Brussell, 5.6.2020

COM(2020) 225 final

2020/0112(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali 1 (“ir-Regolament tat-twaqqif”), l-għan tal-Aġenzija huwa “li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji rilevanti tal-Komunità u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja b'assistenza u b'kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali biex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.”

Kull ħames snin, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) tikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-kisbiet tagħha (f’konformità mal-Artikolu 30(3) u (4) tar-Regolament tat-twaqqif). L-ewwel evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija saret fl-2012 2 , u ma wasslet għal ebda emenda għar-Regolament tat-twaqqif. It-tieni evalwazzjoni esterna 3 saret fl-2017. Is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni mill-evalwatur estern u mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tas-26 ta’ Lulju 2019 4 ).

Fid-dawl tal-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna u tal-analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni, din il-proposta għandha l-għan li tintroduċi xi emendi tekniċi mmirati fir-Regolament tat-twaqqif tal-Aġenzija.

L-għan tal-emendi proposti huwa doppju:

li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' twaqqif tal-Aġenzija jiġu allinjati mal-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012 (minn hawn ’il quddiem “l-Approċċ Komuni”) 5 , sabiex jissaħħu l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-governanza tal-Aġenzija;

li jiġi ċċarat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija jkopri l-kompetenzi tal-Unjoni u għalhekk jinkludi l-oqsma tematiċi tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

Filwaqt li din hija konsegwenza legali diretta tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li ssostitwixxa lill-Komunità bl-Unjoni, hemm raġuni valida biex dan jiġi speċifikat fir-Regolament tat-twaqqif sabiex jirrifletti bis-sħiħ ir-rilevanza tal-Aġenzija biex tassisti lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri fi kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali.

Il-proposta mhijiex inizjattiva fl-ambitu tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Aġenzija ġiet stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007. L-objettiv tal-Aġenzija huwa “li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji rilevanti tal-Komunità u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja b'assistenza u b'kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali biex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.” (l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' twaqqif).

Skont il-proposta, il-mandat tal-Aġenzija jibqa’ intatt. Tlettax-il sena wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ twaqqif, madankollu, huma meħtieġa xi emendi tekniċi sabiex tiġi allinjata mar-rekwiżiti tal-Approċċ Komuni, għal governanza, effiċjenza u prestazzjoni mtejba tal-Aġenzija, u biex jiġi ċċarat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, f’Diċembru 2009, il-mandat tal-Aġenzija huwa parti mid-dritt tal-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-politiki kollha tal-Unjoni huma meħtieġa jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE”). L-emendi proposti għar-Regolament ta' twaqqif tal-Aġenzija se jtejbu l-kwalità tal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni billi jippermettu lill-Aġenzija tipprovdi b’mod aktar effiċjenti l-għarfien espert u l-assistenza tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tar-Regolament propost hi l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huwa objettiv ġenerali tal-Unjoni Ewropea li tiżgura li l-azzjoni tagħha stess tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-effiċjenza, ir-rilevanza u l-governanza msaħħa li l-Aġenzija se tikseb bl-emendi tekniċi proposti se jkomplu dak l-objettiv, mingħajr ma jkun hemm setgħat speċifiċi previsti fit-Trattat għal dak l-għan.

Sussidjarjetà

Din il-proposta tindirizza ċerti aspetti relatati mal-funzjonament intern tal-Aġenzija u l-mod li bih topera fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE. Għalhekk, l-għanijiet ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’azzjoni fil-livell nazzjonali.

Proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat bis-sħiħ billi l-emendi proposti jikkonċernaw biss dawk il-partijiet tar-Regolament ta' twaqqif fejn hemm bżonn ta’ kjarifika jew modifiki biex jittejbu l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-governanza tal-Aġenzija.

Għażla tal-istrument

Ir-Regolament tal-Kunsill huwa l-uniku strument xieraq biex jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 eżistenti tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post

It-tieni evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija, imsemmija hawn fuq, ikkonkludiet li jenħtieġ li l-Aġenzija tkompli tagħmel dak li tagħmel u li l-mandat attwali tagħha huwa rilevanti u jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati. L-evalwatur estern irrapporta li maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati tfaħħar il-valur miżjud tal-UE tal-Aġenzija, tqis li l-kwalità tar-riżultati tal-Aġenzija hija indiskutibbli u li l-effikaċja u l-impatt tal-Aġenzija fil-livell tal-UE huma viżibbli. L-evalwatur estern ikkonkluda, madankollu, li xi emendi tekniċi mmirati tar-Regolament ta’ twaqqif huma ġġustifikati biex titjieb il-governanza, l-effiċjenza u l-prestazzjoni tal-Aġenzija: i) l-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi ċċarat li mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, f’Diċembru 2009, l-Aġenzija trid taġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Unjoni; ii) it-tieni, jenħtieġ li r-Regolament ta’ twaqqif tal-Aġenzija jkun allinjat mal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati għal titjib fl-effiċjenza u governanza aħjar.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

