Brussell, 19.5.2020

COM(2020) 219 final

2020/0096(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 fir-rigward tal-perjodu referenzjarju maħsub biex jintuża għall-kejl tat-tkabbir tal-emissjonijiet tas-CO2, biex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest tal-iskema CORSIA


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta – adottata bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 – tikkonċerna deċiżjoni li tadatta l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) fir-rigward tal-perjodu referenzjarju tagħha għall-kejl tat-tkabbir tal-emissjonijiet tas-CO2 (“linja bażi”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Ftehim ta’ Pariġi

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

F’Diċembru 2015, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat il-Ftehim ta’ Pariġi, li l-objettiv tiegħu huwa li ż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u biex jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C. Is-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż l-avjazzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għaż-żewġ Ftehimiet. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi u b’mod konġunt ħadu l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma l-iżvilupp tal-prinċipji u tat-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u t-trawwim tal-ippjanar u tal-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru. L-UE hija osservatur ad hoc f’ħafna korpi tal-ICAO (l-Assemblea u korpi tekniċi oħra).

2.3.L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)

L-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs), il-Ħarsien Ambjentali – l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) ġew adottati bħala l-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO fil-214-il Sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Ġunju 2018.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 1 , l-Istati Membri nnotifikaw id-differenzi lill-ICAO. Dawn id-differenzi bejn id-Direttiva 2003/87/KE u l-iskema CORSIA jinkludu, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2003/87/KE tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operaturi tal-ajruplani. Fil-prinċipju, din tkopri t-titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, jew li jaslu f’tali ajrudrom. Tapplika mingħajr distinzjoni għat-titjiriet fi ħdan l-Istati Membri u/jew il-pajjiżi taż-ŻEE u bejniethom.

Il-paragrafu 3.2 tal-Parti II tas-SARPs (“rekwiżiti ta’ kumpens tas-CO2”) jispeċifika “linja bażi” tal-medja tal-emissjonijiet annwali tas-CO2 matul l-2019 u l-2020 għar-rotot koperti mill-iskema CORSIA.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1. Sfond

Il-kwistjoni hawnhekk hija l-kunsiderazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-linja bażi tal-iskema CORSIA li tintuża biex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti ta’ kumpens futuri għall-operaturi tal-ajruplani sabiex jinkiseb tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020.

Il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa se twassal ċertament għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali fl-2020. Il-pandemija se twassal għal linja bażi tal-iskema CORSIA li tkun ferm iktar baxxa, sakemm id-definizzjoni tal-linja bażi tal-iskema CORSIA ma tiġix rieżaminata, u tkun tinvolvi rekwiżiti ta’ kumpens ogħla. Dan, naturalment, jiddependi wkoll mir-rata ta’ rkupru tat-traffiku tal-ajru internazzjonali u mill-iżvilupp tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-traffiku tal-ajru internazzjonali.

Il-Kumitat dwar l-Avjazzjoni u l-Ħarsien Ambjentali (CAEP) tal-ICAO wettaq analiżi tal-ordni ta’ kobor li għandha l-għan li tikkwantifika l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-domanda għall-unitajiet ta’ emissjonijiet (kumpensi) skont l-iskema CORSIA, abbażi ta’ xenarji differenti, u li tesplora diversi opzjonijiet għal-linja bażi.  2

Permezz tal-analiżi tas-CAEP, li kkunsidrat l-opzjonijiet tal-linja bażi li jvarjaw mill-istatus quo, minflok jintużaw l-emissjonijiet tal-2019 jew medja tal-emissjonijiet fuq iktar snin jew saħansitra stimi estrapolati tal-emissjonijiet tal-2020 li kieku ma kien hemm l-ebda kriżi, ħareġ, inter alia, li

fl-2020, l-emissjonijiet tas-CO2 jistgħu jkunu madwar 40 % inqas mil-livelli antiċipati fl-2016;

l-emissjonijiet referenzjarji għal-linja bażi attwali tal-iskema CORSIA jistgħu jkunu madwar 18 % inqas meta mqabbla mal-livelli tal-2019;

linja bażi iktar baxxa tista’ tirriżulta f’impatt sostanzjali fuq ir-rekwiżiti ta’ kumpens totali:

