IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2020
COM(2020) 223 final
2020/0105(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-effetti diretti u indiretti tal-pandemija tal-COVID-19 qed ikomplu jiżdiedu fl-Istati Membri kollha. Is-sitwazzjoni attwali hija bla preċedent u teħtieġ miżuri eċċezzjonali adattati għas-sitwazzjoni li għandhom jiġu applikati f’dawn iċ-ċirkostanzi, inkluż għall-appoġġ tal-persuni l-aktar fil-bżonn mogħti mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). B’mod partikolari, il-kriżi ma tippreżentax biss riskji għall-persuni l-aktar fil-bżonn, iżda wkoll iżżid it-tbatija ekonomika. Huwa mistenni li l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà jintlaqtu l-agħar mill-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kriżi. Barra minn hekk, minbarra l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta’ persuni l-aktar fil-bżonn qed jiżdied.
L-ewwel “Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus” (CRII), pakkett ta’ miżuri li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2020, introduċa għadd ta’ bidliet importanti fil-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li jippermettu reazzjoni aktar effettiva fis-sitwazzjoni attwali. Ġew adottati miżuri komplementari taħt l-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus” (CRII Plus). Dan il-pakkett kien jinkludi wkoll l-emendi tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 (ir-Regolament dwar il-FAED), permezz tar-Regolament (UE) 2020/559 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020, li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ April 2020, li introduċa miżuri speċifiċi ta’ flessibbiltà u likwidità addizzjonali għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 taħt il-FEAD.
Is-sitwazzjoni qed tevolvi bil-mod u ħafna reġjuni u Stati Membri qed jippreparaw għal illaxkar kawt tar-restrizzjonijiet fuq is-soċjetajiet u l-intrapriżi tagħhom, u biex jibdew mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom. Madankollu, l-effetti diretti u indiretti tal-kriżi diġà qed jolqtu ħażin lil ħafna setturi. Il-proċess tal-irkupru se jieħu ż-żmien u l-ħtieġa għal aktar miżuri ta’ konfinament ma tistax tiġi eskluża. F’dan il-kuntest, hemm riskju serju li l-għadd ta’ persuni li jsofru minn privazzjoni mill-ikel u dik materjali se jiżdied, u għalhekk hija meħtieġa azzjoni ulterjuri bħala reazzjoni għall-konsegwenzi soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġi żgurat irkupru soċjali ġust f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet miżuri straordinarji li taw l-akbar flessibbiltà u appoġġ possibbli lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-organizzazzjonijiet sħab u lill-atturi l-oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-FAED, l-Istati Membri qed jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità biex jirreaġixxu għall-kriżi tal-COVID-19 u l-ħtiġijiet li dejjem qed jikbru fil-prattika.
Għalhekk, sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jirreaġixxu b’mod effettiv għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha, jixraq li jiġu adottati miżuri addizzjonali li jinkludu ż-żieda fir-riżorsi disponibbli taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Strutturali Ewropew (FSE), kif ukoll il-FAED. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tipproponi emenda ġdida tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RPK) (REACT-EU) u tar-Regolament dwar il-FAED b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, sabiex tipprevedi li r-riżorsi addizzjonali jkunu disponibbli għas-snin 2020, 2021 u 2022 għal dawn il-fondi.
Ir-riżorsi addizzjonali għall-2020 jirriżultaw minn żieda fir-riżorsi globali għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020. Ir-riżorsi addizzjonali għall-2021 u l-2022 jikkostitwixxu dħul assenjat estern li jirriżulta mill-[Istrument Ewropew għall-Irkupru].
Dawn l-ammonti se jitqassmu bejn l-Istati Membri filwaqt li jitqiesu l-prosperità relattiva tagħhom u l-firxa tal-effetti tal-kriżi attwali fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. 0,35 % tar-riżorsi addizzjonali jeħtieġ li jiġu allokati għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deroga mir-regoli applikabbli għad-dħul assenjat estern stabbilit fir-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riżorsi addizzjonali għandhom isegwu r-regoli applikabbli stabbiliti fir-RDK u fir-Regolament dwar il-FAED ladarba jiġu assenjati lill-programmi operazzjonali, inkluż ir-regoli dwar l-impenji u d-diżimpenji.