It-tieni evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija kienet ibbażata fuq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u internazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-inizjattiva ssegwi l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija fl-2017 u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tas-servizzi tal-Kummissjoni li janalizza r-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni mill-evalwatur estern u mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija (SWD(2019)313). Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal kien ibbażat ukoll fuq konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija u fuq l-esperjenzi tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija.

Valutazzjoni tal-impatt

L-emendi proposti tar-Regolament ta’ Twaqqif tal-Aġenzija huma ta’ natura teknika. Huma mhu se joħolqu l-ebda impatt għaċ-ċittadini, in-negozji, l-Istati Membri jew il-baġits tal-awtoritajiet pubbliċi. L-impatt tal-inizjattiva se jkun limitat għall-Aġenzija nnifisha. Għalhekk ma kinitx meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli. Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT.

Drittijiet fundamentali

L-Aġenzija tipprovdi data u għarfien espert dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri. L-informazzjoni li tagħti tintuża għall-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-proposta se tippermetti lill-Aġenzija twettaq aħjar il-missjoni statutorja tagħha billi ttejjeb il-governanza, l-effiċjenza u l-prestazzjoni tagħha.

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit, minħabba li l-Aġenzija mhux se tirċievi kompiti addizzjonali u l-mandat tagħha jibqa’ intatt.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

F’konformità mal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati, il-proposta tinkludi dispożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Aġenzija mill-Kummissjoni.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tinkludi żewġ artikoli. L-ewwel Artikolu jispeċifika l-emendi proposti tar-Regolament tat-twaqqif tal-Aġenzija, filwaqt li t-tieni artikolu huwa relatat mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju propost.

L-emenda għall-Artikolu 3 (Kamp ta’ applikazzjoni) jirrifletti sempliċement l-konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija, li sar parti mid-“dritt tal-Unjoni” minflok parti mid-“dritt Komunitarju”, u għalhekk tinkludi l-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (dak li qabel kien imsejjaħ “it-tielet pilastru” tal-Unjoni Ewropea).

L-emendi l-oħra proposti kollha qegħdin biex jallinjaw ir-Regolament ta' twaqqif mal-Approċċ Komuni u mar-Regolament Finanzjarju Qafas, sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-governanza tal-Aġenzija.

L-emendi kollha huma għalhekk ta’ natura teknika u ma jbiddlux il-mandat tal-Aġenzija, u lanqas ma jattribwulha xi kompetenza addizzjonali.

Fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12 u 15, ir-referenza għal “Programm ta’ Ħidma Annwali” fir-Regolament fundatur ma għadhiex tikkorrispondi għar-realtà, u għalhekk jenħtieġ li tiġi sostitwita b’referenzi għad-“dokument ta’ programmazzjoni pluriennali” (jiġifieri, dokument ta’ programmazzjoni li fih kemm komponenti pluriennali kif ukoll annwali) li l-Aġenzija tfassal kull sena skont ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju. Minbarra din il-modifika klerikali, it-tabella li ġejja tagħti ħarsa ġenerali lejn l-emendi proposti għar-Regolament ta' twaqqif.

Artikolu

Suġġett

Bidliet

1

Suġġett

L-ebda bidla

2

Objettiv

L-ebda bidla

3

Kamp ta’ applikazzjoni

Sostituzzjoni tal-kelma “Komunità” bil-kelma “Unjoni”.

4

Kompiti

L-ebda bidla

5

Oqsma ta’ attività

Tħassir tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu li jirreferu għall-Qafas Pluriennali.

5a

Il-programm ta' ħidma pluriennali

Konċentrazzjoni f’dan l-Artikolu l-ġdid tad-dispożizzjonijiet li qabel kienu mifruxa f’diversi Artikoli

6

Metodi ta' Ħidma

L-ebda bidla

7

Relazzjonijiet mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Komunità

L-ebda bidla

8

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet fuq livell ta' Stat Membru u fuq livell internazzjonali

L-ebda bidla

9

Kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa

L-ebda bidla

10

Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili; Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali

L-ebda bidla

11

Korpi tal-Aġenzija

L-ebda bidla

12

Bord ta’ Tmexxija

L-emendi proposti jirrigwardaw:

-ħiliet amministrattivi u baġitarji addizzjonali meħtieġa mill-membri tiegħu;