·il-Fażi Pilota (2021-2023): minn +280 % f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ V għal +150 % f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ U b’telf permanenti;

·il-Fażijiet Kollha (2021-2035): minn +45 % f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ V għal –24 %
f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ U b’telf permanenti;

tibdil tal-linja bażi għall-2019 jista’ jirriżulta f’rekwiżiti ta’ kumpens totali:

·il-Fażi Pilota (2021-2023): sa żero jew qrib iż-żero sal-2023 fix-xenarji tal-COVID-19, u

·il-Fażijiet Kollha (2021-2035): minn –9 % f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ V
għal –32 % f’xenarju ta’ rkupru b’għamla ta’ U b’telf permanenti.

Fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Tmexxija tas-CAEP tal-11 ta’ Mejju 2020, l-analiżi tal-ordni ta’ kobor ġiet approvata b’mod unanimu biex tiġi kkunsidrata mill-Kunsill tal-ICAO waqt il-220 Sessjoni tiegħu f’Ġunju 2020.

3.2. Pożizzjoni proposta

Filwaqt li jitqiesu l-effettività ambjentali b’rabta mal-għan tal-ICAO li jiġi żgurat tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020, il-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ għall-iskema CORSIA fiċ-ċirkostanzi li nħolqu mill-pandemija tal-COVID-19, u biex jiġi evitat tfixkil fl-elementi ewlenin tad-disinn tal-iskema CORSIA, kif ukoll fil-proċess ġuridiku fl-ICAO, approċċ inizjali prudenti, ibbażat fuq l-informazzjoni disponibbli attwalment 3 , ikun li jiġi aċċettat, jekk ikun meħtieġ, l-aġġustament tad-disinn tal-iskema CORSIA biex l-emissjonijiet tas-CO2 tal-avjazzjoni internazzjonali koperti mill-iskema CORSIA matul l-2019 biss jiġu stabbiliti bħala l-linja bażi.

Jekk il-Kunsill tal-ICAO jiddeċiedi li jaġġusta l-linja bażi tal-iskema CORSIA matul din is-sessjoni, jintbagħat sinjal li l-ICAO, b’mod attiv, qed tieħu passi biex tadatta għall-kriżi u tippreserva l-appoġġ tal-Istati għall-iskema CORSIA u l-parteċipazzjoni tagħhom fiha. Sabiex l-urġenza li tittieħed deċiżjoni tiġi bbilanċjata mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli ta’ governanza tal-ICAO, tali deċiżjoni mill-Kunsill tal-ICAO tista’ tiġi segwita minn konsultazzjoni skattata permezz ta’ Ittra lill-Istati u mill-adozzjoni formali fis-Sessjoni ta’ wara (il-221 waħda) tal-Kunsill tal-ICAO.

Jaf ikun xieraq li jsiru ċerti aġġustamenti relatati fir-rigward tal-elementi tad-disinn tal-iskema CORSIA, fosthom:

aġġustament korrispondenti tal-opzjoni li l-emissjonijiet tal-2020 jintużaw bħala referenza biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti ta’ kumpens matul l-hekk imsejħa “fażi pilota”, jiġifieri l-ewwel tliet snin ta’ parteċipazzjoni volontarja (2021-2023);

kjarifika li, fil-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għal sena partikolari, il-Fattur ta’ Tkabbir Settorjali ma jistax ikun negattiv, u b’hekk jiġi evitat li kwalunkwe rekwiżit ta’ kumpens negattiv f’sena waħda jikkanċella r-rekwiżiti pożittivi f’sena oħra tal-istess perjodu ta’ konformità.

