ġustifikat, għandhom ikunu mingħajr ħlas. It-tariffi imposti fuq l-SMEs għas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom ikunu limitati għal terz tal-ispiża tal-forniment ta’ dawk is-servizzi.
5. Sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1 u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ appoġġ konsultattiv, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jibni fuq l-għarfien espert tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-BEI u tas-sħab konsultattivi l-oħrajn.
6. Kull inizjattiva konsultattiva għandha tinkorpora mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn il-Kummissjoni u l-imsieħeb konsultattiv, ħlief meta l-Kummissjoni taqbel li tkopri l-ispejjeż kollha tal-inizjattiva ta’ konsulenza f’każ debitament ġustifikat jekk l-ispeċifiċitajiet tal-inizjattiva ta’ konsulenza jirrikjedu dan u t-trattament koerenti u ekwu tas-sħab konsultattivi kkonċernati jkun iggarantit.
7. Jekk meħtieġ, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jkollu preżenza lokali. Din għandha tiġi stabbilita b’mod partikolari fi Stati Membri jew f’reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fl-iżvilupp ta’ proġetti fil-qafas tal-Fond InvestEU. Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jgħin fit-trasferiment ta’ għarfien fil-livell reġjonali u lokali bil-għan li jinbnew il-kapaċità u l-għarfien espert reġjonali u lokali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-appoġġ konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 1, inkluż appoġġ biex jiġu implimentati u akkomodati proġetti żgħar.
8. Sabiex jingħata l-appoġġ konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 1 u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ dak l-appoġġ konsultattiv fil-livell lokali, iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għandu jikkoopera, jekk possibbli, mal-għarfien espert ta’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u jieħu vantaġġ minnu. Jekk xieraq, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali għandhom jiġu konklużi fil-kuntest taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, b’mill-inqas bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali waħda għal kull Stat Membru.
9. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom, kif xieraq, jipproponu lill-promoturi tal-proġetti li japplikaw għall-finanzjament, inklużi b’mod partikolari l-proġetti żgħar, biex jitolbu l-appoġġ miċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU għall-proġetti tagħhom, jekk xieraq, sabiex iħejju l-proġetti tagħhom aħjar u biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-possibbiltà li l-proġetti jiġu ggruppati.
Jekk rilevanti, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u s-sħab konsultattivi għandhom ukoll jinfurmaw lill-promoturi tal-proġetti dwar il-possibbiltà li jelenkaw il-proġetti tagħhom fuq il-Portal tal-InvestEU msemmi fl-Artikolu 25.
KAPITOLU VII
Il-Portal tal-InvestEU
Artikolu 25
Il-Portal tal-InvestEU
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-Portal InvestEU. Il-Portal tal-InvestEU għandu jkun bażi tad-data aċċessibbli faċilment u faċli biex tintuża, li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar kull proġett.
2. Il-Portal tal-InvestEU għandu jipprovdi kanal għall-promoturi ta’ proġetti biex iressqu quddiem l-investituri l-proġetti li għalihom ikunu qed ifittxu finanzjament. L-inklużjoni ta’ proġetti fil-Portal tal-InvestEU għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali li jintgħażlu għas-sostenn skont dan ir-Regolament, skont kull strument ieħor tal-Unjoni, jew għad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku.
3. Il-proġetti li jkunu kompatibbli mal-liġi u mal-politiki tal-Unjoni biss għandhom jiġu elenkati fil-Portal tal-InvestEU.
4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat proġetti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 lill-imsieħba rilevanti inkarigati mill-implimentazzjoni. Jekk xieraq u jekk teżisti inizjattiva konsultattiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat ukoll tali proġetti liċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU.
5. Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jeżaminaw il-proġetti li jaqgħu fl-ambitu ġeografiku u ta’ attività tagħhom.
KAPITOLU VIII
L-OBBLIGU TA’ RENDIKONT, il-monitoraġġ u r-rapportar, l-evalwazzjoni u l-kontroll
Artikolu 26
Obbligu ta’ rendikont
1. Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta' Tmexxija għandu jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Fond InvestEU lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba, inkluż billi jipparteċipa f'seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew.
2. Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lill-Fond InvestEU mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ħames ġimgħat minn meta jirċevihom.
Artikolu 27
Monitoraġġ u rapportar
1. L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm InvestEU biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stipulati fl-Anness III.
2. Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati jinġabru b’mod effiċjenti, effikaċi u f’waqtu, u li din id-data tkun tippermetti li jsir monitoraġġ adegwat tal-portafoll tar-riskju u tal-garanzija. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati ta’ rapportar fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, fuq is-sħab konsultattivi u fuq riċevituri oħra tal-fondi tal-Unjoni, kif ikun xieraq.
3. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU f'konformità mal-Artikoli 241 u 250 tar-Regolament Finanzjarju. F'konformità mal-Artikolu 41(5) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rapport annwali għandu jagħti informazzjoni dwar il-livell ta' implimentazzjoni tal-Programm fir-rigward tal-għanijiet u tal-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, is-sħab implimentattivi għandhom jipprovdu fuq bażi annwali l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligi ta’ rappurtar tagħha, inkluż informazzjoni dwar l-operazzjoni tal-garanzija tal-UE.
4. Kull sitt xhur, kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, imqassam skont il-kompartiment tal-UE u l-kompartiment tal-Istati Membri, kif xieraq. Kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jippreżenta wkoll l-informazzjoni dwar il-kompartiment tal-Istati Membri lill-Istat Membru li jkun qiegħed jimplimenta l-kompartiment tiegħu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll data operazzjonali, statistika, finanzjarja u ta’ kontabilità dwar kull operazzjoni ta’ finanzjament u ta’ investiment u stima tal-flussi ta’ flus mistennija, fil-livell tal-kompartiment, tas-sezzjoni ta’ politika u tal-Fond InvestEU. Darba fis-sena, ir-rapport mill-Grupp tal-BEI u, jekk ikun xieraq, mis-sħab l-oħra implimentattivi, għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni dwar l-ostakli għall-investiment li rriżultaw fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapporti għandu jkun fihom l-informazzjoni li s-sħab implimentattivi għandhom jipprovdu skont il-punt (a) tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju.
5. Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm InvestEU biex jikseb l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 33 sabiex temenda dan ir-Regolament billi tirrieżamina jew tikkomplementa l-indikaturi stipulati fl-Anness III jekk jitqies neċessarju u d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni.
Artikolu 28
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet tal-Programm InvestEU għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod f’waqtu.
2. Sat-30 ta' Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport interim indipendenti dwar il-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, dwar l-issodisfar tal-obbligi tal-Grupp tal-BEI skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 10 (1), dwar l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE prevista fl-Artikolu 12(4) u (5) dwar l-implimentazzjoni taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, dwar l-allokazzjoni baġitarja prevista fil-punt (d)(i) tal-Artikolu 10(1) u dwar l-Artikolu 7(6). L-evalwazzjoni għandha b'mod partikolari turi l-mod kif l-inklużjoni tas-sħab implimentattivi u s-sħab konsultattivi fl-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU kkontribwiet għall-ksib tal-miri tal-Programm InvestEU kif ukoll għall-għanijiet ta' politika tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-valur miżjud, tal-bilanċ ġeografiku u settorjali tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment appoġġati. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta wkoll l-applikazzjoni tal-ittestjar tas-sostenibbiltà skont l-Artikolu 7(3) u l-enfasi fuq l-SMEs milħuqin taħt it-tieqa tal-politika tal-SMEs imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1).
3. Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm InvestEU, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finali indipendenti tal-Programm InvestEU, b'mod partikolari dwar l-użu tal-garanzija tal-UE.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati bil-kummenti tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
5. Is-sħab implimentattivi u s-sħab konsultattivi għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
6. F'konformità mal-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tinkludi kull tliet snin fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju rieżami tal-adegwatezza tar-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament apparagun mal-profil tar-riskju attwali tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament sabiex temenda dan ir-Regolament billi taġġusta, fuq il-bażi ta' dak ir-rieżami, ir-rata ta' proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament b'mhux aktar minn 15 %.
Artikolu 29
Awditi
L-awditi dwar l-użu tal-finanzjament tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inklużi persuni jew entitajiet minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 30
Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Jekk pajjiż terz jipparteċipa fil-Programm InvestEU permezz ta' deċiżjoni taħt ftehim internazzjonali jew permezz ta' kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fil-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).
KAPITOLU IX
TrasParenza u viżibilità
Artikolu 31
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Is-sħab implimentattivi u s-sħab konsultattivi għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
L-applikazzjoni tar-rekwiżiti skont l-ewwel subpragrafu għall-proġetti tas-setturi tad-difiża u l-ispazju għandha tkun soġġetta għar-rispett ta’ kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità jew segretezza.
2. Is-sħab implimentattivi u s-sħab konsultattivi għandhom jinfurmaw lir-riċevituri finali, inklużi l-SMEs, bl-eżistenza tal-appoġġ tal-Programm InvestEU, jew jobbligaw intermedjarji finanzjarji oħra biex jinfurmaw lil tali riċevituri finali dwar dak l-appoġġ, billi jagħmlu din l-informazzjoni viżibbli b’mod ċar fil-ftehim rilevanti li jipprovdi l-appoġġ tal-Programm InvestEU, b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs, sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u titjieb il-viżibbiltà.
3. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm InvestEU, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm InvestEU għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet kunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.
KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 32
Parteċipazzjoni f’żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment
L-Unjoni għandha tissottoskrivi ishma fiż-żidiet kapitali li jmiss tal-Fond Ewropew għall-Investiment sabiex is-sehem relattiv tiegħu fil-kapital jibqa’ għall-inqas fil-livell attwali. Is-sottoskrizzjoni tal-ishma u l-ħlas ta’ mhux iżjed minn EUR 900 000 000 tal-parti mħallsa tal-ishma għandhom jitwettqu skont it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu approvati mil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond.
Artikolu 33
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu. Jekk l-atti delegati jikkonċernaw l-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-Grupp tal-BEI u mis-sħab l-oħra implimentattivi, jew li jinvolvuhom, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Grupp tal-BEI u mas-sħab potenzjali implimentattivi qabel ma tipprepara dawk l-atti delegati.
2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(7), 21(4), 27(5) u 28(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza ta' kull perjodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 7(7), 21(4), 27(5) u 28(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(7), 21(4), 27(5) u 28(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dan l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 34
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. B’deroga għall-ewwel u l-aħħar subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament Finanzjarju, id-dħul, ir-ripagamenti u l-irkupri minn strumenti finanzjarji stabbiliti permezz tal-programmi msemmija fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies l-Artikolu [4] tar-Regolament [il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku].
2. B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe surplus ta’ provvedimenti għall-garanzija tal-UE stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2015/1017 jista’ jintuża għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies l-Artikolu [4] ta’ [Regolament ] [faċilità ta’ self għas-settur pubbliku].
3. L-ammont ta’ EUR 33 000 440 000 (fi prezzijiet kurrenti) imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament [EURI] għandu jintuża:
(a)għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE taħt dan ir-Regolament b’ammont ta’ EUR 32 800 000 000 (fi prezzijiet kurrenti), flimkien mar-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 211(4) tar-Regolament Finanzjarju,
(b)għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitoli V u VI u l-miżuri msemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament [EURI], bla preġudizzju għall-Artikolu 4(4) u (8) ta’ dak ir-Regolament, b’ammont ta’ EUR 200 440 000 (fi prezzijiet kurrenti).
Dan l-ammont għandu jikkostitwixxi dħul estern assenjat skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 35
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
Werrej
1.FRAMEWORK OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
1.1.Title of the proposal/initiative
1.2.Policy area(s) concerned (Programme cluster)
1.3.The proposal/initiative relates to:
1.4.Grounds for the proposal/initiative
1.4.1.Requirement(s) to be met in the short or long term including a detailed timeline for roll-out of the implementation of the initiative
1.4.2.Added value of Union involvement (it may result from different factors, e.g. coordination gains, legal certainty, greater effectiveness or complementarities). For the purposes of this point 'added value of Union involvement' is the value resulting from Union intervention which is additional to the value that would have been otherwise created by Member States alone.
1.4.3.Lessons learned from similar experiences in the past
1.4.4.Compatibility and possible synergy with other appropriate instruments
1.5.Duration and financial impact
1.6.Management mode(s) planned
2.MANAGEMENT MEASURES
2.1.Monitoring and reporting rules
2.2.Management and control system(s)
2.2.1.Justification of the management mode(s), the funding implementation mechanism(s), the payment modalities and the control strategy proposed
2.2.2.Information concerning the risks identified and the internal control system(s) set up to mitigate them
2.2.3.Estimation and justification of the cost-effectiveness of the controls (ratio of "control costs ÷ value of the related funds managed"), and assessment of the expected levels of risk of error (at payment & at closure)
2.3.Measures to prevent fraud and irregularities
3.ESTIMATED FINANCIAL IMPACT OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
3.1.Heading of the multiannual financial framework and new expenditure budget line(s) proposed
3.2.Estimated impact on expenditure
3.2.1.Summary of estimated impact on expenditure
3.2.2.Summary of estimated impact on appropriations of an administrative nature
3.3.Estimated impact on revenue
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta / tal-inizjattiva
Proposta emendata għal
IR-REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (Raggruppament ta’ programmi)
Investimenti Strateġiċi Ewropej
1.3.Il-proposta / l-inizjattiva hija relatata ma’:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida segwita minn proġett pilota / azzjoni preparatorja 46
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
x fużjoni jew dirottar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn / ma’ azzjoni oħra jew azzjoni ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fi żmien qasir jew fit-tul inkluża kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-programm InvestEU huwa adatt unikament biex jipprovdi finanzjament fit-tul u jappoġġa l-politiki tal-Unjoni f’irkupru minn kriżi ekonomika profonda. Dan kien ikkonfermat mill-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u strumenti finanzjarji — il-prekursuri InvestEU — wara l-kriżi finanzjarja tal-imgħoddi.
Fil-kriżi attwali, l-allokazzjoni tar-riżorsi għas-suq mhijiex kompletament effiċjenti u r-riskju perċepit ifixkel il-fluss tal-investiment privat b’mod sinifikanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karatteristika ewlenija tal-InvestEU li jneħħi r-riskji tal-proġetti biex jinkludi finanzjament privat hija partikolarment ta’ valur u jenħtieġ li tiġi sfruttata. Il-Programm InvestEU imsaħħaħ se jkun jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta’ rkupru u fl-istess ħin, f’konformità mal-għanijiet oriġinali tiegħu, jiżgura fokus qawwi tal-investituri fuq il-prijoritajiet ta’ politika fuq żmien medju u fit-tul tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa . Se jżid il-kapaċità ta’ teħid ta’ riskju tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u ta’ banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u sħab oħra implimentattivi b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku fiċ-ċirkostanzi attwali fejn qed jesperjenzaw pressjoni akbar fuq il-kapaċità tagħhom li jieħdu riskji.
1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. il-gwadann mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-kumplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur li altrimenti kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
Il-proposta hija konsistenti mal-proposta oriġinali ta’ InvestEU billi ssaħħaħha biex tgħin fl-irkupru wara l-kawża tal-kriżi ekonomika kawża tal-Covid-19. Barra minn hekk, hija komplementari għall-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Solvenza permezz tal-FEIS. L-istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa maħsub biex jipprovdi appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ solvenza li qamu wara t-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku ikkawżat mill-Covid-19 għall-kumpaniji l-aktar affettwati, bil-għan li tinbena mill-ġdid il-pożizzjoni kapitali tagħhom, filwaqt li l-InvestEU se jiffoka fuq investimenti fit-tul biex jappoġġa l-għanijiet tal-politika tal-UE, inklużi l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea.
It-Tieqa Strateġika ta’ Investiment għall-Ewropa se tieħu approċċ aktar iffukat u li jħares ’il quddiem mill-Istrument ta’ Sostenn għas-Solvenza u se tappoġġa proġetti u kumpaniji rilevanti għall-kisba / żamma tal-awtonomija strateġika fi ktajjen ewlenin tal-valur fis-Suq Uniku billi tappoġġa ż-żieda ta’ proġetti bbażati fuq l-Unjoni, u se ssaħħaħ il-bażi kapitali u l-finanzjament fit-tul tal-kumpaniji tal-Unjoni bħala alternattiva għall-akkwist minn kumpaniji mhux tal-UE. Jiġu appoġġati wkoll kumpaniji strateġiċi li għandhom attivitajiet transfruntiera.
L-inizjattiva għandha tgħin biex timmobilizza l-finanzjament għal proġetti ta’ aktar minn EUR (1) triljun. Dan mistenni jgħin biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u biex jiġi pprovdut aċċess għall-finanzjament għal entitajiet li kieku ma kinux isibu finanzjament b’termini raġonevoli u b’hekk ġeneralment jiġġenera investimenti fl-Unjoni u għaldaqstant tkabbir u impjiegi.
1.4.3.Lezzjonijiet miksuba minn esperjenzi simili fil-passat
Il-FEIS irriżulta li hu rilevanti għall-indirizzar ta’ lakuni fis-suq tal-investiment u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali wara l-kriżi ekonomika. Billi għad hemm lakuni fis-suq tal-investiment, hemm bżonn ta’ appoġġ għall-investiment aktar orjentat lejn il-politika mmirata lejn sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ investiment subottimali.
Il-garanzija baġitarja permezz tal-FEIS uriet effiċjenza biex iżżid l-impatt tar-riżorsi baġitarji limitati.
L-appoġġ tal-FEIS u strumenti finanzjarji mmaniġġati ċentralment instabu li kienu jirkbu fuq xulxin f’għadd ta’ oqsma. L-integrazzjoni tal-programmi ta’ investiment futuri kollha tal-Unjoni f’fond wieħed timmira lejn simplifikazzjoni, flessibilità akbar u tneħħija ta’ duplikazzjoni potenzjali bejn strumenti simili ta’ appoġġ għall-investiment tal-UE.
Servizzi ta’ konsulenza u assistenza teknika huma meħtieġa ħafna biex itejbu l-kapaċità tal-Istati Membri u tal-promoturi tal-proġett biex joriġinaw, jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti ta’ investiment. Għall-perjodu 2021-2027 huwa propost li jiġu integrati inizjattivi ta’ assistenza teknika amministrata ċentralment għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ investiment taħt InvestEU.
Garanzija baġitarja li tipprovdi kapaċità ta’ ġarr tar-riskju lis-sħab implimentattivi sabiex jiffinanzjaw l-investiment fl-Unjoni fuq il-pedamenti tas-suċċess tal-FEIS u l-istrumenti finanzjarji tippermetti li l-appoġġ għall-investiment ikompli mingħajr intoppi sal-2021.