L-Istati Membri jistgħu jużaw dawn l-ammonti taħt l-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi biex jappoġġaw l-operazzjonijiet li jrawmu t-tiswija tal-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 fir-reġjuni li l-ekonomija u l-impjiegi tagħhom l-agħar li ntlaqtu u li qed jippreparaw l-irkupru tal-ekonomiji tagħhom mill-FEŻR jew l-FSE jew biex iżidu l-allokazzjoni għall-programmi appoġġati mill-FAED.
L-allokazzjoni tar-riżorsi addizzjonali għall-FAED hija volontarja għall-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Filwaqt li jqisu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni xierqa liż-żidiet fl-għadd tal-persuni l-aktar fil-bżonn minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Barra minn hekk, f’konformità mal-emendi proposti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (REACT-EU), il-Kummissjoni tipproponi li jiġu introdotti miżuri addizzjonali li jipprovdu aktar likwidità lill-Istati Membri, prinċipalment billi jippermettu li l-Istati Membri jirċievu pagament ta’ prefinanzjament sostanzjali f’każ li r-riżorsi taħt il-FAED jiżdiedu u billi jeżentaw lill-Istati Membri milli jagħtu kontribuzzjoni nazzjonali għar-riżorsi miżjuda. Barra minn hekk, u b’mod simili għal dak propost għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (REACT-EU), minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi addizzjonali jiddaħħlu malajr fl-investimenti fil-prattika u jibdew jaħdmu fl-ekonomija reali, mhuwiex propost li tiġi estiża d-data finali tal-eliġibbiltà, li għandha tibqa’ – anki għar-riżorsi addizzjonali – il-31 ta’ Diċembru 2023 (għan-nefqa mġarrba fil-livell tal-benefiċjarji). Madankollu, huwa ċċarat li l-impenji marbuta mar-riżorsi addizzjonali għandhom jiġu diżimpenjati f’konformità mar-regoli li jeħtieġ jiġu segwiti għall-għeluq tal-programmi (jiġifieri, fl-2025 wara t-tressiq tad-dokumenti neċessarji skont l-Artikolu 52). Huwa previst ukoll s-sistema ta’ skambju elettroniku użat għall-iskambji uffiċjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 30(4) tiġi rranġata biex tipprovdi l-possibbiltà lill-Istati Membri sabiex iressqu t-talbiet għal emendi tal-programm operazzjonali għall-allokazzjoni tar-riżorsi addizzjonali għas-snin 2020, 2021 u 2022 mingħajr dewmien.
Il-pandemija tal-COVID-19 kellha wkoll effett soċjoekonomiku sproporzjonat fuq in-nisa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu b’mod xieraq li l-operazzjonijiet isegwu strettament il-prinċipju orizzontali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif stabbilit fl-Artikolu 5(11) tar-Regolament dwar il-FAED.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi wkoll dispożizzjonijiet addizzjonali li jipprevedu l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex jużaw l-assistenza teknika.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (REACT-EU) b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-FEŻR u l-FSE b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti ma’ proposti u inizjattivi oħra adottati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari mal-proposti adottati mill-Kummissjoni għall-FEŻR u l-FSE b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 175(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Tipprevedi l-possibbiltajiet għall-Istati Membri biex iżidu r-riżorsi taħt il-FAED, biex jirċievu pagament ta’ prefinanzjament u teżenta r-riżorsi addizzjonali mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Dan it-tibdil eċċezzjonali huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli li japplikaw taħt ċirkostanzi regolari.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-proposta ma tbiddilx il-mod ta’ twassil tal-FAED, li jibqa’ taħt ġestjoni kondiviża.