Xi pajjiżi indikaw li jaf jippruvaw jużaw l-opportunità ta’ tibdil possibbli tal-linja bażi biex jitolbu li jkun hemm linji bażi differenti għal pajjiżi differenti, skont il-livell ta’ żvilupp tagħhom, is-sena meta ssieħbu fl-iskema CORSIA jew kriterji oħra. Tali tibdil imur kontra l-prinċipji tar-Riżoluzzjoni A40-19 u l-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tagħha, u jwassal għal riskji kbar ta’ tfixkil tal-iskema CORSIA.

Jekk il-livell ta’ traffiku u tal-emissjonijiet assoċjati ta’ qabel il-kriżi jdum diversi snin biex jintlaħaq, linja bażi ogħla tal-emissjonijiet tal-2019 x’aktarx li ma twassal għall-ebda rekwiżit ta’ kumpens jew twassal għal ftit rekwiżiti ta’ kumpens matul il-fażi pilota. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitfakkar li r-Riżoluzzjoni A40-19 tal-Assemblea tipprevedi rieżami tal-iskema CORSIA kull tliet snin – ir-rieżami li jmiss huwa fl-2022. Din tispeċifika li jenħtieġ li r-rieżamijiet jinkludu valutazzjoni tal-progress li jkun sar biex jinkiseb l-għan li l-ICAO qed taspira għalih, jiġifieri li l-emissjonijiet globali netti tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali mill-2020 jinżammu fl-istess livell; tal-impatt fis-suq u tal-kostijiet tal-iskema fuq l-Istati u fuq l-operaturi tal-ajruplani, kif ukoll fuq l-avjazzjoni internazzjonali; u tal-funzjonament tal-elementi tad-disinn tal-iskema; u jikkunsidraw it-titjib tal-iskema li jappoġġa l-iskop tal-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari l-għanijiet fit-tul tiegħu rigward it-temperatura; u jikkunsidraw ukoll l-aġġornament tal-elementi tad-disinn tal-iskema biex tittejjeb l-implimentazzjoni, tiżdied l-effettività, u tiġi minimizzata d-distorsjoni tas-suq.

Ir-rilevanza ta’ tali rieżami hija enfasizzata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ għan aspirazzjonali fit-tul ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jrid jiġi kkunsidrat mill-Assemblea.

Skont ir-rata ta’ rkupru tat-traffiku tal-ajru internazzjonali u kemm l-iskema CORSIA tikkontribwixxi biex jintlaħaq għan aspirazzjonali fit-tul ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, jista’ jkun rilevanti li fl-okkażjoni ta’ rieżami futur, jerġa’ jiġi eżaminat il-livell ta’ ambizzjoni tal-iskema CORSIA, u potenzjalment tiġi inkluża l-kwistjoni tal-linja bażi. Iż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni tal-iskema CORSIA tkun konsistenti mal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915.

Tibdil fil-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-iskema CORSIA, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, fih innifsu ma jaffettwax l-appoġġ tal-UE għall-politika sottostanti rigward l-għan aspirazzjonali tal-ICAO ta’ tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni A40-19 tal-Assemblea.

4.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti u komplementari ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikulari l-politiki tal-enerġija, tal-ambjent u tat-trasport.

5.Bażi ġuridika

5.1.Bażi ġuridika proċedurali

5.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 4 .

5.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att (l-SARPs tal-iskema CORSIA) li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jintalab jemenda jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst huwa kapaċi li jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.2.Bażi ġuridika sostantiva

F’konformità mal-Artikolu 192(1) u 191 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi, inter alia, għat-twettiq tal-objettivi li ġejjin: is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

5.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

5.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att previst huma relatati mal-politika dwar il-klima, fil-kuntest tal-avjazzjoni internazzjonali.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

5.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2020/0096 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 fir-rigward tal-perjodu referenzjarju maħsub biex jintuża għall-kejl tat-tkabbir tal-emissjonijiet tas-CO2, biex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest tal-iskema CORSIA

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”), li għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċertu korpi tal-ICAO.