1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti oħra xierqa
Il-Fond InvestEU jinkludi appoġġ ripagabbli tal-Unjoni għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment permezz tal-provvista ta’ kapaċità ta’ rfigħ tar-riskju permezz ta’ garanzija baġitarja lill-imsieħba li jimplimentaw f’oqsma politiċi interni prinċipali. Dan l-appoġġ huwa għalhekk taħt strument wieħed biex jiżdied l-impatt, jitnaqqas il-proviżjonament, jiġu evitati duplikazzjonijeit possibbli u tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjoni tal-Unjoni. Kombinazzjonijiet ma’ finanzjament ta’ għotjiet (blending), jekk xieraq, huwa possibbli sabiex jinħolqu sinerġiji, pereżempju fis-setturi tat-trasport, tar-riċerka u diġitali.
Iż-żieda proposta tat-twieqi InvestEU oriġinali u ż-żieda tal-ħames tieqa huma konsistenti mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan tal-Investiment Ewropew għal Patt Ekoloġiku, l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u politiki u programmi oħra tal-UE rilevanti għall-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-Unjoni bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, ir-Regolament dwar l-Ispazju tal-UE, il-Missjonijiet, is-Sħubiji Ewropej u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa u r-regolament dwar l-iskrinjar tal-IDB.
Il-kompartimenti tal-Istati Membru se jagħmluha possibbli għall-Istati Membri biex jużaw il-fondi disponibbli fl-ambitu tal-finanzjament ta’ koeżjoni b’mod attraenti u simplifikat.
1.5.It-tul taż-żmien u l-impatt finanzjarju
x tul ta' żmien limitat
–x fis-seħħ mill-01/01/2021 sal-31/12/2027
–Impatt finanzjarju mill-2021 sal-2027 għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2021 sal-2030 għal approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE
◻ tul ta' żmien mhux limitat
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–u wara dan jibda l-operat sħiħ.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanati 47
x Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–x mid-dipartimenti tagħha, inkluż il-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻ mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
x Ġestjoni indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati:
–◻ pajjiżi terzi jew il-korpi li jkunu ħatru;
–x organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ korpi li jissemmew fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–x korpi rregolati bil-liġi pubblika;
–x korpi amministrati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku sal-punt li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–x korpi regolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li huma fdat lilhom bl-implimentazzjoni ta’ sħubija privata-pubblika u li tipprovdi garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
Kummenti
Sħab li jimplimentaw għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-proposta leġiżlattiva. Dawn jistgħu jinkludu dawn ta’ hawn fuq kollha jew xi wħud minnhom.
Il-ġestjoni diretta tista’ tikkonċerna parti mill-implimentazzjoni taċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU u l-Portal InvestEU.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar
Is-sħab implimentattivi għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament Finanzjarju fuq bażi regolari. Għall-monitoraġġ, huma għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri tagħhom li jkunu ġew ivvalutati skont l-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fih. Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ tal-prestazzjoni għal kull tieqa ta’ politika.
2.2.Sistema(i) ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu(i) għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposti
Il-Fond InvestEU (il-garanzija tal-UE) se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta permezz ta’ sħab ta’ implimentazzjoni li bħala regola jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ li għandu jingħata lir-riċevituri finali.
Is-sħab implimentattivi se jikkonsistu mill-Grupp tall-BEI, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet u intermedjarji finanzjarji oħra li huma korpi tal-Unjoni, regolati u/jew taħt is-superviżjoni tas-settur bankarju. L-operazzjonijiet li jibbenefikaw mis-sostenn tal-garanzija tal-UE jibqgħu operazzjonijiet approvati mill-korpi governattivi tas-sħab implimentattivi li se jkollhom japplikaw id-diliġenza dovuta u l-qafas ta’ kontroll tagħhom għal dawn l-operazzjonijiet. Is-sħab implimentattivi għandhom jipprovdu rapporti finanzjarji awditjati lill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ garanzija neċessarju mas-sħab implimentattivi. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta jew diretta skont in-natura tal-assistenza.
L-impatt ġenerali tal-Programm InvestEU (inkluża ż-żieda proposta) se jiġi vvalutat permezz ta’ evalwazzjonijiet kif spjegat fil-proposta oriġinali. Ir-Regolament propost jiddefinixxi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Se jiġu inklużi indikaturi speċifiċi fil-ftehimiet ta’ garanzija fuq il-bażi tal-prodotti finanzjarji speċifiċi li għandhom jintużaw.
Se jintalab rappurtar armonizzat mis-sħab implimentattivi f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita(i) għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskju għall-baġit tal-UE huwa marbut mal-garanzija tal-baġit mogħtija mill-Unjoni lis-sħab implimentattivi għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħhom. Il-garanzija tal-UE tipprovdi garanzija irrevokabbli tal-ewwel talba normalment fuq bażi ta’ portafoll għall-operazzjonijiet koperti. Il-baġit tal-Unjoni u s-sieħeb implimentattiv jaqsmu r-remunerazzjoni relatata mar-riskju mill-operazzjonijiet fuq il-bażi tas-sehem tagħhom fit-teħid tar-riskji.
Il-garanzija tal-UE hija ristretta għal EUR 75 153 850 000.
L-entrata baġitarja (“p.m.”) li tirrifletti l-garanzija baġitarja għas-sieħeb ta’ implimentazzjoni tiġi attivata biss fil-każ ta’ sejħa effettiva fuq il-garanzija li ma tkunx tista’ tiġi koperta għal kollox mill-proviżjonament (iffinanzjat b’mill-inqas EUR 33 800 000 000 gradwalment sa tmiem l-2030). Ir-rata ta’ proviżjonament ta’ 45 % hija bbażata fuq l-esperjenza tal-imgħoddi bl-FEIS u bi strumenti finanzjarji. Dan jirrappreżenta medja ponderata ta’ rata ta’ proviżjonament nozzjonali ta’ 40 % għall-erba’ sezzjonijiet oriġinarjament proposti mill-Kummissjoni u rata ta’ proviżjonament nozzjonali ta’ 52 % għat-tieqa Strateġika ta’ Investiment Ewropew proposta reċentement. Dan tal-aħħar huwa kemxejn ogħla minħabba r-riskju perċepit li ċerti setturi jiġu appoġġati taħt il-ħames tieqa u n-natura tal-prodotti finanzjarji li għandhom jiġu implimentati.
L-obbligazzjoni kontinġenti fir-rigward tal-Istat Membru tkun koperta minn garanzija dahar ma’ dahar minn kull Stat Membru kkonċernat.
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fil-kuntest tal-InvestEU jitwettqu skont ir-regoli ta’ proċedura standard tas-sħab implimentattivi u l-prattika bankarja soda. Is-sħab implimentattivi magħżula u l-Kummissjoni jidħlu fi ftehim ta’ garanzija li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati relatati mal-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU.
L-adegwatezza tar-regoli u l-proċeduri tas-sħab implimentattivi u l-applikazzjoni tagħhom se jiġu kkontrollati mill-Kummissjoni permezz tal-valutazzjoni tal-pilastri skont ir-Regolament Finanzjarju. Billi s-sieħeb implimentattiv bħala regola jieħu parti mir-riskju, l-interess tal-Unjoni u dak tas-sieħeb implimentattiv huma konsegwentement allinjati, u dan itaffi r-riskju għall-baġit.
Se tiġi stabbilita struttura ta’ governanza speċifika biex jingħata l-użu tal-garanzija tal-UE (Kumitat tal-Investiment).
Il-Kummissjoni se tirċievi rapporti finanzjarji awditjati annwali li jkopru l-operazzjonijiet mis-sħab implimentattivi.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontrolli ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
L-UE qed tiggarantixxi l-operazzjonijiet imwettqa minn entitajiet delegati skont ir-regoli u l-proċeduri tagħhom, inkluż il-qafas ta’ kontroll intern tagħhom. L-ispejjeż għall-baġit tal-UE jirriżultaw biss fir-rigward ta’ rekwiżiti partikolari imposti mill-UE b’żieda mal-qafas tal-kontroll intern tal-entitajiet inkarigati, li għadhom ma jistgħux jiġu kkwantifikati.
2.3.Miżuri ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet
Is-sħab implimentattivi magħżula se jkunu għaddew mill-valutazzjoni tal-plilastri prevista fl-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju, li jiżgura kwalità solida ta’ kontroll intern u sistemi indipendenti ta’ awditjar estern. Minbarra dan, se jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju. Billi huma istituzzjonijiet finanzjarji, is-sħab implimentattivi ikollhom fis-seħħ oqfsa ta’ kontroll intern. Id-diliġenza dovuta, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment appoġġati mill-garanzija tal-UE jitwettqu mis-sħab implimentattivi. Minbarra dan, l-Artikolu 29 tar-Regolament propost jipprevedi li l-awditi dwar l-użu tal-finanzjament tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inklużi oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja(i) baġitarja(i) ġodda tan-nefqa proposti
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali |
Linja baġitarja |
Tip ta’
|
Kontribuzzjoni |
|||
|
Numru
|
Diff./Mhux diff 48 . |
mingħand il-pajjiżi tal-EFTA 49 |
mingħand il-pajjiżi kandidati 50 |
mingħand pajjiżi terzi |
fis-sens tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju |
|
|
1 |
02.0101 Nefqa ta’ appoġġ għal “InvestEU” |
Non-diff |
IVA |
IVA |
IVA |
LE |
|
1 |
02.0201 Garanzija għal InvestEU |
Diff. |
IVA |
IVA |
IVA |
LE |
|
1 |
Garanzija InvestEU 02.0202 - Proviżjonament tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF) |
Diff. |
IVA |
IVA |
IVA |
LE |
|
1 |
02.0203 Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, Portal u miżuri ta’ akkumpanjament |
Diff. |
IVA |
IVA |
IVA |
LE |
3.2.L-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
|
<…> |
Intestatura 1 |
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Wara l-2027 |
TOTAL |
|||
|
02.0201 Garanzija għal InvestEU |
Impenji |
(1) |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
||
|
Pagamenti |
(2) |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
|||
|
Garanzija InvestEU 02.0202 - Proviżjonament tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF) |
Impenji |
(1) |
404,322 |
412,872 |
11,604 |
13,371 |
17,673 |
19,511 |
20,646 |
900,000 |
|
|
Pagamenti |
(2) |
200,036 |
415,183 |
204,374 |
48,920 |
7,059 |
11,396 |
13,032 |
900,000 |
||
|
02.0203 Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU, Portal u miżuri ta’ akkumpanjament |
Impenji |
(1) |
72,658 |
73,658 |
76,158 |
76,158 |
73,658 |
73,658 |
74,397 |
520,345 |
|
|
Pagamenti |
(2) |
38,172 |
66,572 |
82,772 |
84,772 |
84,272 |
81,772 |
82,011 |
520,345 |
||
|
02.0101 Nefqa ta’ appoġġ għal “InvestEU” |
Impenji = Pagamenti |
(3) |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
3,948 |
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm |
Impenji |
=1+3 |
477,544 |
487,094 |
88,326 |
90,093 |
91,895 |
93,733 |
95,607 |
1.424,293 |
|
|
Pagamenti |
=2+3 |
238,772 |
482,319 |
287,710 |
134,256 |
91,895 |
93,733 |
95,607 |
1.424,293 |
||
Minbarra l-pakkett finanzjarju definit fit-tabelli ta’ hawn fuq, EUR 33 000,440 miljun (fi prezzijiet kurrenti) se jkunu disponibbli bħala dħul assenjat estern, skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju bħala finanzjament mill-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea. Minn dan l-ammont, sa EUR 8,960 miljun jistgħu jiġu ddedikati għan-nefqa amministrattiva, inkluż il-kostijiet tal-persunal estern.
