Brussell, 16.7.2020

COM(2020) 319 final

2020/0142(APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim ta’ Pariġi fl-4 ta’ Ottubru 2016 u impenjat ruħha li tikkontribwixxi biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal ferm inqas minn 2°C u li tagħmel sforzi biex din tiġi limitata għal 1,5°C. B’segwitu għal dan l-obbligu internazzjonali, l-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha, qablet li tiffissa sett ta’ miri ambizzjużi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ bejn 80 % u 95 % sal-2050 u ta’ 40 % sal-2030.

F’Novembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni strateġika fit-tul tagħha biex sal-2050 ikollha ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali f’termini tal-impatt fuq il-klima msejħa “Pjaneta nadifa għal kulħadd” 1 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, wara l-istediniet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni fasslet sett ta’ miżuri, fosthom biex tesplora kif l-assi tal-Komunità tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni jistgħu jappoġġaw it-teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero.

F’konformità mal-viżjoni fit-tul tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat f’Diċembru 2019, il-Komunikazzjoni Ewropea dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 . Fost il-miżuri li għandhom jittieħdu, il-Kummissjoni poġġiet id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-azzar fuq quddiem tal-aġenda politika u impenjat ruħha li tesplora jekk tistax tintuża parti mill-finanzjament permezz tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar f’likwidazzjoni biex jiġu appoġġati proċessi tal-produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero sal-2030. Fid-deċennji li ġejjin, l-Ewropa teħtieġ bejn EUR 175 u EUR 290 biljun f’investimenti addizzjonali kull sena. F’dan il-kuntest, fi ħdan il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni tissuġġerixxi r-reviżjoni tal-bażijiet ġuridiċi tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar biex jiġi inċentivat il-fluss tal-kapital privat lejn proġetti ekoloġiċi.

Il-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (RFCS) huwa programm ta’ finanzjament tal-UE li jiffinanzja l-proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-faħam u l-azzar. L-RFCS għandu l-bażijiet ġuridiċi tiegħu stess barra mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Wara l-iskadenza tat-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ECSC) fl-2002 u skont il-Protokoll 37 anness mat-Trattati tal-UE, l-Istati Membri stabbilew il-“Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar” (RFCS) il-ġdid bħala kontinwazzjoni tal-Programmi ta’ Riċerka u Żvilupp Tekniku dwar il-Faħam u l-Azzar tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Il-Programm ta’ Riċerka RFCS kien jipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ madwar EUR 40 miljun fis-sena lis-setturi marbuta mal-faħam u l-azzar (b’distribuzzjoni ta’ 27,2 % għall-faħam u 72,8 % għall-azzar) u jlaqqa’ flimkien is-sħab industrijali, l-SMEs, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet ewlenin madwar l-Unjoni Ewropea biex jiżviluppaw l-għarfien u jrawmu l-innovazzjoni. L-attivitajiet tiegħu huma ffinanzjati mid-dħul iġġenerat mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 37. Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-fluttwazzjonijiet li jistgħu joħolqu l-movimenti fuq is-swieq finanzjarji fil-finanzjament tar-riċerka, se jiġi applikat arranġament ta’ livellar. Madankollu, wara tnaqqis fid-dħul mill-ġestjoni tal-assi, l-alimentazzjoni tal-baġit tal-RFCS, mid-dħul nett u mill-mekkaniżmu ta’ livellar, naqset minn EUR 42 miljun fl-2017 għal EUR 12-il miljun fl-2019. Fl-2017, il-Kummissjoni pproponiet l-użu ta’ diżimpenji u ordnijiet ta’ rkupru biex il-baġit jiżdied għal EUR 40 miljun sal-2020 3 . F’April 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva [P8_TA (2018)0061] 4 li takkumpanja l-kunsens tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/599 5 , li kellha l-għan li tawtorizza l-użu tad-diżimpenji u l-ordnijiet ta’ rkupru kollha li saru permezz tal-programm “Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar” (RFCS) mill-2003. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew sejjaħ biex il-ġestjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni ssir aktar attiva, jew anke biex jintużaw uħud minn dawk il-fondi biex jitnedew proġetti kbar biex l-azzar Ewropew isir iktar nadif u kompetittiv.