(3)F’Diċembru 2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat il-Ftehim ta’ Pariġi li l-objettiv tiegħu huwa li ż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u biex jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C. Is-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż l-avjazzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

(4)Fl-2016, id-39 Assemblea tal-ICAO ddeċidiet, permezz tar-Riżoluzzjoni A39-3 tagħha, li tiżviluppa mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu u tad-diversi elementi dettaljati tiegħu ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 5 . Din id-deċiżjoni tirrifletti l-fatt li d-deċiżjonijiet rilevanti adottati mill-Kunsill tal-ICAO, korp stabbilit permezz ta’ ftehim, għandhom effetti legali. Dawn jistgħu jsiru vinkolanti f’konformità mal-Konvenzjoni, u skont il-limiti stabbiliti fiha, u jistgħu jsiru vinkolanti wkoll għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha skont ftehimiet eżistenti tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

(5)Fis-27 ta’ Ġunju 2018, waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (“CORSIA”). Dan it-test jistabbilixxi inter alia l-valuri tal-emissjonijiet li ntużaw biex jiġu kkalkolati l-fatturi ta’ tkabbir (kemm il-Fattur ta’ Tkabbir tas-Settur kif ukoll il-Fatturi ta’ Tkabbir tal-Operaturi tal-Ajruplani). Dawn il-valuri huma ddeterminati bħala l-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-avjazzjoni internazzjonali koperti mill-iskema CORSIA matul l-2019 u l-2020 (fil-livell tas-settur u fil-livell tal-operaturi tal-ajruplani individwali).

(6)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 6 , l-Istati Membri nnotifikaw lill-ICAO bid-differenzi bejn id-Direttiva 2003/87/KE u dawn l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati.

(7)Il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa se twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali fl-2020 7 . Għaldaqstant se twassal ukoll għal valuri tal-emissjonijiet tal-iskema CORSIA ferm iktar baxxi li jintużaw biex jiġu kkalkolati l-fatturi ta’ tkabbir 8 . Sakemm dawn il-valuri ma jiġux emendati, dan jista’ jirriżulta f’rekwiżiti ta’ kumpens ferm ogħla, u dan jiddependi mir-rata ta’ rkupru tat-traffiku tal-ajru internazzjonali u mill-iżvilupp tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-traffiku tal-ajru internazzjonali.

(8)X’aktarx, u huwa tabilħaqq importanti, li matul il-220 Sessjoni tiegħu bejn it-8 u s-26 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-ICAO jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-emendar tal-valuri tal-emissjonijiet li jintużaw biex jiġu kkalkolati l-fatturi ta’ tkabbir skont l-iskema CORSIA, preċiżament fir-rigward tal-perjodu referenzjarju kkunsidrat (“perjodu tal-linja bażi”). Alternattivament, tista’ tittieħed deċiżjoni finali rigward din il-kwistjoni fis-Sessjoni ta’ wara (il-221 waħda) tal-Kunsill tal-ICAO. Dan ix-xenarju jista’ jitwettaq, b’mod partikolari, jekk il-Kunsill tal-ICAO jqis li tali deċiżjoni għandha tiġi preċeduta minn konsultazzjoni skattata permezz ta’ Ittra lill-Istati.

(9)Bħal fil-każ tal-iskema CORSIA stess, kwalunkwe emenda għat-termini tikkostitwixxi deċiżjoni meħuda minn korp stabbilit permezz ta’ ftehim u li jkollha effetti legali.

(10)Filwaqt li b’mod konsistenti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu favur mira ta’ tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali li ma tkunx ogħla mil-livelli tal-2020, f’dawn iċ-ċirkostanzi jidher li referenza għall-2019 bħala l-perjodu tal-linja bażi hija l-eqreb indikatur possibbli bbażat fuq data reali sabiex jiġi rifless l-għan fit-tul tal-ICAO ta’ tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni A 39-3. F’dan l-isfond, bil-ħsieb li jiġu ppreservati l-appoġġ suffiċjenti u l-elementi ewlenin tad-disinn tal-iskema CORSIA, u abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, jidher li jaqbel li jiġi aċċettat li s-sena kalendarja 2019 titqies bħala l-perjodu uniku tal-linja bażi.