Ammont speċifiku ta’ EUR 191 miljun se jkun meħtieġ biex ikopri servizzi ta’ konsulenza, assistenza teknika u miżuri oħra ta’ akkumpanjament.
It-tqassim indikattiv tan-nefqa minn dħul assenjat estern huwa kif ġej:
|
InvestEU |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Wara l-2027 |
TOTAL |
||
|
Infiq operattiv minn dħul assenjat estern tal-EURI |
Impenji |
(1) |
9.643,720 |
9.836,720 |
6.688,720 |
6.822,320 |
32.991,480 |
||||
|
Pagamenti |
(2) |
817,000 |
6.040,913 |
6.042,912 |
6.042,913 |
6.042,913 |
4.409,913 |
3.592,913 |
32.991,480 |
||
|
Infiq ta’ appoġġ amministrattiv minn dħul assenjat estern tal-EURI |
Impenji = Pagamenti |
(3) |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
8,960 |
|
|
Dħul assenjat estern totali |
Impenji |
=1+3 |
9.645,000 |
9.838,000 |
6.690,000 |
6.823,600 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
33.000,440 |
|
|
Pagamenti |
=2+3 |
818,280 |
6.044,193 |
6.044,193 |
6.044,193 |
6.044,193 |
4.411,193 |
3.594,193 |
33.000,440 |
|
|
7 |
"Nefqa amministrattiva” |
EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Wara l-2027 |
TOTAL |
||
|
Riżorsi umani |
||||||||||
|
Nefqa amministrattiva oħra |
||||||||||
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali |
(Impenji totali = Pagamenti totali) |
|||||||||
EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Wara l-2027 |
TOTAL |
|||
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
Impenji |
||||||||||
|
Pagamenti |
|||||||||||
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻ Il-proposta / l-inizjattiva ma tirrikjedix l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–x Il-proposta / l-inizjattiva tirrikjedi l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
TOTAL |
|
INTESTATURA 7
|
||||||||
|
Riżorsi umani |
||||||||
|
Nefqa amministrattiva oħra |
||||||||
|
Subtotal INTESTATURA 7
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
|
||||||||
|
Riżorsi umani 51 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
1,280 |
8,960 |
|
Nefqa oħra
|
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
0,564 |
3,948 |
|
Subtotal
|
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
12,908 |
|
TOTAL |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
1,844 |
12,908 |
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti b’approprjazzjonijiet mid-DĠ li diġà kienu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u / jew kienu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk dan ikun meħtieġ, ma’ xi allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati tar-riżorsi umani
–◻ Il-proposta / l-inizjattiva ma tirrikjedix l-użu tar-riżorsi umani.
–x Il-proposta/l-inizjattiva tirrikjedi l-użu tar-riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima għandha tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time
|
Snin |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
|
|
•Karigi tal-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju) |
||||||||
|
Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni |
||||||||
|
Delegazzjonijiet |
||||||||
|
Riċerka |
||||||||
|
• Persunal estern (f’unitajiet ekwivalenti għal Full Time: FTE) - AC, AL, END, INT u JED 53 Intestatura 7 |
||||||||
|
Iffinanzjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali |
- fil-Kwartieri |
|||||||
|
- fid-Delegazzjonijiet |
||||||||
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm 54 |
- fil-Kwartieri |
|||||||
|
- fid-Delegazzjonijiet |
||||||||
|
Riċerka |
||||||||
|
(Ieħor) dħul assenjat |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
|
|
TOTAL |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
16 |
|
DĠ ECFIN/BUDG huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu ssodisfati minn persunal tad-DĠ li huwa diġà assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u / jew li ġie skjerat mill-ġdid fid-DĠ, flimkien ma’, jekk ikun hemm bżonn, kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tat-tmexxija skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji. Il-persunal estern se jkun iffinanzjat biss minn dħul assenjat.
Deskrizzjoni tal-kompliti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u persunal temporanju |
Front office (żvilupp ta’ dokumenti ta’ politika u gwida, tħejjija u negozjar ta’ ftehimiet ta’ garanzija u ta’ konsulenza, kummerċjalizzazzjoni, segwitu u rapportar operazzjonali, ġestjoni ta’ assistenza ta’ konsulenza u teknika); Is-Segretarjat tal-Fond InvestEU (il-wasla u d-distribuzzjoni tal-proposti mis-sħab implimentattivi, il-kollegament mas-sħab implimentattivi, is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment, il-Bord Konsultattiv u l-Bord ta’ Tmexxija, il-koordinazzjoni interna tal-Kummissjoni, it-tħejjija ta’ dokumenti ta’ politika, id-definizzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ir-rappurtar); Back Office (monitoraġġ u segwitu tal-programm, inklużi sejħiet ta’ garanzija, rappurtar operazzjonali u finanzjarju u attivitajiet oħra ta’ ġestjoni ta’ garanziji; monitoraġġ u rappurtar dwar servizzi ta’ konsulenza u assistenza teknika); Riskju (monitoraġġ tal-profil tar-riskju ta’ kreditu ta’ portafolji ta’ operazzjonijiet skont il-garanzija, il-valutazzjoni u r-rapportar tal-UE); |
|
Persunal estern |
Back Office (monitoraġġ u segwitu tal-programm, inklużi sejħiet ta’ garanzija, rappurtar operazzjonali u finanzjarju u attivitajiet oħra ta’ ġestjoni ta’ garanziji; monitoraġġ u rappurtar dwar servizzi ta’ konsulenza u assistenza teknika); Segretarjat tal-Fond InvestEU. |
3.3.L-impatt stmat fuq id-dħul
–◻ Il-proposta / l-inizjattiva ma għandhiex impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–x Il-proposta / l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻ fuq ir-riżorsi proprji
–x fuq dħul ieħor
indika, jekk id-dħul huwa assenjat għal-linji tan-nefqa x
EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja tad-dħul tal-baġit: |
Impatt tal-proposta/inizjattiva 55 |
||||||
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
|
|
6 4 1 (Kontribuzzjonijiet mill-istrumenti finanzjarji — Dħul assenjat) |
250,000 |
100,000 |
100,000 |
250,000 |
100,000 |
100,000 |
100,000 |
Skont l-Artikolu 28(1) tal-proposta, id-dħul, il-ħlas lura u l-irkupri se jiġu assenjati għal-linja baġitarja li ġejja: 02.02.02 Proviżjonament tal-Garanzija InvestEU + 02.02.03 Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU, Portal u miżuri ta’ akkumpanjament.
Rimarki oħra (pereż. metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra): Id-dħul assenjat minn InvestEU l-ewwel se jkun allokat biex ikopri t-tariffi.
[Dan id-dħul ma jikkonċernax dħul iġġenerat skont il-proposta għal Regolament EURI].
ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
ANNESS II
Oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment li jaqgħu taħt ambiti oħrajn mit-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew jistgħu jaqgħu taħt qasam wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fl-ambitu tal-investiment strateġiku Ewropew għandhom jaqgħu fl-oqsma stabbiliti fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1). Dawn jistgħu jinkludu b’mod partikolari Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni.
