Brussell, 7.8.2020

COM(2020) 362 final

2020/0167(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar proposti minn Partijiet oħra biex jiġu emendati l-Anness IV u Annessi oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (CoP-15). Il-Konferenza tal-Partijiet hija skedata għad-19 sat-30 ta’ Lulju 2021. Din il-proposta tkopri wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati dwar emendi possibbli tal-annessi rilevanti proposti minn Partijiet oħra.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata fit-22 ta’ Marzu 1989 u daħlet fis-seħħ fl-1992. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet fil-Konvenzjoni 1 . Il-Konvenzjoni issa torbot lil 187 Parti.

Ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni japplikaw għall-iskart perikoluż iddefinit fl-Artikolu 1 u elenkat fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni, u għal skart ieħor elenkat fl-Anness II li jinkludi l-iskart miġbur mill-unitajiet domestiċi, ir-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku u, mill-1 ta’ Jannar 2021, xi tipi ta’ skart tal-plastik. Il-Konvenzjoni telenka wkoll l-entrati tal-iskart fl-Anness IX li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dment li dan l-iskart ma jkunx fih materjal li jappartjeni għal kategorija fl-Anness I sa tali punt li jikkawzah juri karatteristika perikoluża msemmija fl-Anness III. L-iskart elettriku u elettroniku li huwa perikoluż huwa elenkat fl-Anness VIII (l-entrata A1180), u jekk mhuwiex perikoluż fl-Anness IX (l-entrata B1110). L-Anness II ma fih l-ebda entrata għall-iskart elettriku u elettroniku.

L-Anness IV tal-Konvenzjoni jelenka u jispeċifika l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jitqiesu bħala “rimi” skont id-definizzjoni ta’ dan it-terminu fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni. Fil-Konvenzjoni, it-terminu “rimi” jkopri kemm l-operazzjonijiet tar-rimi finali bħar-rimi fil-landfills u l-inċinerazzjoni (elenkati fl-Anness IVA), kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ rkupru bħar-riċiklaġġ u operazzjonijiet oħra ta’ rkupru (elenkati fl-Anness IVB).

L-importanza tal-elenkar fl-Anness IV hija li s-sustanzi jew l-oġġetti li jintremew jew li huma intenzjonati għar-rimi jew li jeħtieġ jintremew biss jitqiesu bħala “skart” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni, u “rimi” tfisser kwalunkwe operazzjoni speċifikata fl-Anness IV. Għalhekk ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni japplikaw biss għall-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV. Għalhekk jenħtieġ li dan l-Anness ikopri l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika, irrispettivament minn jekk dawn jitwettqux f’konformità mad-dritt nazzjonali jew internazzjonali jew minn jekk jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le. Jekk dan ma jkunx il-każ, dan joħloq lakuni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

Ir-rekwiżiti prinċipali tal-Konvenzjoni huma dawn li ġejjin:

·projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-iskart li huwa elenkat bħala perikoluż fl-Anness VIII minn pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi mhux tal-OECD 2 , u

·sistema ta’ kontroll (il-“proċedura PIC”) għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ skart elenkat bħala skart li jeħtieġ kunsiderazzjoni speċjali fl-Anness II jew inkella bħala skart perikoluż fl-Anness VIII iżda li mhuwiex soġġett għall-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni msemmija hawn fuq. Il-proċedura PIC tfisser li l-esportazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-importazzjoni u tat-tranżitu. In-notifika għandha ssir mill-Istat esportatur li jista’ jitlob ukoll lill-ġeneraturi jew lill-esportaturi jagħmlu dawn in-notifiki permezz tal-awtorità kompetenti tiegħu. In-notifiki għandhom isiru bil-miktub u għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni speċifikati fl-Anness V A tal-Konvenzjoni. L-esportazzjoni tal-iskart tista’ ssir biss jekk u meta l-Istati kollha kkonċernati jkunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni).

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija l-korp deċiżjonali prinċipali tal-Konvenzjoni. Hija għandha s-setgħa temenda l-Annessi tal-Konvenzjoni u tiltaqa’ kull sentejn.

Ir-rieżami tal-Annessi I, III u IV u tal-aspetti relatati tal-Anness IX tal-Konvenzjoni nbeda mit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-12) bid-deċiżjoni BC-12/1 tagħha 3 .