Kif rikonoxxut 6 , hemm bżonn finanzjament annwali ta’ mill-inqas EUR 40 miljun biex jiġi implimentat b’suċċess il-programm ta’ riċerka RFCS. Madankollu, skont ir-rata tal-imgħax attwali, meta jitqies l-eżawriment tar-riżorsi disponibbli biex jitħaddem il-mekkaniżmu ta’ livellar u fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit, se jkun diffiċli li jiġu ġġenerati redditi annwali xierqa mill-assi investiti fit-terminu qasir u medju.

Rieżami riċenti mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar 7 ikkonkluda li l-finanzjament tal-RFCS fuq il-bażi unika ta’ dħul nett mill-ġestjoni tal-assi mhuwiex sostenibbli fl-ambjent attwali li jikkaratterizza r-rata tal-imgħax. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Awdituri ssuġġeriet li r-reviżjoni tal-linji gwida finanzjarji kienet urġenti u kellha twieġeb kif l-ekwità tal-KEFA f’likwidazzjoni setgħet issir produttiva fil-programmi qafas għar-riċerka tal-UE.

F’Ġunju 2019, il-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar (CAG u SAG) 8 ħeġġew għar-reviżjoni tal-bażijiet ġuridiċi biex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-programm, filwaqt li jiġu adattati l-objettivi għall-ħtiġijiet attwali tas-settur. Fl-istess ħin, dawn approvaw l-użu progressiv ta’ sehem tal-assi, bejn wieħed u ieħor daqs terz (li jikkorrispondi għal madwar EUR 50-70 miljun fis-sena għas-snin 2021-2027) biex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ riċerka fis-settur tal-faħam u l-azzar, f’sinerġija mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, l-inizjattiva dwar ir-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni 9 , Orizzont Ewropa u l-Fond ta’ Innovazzjoni. Fil-25 ta’ Ġunju 2019, il-grupp ad hoc tal-CAG-SAG approva l-ftuħ tal-assi tal-KEFA.

Fis-setturi intensivi fl-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni jippermettu l-iżvilupp u l-wiri ta’ installazzjoni fuq skala xierqa biex jittestjaw id-data teknika u ekonomika kollha biex jitkompla l-isfruttar industrijali jew kummerċjali tat-teknoloġija bl-inqas riskju. Il-Komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku tal-2019 tipproponi li jiġu appoġġati teknoloġiji rivoluzzjonarji u nodfa tal-azzar li jwasslu għal proċess tal-produzzjoni tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju sal-2030, u li jiġi esplorat jekk tkunx tista’ tintuża parti mill-finanzjament li qed jiġi likwidat permezz tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Il-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar se jiżviluppa b’mod partikolari produzzjoni tal-azzar nadifa bħala fattur li jista’ jwassal għal tibdil radikali f’setturi oħra intensivi fl-enerġija, bħas-setturi tal-kimika u tas-siment, lejn in-newtralità tal-klima sal-2050.

Konsegwentement, ir-reviżjoni tal-bażijiet ġuridiċi tal-RFCS kisbet ċerta rilevanza, urġenza u ambizzjoni.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, din il-proposta tissuġġerixxi bidliet fid-Deċiżjoni attwali. Din għandha l-għan li tbigħ parti mill-assi 10 tal-KEFA f’likwidazzjoni għall-perjodu 2021-2027 sabiex tipprovdi allokazzjoni annwali tal-RFCS ta’ EUR 111-il miljun. Din l-allokazzjoni annwali se tkompli tappoġġa r-riċerka fis-setturi relatati mal-faħam u l-azzar permezz tal-Programm ta’ Riċerka RFCS, u se tappoġġa wkoll it-teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero sal-2030 u proġetti ta’ riċerka għas-settur tal-faħam li jieħdu ħsieb it-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u f’konformità mal-Artikolu 4(2). B’mod speċifiku għas-settur marbut mal-industrija tal-azzar, il-Kummissjoni se timmira li tappoġġa proġetti ta’ riċerka, permezz ta’ sħubija koprogrammata għal Azzar Nadif 11 apposta f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni Ewropea, speċjalment mal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Sħubija pubblika privata Ewropea titqies bħala għodda siewja għall-appoġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka ta’ importanza strateġika biex l-Unjoni tkun tista’ tindirizza l-isfidi globali u żżomm il-kompetittività tagħha.