1. L-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tranżizzjoni enerġetika nadifa u l-impenji li saru taħt l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, b’mod partikolari permezz ta’:
(a) l-espansjoni tal-ġenerazzjoni, tal-provvista jew tal-użu tal-enerġija rinnovabbli nadifa u sostenibbli, u ta’ sorsi u soluzzjonijiet oħra ta’ enerġija sikuri u sostenibbli b’emissjonijiet baxxi u emissjonijiet żero;
(b) l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija (b’enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda permezz ta’ ġestjoni tad-domanda u r-rinnovazzjoni tal-bini);
(c) l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni ta’ infrastruttura tal-enerġija sostenibbli u interventi biex din issir intelliġenti b’mod partikolari, iżda mhux biss, fil-livell ta’ tranżizzjoni u ta’ distribuzzjoni, it-teknoloġiji tal-ħżin, l-interkonnessjoni elettrika bejn l-Istati Membri u n-networks intelliġenti tal-enerġija;
(d) l-iżvilupp ta’ sistemi innovattivi ta’ provvista ta’ sħana b’emissjonijiet żero u baxxi u l-produzzjoni kkombinata ta’ enerġija elettrika u sħana;
(e) il-produzzjoni u l-provvista ta’ fjuwils sintentiċi sostenibbli minn sorsi rinnovabbli/newtrali f’termini ta’ karbonju u sorsi sikuri u sostenibbli oħra b’emissjonijiet żero u baxxi, ta’ bijofjuwils, ta’ bijomassa u ta’ fjuwils alternattivi, inklużi ta’ fjuwils għall-modi kollha tat-trasport, skont l-objettivi tad-Direttiva 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ; u
(f) infrastruttura għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju fil-proċessi industrijali, fl-impjanti tal-bijoenerġija u fil-faċilitajiet tal-manifattura lejn it-tranżizzjoni enerġetika.
2. L-iżvilupp ta’ infrastrutturi tat-trasport u ta’ soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli u sikuri, ta’ tagħmir u teknoloġiji innovattivi f’konformità mal-prijoritajiet tat-trasport tal-Unjoni u l-impenji li saru taħt il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, b’mod partikolari permezz ta’:
(a) proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), fosthom il-manutenzjoni u s-sikurezza tal-infrastruttura, in-nodi urbani ta’ TEN-T, il-portijiet marittimi u interni, l-ajruporti, it-terminals multimodali u l-konnessjoni ta’ tali terminals multimodali man-networks TEN-T, u l-applikazzjonijiet telematiċi msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;
(b) proġetti infrastrutturali tat-TEN-T li jipprevedu l-użu ta’ mill-anqas żewġ modi ta’ transport differenti, b’mod partikolari terminals tat-trasport tal-merkanzija multimodali u n-nodi tat-trasport tal-passiġġieri;
(c) proġetti ta’ mobbiltà urbana intelliġenti u sostenibbli ffokati fuq modi ta’ traport urban b’emissjonijiet baxxi, inkluż trasport f’passaġġi fuq l-ilma interni u soluzzjonijiet ta’ mobbiltà innovattivi, aċċessibbiltà mhux diskriminatorja, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u l-istorbju, konsum tal-enerġija, networks ta’ bliet intelliġenti, manutenzjoni, żieda fil-livelli ta’ sikurezza u tnaqqis tal-inċidenti, anki għaċ-ċiklisti u l-persuni miexja);
(d) l-appoġġ għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni a posteriori ta’ mezzi mobbli tat-trasport bil-għan li jiġu adottati soluzzjonijiet ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u b’żero emissjonijiet, inkluż permezz tal-użu ta’ fjuwils alternattivi fil-vetturi tal-mezzi kollha tat-trasport;
(e) infrastruttura ferrovjarja, proġetti ferrovjarja oħra, infrastrutturi għall-passaġġi fuq l-ilma interni, proġetti ta’ tranżitu b’kapaċità għolja u portijiet marittimi u awtostradi tal-baħar;
(f) infrastruttura ta’ fjuwil alternattiv għall-modi kollha ta’ trasport, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku;
(g) proġetti ta’ mobilità intelliġenti u sostenibbli oħrajn li jiffokaw fuq:
(i) is-sikurezza fit-toroq;
(ii) l-aċċessibbiltà;
(iii) it-tnaqqis tal-emissjonijiet; jew
(iv) l-iżvilupp u l-installazzjoni ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda tat-trasport, bħal servizzi fir-rigward ta’ modi ta’ trasport konnessi u awtonomi jew sistemi ta’ bejgħ ta’ biljetti integrati; u
(h) proġetti għaż-żamma jew it-titjb tal-infrastruttura tat-trasport, inklużi l-awtostradi fuq it-TEN-T fejn neċessarju għall-ammeljorament, iż-żamma jew it-titjib tas-sikurezza fit-toroq, għall-iżvilupp ta’ servizzi tal-ITS jew għall-iżgurar tal-integrità u l-istandards tal-infrastrutturi, żoni u faċilitajiet ta’ parkeġġ sikuri, punti ta’ riforniment ta’ ċarġ u ta’ fjuwil għall-fjuwils alternattivi.
3. L-ambjent u r-riżorsi, b’mod partikolari permezz ta’:
(a) l-ilma, inkluża l-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb u s-servizzi tas-sanità, u l-effiċjenza tan-networks, it-tnaqqis tal-ħruġ aċċidentali, l-infrastruttura għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, l-infrastruttura tal-kosta u infrastruttura ekoloġika oħra relatata mal-ilma;
(b) l-infrastruttura għall-immaniġġar tal-iskart;
(c) proġetti u intrapriżi fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi ambjentali u t-teknoloġija sostenibbli;
(d) it-titjib u r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom inkluż permezz tat-titjib tan-natura u l-bijodiversità permezz ta’ proġetti ta’ proġetti infrastrutturali “ekoloġiċi” u “blu”;
(e) l-iżvilupp urban, rurali u kostali sostenibbli;
(f) l-azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, adattament għall-klima u l-mitigazzjoni tal-klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri naturali;
(g) proġetti u intrapriżi li jimplimentaw l-ekonomija ċirkolari billi jintegraw aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-produzzjoni u fil-ħajja tal-prodott, inkluża l-provvista sostenibbli ta’ materja prima u materja prima sekondarja;
(h) id-dekarbonizzazzjoni ta’ industriji li jużaw ħafna enerġija u t-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet f’tali industriji, inkluż id-dimostrazzjoni u l-installazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi b’emissjonijiet baxxi.
(i) id-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni enerġetika u l-katina ta’ distribuzzjoni billi jiġi gradwalment elemininat l-użu tal-faħam u taż-żejt; u
(j) proġetti li jippromwovu wirt kulturali sostenibbli.
4. L-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ konnettività diġitali, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti li jappoġġaw l-installazzjoni ta’ networks diġitali b’kapaċità għolja ħafna, il-konnettività 5G u t-titjib tal-konnettività diġitali u l-aċċess, b’mod partikolari għaż-żoni rurali u r-reġjuni periferiċi.
5. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta’:
(a) proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixu għall-objettivi ta’ Orizzont Ewropa, inkluża l-infrastruttura ta’ riċerka u l-appoġġ għad-dinja akkademika;
(b) proġetti korporattivi, inkluż taħriġ u promozzjoni tal-ħolqien ta’ raggruppamenti u networks tan-negozju;
(c) proġetti u programmi ta’ dimostrazzjoni kif ukoll l-installazzjoni ta’ infrastrutturi, teknoloġiji u proċessi relatati;
(d) il-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni kollaborattivi bejn id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-industrija; sħubiji pubbliċi-privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
(e) trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;
(f) riċerka fil-qasam ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs) u l-applikazzjonijiet industrijali tagħhom, inklużi materjali ġodda u avvanzati; u
(g) prodotti tas-saħħa effettivi u aċċessibbli l-ġodda, inklużi l-prodotti farmaċewtiċi, l-apparat mediku, id-dijanjostika u l-prodotti mediċinali terapewtiċi avvanzati, l-aġenti antimikrobiċi l-ġodda u l-proċess ta’ żvilupp innovattiv li jevitaw l-użu ta’ testijiet fuq l-annimali.
6. L-iżvilupp, l-installazzjoni u t-tkabbir ta’ teknoloġiji u servizzi diġtali, speċjalment teknoloġiji u servizzi diġitali li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm Ewropa Diġitali, b’mod partikolari permezz ta’:
(a) l-intelliġenza artifiċjali;
(b) it-teknoloġija tal-kwantum;
(c) ċibersigurtà u infrastrutturi tal-protezzjoni tan-network;
(d) l-internet tal-oġġetti;
(e) it-teknoloġiji tal-blockchain u teknoloġiji tar-reġistru distribwit oħrajn;
(f) il-ħiliet diġitali avvanzati;
(g) ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni;
(h) il-fotonika; u
(i) it-teknoloġiji u s-servizzi diġitali avvanzati oħrajn li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġiji, is-servizzi u l-ħiliet diġitali fis-settur tat-trasport tal-Unjoni.
7. Is-sostenn finanzjarju lil entitajiet li ma jimpjegawx iktar minn 499 impjegat, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja żgħar, partikolarment permezz ta’:
(a) l-għoti ta’ kapital u investiment operatorji;
(b) l-għoti ta’ finanzjament ta’ riskju mill-istadju inizjali sal-espansjoni biex tiġi żgurata l-pożizzjoni ta’ tmexxija fis-setturi innovattivi u sostenibbli, inkluż it-tisħiħ tad-diġitalizazzjoni u tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom, u biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tagħhom;
(c) l-għoti ta’ finanzjament għall-akkwiżizzjoni ta’ impriża jew parteċipazzjoni f’impriża min-naħa tal-impjegati.
8. Setturi kulturali u kreattivi, wirt kulturali, media, is-settur awdjoviżiv, il-ġurnaliżmu u l-istampa, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u l-ġestjoni teknoloġika tad-drittijiet tal-proprjeta intellettwali.
9. It-turiżmu.
10. Ir-riabilitazzjoni ta’ siti industrijali (fosthom siti kontaminati) u r-restawr ta’ siti bħal dawn għall-użu sostenibbli.
11. L-agrikultura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura sostenibbli u elementi oħra tal-bijoekonomija sostenibbli inġenerali.