Il-ġestjoni kondiviża hija msejsa fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, hekk kif il-Kummissjoni tiddelega l-ipprogrammar strateġiku u l-kompiti tal-implimentazzjoni lill-Istati Membri. Tillimita wkoll l-azzjoni tal-UE għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi kif stabbiliti fit-Trattati.
Din il-proposta, flimkien mal-proposta għall-emenda tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għandha l-għan li tippermetti biex ikunu disponibbli riżorsi addizzjonali. Għandha l-għan ukoll li tikkjarifika r-regoli li jirregolaw l-użu ta’ dawk ir-riżorsi fil-kuntest tal-programmi taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni għall-2014-2020.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija proporzjonata u ma tinkludix dispożizzjonijiet li mhumiex meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat. Hija limitata għall-emendi meqjusa meħtieġa għall-istabbiliment tar-regoli li jeħtieġ jiġu segwiti b’rabta mal-miżuri addizzjonali u għall-indirizzar tal-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri waqt il-kriżi tal-COVID-19 fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FAED.
•Għażla tal-istrument
L-għażla tal-istrument hija Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja kif stabbilit fl-Artikolu 175(3) tat-Trattat. Il-Kummissjoni esplorat il-kamp ta’ applikazzjoni għall-manuvri previsti mill-qafas ġuridiku u tqisu meħtieġ biex tipproponi emendi tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ din il-proposta, ma kienx hemm evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ din il-proposta, ma kienx hemm konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
L-użu tal-għarfien espert estern ma kienx neċessarju.
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ma hemmx inizjattiva fi ħdan il-Programm dwar il-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT)
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta se twassal għal impenji addizzjonali fis-sena 2020, iffinanzjati minn żieda fil-limitu massimu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020. Se twassal ukoll għal impenji addizzjonali għas-snin 2021 u 2022, iffinanzjati minn dħul assenjat estern. Se tiskatta pagamenti addizzjonali mis-sena 2020 sas-sena 2025. L-implikazzjonijiet baġitarji huma koperti mid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja lir-Regolament REACT-EU.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-implimentazzjoni tal-miżuri se tiġi monitorata u rapportata fil-qafas tal-mekkaniżmi ta’ rapportar ġenerali stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 223/2014.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
N/A
2020/0105 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (“FEAD”).
(2)Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie proklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, bħala reazzjoni għall-isfidi soċjali fl-Ewropea. L-għoxrin prinċipju ewlieni tal-pilastru huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; protezzjoni u inklużjoni soċjali. L-għoxrin prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jenħtieġ li jiggwidaw l-azzjonijiet b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġi żgurat irkupru soċjalment ġust.
(3)L-Istati Membri ġew affettwati mingħajr preċedent mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19. Il-kriżi wasslet għal konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji ħafna. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(4)Dan għandu impatt partikolari fuq il-FAED. Meta jitqies li l-għadd ta’ persuni li qed ibatu minn privazzjoni mill-ikel u dik materjali qed jiżdied minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u li l-persuni l-aktar fil-bżonn huma esposti għal riskji partikolari u tbatijiet ulterjuri waqt din il-kriżi, l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali fl-għoti tal-appoġġ mill-Fond.
(5)Sabiex jinstab rimedju għax-xokkijiet kbar fuq l-ekonomija u l-impatti serji fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku minħabba r-restrizzjonijiet eċċezzjonali li tqiegħdu fis-seħħ mill-Istati Membri biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19, fit-23 ta’ April 2020, il-Kunsill Ewropew approva l-“Pjan direzzjonali għall-irkupru” b’komponent ta’ investiment b’saħħtu, sejjaħ għall-istabbiliment tal-[Istrument Ewropew għall-Irkupru] u ta l-mandat lill-Kummissjoni biex tanalizza l-ħtiġijiet sabiex ir-riżorsi jiġu mmirati għas-setturi u l-partijiet ġeografiċi l-aktar milquta tal-Ewropa, filwaqt li kkjarifika wkoll ir-rabta mal-QFP.
