Brussell, 23.4.2020

COM(2020) 155 final

2018/0178(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli 2018/0178 (COD), u li jemenda r-Regolament 2019/2088 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji


2018/0178 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli 2018/0178 (COD), u li jemenda r-Regolament 2019/2088 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji

1.Sfond

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew

u lill-Kunsill (dokument COM (2018) 0353 final – 2018/0178 COD):

24 ta’ Mejju 2018

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u

Soċjali Ewropew:

17 ta’ Ottubru 2018

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

28 ta’ Marzu 2019

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:

mhux applikabbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

15 ta’ April 2020

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni ambizzjuż dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli 1 . L-għan ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huwa li jimmobilizza s-settur privat għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, aktar effiċjenti fir-riżorsi u aktar sostenibbli. Kif spjegat fil-pjan ta’ azzjoni, in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ x’inhu “ambjentalment sostenibbli” bħalissa huwa wieħed mill-akbar ostakli biex jikber l-investiment ekoloġiku. Din hija r-raġuni għaliex waħda mill-pedamenti tal-pjan ta’ azzjoni hija l-ħolqien ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni komuni għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, jew ta’ “tassonomija tal-UE”. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament f’Mejju 2018, 2 li kellha t-tliet għanijiet li ġejjin:

(1)li jiġu pprovduti definizzjonijiet xierqa lil kumpaniji u investituri li fihom attivitajiet ekonomiċi jistgħu jitqiesu ambjentalment sostenibbli;

(2)li, permezz ta’ dawn id-definizzjonijiet, tingħata s-setgħa lill-investituri aħħarin, inklużi lill-investituri fil-livell tal-konsum, biex jidderieġu l-kapital lejn attivitajiet ambjentalment sostenibbli, billi jillimitaw ir-riskji ta’ “greenwashing” 3 ; kif ukoll

(3)li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq billi jingħata punt ta’ referenza wieħed lill-investituri, lill-kumpaniji, u lill-Istati Membri, fid-definizzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali għal skopijiet ta’ investiment.

It-tassonomija tal-UE se tikkostitwixxi lingwa komuni li l-investituri u l-kumpaniji jistgħu jużaw biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ investiment għal proġetti u attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu kontribuzzjoni sostanzjali għall-objettivi klimatiċi u ambjentali. Dan se jgħin lill-investituri u l-kumpaniji fit-tranżizzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom lejn is-sostenibbiltà. It-tassonomija tal-UE għalhekk se tgħin biex jikbru l-investimenti privati u pubbliċi biex jiffinanzjaw it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

It-tassonomija tiffoka fuq attivitajiet ambjentalment sostenibbli f’dawn l-oqsma: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil fil-klima; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tar-riżorsi marini; l-ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u l-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni jeħtieġ tippubblika rapport dwar l-estensjoni tal-ambitu tat-tassonomija biex tkopri objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, inklużi l-objettivi soċjali.

Ladarba dan jitlesta, it-tassonomija se tiffaċilita l-iżvilupp ta’ standards u tikketti għall-prodotti finanzjarji ekoloġiċi. Din se tifforma wkoll parti integrali tar-rappurtar relatat mas-sostenibbiltà minn kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji. Barra minn hekk, kif imħabbar fil-pjan ta’ investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, 4 it-tassonomija se titqies ukoll fid-dokumenti ta’ gwida dwar it-traċċar klimatiku u ambjentali u l-ivverifikar tas-sostenibbiltà bħala parti minn InvestEU, 5 li għandha tiġi ppubblikata fit-tieni nofs tal-2020. Lil hinn mill-InvestEU, il-Kummissjoni se tesplora, permezz ta’ strateġija mġedda dwar il-finanzjament sostenibbli, li għandha tiġi ppubblikata fit-tieni nofs tal-2020, kif l-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jużaw it-tassonomija, sabiex tinkiseb konverġenza tal-istandards bejn is-settur privat u l-entitajiet pubbliċi u jsir l-aktar użu xieraq ta’ mezzi ta’ finanzjament imħallat.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-16 ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim.

Il-ftehim politiku introduċa diversi bidliet li jiddevjaw mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni, inklużi dwar il-punti li ġejjin:

1.Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament:

L-ewwel nett, il-ftehim politiku jistabbilixxi obbligu addizzjonali fuq l-UE biex tapplika t-tassonomija għall-finijiet ta’ kull miżura, standard jew tikketta pubblika, li jistabbilixxu rekwiżiti dwar il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew l-emittenti fil-qasam ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi li huma kkummerċjalizzati bħala “ambjentalment sostenibbli”.