12. L-investimenti soċjali, fosthom dawk li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod partikolari permezz ta’:
(a) il-mikrofinanzjament, il-finanza etika, il-finanzjament tal-intrapriża soċjali u l-ekonomija soċjali;
(b) id-domanda u l-provvista tal-ħiliet;
(c) l-edukazzjoni, it-taħriġ u servizzi relatati, inkluż għall-adulti;
(d) l-infrastruttura soċjali, b’mod partikolari:
(i) l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi, inkluża l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal f’età bikrija, u l-infrastrutturi u l-faċilitajiet edukattivi relatati tagħhom, l-indukrar alternattiv tat-tfal, l-alloġġi għall-istudenti u t-tagħmir diġitali, li jkunu aċċessibbli għal kulħadd;
(ii) l-akkommodazzjoni soċjali affordabbli 3 ;
(iii) is-saħħa u l-kura fit-tul, inklużi l-kliniki, l-isptarijiet, il-kura tas-saħħa primarja, is-servizzi fid-djar u l-kura bbażata fil-komunità;
(e) l-innovazzjoni soċjali, inklużi soluzzjonijiet u skemi soċjali innovattivi bil-mira li jippromwovu impatti u riżultati soċjali fl-oqsma msemmija fil-punt 12;
(f) l-attivitajiet kulturali b’għan soċjali;
(g) il-miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(h) l-integrazzjoni tal-persuni vulnerabbli, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
(i) is-soluzzjonijiet tas-saħħa innovattivi, fosthom is-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa u mudelli ġodda tal-kura;
(j) l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal nies b’diżabilità.
13. L-iżvilupp tal-industrija tad-difiża, biex b’hekk tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għal:
(a) il-katina ta’ provvista tad-difiża tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ finanzjarju għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja;
(b) il-kumpaniji li jieħdu sehem fi proġetti ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarji fis-settur tad-difiżi u teknoloġiji b’użu doppju relatati mill-qrib;
(c) il-katina tal-provvista tas-settur tad-difiża matul il-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp kollaborattivi, inklużi dawk appoġġjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża;
(d) l-infrastruttura ta’ riċerka u taħriġ għad-difiża.
14. L-ispazju, partikolarment fir-rigward tal-iżvilupp tas-settur spazjali f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Spazjali:
(a) biex jiġu massimizzati l-benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni;
(b) biex titrawwem il-kompetittività tas-sistemi u t-teknoloġiji spazjali, billi tiġi indirizzata b’mod partikolari l-vulnerabbiltà tal-ktajjen ta’ provvista;
(c) biex tiġi sostnuta l-intraprenditorija spazjali, inkluż l-iżvilupp downstream;
(d) biex titrawwem l-awtonomija tal-Unjoni għall-aċċess sikur għall-ispazju, inklużi aspetti ta’ użu doppju.
15. Ibħra u oċeani, permezz tal-iżvilupp ta’ proġetti u intrapriżi fil-qasam tal-ekonomija blu, u l-Prinċipji tal-Finanzi tal-Ekonomija Blu Sostenibbli, b’mod partikolari permezz tal-intraprenditorija u l-industrija marittima, l-enerġija tal-baħar rinovabbli u l-ekonomija ċirkolari.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal REGOALMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
ANNESS III
Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni
1. Volum ta’ finanzjament li jirċievi appoġġ minn InvestEU (imqassam skont it-tieqa ta’ politika)
1.1.Volum ta’ operazzjonijiet iffirmati
1.2 Investiment mobilizzat
1.3 Ammont ta’ finanzjament privat mobilizzat
1.4 L-ingranaġġ u l-effett multiplikatur miksuba
2. Kopertura ġeografika ta’ finanzjament li jirċievi appoġġ mill-Fond InvestEU (imqassam skont it-tieqa ta’ politika, il-pajjiż u r-reġjun fil-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) livell 2)
2.1 Għadd ta’ pajjiżi (Stati Membri u pajjiżi terzi) koperti mill-operazzjonijiet
2.2 Għadd ta’ reġjuni koperti mill-operazzjonijiet
2.3 Volum tal-operazzjonijiet għal kull pajjiż (Stat Membru u pajjiż terz) u għal kull reġjun
3. Impatt tal-finanzjament permezz tal-Fond InvestEU
3.1 Għadd ta’ impjiegi maħluqa jew li jirċievu appoġġ
3.2 Investiment li jappoġġa l-objettivi klimatiċi u, meta jkun japplika, imqassam fid-dettall skont it-tieqa ta’ politika
3.3 Investiment li jappoġġa d-diġitalizzazzjoni
3.4. Investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni industrijali
4. Infrastruttura sostenibbli
4.1 Enerġija: Kapaċità addizzjonali ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli installata u li tkun ġejja minn sorsi oħra ta’ enerġija sikura, sostenibbli u b’emissjonijiet żero jew baxxi oħra (f’megawatts MW)
4.2 Enerġija: Għadd ta’ unitajiet domestiċi, għadd ta’ stabbilimenti pubbliċi u kummerċjali bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija
4.3 Enerġija: Iffrankar enerġetiku stmat iġġenerat mill-proġetti (f’kilowatt-sigħat (kWh))
4.4 Enerġija: Emissjonijiet annwali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mnaqqsa/evitati f’tunnellati ta’ ekwivalenti CO2
4.5 Enerġija: Volum ta’ investiment fl-iżvilupp, l-installazzjoni ta’ sistemi intelliġenti u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli
4.6 Diġitali: Unitajiet domestiċi addizzjonali, intrapriżi jew bini pubbliku b’aċċess għall-broadband ta’ mill-inqas 100 Mbps, li jista’ jiġi ammeljorat għal veloċità ta’ gigabits, jew b’għadd ta’ hotspots tal-WiFi maħluqa
4.7 Trasport: Investiment mobilizzat, b’mod partikolari fit-TEN-T
– Numru ta’ proġetti ta’ kollegamenti transfruntiera u neqsin (inklużi proġetti relatati ma’ nodi urbani, konnessjonijiet ferrovjarji reġjonali transfruntiera, pjattaformi multimodali, portijiet marittimi, portijiet għan-navigazzjoni interna, konnessjonijiet għall-ajruporti u terminals stradali-ferrovjarji tan-network ewlieni u komprensiv TEN-T)
– Għadd ta’ proġetti li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport, b’mod partikolari permezz tal-Installazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (European Rail Traffic Management System, ERTMS), is-Sistema tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (River Information System, RIS), is-Sistema ta’ Trasport Intelliġenti (Intelligent Transportation System, ITS), is-sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-trafiku tal-bastimenti (essel traffic monitoring and information system, VTMIS) / servizzi marittimi elettroniċi u Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky ATM Research, SESAR)
– Numru ta’ punti ta’ riforniment ta’ fjuwil alternattiv mibnija jew ammeljorati
– Numru ta’ proġetti li jikkontribwixxu għas-sikurezza tat-trasport
4.8 Ambjent: Investiment li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi meħtieġa mill-acquis tal-Unjoni relatati mal-kwalità tal-arja, l-ilma, l-iskart, u n-natura.
5. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni
5.1 Kontribuzzjoni għall-objettiv ta’ 3 % tal-PDG tal-Unjoni investiti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
5.2 Għadd ta’ intrapriżi li jirċievu appoġġ skont id-daqs li jagħmlu proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni
6. SMEs
6.1 Għadd ta’ intrapriżi li jirċievu appoġġ, skont id-daqs (mikro, żgħar, ta’ daqs medju, u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja)
6.2 Għadd ta’ intrapriżi li jirċievu appoġġ, skont l-istadju li qegħdin fih (bikri, tkabbir/espansjoni)
6.3 Għadd ta’ intrapriżi li jirċievu appoġġ, skont l-Istat Membru jew ir-reġjun fil-livell ta’ NUTS 2
6.4 Għadd ta’ intrapriżi appoġġati, skont is-setturi, permezz ta’ klassifikazzjoni statistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-kodiċi tal-Unjoni Ewropea (NACE)
6.5 Perċentwal ta’ volum ta’ investiment fl-ambitu tat-tieqa ta’ politika għall-SMEs diretta lejn l-SMEs
7. Investiment soċjali u ħiliet
7.1 Infrastruttura soċjali: Kapaċità u aċċess għall-infrastruttura soċjali, li tirċievi appoġġ skont is-settur: kostruzzjoni għal skopijiet abitattivi, edukazzjoni, saħħa, ieħor
7.2 Mikrofinanzjament u l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali: Għadd ta’ destinatarji tal-mikrofinanzjamenti u ta’ intrapriżi soċjali appoġġati
7.3 Ħiliet: Għadd ta’ individwi li qed jiksbu ħiliet ġodda jew li ħiliethom qed jiġu validati u ċertifikati: kwalifika tal-edukazzjoni formali u tat-taħriġ
8. Investiment Streateġiku Ewropew
8.1 Għadd u volum ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-provediment ta’ infrastruttura kritika, imqsassma skont l-infrastruttura fiżika u l-oġġetti u s-servizzi assoċjati magħha, meta jkun japplika
8.2 Kapaċità Addizzjonali ta’ infrastruttura kritika, imqassma skont l-oqsma, meta jkun japplika
8.3 Għadd u volum tal-operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-teknoloġiji u fatturi produttivi kritiċi għar-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u oġġetti ta’ użu doppju
8.4 Għadd ta’ intrapriżi li jirċievu appoġġ skont id-daqs li jiżviluppaw u jimmanifatturaw teknoloġiji u fatturi produttivi kritiċi għas-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u oġġetti ta’ użu doppju
8.5 Għadd u volum ta’ operazzjonijiet li jikontribwixxu għall-provvista, il-manifattura u l-ħżin ta’ fatturi produttivi kritiċi, inklużi provvisti kritiċi tal-kura tas-saħħa
8.6 Fatturi produttivi kritiċi addizzjonali, inklużi provvisti kritiċi tal-kura tas-saħħa, li jirċievu appoġġ skont il-provvista, il-manifattura u l-ħżin, skont it-tip, meta jkun japplika
8.7 Għadd u volum ta’ operazzjonijiet li jagħtu appoġġ lil teknoloġiji abilitanti u diġitali essenzjali li huma strateġikament importanti għall-futur industrijali tal-Unjoni.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
ANNESS
ta' [...]