(6)Fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Regolament li jemenda lir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 u fetħet riżorsi addizzjonali biex jappoġġaw lill-Istati Membri fit-tiswija tal-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u fil-preparazzjoni għall-irkupru tal-ekonomija. Bħala parti minn dan il-pakkett, huwa disponibbli għal dan l-iskop ammont addizzjonali eċċezzjonali ta’ EUR 58 272 800 000 għall-impenn baġitarju mill-Fondi Strutturali taħt l-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi għas-snin 2020, 2021 u 2022, bil-ħsieb li jinħareġ malajr għall-ekonomija reali permezz tal-istrutturi eżistenti għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-qsim tar-riżorsi addizzjonali għal kull Stat Membru fuq il-bażi ta’ metodu ta’ allokazzjoni bbażat fuq l-aħħar data statistika objettiva disponibbli fir-rigward tal-prosperità relattiva tal-Istati Membri u l-firxa tal-effetti tal-kriżi attwali fuq l-ekonomiji tagħhom. Sabiex tiġi riflessa n-natura li dejjem tevolvi tal-effetti tal-kriżi, il-qsim jenħtieġ li jiġi rivedut fl-2021 abbażi tal-istess metodu ta’ allokazzjoni bl-użu tal-aħħar data statistika disponibbli sad-19 ta’ Ottubru 2021. Sabiex tipprevedi r-reazzjoni effettiva għall-impatt soċjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, jixraq li r-riżorsi addizzjonali jkunu jistgħu jiġu allokati mill-Istati Membri tal-FAED, skont il-ħtiġijiet tagħhom. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni xierqa liż-żidiet fl-għadd tal-persuni l-aktar fil-bżonn mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti limiti massimi li jikkonċernaw l-allokazzjoni tar-riżorsi miżjuda għall-assistenza teknika tal-Istat Membru. Filwaqt li jitqies l-infiq malajr mistenni tar-riżorsi addizzjonali, l-impenji marbuta ma’ dawn ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jiġu diżimpenjati wkoll mal-għeluq tal-programmi. Il-possibbiltajiet għat-trasferimenti finanzjarji taħt l-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi bejn il-FEŻR, l-ESF u l-FAED huma introdotti wkoll għar-riżorsi addizzjonali.
(7)Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplika għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, għoti ta’ kuntratti pubbliċi, premjijiet, implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċerna wkoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett tal-istat tad-dritt hija prekundizzjoni essenzjali għall-ġestjoni finanzjarja tajba u effettiva tal-finanzjament tal-UE.
(8)Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jimplimentaw malajr azzjonijiet għat-tiswija tal-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u jippreparaw l-irkupru tal-ekonomija, huwa meħtieġ li jingħata livell ogħla ta’ pagament ta’ prefinanzjament għall-implimentazzjoni ta’ malajr tal-azzjonijiet appoġġati mir-riżorsi addizzjonali. Il-kobor tal-prefinanzjament jenħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi biex jorganizzaw pagamenti avvanzati għall-benefiċjarji meta neċessarju u biex jirrimborżaw malajr lill-benefiċjarji wara t-tressiq tat-talbiet għall-pagamenti.
(9)Bl-għan li jittaffa l-piż fuq il-baġits pubbliċi rigward it-tiswija tal-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-preparazzjoni għall-irkupru tal-ekonomija, jixraq li r-riżorsi addizzjonali ma jkunux soġġetti għall-kofinanzjament.
(10)Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw malajr il-miżuri taħt il-FAED b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, jixraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza teknika.
(11)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment li jindirizza l-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, ma jistax jintlaħaq biżżejjed minn Stat Membru waħdu, u għalhekk, bir-raġunament fuq l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan l-objettiv.
(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 223/2014 jiġi emendat skont dan.