-il-possibbiltà li jinħatar mill-ġdid membru jew membru supplenti għal termini mhux konsekuttivi;

-is-sostituzzjoni ta’ membru qabel l-iskadenza tat-terminu tiegħu jkompli t-terminu ta’ 5 snin tal-predeċessur tiegħu;

-l-ispeċifikazzjoni li hija meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi għall-elezzjoni tal-President u tal-Viċi President tal-Bord ta’ Tmexxija u li ż-żewġ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jiġu eletti mill-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija (fiż-żewġ każijiet, il-membru maħtur mill-Kunsill tal-Ewropa m’għandux dritt tal-vot);

-dispożizzjoni li l-Bord ta’ Tmexxija: jingħata setgħat ta’ awtorità tal-ħatra — li, permezz ta’ deċiżjoni, għandhom jiġu ddelegati lid-Direttur, li, min-naħa tiegħu, huwa awtorizzat jissottodelega dawn is-setgħat — u li l-Bord jista’ jissospendi delegazzjonijiet ta’ dan it-tip meta jkun meħtieġ minn ċirkostanzi eċċezzjonali; jadotta strateġija ta’ sigurtà (inklużi regoli dwar it-trattament ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE); jadotta regoli dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess; jadotta strateġija ta’ komunikazzjoni;

-dispożizzjoni li l-maġġoranza meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ordinarji tkun il-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija;

-dispożizzjoni li laqgħa straordinarja tal-Bord ta’ Tmexxija tista’ tissejjaħ ukoll fuq talba tal-Kummissjoni.

13

Bord Eżekuttiv

Emendi biex:

-jiġi ċċarat li l-kompitu tal-Bord Eżekuttiv li jissorvelja l-ħidma preparatorja għad-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija jinvolvi l-iskrutinju ta’ kwistjonijiet baġitarji u tar-riżorsi umani;

-jiġu attribwiti l-kompiti ta’ adozzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi mħejjija mid-Direttur; jiġi żgurat segwitu adegwat għall-awditjar u l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jiġi assistit id-Direttur fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija;

-ikun previst li, meta jkun meħtieġ, f’każ ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord ta’ Tmexxija;

-jiġi indikat li jista’ jitlaqqa’ fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu;

-jiġi ċċarat li d-deċiżjonijiet jiġu adottati mill-maġġoranza tal-membri preżenti u li r-rappreżentant tal-Kunsill tal-Ewropa għandu drittijiet tal-vot fuq punti relatati mad-deċiżjonijiet li għandu d-dritt li jivvota fuqhom fil-Bord ta’ Tmexxija, f’konformità mal-Artikolu 12(8).

14

Kumitat Xjentifiku

Emenda li tippermetti lill-Bord ta’ Tmexxija jieħu mil-lista ta’ riżerva f’każ li jkun hemm bżonn li membru jiġi sostitwit qabel tmiem il-mandat tal-Kumitat Xjentifiku.

15

Direttur

L-emendi proposti qegħdin biex ikun previst li:

-il-mandat tad-Direttur ikun jista’ jiġi estiż b’ħames snin (minflok tlieta) u li l-proċedura tinbeda matul it-tnax-il xahar (minflok disgħa) qabel tmiem it-terminu tiegħu;

-id-Direttur huwa responsabbli: biex jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija, iħejji pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi, strateġija kontra l-frodi, u pjan ta’ azzjoni għas-segwitu tar-rapporti tal-awditjar u l-investigazzjonijiet tal-OLAF;

-il-maġġoranza meħtieġa għat-tkeċċija tad-Direttur tal-Aġenzija fil-każ ta’ mġiba ħażina, prestazzjoni mhux sodisfaċenti, jew irregolaritajiet rikorrenti jew serji hija maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija.

16

Indipendenza u interessi pubbliċi

L-ebda bidla

17

Trasparenza u aċċess għal dokumenti

L-ebda bidla

18

Protezzjoni tad-data 

L-ebda bidla

19

Reviżjoni mill-Ombudsman

L-ebda bidla

20

Tfassil tal-baġit

L-ebda bidla

21

Implimentazzjoni tal-baġit

L-ebda bidla

22

Ġlieda kontra l-Frodi

L-ebda bidla

23

Status legali u sede

L-ebda bidla

24

Persunal

Tħassir tal-paragrafu li jipprevedi li l-Aġenzija teżerċita “setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar” (sostitwita bid-dispożizzjonijiet li dawn jiġu eżerċitati mill-Bord ta’ Tmexxija li, permezz ta’ deċiżjoni, jiddelegahom lid-Direttur).

