IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.3.2020
COM(2020) 89 final
2020/0038(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.3.2020
COM(2020) 89 final
2020/0038(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija
2020/0038 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mir-Rumanija,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 126 TFUE, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.
(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.
(3)Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 1 (li tagħmel parti mill-PST), tipprovdi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-PDE, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 2 jistipula regoli u definizzjonijiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
(4)Skont l-Artikolu 126(5) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ defiċit eċċessiv fi Stat Membru, hija għandha tibgħat opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tinforma lill-Kunsill kif dovut. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija. Għaldaqstant, fl-[4 ta’ Marzu] 2020, il-Kummissjoni indirizzat din l-opinjoni lir-Rumanija u infurmat lill-Kunsill kif dovut 3 .
(5)L-Artikolu 126(6) TFUE jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni, wara evalwazzjoni ġenerali, dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tar-Rumanija, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.
(6)Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Rumeni fit-30 ta’ Settembru 2019, u wara vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern ġenerali fir-Rumanija laħaq it-3,0 % tal-PDG fl-2018, filwaqt li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 35,0 % tal-PDG. Meta jitqiesu ċ-ċifri riveduti tal-PDG imħabbra mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wara l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat, dawn il-proporzjonijiet inbidlu ftit, bid-defiċit jkun 2,9 % tal-PDG u d-dejn jkun 34,7 % tal-PDG fl-2018. Għall-2019, in-notifika pprevediet defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 2,8 % tal-PDG.
(7)Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-gvern adotta l-Istrateġija Baġitarja Fiskali għall-2020-2022 (minn issa ’l quddiem, l-Istrateġija Fiskali), li kellha fil-mira defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 3,8 % tal-PDG fl-2019. Dan jaqbeż u mhuwiex qrib il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess rigward il-valur ta’ referenza tat-Trattat fl-2019 ukoll mhuwiex eċċezzjonali, peress li dan la jirriżulta minn każ mhux tas-soltu u lanqas minn tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fis-sens tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). It-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni jipprevedi tkabbir reali tal-PDG ta’ 3,9 % fl-2019 u ta’ 3,8 % fl-2020 filwaqt li d-distakk fl-output huwa previst li jkun madwar żero. Il-partiti ta’ darba kienu jammontaw għal 0,1 % tal-PDG fl-2019 u kienu dovuti għal rimborż tat-taxxa tal-boll ambjentali fuq il-karozzi. L-eċċess ippjanat ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG mhuwiex temporanju, kemm għall-finijiet tat-Trattat kif ukoll tal-PST. It-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali, jipprevedi defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 4,0 % tal-PDG fl-2019, ta’ 4,9 % għall-2020 u ta’ 6,9 % għall-2021. Iż-żieda prevista fid-defiċit hija xprunata l-aktar minn żidiet sinifikanti fil-pensjonijiet. Fl-Istrateġija Fiskali, il-gvern ukoll jipprevedi li d-defiċit tal-ġvern ġenerali se jibqa’ ’l fuq mill-valur ta’ referenza fl-2020 u fl-2021, bi previżjoni ta’ defiċit ta’ 3,6 % tal-PDG għall-2020 u ta’ 3,4 % għall-2021. Il-kriterju ta’ defiċit tat-TFUE għaldaqstant, prima facie, mhuwiex issodisfat.
(8)Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tar-Rumanija kien jammonta għal 34,7 % tal-PDG fl-2018. Kemm it-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali, kif ukoll l-Istrateġija Fiskali, jipprevedu li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika se jiżdied sal-2021, madankollu se jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat. Skont l-Istrateġija Fiskali, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jiżdied għal 37,8 % tal-PDG fl-2021. Il-Kummissjoni qed tipprevedi żieda aktar qawwija, sa 41,9 % tal-PDG fl-2021. Għaldaqsant il-kriterju tad-dejn fit-TFUE ġie ssodisfat.
(9)F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern apparagun tal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, se jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-fatturi rilevanti, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti sa mill-2017, il-progress limitat li sar mir-Rumanija fir-rigward tar-riformi strutturali u r-riskji ta’ sostenibbiltà fiskali għoljin li r-Rumanija qed tiffaċċja fuq terminu medju u fit-tul, tqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tad-defiċit. Dawn ma jibdlux il-konklużjoni li l-kriterju tad-defiċit tat-TFUE ma ġiex issodisfat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President