(13)Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(14)Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-urġenza li tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, jitqies neċessarju li jintuża l-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,
(15)l-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jipprevedi l-emendi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jew tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom, li huma adottati dakinhar jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim, ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit sakemm dawk l-emendi ma jkollhomx impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. Għall-2020, l-appoġġ taħt l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, huwa ffinanzjat minn limitu massimu miżjud tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u, għall-2021 u l-2022, minn żieda fil-limitu massimu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jkollu effett fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għar-Renju Unit u fir-Renju Unit,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:
(1)L-Artikolu 6(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-allokazzjoni tal-Fond għall-perjodu 2014–2020 għal kull Stat Membru huwa stabbilit fl-Anness III għajr ir-riżorsi miżjuda bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 imsemmija fl-Artikolu 6a. L-ammont minimu għal kull Stat Membru huwa EUR 3 500 000 għall-perjodu sħiħ.”
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 6a ġdid li ġej:
“Artikolu 6a
Żieda volontarja tar-riżorsi b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19
1. Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6 jistgħu jiżdiedu mill-Istati Membri fuq bażi volontarja b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, f’konformità mas-seba’ subparagrafu tal-punt 5 tal-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Iż-żieda tista’ taffettwa l-impenji baġitarji għall-2020, l-2021 u l-2022.
2. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7(1), il-perjodu għall-programmi operazzjonali li jibbenefikaw mir-riżorsi addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 1 għandu jkun sal-31 ta’ Diċembru 2022.
3. Permezz tad-deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38, l-impenji tal-baġit għar-riżorsi addizzjonali fir-rigward ta’ kull programm għandhom isiru fis-snin 2020, 2021 u 2022.
Permezz tad-deroga mill-Artikolu 59(1), l-impenji addizzjonali għandhom jiġi diżimpenjati f’konformità mar-regoli li jeħtieġ jiġu segwiti għall-għeluq tal-programmi.
4. Minbarra l-prefinanzjament imsemmi fl-Artikolu 44(1), il-Kummissjoni għandha tħallas ammont ta’ prefinanzjament ta’ 50 % tar-riżorsi addizzjonali allokati għas-sena 2020 wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda ta’ programm għall-allokazzjoni tar-riżorsi addizzjonali.
L-ammont imħallas bħala prefinanzjament kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitneħħa għalkollox mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta jingħalaq il-programm.
5. Permezz tad-deroga mill-Artikolu 20, ir-riżorsi addizzjonali taħt il-paragrafu 1 mhumiex soġġetti għall-kofinanzjament.”
(3)L-Artikolu 27(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Fuq l-inizjattiva tal-Istati Membru, u soġġett għal limitu massimu ta’ 5 % tal-allokazzjoni tal-Fond fil-waqt tal-adozzjoni tal-programm operazzjonali u 5 % fuq ir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 6a(1), il-programm operazzjonali jista’ jiffinanzja l-miżuri tal-preparazzjoni, tal-ġestjoni, tal-monitoraġġ, tal-amministrazzjoni u l-assistenza teknika, tal-awditjar, tal-informazzjoni, tal-kontroll u tal-evalwazzjoni neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Fond, inkluż, l-ispejjeż tal-preparazzjoni u dawk operatorji tal-iskemi tal-vawċers f’każ li dawn il-kostijiet jiġġarrbu mill-awtorità tal-ġestjoni jew korp pubbliku ieħor, li mhuwiex organizzazzjoni sieħba. Jista’ jiffinanzja wkoll l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet sħab u kwalunkwe attur ieħor involut fl-implimentazzjoni tal-Fond, inkluż għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-reazzjoni għall-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19. L-azzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jistgħu jikkonċernaw il-perjodu ta’ programmazzjoni sussegwenti, inkluż biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ minn dan il-Fond permezz ta’ Fondi oħra.”
(4)Jiddaħħal l-Artikolu 63 a ġdid li ġej:
“Artikolu 63 a
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Artikolu 6a ma għandux japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit. Ir-referenzi għall-Istati Membri f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinftiehmu li ma jinkludux lir-Renju Unit.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President