Il-bidliet proposti biex jiġi permess l-użu tal-assi tal-fondi fejn meħtieġ biex tingħata allokazzjoni annwali ta’ EUR 40 miljun u jiġu ffinanzjati proġetti kbar ta’ riċerka u innovazzjoni.

Qed jiġi propost li d-Deċiżjoni 2003/76/KE tiġi emendata biex tipprevedi allokazzjoni annwali lill-RFCS sas-sena 2027 li tintuża kif ġej: EUR 40 miljun fis-sena se jiffinanzjaw ir-riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-faħam u l-azzar filwaqt li l-EUR 71 miljun li jifdal se jiffinanzjaw it-teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Jenħtieġ li dawn l-allokazzjonijiet u pagamenti relatati jkunu ġġenerati mid-dħul nett mill-investimenti u, fejn meħtieġ, mir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ tal-assi.

Jenħtieġ li din l-allokazzjoni tiġi inkluża b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni sabiex tippermetti fluss prevedibbli ta’ riżorsi, fuq skala suffiċjenti biex tippermetti l-kontinwazzjoni tal-appoġġ mixtieq għal riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-azzar u tal-faħam.

Sal-lum, l-assi f’likwidazzjoni tal-ECSC ġew ġestiti fuq il-bażi li r-redditu mill-assi investiti jkun il-mezz li bih jiġu ffinanzjati proġetti ta’ riċerka. Dan huwa rifless fil-lingwaġġ tat-taqsima 1 (“użu tal-fondi”) tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE u fil-premessa 3 tal-istess Deċiżjoni, li tipprevedi li l-“kapital kollu tal-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandu jiġi ppreżervat b’mod intatt”.

Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, tali approċċ huwa inkonsistenti mal-ħtiġijiet tal-għoti tal-livell meħtieġ ta’ finanzjament biex isir vijabbli programm ta’ riċerka sinifikanti għas-setturi tal-azzar u tal-faħam.

Għaldaqstant, insistenza kontinwa li l-assi tal-fond jibqgħu intatti mhijiex pożizzjoni realistika u jeħtieġ li tiġi mmodulata. Barra minn hekk, m’hemmx aktar obbligi li jinżammu r-riżervi biex jingħataw assigurazzjonijiet lill-kredituri tal-KEFA għax m’għadx fadal self pendenti.

Għal dan il-għan, jeħtieġ tiġi emendata d-Deċiżjoni biex tkun tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tal-politika sottostanti li trid tiġi servuta mill-KEFA f’likwidazzjoni, u l-isfidi li hemm biex jiġu ġġenerati redditi fil-livell meħtieġ fl-isfond tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq, filwaqt li jinżammu biżżejjed assi tal-KEFA biex jiġu ġġenerati redditi wara l-2027.

Qed tiġi proposta t-tneħħija tal-mekkaniżmu ta’ livellar peress li dan huwa meqjus bħala għodda skaduta wara l-adozzjoni tal-bidliet proposti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħtaf l-opportunità tar-reviżjoni tad-Deċiżjoni biex tħassar il-pretensjonijiet meta l-kost prevedibbli tal-irkupru jkun jaqbeż l-ammont li jrid jiġi rkuprat u diment li dan it-tħassir ma jkunx jagħmel ħsara lill-immaġni tal-Unjoni; meta t-talba ma tkunx tista’ tiġi rkuprata fid-dawl tal-insolvenza tad-debitur, jew ta’ kwalunkwe proċedimenti ta’ insolvenza oħrajn; meta l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jitħassru l-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 li jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-ġestjoni tal-assi, u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 4 li jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida tekniċi pluriennali għall-programm għax issa huma kompletament superfluwi mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 2, tal-Protokoll 37 12 .

Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet superfluwi jitħassru għal raġunijiet ta’ trasparenza u għax ma jistgħux jintużaw aktar.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-proposta hija parti minn pakkett legali li jirrevedi l-Programm ta’ Riċerka RFCS. B’mod partikolari, hija marbuta ma’:

·Proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond Ewropew għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm.

·Proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE li tistabbilixxi l-linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-RFCS. Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE, fir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, hija wkoll konsistenti mar-Reviżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2019 dwar l-istralċ tal-KEFA.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija riveduta f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 13 li tistabbilixxi l-qafas għat-trasformazzjoni tal-UE fl-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u l-Komunikazzjoni ta’ segwitu tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew – Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, 14 ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2020.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika li tagħti lill-UE d-dritt li taġixxi hija l-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 37) anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-miżuri li jimplimentaw il-Protokoll huma stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kunsill li r-reviżjoni tagħha hija parti mid-dritt esklużiv ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni għal proposti leġiżlattivi.

Proporzjonalità

Il-proposta hija meħtieġa biex tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattati tal-UE, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

Għażla tal-istrument

L-istrument jemenda Deċiżjoni tal-Kunsill u għalhekk jeħtieġ li jkun Deċiżjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ seba’ snin, li jwettaq eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-Programm RFCS, inkluż valutazzjoni tal-benefiċċji mistennija, bl-assistenza ta’ panel ta’ esperti 15 . L-aktar rapport ta’ seba’ snin reċenti ġie ppubblikat fil-5 ta’ Frar 2020 16 . L-esperti analizzaw il-funzjonament tal-Programm RFCS, ivvalutaw l-iżviluppi teknoloġiċi u l-benefiċċji mistennija tal-programm għas-settur u għas-soċjetà, u għamlu rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-programm li jinkludu reviżjoni tal-bażi ġuridika.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati tal-RFCS ġew involuti f’diversi laqgħat ad hoc, laqgħat speċifiċi tal-Grupp Konsultattiv (Grupp Konsultattiv dwar il-Faħam – CAG, Grupp Konsultattiv dwar l-Azzar – SAG) u laqgħat tal-COSCO (ekwivalenti għall-Kumitat tal-Programm f’Orizzont 2020). Bħala riżultat dirett ta’ dawn il-laqgħat, fil-25 ta’ Ġunju 2019, il-ftuħ tal-assi tal-KEFA ġie approvat mill-grupp konġunt ad hoc CAG-SAG.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ir-riżultati preliminari tar-rapport ta’ Monitoraġġ u ta’ Valutazzjoni tal-RFCS attwali kienu spjegati fis-seminar “L-Azzar u l-Faħam: Perspettiva Ġdida” ospitat mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Marzu 2019 li għalih attendew aktar minn 100 parti kkonċernata 17 .

Valutazzjoni tal-impatt

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni proposta għax l-impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali mistennija x’aktarx li ma jkunux sinifikanti

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ seba’ snin, li jipprevedi rieżami regolari tal-programm RFCS, inkluż valutazzjoni tal-benefiċċji mistennija.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija konformi mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma toħloqx obbligazzjonijiet ġodda li għandhom jiġġarrbu mill-Baġit Ġenerali permezz tal-QFP attwali.

5.ELEMENTI OĦRA

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-reviżjoni hija sussegwentement limitata għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1)Il-paragrafu 1a tal-Artikolu 1

Dan l-Artikolu jintroduċi, l-klawżola “de minimis” u huwa bbażat fuq l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tħassar il-pretensjonijiet, anke qabel ma jiġu eżawriti r-rimedji kollha possibbli, f’każijiet limitati u speċifiċi meta l-kost prevedibbli tal-irkupru jkun jaqbeż l-ammont li għandu jiġi rkuprat u diment li t-tħassir ma jkunx jagħmel ħsara lill-immaġni tal-Unjoni, jew f’każ ta’ insolvenza tad-debitur jew meta l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-applikazzjoni ta’ din il-klawżola se tippermetti li jiġi żgurat l-għeluq ordnat tal-proċess ta’ likwidazzjoni.