It-tieni, kull parteċipant fis-swieq finanzjarji, kif definit fir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet, 6 se jkun meħtieġ jiżvela kif u sa liema punt l-investimenti li jsejsu l-prodott finanzjarju tagħhom, jappoġġjaw attivitajiet ekonomiċi li huma allinjati mat-tassonomija. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li ma jixtiqux li jiġi żvelat l-allinjament mat-tassonomija, u sussegwentement ma jixtiqux jikkummerċjalizzaw il-prodott tagħhom bħala ambjentalment sostenibbli jew bħala li għandu karatteristiċi simili, jeħtieġ li jagħmlu dikjarazzjoni li tispjega dan.

It-tielet, kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji kbar li diġà jridu jippubblikaw dikjarazzjoni mhux finanzjarja 7 se jkunu meħtieġa jiżvelaw kif u sa liema punt l-attivitajiet tagħhom huma assoċjati ma’ dawk koperti mit-tassonomija. Dan jinkludi madwar 6 000 kumpanija u grupp madwar l-UE. F’konformità mal-linji gwida li jakkumpanjaw id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) tar-rappurtar rilevanti jinkludu l-fatturat, in-nefqa kapitali, u n-nefqa operatorja. Għall-kumpaniji finanzjarji, KPIs differenti jistgħu jiġu speċifikati aktar f’att delegat li l-Kummissjoni mistennija tipprovdi sa Ġunju 2021.

2.Speċifikazzjoni tat-tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitqiesu għall-eliġibbiltà:

Il-ftehim politiku jintroduċi żewġ subkategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli: attivitajiet abilitanti (applikabbli għas-sitt objettivi ambjentali kollha) u attivitajiet ta’ tranżizzjoni (applikabbli biss għall-objettiv tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima).

Attivitajiet abilitanti jippermettu direttament attivitajiet oħra biex jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar. Ġew stabbiliti salvagwardji għall-prevenzjoni tal-greenwashing. L-ewwel waħda minn dawn is-salvagwardji hija li l-attivitajiet abilitanti ma jistgħux iwasslu għal intrappolament f’assi li jimmina l-għanijiet ambjentali fit-tul, meta titqies il-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi. It-tieni waħda minn dawn is-salvagwardji hija li attivitajiet abilitanti jeħtieġ ikollhom impatt ambjentali pożittiv sostanzjali abbażi tal-kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja.

Attivitajiet ta’ tranżizzjoni huma attivitajiet: (i) li għalihom bħalissa ma hemmx alternattivi disponibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju teknoloġikament u ekonomikament vijabbli; (ii) u li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima b’mod li jkun konsistenti ma’ perkors li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 gradi Celsius ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Ġew stabbiliti għadd ta’ salvagwardji, simili għall-attivitajiet abilitanti, għall-prevenzjoni tal-greenwashing 8 . Din is-subkategorija tal-attivitajiet ta’ tranżizzjoni hija rilevanti biss għall-objettiv tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.Bidliet fid-dispożizzjonijiet relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi speċifiċi ta’ interess:

L-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili solidi huma espliċitament esklużi mill-eliġibbiltà.

L-importanza tal-“enerġija newtrali mil-lat ta’ klima” għat-tranżizzjoni hija rikonoxxuta fi premessa tal-ftehim politiku, filwaqt li r-referenza għal “enerġija newtrali mil-lat ta’ klima” bħala parti mill-objettiv ta’ mitigazzjoni tal-klima tħassret. Il-Kummissjoni ntalbet twettaq valutazzjoni tat-teknoloġiji eżistenti rilevanti kollha meta tagħżel l-attivitajiet eliġibbli li jiġu meqjusa bħala “attivitajiet ta’ tranżizzjoni”. F’dan il-kuntest, l-attivitajiet ekonomiċi huma meqjusa “li jagħmlu ħsara sinifikanti” meta r-rimi fit-tul tal-iskart jista’ jikkawża ħsara sinifikanti u fit-tul lill-ambjent. Bħala parti mill-ftehim politiku, it-test isaħħaħ ukoll lir-rwol tal-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja fl-iżvilupp tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar.

Fil-qasam tal-inċinerazzjoni tal-iskart, ir-referenza għall-“evitar” ġiet sostitwita b’“minimizzazzjoni” tal-inċinerazzjoni tal-iskart bħala wieħed mill-modi ta’ kif attività ekonomika tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, żdiedet referenza għall-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart. Il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti” jiddikjara b’mod espliċitu li attivitajiet eliġibbli ma għandhomx iwasslu għal żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni, fl-inċinerazzjoni jew fir-rimi tal-iskart, filwaqt li jagħmel eċċezzjoni għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli.