25

Arranġamenti dwar lingwa

L-ebda bidla

26

Privileġġi u immunitajiet

L-ebda bidla

27

Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-ebda bidla

28

Parteċipazzjoni u kamp ta' applikazzjoni ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi li magħhom ġie konkluż ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

L-ebda bidla

29

Arranġamenti tranżitorji

L-ebda bidla

30

Evalwazzjonijiet

Emendi biex jiġi speċifikat li l-evalwazzjoni tal-Aġenzija se tiġi kkummissjonata mill-Kummissjoni, kull ħames snin li jibdew mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju; u li fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija se jiġu vvalutati fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Aġenzija tkunx għadha ġġustifikata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi, il-mandat u l-kompiti.

31

Reviżjoni

Imħassar (konsegwenza tal-emendi għall-Artikolu 30)

32

Il-bidu tal-ħidma tal-Aġenzija

L-ebda bidla

33

Revoka

L-ebda bidla

34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

L-ebda bidla

2020/0112 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”) ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 7 biex tassisti u tipprovdi għarfien espert relatat mad-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri.

(2)Sabiex titjieb iċ-ċarezza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija u biex tissaħħaħ il-governanza u l-effiċjenza tal-operat tal-Aġenzija, huwa meħtieġ li jiġu ċċarati u aġġornati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 mingħajr ma jinbidlu l-objettiv u l-kompiti tal-Aġenzija.

(3)L-ewwel nett, sabiex tiġi riflessa b’mod sħiħ ir-rilevanza tal-Aġenzija biex tassisti lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali, jenħtieġ li fir-Regolament jiġi ċċarat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija jkopri l-kompetenzi tal-Unjoni, inklużi l-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

(4)Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ xi emendi tekniċi mmirati għar-Regolament (KE) Nru 168/2007 sabiex l-Aġenzija tkun irregolata u operata f’konformità mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012 (“l-Approċċ Komuni”) 8 . L-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 mal-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Komuni huwa adattat għall-ħidma u n-natura speċifiċi tal-Aġenzija u għandu l-għan li jwassal għal simplifikazzjoni, governanza aħjar u titjib fl-effiċjenza fl-operat tal-Aġenzija.

(5)L-ewwel nett, jenħtieġ li d-definizzjoni tal-oqsma tal-attivitajiet tal-Aġenzija tkun ibbażata fuq id-dokument ta’ programmazzjoni pluriennali tal-Aġenzija biss. L-approċċ attwali li jiġi stabbilit b’mod parallel Qafas Pluriennali tematiku wiesa’ kull ħames snin jenħtieġ li jieqaf, minħabba li ma għadx hemm bżonnu fid-dawl tad-dokument ta’ programmazzjoni pluriennali li l-Aġenzija ilha tadotta kull sena mill-2017, biex tikkonforma mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 9 , (is-suċċessur tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/715 10 ). Abbażi tal-aġenda politika tal-Unjoni u tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, id-dokument ta’ programmazzjoni pluriennali jistabbilixxi b’mod ċar l-oqsma u l-proġetti speċifiċi li l-Aġenzija trid taħdem fuqhom għal perjodu ta’ tliet snin. Dan għandu jippermetti lill-Aġenzija tippjana l-ħidma u l-iffukar tematiku tagħha tul iż-żmien u taddattahom kull sena għal prijoritajiet emerġenti.

(6)It-tieni, biex jiġu żgurati governanza u funzjonament aħjar tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, jenħtieġ li jiġu emendati għadd ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

(7)Fid-dawl tar-rwol importanti ta’ monitoraġġ tal-Bord ta’ Tmexxija, jenħtieġ li l-membri tiegħu jkunu meħtieġa jkollhom ħiliet amministrattivi u baġitarji xierqa, flimkien mar-rekwiżit ta’ indipendenza, għarfien fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u esperjenza ta’ ġestjoni.

(8)Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li, filwaqt li t-termini tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-membri supplenti ma jistgħux jiġġeddu konsekuttivament, jenħtieġ li jkun possibbli li membru jew membru supplenti antik ikun jista’ jinħatar mill-ġdid għal terminu mhux konsekuttiv wieħed jew aktar. Jekk, minn naħa, huwa ġġustifikat li ma jitħalliex ikun hemm tiġdid konsekuttiv biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom, min-naħa l-oħra, jekk jitħallew isiru l-ħatriet mill-ġdid għal termini mhux konsekuttivi jkun aktar faċli għall-Istati Membri li jaħtru membri xierqa li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha meħtieġa.