It-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-13) iddeċidiet li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ta’ esperti (EWG) għar-rieżami tal-Annessi msemmijin hawn fuq, li huwa magħmul minn 50 membru nnominati mill-Partijiet abbażi ta’ rappreżentanza ġeografika ekwa tal-ħames gruppi reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-parteċipanti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-EWG huma l-Kummissjoni, l-Estonja, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Polonja. Is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-kontributi orali ġew ikkoordinati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet Ambjentali Internazzjonali (WPIEI). Is-CoP-13 qablet li jenħtieġ li l-EWG jagħti iktar prijorità lill-ħidma fuq l-Anness IV u fuq l-aspetti relatati tal-Anness IX. Matul l-2017 sal-2019, l-UE u l-Istati Membri tagħha ssottomettew proposti preliminari għal emendi tal-Anness IV lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni u lill-EWG.

Matul l-14-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-14), il-mandat tal-EWG ġie estiż permezz tad-deċiżjoni BC-14/16 tagħha, biex jirrieżamina wkoll iż-żewġ entrati eżistenti għall-iskart elettriku u elettroniku, jiġifieri l-entrata B1110 fl-Anness IX u l-entrata korrispondenti A1180 fl-Anness VIII, kif ukoll l-implikazzjonijiet konsegwenzjali tar-rieżami tal-Annessi I, III u IV għall-Annessi l-oħra tal-Konvenzjoni u għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet. Bid-deċiżjoni BC-14/16 tagħha, is-CoP-14 talbet lill-EWG jkompli bil-ħidma tiegħu kif ġej: il-proposti għall-emendi tal-Annessi IV, VIII (A1180) u IX (B1110) jiġu nnegozjati u possibbilment adottati fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-15).

L-EWG ħareġ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet u possibbiltajiet għall-Partijiet biex iqisu jekk jixtiqux jissottomettu proposti għas-COP-15. L-iskadenza stabbilita mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea għas-sottomissjoni tal-proposti għall-emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni tagħlaq fl-4 ta’ Diċembru 2020, u tqis il-posponiment tal-Konferenza tal-Partijiet minn Mejju sa Lulju tal-2021.

L-għan tal-proposti huwa li jiġu emendati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni. Jekk il-proposti jiġu adottati, dawn iwasslu għal iktar ċarezza ġuridika u għalhekk jiffaċilitaw il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u l-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali. Huma se jappoġġaw ukoll l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

Bejn l-2017 u l-2019, l-UE u l-Istati Membri tagħha ressqu proposti preliminari dwar il-lista tal-operazzjonijiet ta’ rimi mogħtija fl-Anness IV lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni u lill-EWG. Dawn il-proposti ġew diskussi ma’ Partijiet oħra li jipparteċipaw fl-EWG. Fl-EWG ġew diskussi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-klassifikazzjonijiet tal-iskart elettriku u elettroniku fl-Annessi VIII u IX.

Jekk ikun hemm qbil dwar xi emendi fis-CoP-15, dawn ikollhom jiġu implimentati fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-iskart, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE 4 (il-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li tikkorrispondi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni) u fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 5 tal-UE dwar vjeġġi tal-iskart (l-entrati speċifiċi għall-iskart elettriku u elettroniku li jikkorrispondu għall-Annessi VIII u IX tal-Konvenzjoni).

2.3.L-att previst

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipproponi dan li ġej:

li jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-introduzzjoni ġenerali, tas-sottotitoli deskrittivi u tat-test introduttorju tiegħu biex ikun hemm distinzjoni bejn it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex dawn jiġu spjegati, u biex jiġi ċċarat li huma koperti l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart;

li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart fl-Anness IV u li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kollha, inklużi l-operazzjonijiet interim, jiġu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

Fil-prinċipju, din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati jekk Partijiet oħra jipproponu emendi addizzjonali tal-Annessi rilevanti, soġġett għal koordinazzjoni fuq il-post. Dawn il-proposti jistgħu jikkonċernaw il-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart fl-Anness IV u l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Annessi VIII u IX, u jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-Anness II tal-Konvenzjoni.