4.Estensjoni tas-salvagwardji soċjali minimi

Il-ftehim politiku jżid tliet strumenti/linji gwida internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-lista ta’ salvagwardji minimi:

il-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; kif ukoll

il-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

5.Espansjoni tas-sħubija u l-kompiti tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli (“il-Pjattaforma”):

Il-ftehim politiku jespandi kemm l-ambitu tal-operazzjoni tal-Pjattaforma kif ukoll is-sħubija tagħha, sabiex tkun tista’ tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-punti addizzjonali li ġejjin:

ir-rwol possibbli tal-istandards tal-kontabbiltà u tar-rappurtar tas-sostenibbiltà biex tkun appoġġata l-applikazzjoni tat-tassonomija;

il-ħtieġa possibbli li titjieb id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data;

l-indirizzar ta’ objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, inklużi objettivi soċjali;

il-funzjonament tas-salvagwardji minimi u l-ħtieġa possibbli li jiġu ssupplimentati r-rekwiżiti eżistenti;

l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki ta’ finanzi sostenibbli, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ koerenza politika.

F’dan il-kuntest, il-ftehim politiku jispeċifika li l-atturi li ġejjin għandhom jiffurmaw parti mill-kompożizzjoni tal-Pjattaforma:

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali;

ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

ir-rappreżentanti ta’ setturi rilevanti tan-negozji finanzjarji u mhux finanzjarji, inklużi r-rappreżentanti tal-industriji rilevanti;

l-esperti b’għarfien tal-kontabilità u tar-rapportar.

Il-Pjattaforma se topera skont ir-regoli orizzontali tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta’ esperti 9 .

6.Twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti tal-Istat Membru

Il-ftehim politiku joħloq Grupp ta’ Esperti tal-Istat Membru biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u l-approċċ meħud mill-Pjattaforma. Dan il-grupp ta’ esperti se jopera skont ir-regoli orizzontali tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta’ esperti 10 .

7.Emendi għar-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet

Il-ftehim politiku jintroduċi emendi mmirati għar-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet. B’mod partikolari, dawn l-emendi jfittxu li jsejsu d-divulgazzjonijiet relatati mat-tassonomija mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fil-qafas usa’ dwar id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà mis-settur tas-servizzi finanzjarji kif stabbilit mir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet. F’dan il-kuntest, saru għadd ta’ emendi biex l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“l-ESAs”) jingħataw is-setgħa li jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjonijiet relatati mat-tassonomija.

Barra minn hekk, ġie introdott artikolu dwar il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti”. Din l-emenda tagħti s-setgħa lill-ESAs biex jiżviluppaw standard tekniku regolatorju addizzjonali. Dan l-istandard tekniku regolatorju addizzjonali se jispeċifika d-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti” għall-objettivi soċjali u ambjentali. Il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti” fir-rigward tal-aspetti soċjali, kif definit fir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet, għandu jkun konsistenti mas-salvagwardji minimi stabbiliti fir-Regolament tat-Tassonomija. Il-kumpaniji għandhom, min-naħa tagħhom, jużaw il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti” meta jiġu implimentati proċeduri biex ikunu f’konformità ma’ dawn is-salvagwardji minimi.

8.Kronoloġija għall-atti delegati

Il-Kummissjoni se tkun meħtieġa tadotta atti delegati, li se jkun fihom il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, għaż-żewġ objettivi klimatiċi sal-31 ta’ Diċembru 2020 (dħul fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2021), u għall-erba’ objettivi ambjentali l-oħra sal-31 ta’ Diċembru 2021 (id-dħul fis-seħħ fl-31 ta’ Diċembru 2022).

9.Rieżami

Il-ftehim politiku jestendi l-klawsola ta’ rieżami biex jinkariga lill-Kummissjoni li tkopri s-suġġetti addizzjonali segwenti meta tippubblika r-rapport tagħha:

biex jiġu deskritti d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-estensjoni tal-ambitu tat-tassonomija biex ikopri attivitajiet ekonomiċi oħra, inklużi attivitajiet newtrali u li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

biex tiġi vvaluta l-effettività tal-proċeduri konsultattivi għall-iżvilupp tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar (li jikkonsistu mill-Pjattaforma u l-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri);

biex jiġi evalwat ir-reġim superviżorju ppjanat.

5.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM/2018/097 final)
(2)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (2018/0178 (COD)).
(3)    “Greenwashing” tirreferi għall-prattika li ssir promozzjoni tal-prodotti, l-għanijiet jew il-politiki ta’ organizzazzjoni bħala li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, meta jista’ jkun li dan ma jkunx minnu.
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2020/21 final).
(5)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM/2018/439 final - 2018/0229 (COD)).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, pp. 1–16).
(7)    Din tinkludi kumpaniji soġġetti għad-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, pp. 1-9).
(8)    L-attivitajiet ta’ tranżizzjoni għandu (i) ikollhom emissjonijiet tal-gassijiet serra li jkunu sostanzjalment aktar baxxi mill-medja tas-settur jew tal-industrija; (ii) ma jfixklux l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; u (iii) ma jwasslux għal intrappolament f’assi inkompatibbli mal-objettiv tan-newtralità tal-klima.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (C(2016)3301).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (C(2016)3301).