(9)Fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ membri tal-Bord Amministrattiv, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fil-każijiet kollha ta’ terminazzjoni tal-mandat qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ 5 snin, mhux biss f’każ ta’ telf ta’ indipendenza, iżda wkoll f’każijiet oħra bħal fil-każ ta’ riżenja jew mewt, il-mandat tal-membru l-ġdid ikompli l-mandat ta’ ħames snin tal-predeċessur tiegħu, sakemm il-perjodu li jifdal ma jkunx inqas minn sentejn; f’dak il-każ jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ ħames snin.

(10)Biex ikun hemm allinjament mas-sitwazzjoni fl-Istituzzjonijiet, jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija jingħata s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra. Għajr għall-ħatra tad-Direttur, jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu ddelegati lid-Direttur. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jeżerċita setgħat ta’ awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss.

(11)Sabiex jiġi evitat staġnar u jiġu ssimplifikati l-proċedimenti tal-votazzjoni għall-elezzjoni tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, jenħtieġ li jkun stipulat li l-Bord ta’ Tmexxija jeleġġihom b’maġġoranza tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija bid-drittijiet tal-vot.

(12)Fl-aħħar nett, biex ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 jiġi allinjat ulterjorment mal-Approċċ Komuni u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Bord ta’ Tmexxija li jissorvelja l-ġestjoni amministrattiva, operattiva u baġitarja tal-Aġenzija, huwa meħtieġ li jiġu attribwiti kompiti addizzjonali lill-Bord ta’ Tmexxija u li jiġu speċifikati ulterjorment il-kompiti attribwiti lill-Bord Eżekuttiv. Jenħtieġ li l-kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija jinkludu l-adozzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà, inklużi regoli dwar it-trattament ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, strateġija ta’ komunikazzjoni, u regoli għall-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tagħha u dawk tal-Kumitat Xjentifiku. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-kompitu tal-Bord Eżekuttiv li jissorvelja l-ħidma preparatorja għad-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija jinvolvi l-iskrutinju ta’ kwistjonijiet baġitarji u tar-riżorsi umani. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Bord Eżekuttiv jingħata l-kompitu li jadotta l-istrateġija kontra l-frodi mħejjija mid-Direttur u li jiżgura segwitu adegwat għall-kostatazzjonijiet tal-awditjar u għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun previst li, meta jkun meħtieġ, f’każ ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord ta’ Tmexxija.

(13)Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura eżistenti ta’ sostituzzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku, jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jitħalla jaħtar lill-persuna li jkun imiss fil-lista ta’ riżerva għall-bqija tal-mandat meta jkun hemm bżonn li membru jiġi sostitwit qabel tmiem it-terminu tiegħu.

(14)Fir-rigward tad-Direttur tal-Aġenzija, minħabba li l-proċedura tal-ħatra hija selettiva ħafna u minħabba l-fatt li l-għadd ta’ kandidati li potenzjalment jissodisfaw il-kriterji tal-għażla spiss ikun żgħir, it-terminu tiegħu għandu jkun jista’ jiġi estiż għal sa ħames snin oħra. Barra minn hekk, minħabba l-importanza tal-kariga u l-proċedura dettaljata li tinvolvi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, jenħtieġ li tali proċedura tibda matul it-tnax-il xahar ta’ qabel tmiem it-terminu.

(15)Barra minn hekk, biex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-mandat tad-Direttur u b’hekk tal-operazzjoni tal-Aġenzija, jenħtieġ li l-maġġoranza meħtieġa biex tiġi proposta t-tkeċċija tiegħu tiżdied mit-terz attwali għal maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija. Fl-aħħar nett, biex tiġi speċifikata r-responsabbiltà kumplessiva tad-Direttur għall-ġestjoni amministrattiva tal-Aġenzija, jenħtieġ li jiġi previst b’mod espliċitu li hija r-responsabbiltà tad-Direttur li jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija, li jħejji strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija, u li jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm segwitu għar-rapporti ta’ awditjar interni jew esterni u l-investigazzjonijiet tal-OLAF jew tal-UPPE.

(16)Biex ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 jiġi allinjat mal-Approċċ Komuni, hemm bżonn li jiġi previst li jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tal-Aġenzija kull ħames snin.

(17)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 168/2007 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 168/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 hu emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

Artikolu 3

 
Kamp ta’ applikazzjoni

1.L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha għall-fini li tilħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni.