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
ANNESS V
Fallimenti tas-suq, sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, addizzjonalità u attivitajiet esklużi
A. Fallimenti tas-suq, sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u addizzjonalità
F’konformità mal-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju, il-garanzija tal-UE għandha tindirizza l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali (il-punt (a) tal-Artikolu 209(2)) u tikseb addizzjonalità billi tipprevjeni s-sostituzzjoni tal-appoġġ u tal-investiment potenzjali minn sorsi pubbliċi jew privati oħra (il-punt (b) tal-Artikolu 209(2)).
Sabiex ikun hemm konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin li huma stabbiliti fil-punti 1 u 2 hawn taħt:
1. Fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali
Biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-investimenti fil-mira tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandhom jinkludu waħda minn dawn il-karatteristiċi:
(a) Ikollhom in-natura ta’ ben pubbliku li għalih l-operatur jew il-kumpanija ma jistgħux jiksbu biżżejjed vantaġġi finanzjarji (bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, il-kura tas-saħħa u l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u d-difiża, u l-infrastrutturi disponibbli bl-ebda kost jew b’kost negliġibbli).
(b) Esternalitajiet li l-operatur jew il-kumpanija ġeneralment jonqsu milli jinternalizzaw bħall-investiment fir-R&Ż, l-effiċjenza enerġetika, il-protezzjoni klimatika jew il-ħarsien tal-ambjent.
(c) Asimmetriji fl-informazzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs u tal-kumpaniji ż-żgħar b’kapitalizzazzjoni medja, inklużi livelli tar-riskju ogħla relatati ma’ ditti fi stadju bikri, ditti prinċipalment b’assi intanġibbli jew b’kollateral insuffiċjenti, jew ditti li jiffukaw fuq attivitajiet b’riskju ogħla.
(d) Proġetti infrastrutturali transfruntiera u s-servizzi relatati jew fondi li jinvestu fuq bażi transfruntiera biex jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-suq intern u biex itejbu l-koordinament fis-suq intern.
(e) Skopertura għal livelli ogħla ta’ riskju f’ċerti setturi, pajjiżi jew reġjuni li jaqbżu l-livelli li l-atturi finanzjarji privati jistgħu jew huma lesti li jaċċettaw, inkluż fejn l-investiment ma kienx isir jew ma kienx isir fl-istess kobor minħabba n-novità tiegħu jew minħabba r-riskji assoċjati mal-innovazzjoni jew mat-teknoloġija mhux ippruvata.
(f) Fil-każ ta’ appoġġ għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fl-ambitu tat-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew, l-investiment ma kienx isir jew ma kienx isir fl-istess kobor permezz ta’ finanzjament mis-suq minn entitajiet stabbiliti u li joperaw fl-Unjoni minħabba d-diffikultajiet fl-internalizzazzjoni tal-benefiċċji pprovduti għall-interess strateġiku Ewropew.
(g) Fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali ġodda jew kumplessi f’konformità mal-punt (a)(iii) tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament.
2. Addizzjonalità
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandhom jissodisfaw iż-żewġ aspetti tal-addizzjonalità kif isemmi l-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju. Dan ifisser li l-operazzjonijiet ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor min-naħa tas-sorsi pubbliċi jew privati mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn l-operazzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jkollhom jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji li ġejjin:
(1) Biex jitqies addizzjonali għas-sorsi privati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Fond InvestEU għandu jappoġġa l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni billi jimmira għall-investimenti li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom (konsiderazzjonijiet ta’ natura ta’ ben pubbliku, esternalitajiet, asimmetriji fl-informazzjoni, koeżjoni soċjoekonomika jew ta’ tip ieħor), ma jistgħux jiġġeneraw biżżejjed redditu finanzjarju fil-livell tas-suq jew jinħassu riskjużi wisq (meta mqabbla mal-livelli ta’ riskju li l-entitajiet privati rilevanti jkunu lesti li jaċċettaw). Minħabba dawn il-karatteristiċi, tali operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ma jistgħux jaċċedu għall-finanzjament mis-suq f’kundizzjonijiet raġonevoli f’termini ta’ prezzijiet, rekwiżiti ta’ kollateral, it-tip ta’ finanzjament, il-maturità tal-finanzjament mogħti jew kundizzjonijiet oħra, u ma kinux isiru fl-Unjoni jew ma kinux isiru fl-istess kobor mingħajr l-appoġġ pubbliku.
(2) Biex jitqies addizzjonali għall-appoġġ eżistenti min-naħa ta’ sorsi pubbliċi oħra msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Fond InvestEU għandu jappoġġa biss l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li għalihom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor min-naħa tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Fond InvestEU; u
(b) l-operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment ma kinux isiru jew ma kinux isiru fl-istess kobor fl-Unjoni bi strumenti pubbliċi oħra eżisteni, bħall-istrumenti finanzjarji ta’ ġestjoni kondiviża li joperaw fil-livell reġjonali jew nazzjonali, għalkemm l-użu komplementari tal-InvestEU u ta’ sorsi pubbliċi oħra jrid ikun possibbli, b’mod partikolari fejn jista’ jinkiseb valur miżjud tal-Unjoni u fejn jista’ jiġi ottimizzat l-użu ta’ sorsi pubbliċi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politiki b’mod effiċjenti.
(3) L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fl-ambitu tat-tieqa għall-investiment strateġiku Ewropew jistgħu jitqiesu bħala addizzjonali kull meta dawn l-operazzjonijiet ma kinux isiru, jew mhux fl-istess kobor, minn entitajiet privati u pubbliċi oħra stabbiliti u li joperaw fl-Unjoni mingħar l-appoġġ tal-Fond InvestEU.
Bil-għan li jintwera li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE huma addizzjonali għall-appoġġ mis-suq u ta’ tip pubbliku ieħor, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jagħtu informazzjoni li turi mill-inqas waħda mill-karatteristiċi li ġejjin:
(a) Appoġġ li jingħata permezz ta’ pożizzjonijiet subordinati fir-rigward ta’ selliefa pubbliċi jew privati oħra jew fl-istruttura ta’ finanzjament
(b) Appoġġ li jingħata permezz ta’ ekwità jew kważi ekwità jew permezz ta’ dejn b’rekwiżiti ta’ perjodi ta’ maturità twal, prezzijiet, kollateral jew kundizzjonijiet oħra li mhumiex disponibbli biżżejjed fis-suq jew minn sorsi pubbliċi oħra
(c) Appoġġ li jingħata għall-operazzjonijiet li jippreżentaw profil ta’ riskju ogħla meta mqabbla mar-riskju ġeneralment aċċettat mill-attivitajiet standard tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew appoġġ li jingħata lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex jeċċedu l-kapaċità tagħhom stess biex jappoġġaw tali operazzjonijiet
(d) Parteċipazzjoni f’mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju li fil-mira tagħhom għandhom l-oqsma ta’ politika li tesponi lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għal livelli ta’ riskju ogħla meta mqabbla mal-livelli ġeneralment aċċettati mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew li l-atturi finanzjarji privati jistgħu jew huma lesti li jaċċettaw
(e) Appoġġ li jikkatalizza/jattira finanzjamenti privati jew pubbliċi addizzjonali u huwa komplementari għal sorsi privati u kummerċjali oħra, b’mod partikolari minn klassijiet ta’ investituri jew investituri istituzzjonali tradizzjonalment avversi għar-riskju, b’riżultat tal-effett ta’ senjalizzazzjoni tal-appoġġ mogħti fl-ambitu tal-Fond InvestEU
(f) Appoġġ li jingħata permezz ta’ prodotti finanzjarji li mhumiex disponibbli jew li mhumiex offruti f’livell suffiċjenti fil-pajjiżi jew fir-reġjuni fil-mira minħabba swieq neqsin, sottożviluppati jew inkompluti
Fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment b’intermedjazzjoni, partikolarment għall-appoġġ tal-SMEs, l-addizzjonalità għandha tkun ivverifikata fil-livell tal-intermedjarju, pjuttost milli fil-livell tar-riċevitur finali. Titqies li teżisti l-addizzjonalità meta l-Fond InvestEU jappoġġa lill-intermedjarju finanzjarju biex joħloq portafoll ġdid b’livell ta’ riskju ogħla jew iżid il-volum tal-attivitajiet li diġà jippreżentaw riskju għoli, meta mqabbla mal-livelli ta’ riskju li l-atturi finanzjarji privati u pubbliċi attwalment jistgħu jew huma lesti li jaċċettaw fil-pajjiżi jew fir-reġjuni fil-mira.
Il-garanzija tal-UE ma għandhiex tingħata għall-appoġġ ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament (pereżempju sostituzzjoni ta’ ftehimiet ta’ self eżistenti jew forom oħra ta’ appoġġ finanzjarju għal proġetti li diġà ġew parzjalment jew totalment materjalizzati), għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi u ġustifikati b’mod adegwat li fihom jintwera li l-operazzjoni fl-ambitu tal-garanzija tal-UE se tippermetti li jsir investiment ġdid f’qasam eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fl-ambitu tal-Anness II ta’ ammont, addizzjonali għall-volum abitwali ta’ attività min-naħa tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jew mill-intermedjarju finanzjarju, tal-anqas ekwivalenti għall-ammont tal-operazzjoni li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A ta’ dan l-Anness rigward il-falliment tas-suq, is-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u l-addizzjonalità.