Il-modifiki tal-Annessi tal-Konvenzjoni se jkollhom jiġu implimentati permezz ta’ emendi tad-Direttiva 2008/98/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Id-Direttiva 2008/98/KE tinkludi l-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li tikkorrispondi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jinkludi l-entrati speċifiċi għall-iskart elettriku u elettroniku li jikkorrispondu għall-Annessi VIII u IX tal-Konvenzjoni.

Il-bidliet għall-operaturi u għall-awtoritajiet fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-UE se jkunu jiddependu fuq it-tipi ta’ bidliet li jista’ jintlaħaq qbil dwarhom (b’mod partikolari liema Annessi fl-aħħar mill-aħħar jiġu emendati), fuq it-tip ta’ skart u fuq il-pajjiżi destinatarji.

L-emendi tal-Anness IV tal-Konvenzjoni mhux se jkollhom konsegwenzi diretti għall-esportazzjonijiet jew għal vjeġġi oħra tal-iskart, iżda se jiċċaraw id-deskrizzjoni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li għandhom jitwettqu wara li jkun ġie ttrasportat l-iskart. Dan se jiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet meta dawn iwettqu l-kontrolli fuq il-vjeġġi tal-iskart u se jgħinhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni bil-ħsieb li jevitaw il-vjeġġi illegali. Dan se jappoġġa wkoll l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

Sa fejn kategoriji addizzjonali ta’ skart elettriku u elettroniku huma inklużi fl-Anness II jew VIII tal-Konvenzjoni, u sa fejn l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jiġi emendat kif meħtieġ, l-esportazzjonijiet ta’ dan l-iskart mill-UE lejn pajjiżi mhux tal-OECD jkun ipprojbit skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Fil-prinċipju, l-esportazzjonijiet ta’ dan l-iskart fl-OECD jkollhom isegwu l-proċedura PIC. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-emendi tal-Konvenzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 twassal ukoll biex il-vjeġġi tal-iskart fl-UE li jkunu għadhom kemm ġew inklużi fl-Annessi II jew VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basilea jkunu soġġetti għall-proċedura ta’ notifika, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

Il-proċedura biex jiġu emendati l-Annessi tal-Konvenzjoni hija rregolata mill-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni. B’mod aktar partikolari, kwalunkwe emenda proposta trid issir minn Parti u tintbagħat mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha mill-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Barra minn hekk, kwalunkwe emenda bħal din trid tiġi adottata f’laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. L-att previst se jkun jorbot lill-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 18(2)(c) tal-Konvenzjoni, li jgħid hekk: “Mat-tmiem ta’ sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju, l-Anness għandu jsir effettiv għall-Partijiet kollha ta’ din il-Konvenzjoni jew ta’ kull Protokoll ikkonċernat, li ma jkunux bagħtu notifika skont id-dispożizzjoni tas-subparagrafu (b)”.

3.POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

Jenħtieġ li l-Unjoni tibgħat proposti rigward l-Anness IV tal-Konvenzjoni:

·biex l-Anness IV jiġi emendat biex ikun fih introduzzjoni ġenerali li tkun tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex jiġi ċċarat li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”);

·biex l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet mhux ta’ rkupru (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u

·biex l-Anness IV jiġi emendat f’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet eżistenti u mal-introduzzjoni ta’ operazzjonijiet ġodda fih, fost l-oħrajn bil-għan li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u li jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

Il-proposti ta’ hawn fuq għandhom l-objettivi li ġejjin:

·li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ u li għalhekk, jekk jiġu adottati, itejbu l-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali;

·li jtejbu ċ-ċarezza ġuridika u fehim u interpretazzjoni komuni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mill-Partijiet; u

·li jappoġġaw l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart f’livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

Jekk Partijiet oħra jipproponu emendi tal-Annessi rilevanti li jkunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk tal-proposta tal-Unjoni, fil-prinċipju l-Unjoni tkun tista’ tappoġġa t-tali proposti. Dan jista’ jikkonċerna l-lista tal-operazzjonijiet mogħtija fl-Anness IV u l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li bħalissa jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110), u jista’ jikkonċerna wkoll entrati ġodda proposti għall-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali). Il-proposti dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II u fl-Anness VIII jistgħu jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi ta’ hawn fuq b’rabta ma’ wieħed mill-flussi tal-iskart li jikkawża l-iktar tħassib serju għall-ambjent u għas-saħħa, u li għandu wkoll wieħed mill-ogħla potenzjali biex jikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari.