2.Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirreferi għad-drittijiet fundamentali kif imsemmijin fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3.L-Aġenzija għandha tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.”;

(2)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (c) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)    twettaq, tikkoopera ma' jew tinkoraġġixxi riċerka xjentifika u stħarriġ, studji preparatorji u studji ta' fattibbiltà, inkluż, meta jkun xieraq u kompatibbli mal-prijoritajiet tagħha u mal-programm ta' ħidma pluriennali tagħha, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni;”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tar-rapport imsemmi fil-punt(e) tal-paragrafu 1;

4. L-Aġenzija għandha tibgħat ir-rapporti msemmijin fil-punti (e) u (g) tal-paragrafu 1 sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.”;

(3)L-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 5

Oqsma ta' attività

L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fuq il-bażi tal-programm ta' ħidma pluriennali tagħha u bil-konsiderazzjoni dovuta għar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli.”;

(4)jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a
Il-programm ta' ħidma pluriennali

1.Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jkun skont ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli u għandu jieħu kont tal-ħidma ta' riċerka u statistika tal-Unjoni.

2.Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tal-programm ta’ ħidma pluriennali lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Xjentifiku għall-opinjoni tagħhom. Id-Direttur għandu jibgħat dak l-abbozz ukoll lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament fl-Istati Membri.

3.Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tal-programm ta’ ħidma pluriennali lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni wara li l-Kummissjoni u l-Kumitat Xjentifiku jkunu taw l-opinjoni tagħhom.

4.Id-Direttur għandu jibgħat il-programm ta’ ħidma pluriennali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”; 

(5)fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Kull Stat Membru għandu jinnomina uffiċjal tal-gvern bħala uffiċjal nazzjonali ta’ kollegament.

L-uffiċjal ta’ kollegament nazzjonali għandu jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-Aġenzija fl-Istat Membru.

L-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament jistgħu, b’mod partikolari, jittrażmettu l-opinjonijiet tal-Istat Membru tagħhom dwar l-abbozz tal-programm ta' ħidma pluriennali lid-Direttur qabel ma jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija. L-Aġenzija għandha tikkomunika lill-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament id-dokumenti kollha mfassla skont l-Artikolu 4(1).”;

(6)L-Artikolu 9 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa

Sabiex tevita d-duplikazzjoni u sabiex tiżgura komplementarjetà u valur miżjud, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari rigward il-programm ta’ ħidma pluriennali tagħha u tikkoopera mas-soċjetà ċivili f'konformità mal-Artikolu 10.

Għal dak l-għan, l-Unjoni għandha, f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat, tidħol fi ftehim mal-Kunsill tal-Ewropa biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejnu u l-Aġenzija. Dak il-ftehim għandu jinkludi l-ħatra ta' persuna indipendenti mill-Kunsill tal-Ewropa biex tkun fuq il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija u fuq il-Bord Eżekuttiv tagħha f’konformità mal-Artikoli 12 u 13.”;

(7)fl-Artikolu 10(4), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)    tagħmel suġġerimenti lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-programm ta' ħidma pluriennali li jrid jiġi adottat skont l-Artikolu 5a;”;

(8)L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

 

“1.    Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn persuni b'esperjenza xierqa fit-tmexxija tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jew privat, bil-ħiliet amministrattivi u baġitarji xierqa, kif ukoll b'għarfien fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, kif ġej:”;

(b)il-paragrafi 3, 4 u 5 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.    Il-mandat tal-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija għandu jkun ta' 5 snin. Eks membru jew eks membru supplenti jista’ jerġa’ jinħatar għal terminu mhux konsekuttiv jew termini mhux konsekuttivi.

4.    Minbarra sostituzzjoni normali jew mewt, il-mandat tal-membru jew tal-membru supplenti għandu jintemm biss meta jirreżenja. Madankollu, meta membru jew membru supplenti ma jibqax jissodisfa aktar il-kriterji ta' indipendenza, huwa għandu jinforma b'dan minnufih lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Aġenzija. F’dawk il-każijiet li mhumiex sostituzzjoni normali, il-parti kkonċernata għandha taħtar membru ġdid jew membru supplenti ġdid għall-bqija tal-mandat. Il-parti kkonċernata għandha taħtar ukoll membru ġdid jew membru supplenti ġdid għall-bqija tal-mandat, jekk il-Bord ta' Tmexxija jkun stabbilixxa, abbażi ta' proposta ta' terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, li l-membru jew il-membru supplenti rispettiv ma jkunx għadu jissodisfa l-kriterji ta' indipendenza. Meta l-bqija tal-mandat ikun anqas minn sentejn, il-mandat tal-membru jew il-membru supplenti l-ġdid jista' jiġi estiż għal terminu sħiħ ta' ħames snin.

5.    Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi lill-President u lill-Viċi President tiegħu u ż-żewġ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv imsemmijin fl-Artikolu 13(1) mill-membri tiegħu maħtura skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 biex iservi għal terminu ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba.

