Brussell, 7.5.2020

COM(2020) 182 final

2020/0072(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Grigal tal-Atlantiku dwar l-integrazzjoni tal-Makaroneżja fiż-żona marittima OSPAR


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emenda għall-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar tal-Grigal tal-Atlantiku (il-“Konvenzjoni OSPAR”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni OSPAR

Il-Konvenzjoni OSPAR għandha l-għan li tipproteġi ż-żona marittima tal-Grigal tal-Atlantiku mill-effetti negattivi tal-attivitajiet tal-bniedem biex tissalvagwardja s-saħħa tal-bniedem u tippriżerva l-ekosistemi tal-baħar u, meta jkun prattikabbli, tirrestawra ż-żoni tal-baħar, li ntlaqtu ħażin. Din għandha 16-il Parti Kontraenti: il-Belġju, id-Danimarka, l-UE 1 , il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera. Il-Konvenzjoni kienet miftuħa għall-iffirmar f’Pariġi waqt il-Laqgħa Ministerjali tal-Kummissjonijiet ta’ Oslo u ta’ Pariġi fit-22 ta’ Settembru 1992 u daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Marzu 1998.

2.2.Il-Kummissjoni OSPAR

Il-Kummissjoni OSPAR (stabbilita skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni) hi magħmula minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet Kontraenti; din tiltaqa’ f’intervalli regolari, u kull meta meħtieġ minħabba ċirkostanzi speċjali. Fost id-dmirijiet tagħha hemm is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u r-reviżjoni tal-kundizzjoni taż-żona marittima, l-effettività tal-miżuri li qed jiġu adottati, il-prijoritajiet u l-ħtieġa għal xi miżuri addizzjonali jew differenti.

Skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, kull Parti Kontraenti għandha vot wieħed fil-Kummissjoni. L-UE hi intitolata għal numru ta’ voti skont l-għadd tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. L-UE ma għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha meta l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw id-dritt tagħhom, u viċeversa.

Skont l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta emendi għall-Konvenzjoni b’vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti.

2.3.L-att previst tal-Kummissjoni OSPAR

Waqt il-parti ministerjali tal-laqgħa annwali tagħha, il-Kummissjoni OSPAR trid tadotta emenda tal-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni li taġġusta l-limiti taż-żona marittima OSPAR biex tinkludi l-ilmijiet fil-ġurisdizzjoni Portugiża u Spanjola u l-ilmijiet internazzjonali ta’ bejniethom (“l-att previst”).

L-att previst għandu l-għan li jżid l-ilmijiet madwar il-Makaroneżja (il-Gżejjer ta’ Madeira u l-Gżejjer Kanarji) maż-żona marittima tal-OSPAR, biex tkun żgurata koerenza akbar tal-OSPAR mad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima tal-UE 2 u għalhekk biex jiżdiedu l-koordinazzjoni għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità rikka u tal-ekosistemi vulnerabbli li hemm fiż-żona tal-Makaroneżja.

L-emenda għall-Konvenzjoni se tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu rratifikawha, aċċettawha jew approvawha nhar it-tletin jum minn meta l-Gvern Depożitarju jirċievi notifiki mingħand mill-anqas seba’ Partijiet Kontraenti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni OSPAR Wara dan, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti Kontraenti oħra nhar it-tletin jum wara d-depożitu tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni rispettivi.

Sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda għall-Konvenzjoni OSPAR, il-Portugall u Spanja, kif ukoll kull Parti Kontraenti oħra, jistgħu japplikawha proviżorjament, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969, b’mod partikolari l-Artikolu 25 dwar “Applikazzjoni proviżorja”.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Is-sottoreġjun tal-Makaroneżja hu parti mir-reġjun tal-Grigal tal-Atlantiku skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (l-MSFD) u hu l-akbar sottoreġjun marin tal-ibħra Ewropej. Dan għandu diversità rikka ta’ ħabitats u speċijiet, fosthom uħud li jinsabu anki fil-lista OSPAR ta’ “Ħabitats u speċijiet mhedda u/jew li qed jonqsu”. Bħalissa, iż-żona marittima OSPAR tkopri biss parzjalment l-ilmijiet tas-sottoreġjun tal-Makaroneżja kif delimitat u miftiehem fil-livell tal-UE.

Il-Portugall u Spanja, l-uniċi pajjiżi tal-UE u tal-OSPAR li għandhom ilmijiet territorjali fil-Makaroneżja, ħolqu proposta konġunta biex jemendaw il-Konvenzjoni OSPAR biex jallinjaw iż-żona marittima OSPAR mad-delimitazzjonijiet tal-MSFD. Dan l-allinjament se jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-MSFD għaż-żewġ pajjiżi b’kollaborazzjoni msaħħa fil-livell tal-OSPAR, u bil-mobilizzazzjoni tal-OSPAR se jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats vulnerabbli ta’ dan ir-reġjun u tal-bijodiversità marina u kostali unika tiegħu.

Hemm bżonn pożizzjoni tal-Unjoni għax test vinkolanti legalment bħall-Konvenzjoni OSPAR, li l-UE hi Parti għaliha, jeħtieġ jiġi emendat biex ikollu dan l-allinjament. Din se tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u ttejjeb il-protezzjoni tal-ambjent, u għalhekk hu propost li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa din l-emenda għall-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni OSPAR.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tal-liġi internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kummissjoni OSPAR hi korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni OSPAR.

L-att, li l-Kummissjoni OSPAR hi mitluba tadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst għandu effetti legali għax jemenda att eżistenti b’effetti legali, jiġifieri l-Konvenzjoni OSPAR.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni OSPAR.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-ambjent.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kummissjoni OSPAR se jemenda l-Konvenzjoni OSPAR, li l-Unjoni hi Parti għaliha, jixraq li wara l-adozzjoni tagħha din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2020/0072 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Grigal tal-Atlantiku dwar l-integrazzjoni tal-Makaroneżja fiż-żona marittima OSPAR

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni OSPAR (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE tas-7 ta’ Ottubtu 1997 4 u daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Marzu 1998.

(2)Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, il-Kummissjoni OSPAR għandha tadotta l-emendi għall-Konvenzjoni b’vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti.

(3)il-Kummissjoni OSPAR trid tadotta emenda għall-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni OSPAR dwar l-integrazzjoni tal-Makaroneżja fiż-żona marittima OSPAR.

(4)L-emenda għall-Konvenzjoni OSPAR se tkun vinkolanti għall-Unjoni u għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni OSPAR.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħa tal-Kummissjoni OSPAR għandha tkun li tappoġġa l-emendi għall-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni OSPAR dwar l-integrazzjoni tal-Makaroneżja fiż-żona marittima OSPAR.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 1997 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1)
(2)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 1997 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1)