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jiġu implimentati fl-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, li fl-Annessi I u II tagħha tinkludi l-listi tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jikkorrispondu għall-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, u permezz tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, li jirregola l-esportazzjonijiet mill-Unjoni u l-importazzjonijiet lejha kif ukoll il-vjeġġi bejn l-Istati Membri (fl-Artikolu 1 tiegħu). Id-Direttiva u r-Regolament japplikaw ukoll fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“iż-ŻEE”).

Meta jiġu adottati emendi tal-Annessi II u VIII tal-Konvenzjoni, dawn ikollhom jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, fid-Direttiva 2008/98/KE u fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Il-modifiki fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jistgħu jfissru li l-vjeġġi fl-UE u fiż-ŻEE ta’ kategoriji ġodda ta’ skart imsemmija fl-Anness II jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll ġodda u għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-OECD għal dan l-iskart. Filwaqt li din is-sitwazzjoni tkun mixtieqa għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-UE, hija jista’ jkollha effetti mhux mixtieqa u problematiċi fuq il-vjeġġi fl-UE u fiż-ŻEE tal-iskart maħsub għar-riċiklaġġ, minħabba li dawn se jiġu soġġetti għal proċeduri ġodda ta’ notifika. Dawn il-vjeġġi diġà huma soġġetti għal rekwiżiti tal-ħarsien ambjentali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri amministrattivi ġodda tista’ tikkomplika iktar ir-riċiklaġġ fl-UE u tagħmlu iktar għali, filwaqt li ġġib biss benefiċċji limitati mil-lat ambjentali.

Sabiex tinżamm is-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni u fiż-ŻEE, jiġifieri mingħajr is-sistema ta’ kontroll tal-Konvenzjoni, ikun jeħtieġ li jiġu nnotifikati d-dispożizzjonijiet ikkonċernati lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni u li jittieħdu l-passi meħtieġa skont id-Deċiżjoni tal-OECD. L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jippermetti lill-Partijiet jagħmlu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew reġjonali bejniethom dwar il-movimenti transfruntiera tal-iskart, dment li l-ftehimiet jew l-arranġamenti jkunu kompatibbli mal-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart kif titlob il-Konvenzjoni. Il-ftehimiet jew l-arranġamenti għandhom jistipulaw dispożizzjonijiet li ma jkunux inqas ambjentalment korretti minn dawk li tipprevedi l-Konvenzjoni u għandhom iqisu b’mod partikolari l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Saru notifiki skont l-Artikolu 11 pereżempju dwar id-Deċiżjoni tal-OECD.

B’hekk din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi li, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tinnotifika d-dispożizzjonijiet applikati għall-vjeġġi tal-iskart tal-kategoriji l-ġodda fl-Unjoni u fiż-ŻEE, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jvarjaw mill-att previst, u filwaqt li tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħna huma bbażati fuq sistema ta’ mmaniġġjar ambjentalment korrett li hija kompatibbli mal-Konvenzjoni. Jeħtieġ jittieħdu wkoll passi biex is-Segretarjat tal-OECD jiġi mgħarraf bis-sitwazzjoni msemmija hawn fuq minħabba r-rabtiet bejn l-emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-OECD imsemmija hawn fuq.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija korp stabbilit mill-Konvenzjoni.

L-att li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta huwa att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Dan se jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Id-Direttiva u r-Regolament jimplimentaw il-Konvenzjoni, fost l-oħrajn billi jistabbilixxu l-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart u l-proċeduri għall-esportazzjoni mill-Unjoni u għall-importazzjoni lejha, kif ukoll għall-vjeġġi bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva u r-Regolament japplikaw ukoll fiż-ŻEE. Meta l-Annessi tal-Konvenzjoni jkunu ġew emendati, ikun jeħtieġ li dawn l-emendi jiġu implimentati fid-Direttiva u fir-Regolament imsemmija hawn fuq, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar il-vjeġġi tal-iskart fl-UE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ambjentali.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.

2020/0167 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar proposti minn Partijiet oħra biex jiġu emendati l-Anness IV u Annessi oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE 6 .