Il-President u l-Viċi President tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija msemmijin fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1. Iż-żewġ membri l-oħrajn tal-Bord Eżekuttiv imsemmijin fl-Artikolu 13(1) għandhom jiġu eletti b’maġġoranza tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija msemmijin fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1.”;

(c)il-paragrafu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-punti (a) u (b) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)    jadotta l-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Aġenzija;

(b)    jadotta r-rapporti annwali msemmijin fl-Artikolu 4(1)(e) u (g), fejn f'dan ta' l-aħħar iqabbel, b'mod partikolari, ir-riżultati miksubin bl-objettivi tal-programm ta' ħidma pluriennali; ”;

(b)il-punt (e) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e)    skont il-paragrafi 7a u 7b ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat ikkonferiti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (“ir-Regolamenti tal-Persunal”)  11 fuq l-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratt ta’ impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);”;

(c)jiżdiedu l-punti (m) sa (o) li ġejjin:

“(m)    jadotta strateġija ta’ sigurtà, inklużi regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE;

(n)    jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu kif ukoll tal-Kumitat Xjentifiku;

(o)    jadotta u jaġġorna regolarment l-istrateġija ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(h).”;

(d)jiddaħħlu l-paragrafi 7a u 7b li ġejjin:

“7a.    F’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra, li biha jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u li fiha jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li din id-delega tas-setgħat tkun tista’ tiġi sospiża permezz tagħhom. Id-Direttur għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

7b.    Meta jkun meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord ta' Tmexxija jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u dawk is-setgħat sottodelegati minnu u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil xi membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur.”;

(e)il-paragrafi 8 u 9 jinbidlu b’dan li ġej:

“8.    Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet mill-Bord ta’ Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri kollha.

Id-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (e), (g), (k) u (l) tal-paragrafu 6 għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha.

Id-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 25(2) għandhom jittieħdu b’unanimità.

Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija, jew, fl-assenza tiegħu, il-membru supplenti, għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa tista' tivvota fuq id-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (k) tal-paragrafu 6 biss.

9.    Il-President għandu jlaqqa' l-Bord ta’ Tmexxija darbtejn fis-sena, bla preġudizzju għal-laqgħat straordinarji. Il-President għandu jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' mill-inqas terz tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija.”;

(9)L-Artikolu 13 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Bord Eżekuttiv

1.    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja l-ħidma preparatorja meħtieġa biex id-deċiżjonijiet jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija. B’mod partikolari, huwa għandu jiskrutinizza kwistjonijiet baġitarji u ta’ riżorsi umani;

2.    Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu wkoll:

(a)jirrevedi l-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 5a, ibbażat fuq l-abbozz imħejji mid-Direttur u jgħaddih lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni;

(b)jirrevedi l-abbozz tal-baġit annwali tal-Aġenzija u jgħaddih lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni;

(c)jirrevedi l-abbozz tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jgħaddih lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni;

(d)jadotta strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija, li tkun proporzjonata għar-riskji ta’ frodi, b’kont meħud tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati u fuq il-bażi ta’ abbozz imħejji mid-Direttur;

(e)jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jiġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar intern jew estern, kif ukoll minn investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);

(f)mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur, kif stabbiliti fl-Artikolu 15(4), jassistih u jagħtih pariri, fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja.

3.    Meta jkun meħtieġ, għal raġunijiet ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista' jieħu deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord ta’ Tmexxija, fosthom is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat ta' awtorità tal-ħatra, f'konformità mal-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 12(7a) u (7b) u fuq kwistjonijiet baġitarji.

4.    Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u mill-Viċi President tal-Bord ta' Tmexxija, żewġ membri oħra tal-Bord ta' Tmexxija eletti mill-Bord ta' Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(5) u wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta' Tmexxija.

Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Bord ta' Tmexxija tista' tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

5.    Il-Bord Eżekuttiv għandu jitlaqqa’ mill-President. Huwa jista’ jitlaqqa’ wkoll fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri preżenti. Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa tista’ tivvota fuq punti relatati mad-deċiżjonijiet li jkollha d-dritt li tivvota fuqhom fil-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(8).

6. Id-Direttur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu dritt jivvota.”;

(10)L-Artikolu 14 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

 

“1.    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul minn 11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għoljin fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar lill-11-il membru u japprova lista ta’ riżerva stabbilita skont l-ordni tal-mertu wara sejħa għall-applikazzjonijiet u proċedura ta' selezzjoni trasparenti u wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura rappreżentanza ġeografika ugwali. Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija m'għandhomx ikunu membri tal-Bord Xjentifiku. Ir-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 12(6)(g) għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet dettaljati li jirregolaw il-ħatra tal-Kumitat Xjentifiku.