(11)Jenħtieġ li ma tiġix appoġġata l-alternattiva li ssemmiet fid-dibattitu attwali, li jiġu stabbiliti linji bażi differenti għal pajjiżi differenti, skont il-livell ta’ żvilupp tagħhom, is-sena meta ssieħbu fl-iskema CORSIA jew kriterji oħra. Din kieku tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif imfakkar fir-Riżoluzzjoni A40-19, u tista’ tipperikola l-kumplament tal-eżistenza tal-iskema CORSIA fil-forma attwali tagħha.

(12)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tiġi emendata sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jaċċettaw is-sena kalendarja 2019 bħala l-perjodu uniku tal-linja bażi.

(13)Il-prinċipju ta’ rieżami regolari jibqa’ japplika. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitfakkar li r-Riżoluzzjoni A40-19 tal-Assemblea tipprevedi rieżami tal-iskema CORSIA kull tliet snin – ir-rieżami li jmiss huwa fl-2022. Ir-rilevanza ta’ tali rieżami tiżdied iktar ma s-settur idum biex jilħaq il-livell ta’ traffiku u tal-emissjonijiet assoċjati ta’ qabel il-kriżi. F’każ ta’ rkupru bil-mod, il-linja bażi tal-emissjonijiet tal-2019 x’aktarx li ma twassal għall-ebda rekwiżit ta’ kumpens jew twassal għal ftit rekwiżiti ta’ kumpens matul il-“fażi pilota” tal-iskema CORSIA (2021-2023) 9 . Ir-rilevanza ta’ tali rieżami hija enfasizzata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ għan aspirazzjonali fit-tul ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jrid jiġi kkunsidrat mill-Assemblea.

(14)Fir-rigward tas-setturi kollha tal-ekonomija li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, mill-2012 ’l hawn, l-avjazzjoni kkontribwiet permezz tal-inklużjoni tagħha fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u se tippreżenta proposta biex tiġi implimentata l-iskema CORSIA, kif ikun xieraq, li tkun konsistenti mal-iżgurar tal-kontribut tal-avjazzjoni favur l-impenn tal-Unjoni biex sal-2030 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu fis-setturi kollha tal-ekonomija.

(15)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President
   

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25.
(2)    L-IATA, l-ICSA u organizzazzjonijiet oħra wkoll wettqu studji relatati. Ara, pereżempju:    
https://www.iata.org/en/policy/environment/corsia/        jew https://www.edf.org/sites/default/files/documents/COVID_CORSIA_baseline_analysis.pdf
(3)    B’mod partikolari mis-CAEP tal-ICAO.
(4)    Il-paragrafu 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25.
(7)    Fl-2020, l-emissjonijiet tas-CO2 jistgħu jkunu madwar 40 % inqas mil-livelli antiċipati fl-2016 (is-CAEP tal-ICAO, il-11 ta’ Mejju 2020).
(8)    L-emissjonijiet referenzjarji għal-linja bażi tal-iskema CORSIA jistgħu jkunu madwar 18 % inqas meta mqabbla mal-livelli tal-2019 (is-CAEP tal-ICAO, il-11 ta’ Mejju 2020).
(9)    Is-CAEP tal-ICAO, il-11 ta’ Mejju 2020.

Brussell, 19.5.2020

COM(2020) 219 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 fir-rigward tal-perjodu referenzjarju maħsub biex jintuża għall-kejl tat-tkabbir tal-emissjonijiet tas-CO2, biex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest tal-iskema CORSIA


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 huwa mmodifikat kif ġej:

Wara t-tieni inċiż, jiżdied l-inċiż li ġej:

“– bil-ħsieb li jitqies l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-emissjonijiet tal-2020, jiġi aċċettat li l-valuri tal-emissjonijiet li jintużaw biex jiġu kkalkolati l-fatturi ta’ tkabbir stabbiliti fl-iskema CORSIA jiġu emendati sabiex jirreferu għal-livelli tal-emissjonijiet fl-2019 biss;”