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jimplimenta l-Konvenzjoni fl-Unjoni. Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart 8 tinkludi l-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart inklużi fl-Anness IV tal-Konvenzjoni.

(3)Skont l-Artikolu 15(5)(b) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tqis u tadotta, kif meħtieġ, l-emendi tal-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. L-emendi tal-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

(4)Abbażi ta’ proposta skont l-Artikoli 17 sa 18 tal-Konvenzjoni sottomessa mill-Unjoni jew minn kwalunkwe Parti oħra fil-Konvenzjoni, matul il-15-il laqgħa tagħha f’Lulju tal-2021, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tqis emendi tal-Annessi II, IV, VIII u IX tal-Konvenzjoni.

(5)Jenħtieġ li l-Unjoni tissottometti proposti biex l-Anness IV tal-Konvenzjoni jiġi emendat sabiex ikun jinkludi introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex ikun jiċċara li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”); biex jiġu inklużi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet ta’ rimi finali (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u biex jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u biex jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

(6)Id-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart inklużi fl-Anness IV huma ġenerali u jistgħu jibbenefikaw minn aktar ċarezza. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-iżvilupp ta’ avviżi ta’ spjegazzjoni jew ta’ gwida min-naħa tal-Konferenza tal-Partijiet biex jiġi ċċarat aktar il-kontenut ta’ dawn l-operazzjonijiet. Jenħtieġ li dawn l-avviżi jew din il-gwida jipprovdu spjegazzjonijiet u eżempji tal-operazzjonijiet koperti, u li dawn ma jiġux inklużi fit-test tal-Konvenzjoni.

(7)Il-proposti ta’ hawn fuq għandhom l-objettivi li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ u għalhekk, jekk jiġu adottati, itejbu l-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart; jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali; itejbu ċ-ċarezza ġuridika u jistabbilixxu fehim u interpretazzjoni komuni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mill-Partijiet; u jappoġġaw l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart f’livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

(8)Barra minn hekk, jenħtieġ li, fil-prinċipju, l-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti sussegwentement minn Partijiet oħra fil-Konvenzjoni li jikkonċernaw il-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mogħtija fl-Anness IV, l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110), u l-entrati l-ġodda proposti għat-tali skart fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali), dment li dawn ikunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk tal-proposta tal-Unjoni.

(9)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi l-att previst (modifika tal-Annessi tal-Konvenzjoni) se jkun jorbot lill-Unjoni u se jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(10)Huwa xieraq li tinżamm is-sitwazzjoni attwali għall-vjeġġi tal-iskart elettriku u elettroniku mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE, u għalhekk li ma tintużax is-sistema ta’ kontroll li tirriżulta miż-żieda possibbli ta’ entrata fl-Anness II tal-Konvenzjoni għat-tali vjeġġi. Għal dak il-għan, sa fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-Unjoni tuża l-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni tal-OECD 9 u l-proċedura għad-dħul fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew reġjonali dwar il-moviment transfruntier ta’ skart perikoluż jew ta’ skart ieħor mal-Partijiet jew ma’ non-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni 10 , biex tiżgura li ma jiġi impost l-ebda kontroll addizzjonali fuq il-vjeġġi tal-iskart mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE minħabba l-adozzjoni ta’ emendi tal-Anness II tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, l-Unjoni għandu jkollha dawn l-objettivi:

(a)li tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ, li ttejjeb il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u li tiffaċilita l-prevenzjoni tal-vjeġġi tal-iskart illegali;

(b)li ttejjeb iċ-ċarezza ġuridika u l-fehim u l-interpretazzjoni komuni mill-Partijiet tal-“operazzjonijiet ta’ rimi” koperti mill-Anness IV;

(c)li tappoġġa l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

2.Fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, u sabiex jintlaħqu l-objettivi elenkati fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tissottometti l-proposti li ġejjin:

(a)li l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi introduzzjoni ġenerali li tkun tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex ikun jiċċara li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”);

(b)li l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet ta’ rimi finali (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u

(c)li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Anness IV f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u li jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi fl-Anness IV, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

3.Proposta ddettaljata skont il-paragrafi (a) sa (c) ta’ hawn fuq hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni.