(2)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2

L-assi għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li tinżamm allokazzjoni annwali tal-RFCS ta’ [EUR 111-il miljun], sas-sena 2027 għall-finanzjament tar-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar u b’mod partikolari [EUR 40 miljun] għall-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva fis-setturi msemmija u [EUR 71 miljun] għall-finanzjament tar-riċerka għal teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u għall-finanzjament ta’ proġetti għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta għas-settur tal-faħam u f’konformità mal-Artikolu 4(2). Wara s-sena 2027, l-assi għandhom ikunu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li jiġi żgurat redditu fit-tul. L-assi għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreżervat, u fejn possibbli mtejjeb, il-valur ta’ dawk l-assi.

(3)Il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 2

1a.L-allokazzjoni annwali ta’ [EUR 111-il miljun] jenħtieġ li tkun iffurmata mid-dħul nett mill-investimenti u, fejn dan ma jkunx biżżejjed, mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, u meta titlesta l-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

(4)Fl-Artikolu 2, jitħassar il-paragrafu 2

(5)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3

1. Kull sena għandhom jitfasslu rapport tal-introjtu, karta tal-bilanċ, u rapport finanzjarju biex juru, separatament minn operazzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni Ewropea, l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni previsti fl-Artikolu 1 u l-operazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ investiment u tal-ġestjoni tal-assi skont l-Artikolu 2. Dawn ir-rapporti finanzjarji se jkunu annessi mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni kull sena skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(6)Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3

2. Is-setgħat tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri li jirrigwardaw il-kontroll u l-ħlas tad-dejn kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

(7)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4

1. Id-dħul nett mill-investimenti previsti skont l-Artikolu 2 u r-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan id-dħul għandu jkun assenjat għal raġuni speċifika, b’mod partikolari għall-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar barra mill-Programm Qafas għar-Riċerka. Dan għandu jifforma l-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni.

(8)Fl-Artikolu 4, jitħassar il-paragrafu 3

(9)Fl-Artikolu 5, jitħassar il-paragrafu 2

(10)L-Anness jitħassar.

2020/0142 (APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 181,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fit-23 ta’ Lulju 2002 f’konformità mal-Artikolu 97 ta’ dak it-Trattat. L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ġew ittrasferiti lill-Unjoni fl-24 ta’ Lulju 2002.

(2)F’konformità mal-Protokoll Nru 37, il-valur nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kif jidhru fuq il-karta tal-bilanċ tal-KEFA tat-23 ta’ Lulju 2002, irid jiġi kkunsidrat bħala assi maħsubin għar-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar, imsejħa “KEFA f’likwidazzjoni” u, meta titlesta l-likwidazzjoni, imsejħa “assi tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar”.

(3)Il-Protokoll Nru 37 jipprevedi wkoll li d-dħul minn dawk l-assi, imsejħa “Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar” (KEFA), għandu jintuża esklużivament għar-riċerka, ’il barra mill-programm qafas ta’ riċerka, fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 37 u tal-atti adottati abbażi tiegħu.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2003, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2003/76/KE 19 2, li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 37.

(5)Minħabba l-kuntest ta’ rati baxxa tal-imgħax, ir-rikavati assenjati għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka għall-faħam u l-azzar qed jonqsu b’rata mgħaġġla.

(6)Dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn il-baġit kritiku minimu disponibbli għall-organizzazzjoni ta’ sejħa annwali għall-proposti għall-programm ta’ riċerka tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (minn hawn ’il quddiem il-“programm”) jaf ma jintlaħaqx.

(7)Baġit kritiku minimu għall-organizzazzjoni ta’ sejħa sabiex il-programm jipprovdi appoġġ sinifikanti għal proġetti ta’ riċerka kollaborattiva siewja li jkollhom il-massa kritika u l-valur miżjud tal-UE għat-titjib tas-sostenibbiltà, jiġifieri s-saħħa, is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar.

(8)Fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew – COM(2019) 640 final, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa teknoloġiji rivoluzzjonarji u nodfa tal-azzar li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero sal-2030. Biex dan ikun possibbli, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora jekk tistax tintuża parti mill-finanzjament permezz tal-KEFA f’likwidazzjoni.