(b)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu indipendenti. Huma jistgħu jiġu sostitwiti biss fuq it-talba tagħhom stess, jew fil-każ li jkunu prevenuti permanentement milli jwettqu dmirijiethom. Madankollu, meta membru ma jibqax jissodisfa aktar il-kriterji ta' indipendenza, huwa għandu jinforma b'dan minnufih lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Aġenzija. Alternattivament, il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddikjara, fuq proposta ta' terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta' indipendenza u jirrevoka lill-persuna kkonċernata. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar l-ewwel persuna disponibbli li jkun imiss skont il-lista ta’ riżerva għall-bqija tal-mandat. Meta l-mandat ikun fadallu anqas minn sentejn, il-mandat tal-membru l-ġdid jista' jiġi estiż għal terminu sħiħ ta' ħames snin. Il-lista tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fis-sit web tagħha.”;

(11)L-Artikolu 15 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 3 u 4 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.    Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin.

Matul it-12-il xahar li jippreċedu t-tmiem ta' dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod partikolari:

a) il-prestazzjoni tad-Direttur;

b) id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Aġenzija fis-snin li ġejjin.

Il-Bord Amministrattiv, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jieħu kont tar-rapport ta’ evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux iktar minn 5 snin.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien ix-xahar ta’ qabel ma l-Bord ta' Tmexxija jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jestendi dan il-mandat formalment, id-Direttur jista' jintalab jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet mill-membri tiegħu.

Jekk il-mandat ma jiġġeddidx, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

4.    Id-Direttur għandu jkun responsabbli:

(a)għat-twettiq tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 4 u b'mod partikolari t-tħejjija u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha mfasslin f’konformità mal-Artikolu 4(1)(a) sa (h) b'kooperazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku;

(b)għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma pluriennali tal-Aġenzija;

(c)għall-kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum;

(d)għad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(e)għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 21;

(f)għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi relatati mal-prestazzjoni tal-Aġenzija fil-konfront tal-objettivi tagħha skont l-istandards rikonoxxuti professjonalment u l-indikaturi tal-prestazzjoni;

(g)għat-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-programmi u tal-attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715;

(h)għar-rappurtar annwali dwar ir-riżultati tas-sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija;

(i)għat-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u għall-preżentazzjoni tagħha quddiem il-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni;

(j)għat-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti ta’ awditjar intern jew estern, kif ukoll ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u għar-rapportar dwar il-progress lill-Kummissjoni u lill-Bord ta’ Tmexxija;

(k)għall-kooperazzjoni mal-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament;

(l)għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, inkluż il-koordinazzjoni mal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali f’konformità mal-Artikolu 10.”;

(b)il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“7.    Id-Direttur jista’ jitneħħa mill-kariga qabel ma l-mandat tiegħu jkun skada bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, jew tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ mġiba ħażina, prestazzjoni mhux sodisfaċenti jew irregolaritajiet rikorrenti jew serji.”;

(12)fl-Artikolu 24, jitħassar il-paragrafu 2;

(13)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Evalwazzjoni u reviżjoni”;

(b)il-paragrafi 3 u 4 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.    “Sa [5 snin wara d-dħul fis-seħħ], u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni biex tivvaluta b’mod partikolari l-impatt, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha. L-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Aġenzija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika ta’ dan it-tip.

“4.    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta’ Tmexxija. Il-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni għandhom ikunu pubbliċi.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.    Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, irid ikun hemm valutazzjoni tar-riżultati miksubin mill-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Aġenzija tkunx għadha ġġustifikata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi, il-mandat u l-kompiti.

(14)Jitħassar l-Artikolu 31.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(2)    External evaluation of the European Union Agency for Fundamental Rights, id-19 ta’ Novembru 2012, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra-external_evaluation-final-report.pdf.
(3)    2nd independent External Evaluation of the European Union Agency for Fundamental Rights, il-31 ta’ Ottubru 2017 https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/2nd-fra-external-evaluation-october-2017_en.pdf .
(4)    SWD(2019)313.
(5)    Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni tad-19 ta’ Lulju 2012 https://europa.eu/european-union/sites/europaeu/files/docs/body/joint_statement_and_common_approach_2012_mt.pdf
(6)    ĠU C […], […], p. […].
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(8)    Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni tad-19 ta’ Lulju 2012 https://europa.eu/european-union/sites/europaeu/files/docs/body/joint_statement_and_common_approach_2012_mt.pdf  
(9)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(10)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).