4.L-Unjoni għandha tappoġġa l-idea li n-noti ta’ spjegazzjoni jew il-gwida jiġu żviluppati mill-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni biex jiġi ċċarat iktar il-kontenut tal-operazzjonijiet ta’ rimi mogħtija fl-Anness IV. Jenħtieġ li dawn in-noti ta’ spjegazzjoni jew din il-gwida ma jkunux inklużi fil-Konvenzjoni nnifisha.

Artikolu 2

L-Unjoni tista’ tappoġġa l-emendi proposti minn Partijiet oħra fil-Konvenzjoni rigward:

1.il-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mogħtija fl-Anness IV;

2.l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110); u

3.l-entrati l-ġodda proposti għall-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali),

dment li jkunu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu mal-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 fid-dawl ta’ żviluppi li jkun hemm waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

F’każ li l-Annessi rilevanti tal-Konvenzjoni jiġu emendati waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, sa fejn ikun meħtieġ l-Unjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa skont id-Deċiżjoni tal-OECD u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni 11 biex tiżgura li l-kontrolli attwali fuq il-vjeġġi tal-iskart mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE ma jintlaqtux.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1).
(2)    L-Artikolu 4A tal-Konvenzjoni, li daħal fis-seħħ f’Diċembru tal-2019, jipprojbixxi l-movimenti transfruntiera kollha tal-iskart perikoluż kopert mill-Konvenzjoni minn kull Parti inkluża fl-Anness VII (Partijiet u Stati oħra li huma membri tal-OECD, l-UE u l-Liechtenstein) lejn Stati li mhumiex inklużi fl-Anness VII.
(3)    Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, ara http://www.basel.int/Implementation/LegalMatters/LegalClarity/ReviewofAnnexes/AnnexesI,III,IVandrelatedaspectsofAnnexes/tabid/6269/Default.aspx .
(4)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3), kif emendata.
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1), kif emendat.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal-1 ta’ Frar 1993 dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (il-Konvenzjoni ta’ Basel) (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1), kif emendat.
(8)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3), kif emendata.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) C(2001)107/FINALI dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/FINALI dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart iddestinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru (“id-Deċiżjoni tal-OECD”).
(10)    Kun af li l-Unjoni tinsab fi stadju avvanzat fl-użu tal-proċedura skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, u b’hekk jista’ jkun li ma jkunx hemm għalfejn jissemma dan f’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
(11)    Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 10.

Brussell, 7.8.2020

COM(2020) 362 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar proposti minn Partijiet oħra biex jiġu emendati l-Anness IV u Annessi oħra


ANNESS

Proposta tal-UE għal emendi tal-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea (proposta għal test ġdid tal-Anness IV):

Anness IV 1

Operazzjonijiet ta’ rimi

L-operazzjonijiet ta’ rimi jinqasmu f’żewġ kategoriji, jiġifieri fl-operazzjonijiet ta’ rkupru u f’dawk li mhumiex ta’ rkupru. It-Taqsima A tiġbor fiha l-operazzjonijiet li mhumiex ta’ rkupru, waqt li t-Taqsima B tiġbor fiha l-operazzjonijiet ta’ rkupru.

Dan l-Anness ikopri l-operazzjonijiet tar-rimi inklużi l-operazzjonijiet interim.

Dan l-Anness ikopri l-operazzjonijiet kollha tar-rimi, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u, b’hekk, minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le.

 

A.    Operazzjonijiet li mhumiex ta’ rkupru

Operazzjoni li mhijiex ta’ rkupru hija operazzjoni li mhijiex operazzjoni ta’ rkupru anke meta l-operazzjoni jkollha bħala konsegwenza sekondarja tagħha r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew tal-enerġija.