(9)Biex jintlaħqu l-miri tal-UE, il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku u dwar il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta – COM(2020) 21 final – ikkunsidrat li hemm bżonn reviżjoni tal-bażijiet ġuridiċi tal-RFCS biex tippermetti l-użu tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, tal-assi tal-RFCS.

(10)Jenħtieġ li jiġi permess il-bejgħ ta’ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tal-RFCS għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-faħam u l-azzar bil-kundizzjoni li jinżammu r-riżervi biex jiġi garantit li l-obbligi rimanenti, li jirriżultaw minn kwalunkwe obbligazzjoni mhux prevedibbli u dik il-parti raġonevoli tal-assi, li m’għandhomx meħtieġa għal dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ jiġu investiti biex jiġġeneraw ir-rikavati.

(11)Il-bejgħ ta’ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, tal-assi tal-RFCS jistgħu jkunu meħtieġa biex jipprovdu allokazzjoni annwali ta’ [EUR 111-il miljun] lill-RFCS, sas-sena 2027, li tintuża kif ġej: [EUR 40 miljun] fis-sena se jiffinanzjaw ir-riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-faħam u l-azzar filwaqt li l-[EUR 71 miljun] li jifdal se jiffinanzjaw teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u f’konformità mal-Artikolu 4(2). Il-possibbiltà li jinbiegħ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, tal-assi tal-RFCS hija limitata għall-finanzjament tal-allokazzjonijiet annwali għas-snin finanzjarji 2021-2027.

(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-RFCS ma jkunx iffinanzjat biss mid-dħul nett mill-investimenti iżda wkoll, fejn ikun meħtieġ, mir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi fil-fond sal-ammont previst għall-perjodu 2021-2027.

(13)Jenħtieġ li jitħassru l-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 li jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-ġestjoni tal-assi, u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 4 li jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida tekniċi pluriennali għall-programm għax huma superfluwi mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 2, tal-Protokoll 37.

(14)Qed tiġi proposta t-tneħħija tal-mekkaniżmu ta’ livellar peress li dan huwa meqjus bħala għodda skaduta.

(15)Jenħtieġ li jiżdied paragrafu ġdid mal-Artikolu 1, sabiex jippermetti t-tħassir ta’ pretensjonijiet abbażi tal-prinċipji stabbiliti bl-Artikolu 101(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju 20 .

(16)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/76/KE tiġi emendata skont dan,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)Jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. “Il-Kummissjoni għandha tħassar il-pretensjonijiet, anke qabel ma jiġu eżawriti r-rimedji kollha msemmija, fil-każijiet li ġejjin:

(a)Meta l-kost prevedibbli tal-irkupru jkun jaqbeż l-ammont li jrid jiġi rkuprat u t-tħassir ma jkunx jagħmel ħsara lill-immaġini tal-Unjoni

(b)Meta t-talba ma tkunx tista’ tiġi rkuprata fid-dawl tal-insolvenza tad-debitur, jew ta’ kwalunkwe proċedimenti ta’ insolvenza oħrajn

(c)Meta l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità.”

(2)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-assi għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li tinżamm allokazzjoni annwali tal-RFCS ta’ [EUR 111-il miljun], sas-sena 2027 għall-finanzjament tar-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar u b’mod partikolari [EUR 40 miljun] għall-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva fis-setturi msemmija u [EUR 71 miljun] għall-finanzjament tar-riċerka għal teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u f’konformità mal-Artikolu 4(2). Wara s-sena 2027, l-assi għandhom ikunu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li jiġi żgurat redditu fit-tul. L-assi għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreżervat, u fejn possibbli mtejjeb, il-valur ta’ dawk l-assi.”

(b)Jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. L-allokazzjoni annwali ta’ [EUR 111-il miljun] għandha tkun magħmula mid-dħul nett mill-investimenti u, fejn dan ma jkunx biżżejjed, mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, u meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.”

(c)Il-paragrafu 2 jitħassar.