B. Attivitajiet esklużi
Il-Fond InvestEU ma għandux jappoġġa:
(1) Attivitajiet li jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet individwali tal-persuni jew jiksru d-drittijiet tal-bniedem
(2) Fil-qasam tal-attivitajiet tad-difiża, l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni ta’ prodotti u teknoloġiji li huma pprojbiti mid-dritt internazzjonali applikabbli
(3) Prodotti u attivitajiet relatati mat-tabakk (il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ)
(4) Attivitajiet esklużi mill-finanzjament skont l-Artikolu [X] tar-Regolament [Orizzont Ewropa] 1 : riċerka dwar il-klonazzjoni tal-bnedmin għal skopijiet riproduttivi; attivitajiet maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji; u attivitajiet li joħolqu embrijuni umani unikament għall-fini ta’ riċerka jew għall-fini tal-akkwist ta’ ċelluli staminali, inkluż bi trasferiment nukleari taċ-ċelloli somatiċi
(5) Logħob tal-azzard (attivitajiet relatati mal-produzzjoni, mal-kostruzzjoni, mad-distribuzzjoni, mal-ipproċessar, mal-kummerċ jew mas-software)
(6) Kummerċ tas-sess u infrastrutturi, servizzi u mezzi ta’ komunikazzjoni relatati
(7) Attivitajiet li jinvolvu annimali ħajjin għal sperimentazzjoni u għal skopijiet xjentifiċi dment li ma tkunx tista’ tiġi garantita l-konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tal-Annimali Vertebrati Użati għal Sperimentazzjoni u għal Skopijiet Xjentifiċi Oħra 2
(8) Attività ta’ żvilupp ta’ proprjetajiet immobbli, bħal attività bl-iskop waħdieni li tirrinnova u tirriloka jew terġa’ tbigħ binjiet eżistenti kif ukoll proġetti immobiljari ġodda; madankollu, attivitajiet fis-settur immobiljari li huma relatati mal-objettivi speċifiċi tal-Programm InvestEU kif speċifikati fl-Artikolu 3(2) u/jew mal-oqsma eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fl-ambitu tal-Anness II, bħall-investimenti fil-proġetti ta’ effiċjenza enerġetika jew fl-akkomodazzjoni soċjali, għandhom ikunu eliġibbli
(9) Attivitajiet finanzjarji bħax-xiri jew il-kummerċ fl-istrumenti finanzjarji. B’mod partikolari, l-interventi li jimmiraw lejn l-akkwiżizzjoni (buy-out) maħsuba għal żmembrament tal-assi (asset stripping) jew lejn kapital ta’ sostituzzjoni maħsub għal żmuntar tal-assi (asset stripping) għandhom ikunu esklużi
(10) Attivitajiet ipprojbiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli
(11) Id-dekummissjonar, it-tħaddim, l-adattament jew il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari
(12) Investimenti relatati mal-attivitajiet tal-minjieri jew tal-estrazzjoni, proċessar, distribuzzjoni, ħżin jew kombustjoni ta’ fjuwils fossili solidi u żejt, kif ukoll investimenti relatati mal-estrazzjoni tal-gass. Din l-esklużjoni ma tapplikax għal:
(a) proġetti li għalihom ma hemm l-ebda teknoloġija alternattiva possibbli;
(b) proġetti relatati mal-prevenzjoni u mal-kontroll tat-tniġġis;
(c) proġetti mgħammra b’installazzjonijiet għall-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju jew għall-qbid u l-użu tad-diossidu tal-karbonju; proġetti industrijali jew ta’ riċerka li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra meta mqabbla mal-parametri referenzjarji tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet
(13) Investimenti fil-faċilitajiet għar-rimi tal-iskart f’landfill. Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti fis-segwenti:
(a) faċilitajiet ta’ landfill li huma element anċillari ta’ proġett ta’ investiment industrijali jew tal-minjieri u fil-każ li ntwera li l-użu ta’ landfill huwa l-unika għażla fattibbli għat-trattament tal-iskart industrijali jew tal-minjieri prodott mill-attività kkonċernata stess;
(b) faċilitajiet ta’ landfill eżistenti biex ikun żgurat l-użu ta’ gass tal-landfill u jkun promoss l-irkupru mil-landfills (landfill mining) u l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart
(14) Investimenti fl-impjanti ta’ trattament mekkaniku u bijoloġiku (TMB). Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti maħsuba biex l-impjanti TMB eżistenti jiġu modifikati retroattivament għal skopijiet ta’ rkupru enerġetiku jew għal operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ ta’ skart isseparat bħal kompostjar u diġestjoni anaerobika
(15) Investimenti f’inċineraturi għat-trattament tal-iskart. Din l-esklużjoni ma tapplikax għall-investimenti fis-segwenti:
(a) impjanti ddedikati esklużivament għat-trattament ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli;
(b) impjanti eżistenti, fejn l-investiment ikun għal skop ta’ żieda fl-effiċjenza enerġetika, ġbir tal-gassijiet tal-egżost għall-ħżin jew użu jew irkupru ta’ materjali mill-irmied tal-inċinerazzjoni dment li tali investimenti ma jirriżultawx f’żieda tal-kapaċità ta’ pproċessar ta’ skart tal-impjant
Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment mal-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti f’dan l-Anness fil-mument tal-iffirmar, biex jissorveljaw din il-konformità matul l-implimentazzjoni tal-proġett u biex jieħdu azzjonijiet korrettivi xierqa jekk ikun il-każ.
ANNESS […]
ANNESS […]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għar-REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
ANNESS I
Ammonti tal-garanzija tal-UE skont l-objettiv speċifiku
Id-distribuzzjoni indikattiva msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(2) għall-operazzjonijiet finanzjarji u tal-investiment għandha tkun kif ġej:
(a) sa EUR 20 051 970 000 għall-objettivi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2);
(b) sa EUR 10 166 620 000 għall-objettivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2);
(c) sa EUR 10 166 620 000 għall-objettivi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2);
(d) sa EUR 3 614 800 000 għall-objettivi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2);
(e) sa EUR 31 153 850 000 għall-objettivi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 3(2).
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2020
COM(2020) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Programm InvestEU
ANNESS IV
Il-Programm InvestEU – Strumenti predeċessuri
A. Strumenti ta’ ekwità:
Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (European Technology Facility, ETF98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar miżuri ta’ assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tat-tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).
Proġetti Pilota għat-Trasferiment tat-Teknoloġija (Technology Transfer Pilot , TTP): deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ finanzjament komplementari dwar il-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-attività “Suq intern tal-merkanzija u politiki settorjali” tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija għall-2007 u li tadotta d-deċiżjoni qafas dwar il-finanzjament tal-azzjoni preparatorja “L-UE tassumi r-rwol tagħha f’dinja globalizzata” u ta’ erba’ proġetti pilota “Erasmus imprendituri żgħażagħ”, “Miżuri għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni u sħubiji bejn mikro u SMEs”, “Trasferiment Teknoloġiku” u “Destinazzjonijiet Ewropej ta’ eċċellenza” tad-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża u l-Industrija għall-2007
Il-Faċilità Teknoloġika Ewropea (European Technology Facility, ETF01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/819/KE tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).
Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Programme High Growth and Innovative SME Facility, CIP GIF): id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15)
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility , CEF): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129) kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1)
Il-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir tal-Programm COSME (COSME Equity Facility for Growth, COSME EFG): ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33)
Ekwità InnovFin:
– ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104);
– ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81);
– id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965)
Tieqa tal-EaSI għall-Investmenti ta' Bini ta’ Kapaċità: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238)
B. Strumenti ta’ garanzija:
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs ’98 (SME Guarantee Facility '98, SMEG98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar miżuri ta’ assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tat-tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs ’01 (SME Guarantee Facility '01, SMEG01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/819/KE tal-20 ta' Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni '07 (Competitiveness and Innovation Programme SME Guarantee Facility '07, CIP SMEG07): id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15)
Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Garanzija (European Progress Microfinance Facility – Guarantee , EPMF-G): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).
Strument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji tal-Faċilità Finanzjarja (Risk-Sharing Instrument, RSI):
– id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1)
– id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 - 2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86)
– id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/974/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: Kapaċitajiet li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (mill-2007 sal-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299)
Strument ta’ Garanzija tal-EaSI: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238)
Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-Programm COSME (COSME Loan Guarantee Facility, COSME LGF): ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME), (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).
Dejn InnovFin:
– ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81)
– ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104)
– id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965)
Il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (Cultural and Creative Sectors Guarantee Facility, CCS GF): ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (mill-2014 sal-2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221)
Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti ( Student Loan Guarantee Facility, SLGF): ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).
Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (Private Finance for Energy Efficiency, PF4EE): ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185)
C. Strumenti għall-Kondiviżjoni tar-Riskji:
Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (Risk Sharing Finance Facility, RSFF): id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1)
InnovFin;
– ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104)
– ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81)
Strument ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility Debt Instrument, CEF DI): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129)
Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali (Natural Capital Financing Facility, NCFF): ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185)
D. Vejkoli ta’ Investiment Dedikati:
Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – Fonds commun de placements – fonds d'investissements spécialisés (European Progress Microfinance Facility, EPMF FCP-FIS): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).
Marguerite:
– ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks transEwropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1)
– id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 25.2.2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (il-Fond Marguerite)
Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (European Energy Efficiency Fund, EEEF): ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5)