D*1    Id-depożitu f’miżbla fuq l-art li tkun iżolata mill-ambjent

D*2    Il-lagunaġġ (pereżempju t-tqegħid tal-likwidu jew tal-ħama f’fosos, jew f’għadajjar jew f’digi tal-fdalijiet)

D*3    Id-depożitu fuq l-art minbarra dak kopert mill-punti D*1 u D*2 (pereżempju l-ħżin permanenti fuq l-art)

D*4    Il-ħżin permanenti taħt l-art (pereżempju t-tqegħid tal-kontenituri f’minjiera)

D*5    Id-depożitu fl-art minbarra dak kopert mill-punt D*4 (pereżempju l-injezzjoni fil-bjar, il-munzelli tal-melħ ta’ repożitorji naturali)

D*6    It-trattament fuq il-post fuq l-art (pereżempju l-bijodegradazzjoni jew it-trattament kimiku fil-ħamrija)

D*7    Ir-rilaxx f’ilmijiet li mhumiex ibħra jew oċeani

D*8    Ir-rilaxx fl-ibħra jew fl-oċeani, inkluż l-inseriment f’qiegħ il-baħar

D*9    Ir-rilaxx fl-atmosfera (pereżempju r-rilaxx intenzjonat u kkontrollat tal-gassijiet ikkompressati jew likwifikati)

D*10    It-trattament termali minbarra dak kopert mill-punt R*5 tat-Taqsima B (pereżempju l-inċinerazzjoni)

D*11    L-operazzjonijiet ta’ rimi finali minbarra dawk koperti mill-punti D*1 sa D*10

D*12    It-trattament bijoloġiku qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*13    It-trattament fiżiku mekkaniku (pereżempju l-evaporazzjoni u t-tnixxif), it-trattament fiżiku kimiku (pereżempju l-estrazzjoni tas-solventi), it-trattament kimiku (pereżempju n-newtralizzazzjoni u l-preċipitazzjoni) jew l-immobilizzazzjoni (pereżempju l-istabbilizzazzjoni u s-solidifikazzjoni) qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*14    It-trattament mekkaniku minbarra dak kopert mill-punt D*15 (pereżempju ż-żarmar, l-għażla, it-tifrik, l-ikkumpattar, it-tgerbib, it-tqattigħ, il-kundizzjonament u s-separazzjoni) qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*15 It-taħlit, inkluż it-taqbil, qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*16 L-ippakkjar mill-ġdid qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*17    Trattament ieħor minbarra dak kopert mill-punti D*12 sa D*16 qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima A

D*18    Il-ħżin temporanju sa ma ssir waħda mill-operazzjonijiet tat-Taqsima A

B.    Operazzjonijiet ta’ rkupru

Operazzjoni ta’ rkupru hija operazzjoni li r-riżultat ewlieni tagħha huwa skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li kieku kienu jintużaw biex jaqdu funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat biex jaqdi dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’.

R*1    Il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid (pereżempju l-verifika, it-tindif, it-tiswija u r-rikondizzjonar)

R*2    Ir-riċiklaġġ tas-sustanzi organiċi

R*3    Ir-riċiklaġġ tal-metalli u tal-komposti tal-metall

R*4    Ir-riċiklaġġ ta’ materjali inorganiċi oħrajn

R*5    It-trattament termali bl-għan ewlieni li tiġi ġġenerata l-enerġija

R*6    L-operazzjonijiet ta’ rkupru minbarra dawk koperti mill-punti R*1 sa R*5

R*7    It-trattament bijoloġiku qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*8    It-trattament fiżiku mekkaniku (pereżempju l-evaporazzjoni u t-tnixxif), it-trattament fiżiku kimiku (pereżempju l-estrazzjoni tas-solventi) jew it-trattament kimiku (pereżempju n-newtralizzazzjoni u l-preċipitazzjoni) qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*9    It-trattament mekkaniku minbarra dak kopert mill-punt R*10 (pereżempju ż-żarmar, l-għażla, it-tifrik, l-ikkumpattar, it-tgerbib, it-tqattigħ, il-kundizzjonament u s-separazzjoni) qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*10 It-taħlit, inkluż it-taqbil, qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*11 L-ippakkjar mill-ġdid qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*12    Trattament ieħor minbarra dak kopert mill-punti R*7 sa R*9 qabel is-sottomissjoni għal kull operazzjoni tat-Taqsima B

R*13    Il-ħżin temporanju sa ma ssir waħda mill-operazzjonijiet tat-Taqsima B

(1)    L-emendi ta’ dan l-Anness jidħlu fis-seħħ [mid-data li tkun sentejn wara l-adozzjoni min-naħa tal-Konferenza tal-Partijiet] u l-asterisks mhux se jibqgħu jintużaw [mid-data li tkun erba’ snin wara l-adozzjoni min-naħa tal-Konferenza tal-Partijiet].