(2)Fl-Artikolu 3,

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Kull sena għandhom jitfasslu rapport tal-introjtu, karta tal-bilanċ, u rapport finanzjarju biex juru, separatament minn operazzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni Ewropea, l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni previsti fl-Artikolu 1 u l-operazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ investiment u tal-ġestjoni tal-assi skont l-Artikolu 2.

Dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji se jkunu annessi mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni kull sena skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.”

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  Is-setgħat tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri li jirrigwardaw il-kontroll u l-ħlas tad-dejn kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”

(3)Fl-Artikolu 4

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Id-dħul nett mill-investimenti previsti skont l-Artikolu 2 u r-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi għandhom jikkostitwixxu dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan id-dħul għandu jkun assenjat għal raġuni speċifika, notevolment biex jiffinanzja proġetti ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar li mhumiex koperti mill-Programm Qafas għar-Riċerka. Dan għandu jifforma l-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni.”

(b)Il-paragrafu 3 jitħassar.

   

(4)Fl-Artikolu 5, jitħassar il-paragrafu 2.

(5)L-Anness jitħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika fl-1 ta’ Jannar 2021 jew wara.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    COM/2018/773 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment. Pjaneta Nadifa għall-kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (28.11.2018)
(2)    COM(2019) 640 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (11.12.2019).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/599 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE (PB L 101, 20.4.2018, p. 1)
(4)    https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2018-0061_MT.html
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/599 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE (PB L 101, 20.4.2018, p. 1)
(6)    Il-Qorti tal-Awdituri: Rapport Analitiku Nru 10/2019, Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar: l-istralċ għaddej kif ippjanat, iżda l-finanzjament għar-riċerka ma għadux sostenibbli (p. 13)
(7)    Ibidem. p.17
(8)    Il-kompitu tal-grupp konsultattiv dwar il-faħam (CAG) u tal-grupp konsultattiv dwar l-azzar (SAG) huwa li jassistu lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-Programm ta’ Riċerka, għall-aspetti marbuta mal-faħam u mal-azzar, rispettivament. Il-membri tal-gruppi konsultattivi huma individwi maħtura mill-Kummissjoni biex jirrappreżentaw interess komuni kondiviż mill-partijiet interessati. Il-membri jinħatru għal perjodu ta’ 42 xahar.
(9)    Ara l-premessa 11.
(10)    Il-livell tal-assi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-livell fil-31/12/2019.
(11)    Sħubija Ewropea koprogrammata tfisser inizjattiva mħejjija bl-involviment bikri tal-Istati Membri, fejn l-Unjoni, flimkien ma’ sħab privati u/jew pubbliċi (bħalma huma l-industrija, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, il-korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż il-fondazzjonijiet u l-NGOs), jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka. Is-Sħubijiet Ewropej koprogrammati huma stabbiliti abbażi ta’ memoranda ta’ qbil jew arranġamenti kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u tali sħab privati u/jew pubbliċi li jispeċifikaw l-objettivi tas-sħubija, l-impenji relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u/jew in natura tas-sħab, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u tal-impatt, u r-riżultati li jridu jiġu ppreżentati. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet komplimentari ta’ riċerka li huma implimentati mis-sħab u mill-Programm ta’ Riċerka.
(12)    Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2003/76 u 2008/376, il-Protokoll (Nru 34) dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (2001), anness mat-TEC, kellu biss bażi ġuridika għad-Deċiżjoni 2003/76.
(13)    COM(2019) 640, 11 ta’ Diċembru 2019
(14)    COM(2020) 21, 14 ta’ Jannar 2020.
(15)    Ir-rapport ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni huwa previst fid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/376/KE ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-20 ta’ Mejju 2008 ref. ĠU L 130/7 u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/955 tad-29 ta’ Mejju 2017.
(16)     https://ec.europa.eu/info/publications/research-fund-coal-and-steel-monitoring-and-assessment-report_en
(17) https://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=events&eventcode=9DB3A26D-B1D8-8BED     0A23CA684631B0CF
(18) 1     ĠU C , , p. .
(19) 2     ĠU L 29, 5.2.2003, p. 22-24.
(20)    ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.