IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.2.2020
COM(2020) 58 final
2020/0026(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt il-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u waqt il-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, tal-emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u tal-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (l-MEPC 75) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li se ssir f’Londra bejn it-30 ta’ Marzu u t-3 ta’ April 2020, u fil-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (l-MSC 102) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li se ssir f’Londra bejn it-13 u t-22 ta’ Mejju 2020, b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL marbutin mal-implimentazzjoni konsistenti tal-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit, tal-emendi tar-regolament 3-8 tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS dwar it-tagħmir tal-irmonk u tal-irmiġġ, tar-regolament 7-2 tal-Parti B-1 tal-istess Kapitolu dwar il-kalkolu tal-fattur si u tal-Partijiet B-2 sa B-4 tiegħu dwar l-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment, kif ukoll tal-emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-għan tal-OMI huwa li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tal-prattiki marbutin ma’ kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li huma rilevanti għat-tbaħħir kummerċjali internazzjonali. Barra minn hekk, hija għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-ogħla standards prattikabbli fi kwistjonijiet marbutin mas-sikurezza marittima, mal-effiċjenza tan-navigazzjoni u mal-prevenzjoni u mal-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti, u b’hekk tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. L-għan tagħha huwa wkoll li tittratta l-kwistjonijiet amministrattivi u legali marbutin ma’ dan.
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
L-Istati Membri kollha huma Partijiet tal-Konvenzjoni.
L-Istati Membri kollha huma Partijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“il-Konvenzjoni MARPOL”), li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 1983, u tal-Anness VI tagħha, li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju 2005. L-Unjoni mhijiex Parti tal-Konvenzjoni MARPOL.
L-Istati Membri kollha huma Partijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“il-Konvenzjoni SOLAS”), li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 1980. L-Unjoni mhijiex Parti tal-Konvenzjoni SOLAS.
Il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) sar obbligatorju permezz tal-Konvenzjoni SOLAS. Dan għandu l-għan li jipprovdi standard internazzjonali għall-vapuri li jaħdmu bil-gass jew b’likwidi b’punt ta’ fjammabbiltà baxx bħala fjuwil. Il-Kodiċi jindirizza l-oqsma kollha li jridu jingħataw attenzjoni speċjali għall-użu tal-gass jew tal-likwidi b’punt ta’ fjammabbiltà baxx bħala fjuwil. Huwa jipprovdi l-kriterji għall-arranġament u għall-installazzjoni ta’ makkinarju għal skopijiet ta’ propulsjoni u għal skopijiet awżiljarji li juża l-gass naturali bħala fjuwil u li se jkollu livell ta’ integrità f’termini tas-sikurezza u tal-affidabbiltà li jkun ekwivalenti għal dak li jista’ jinkiseb b’makkinarju ewlieni u awżiljarju ġdid u konvenzjonali komparabbli li jaħdem biż-żejt.
2.2.L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-tbaħħir internazzjonali. Ir-rwol ewlieni tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-tbaħħir li jkun ġust u effettiv u li jiġi adottat u implimentat b’mod universali.
Is-sħubija fl-Organizzazzjoni hija miftuħa għall-Istati kollha, u l-Istati Membri tal-UE kollha huma membri tal-OMI. Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) — status li ilha li kisbitu mill-1974. Dan huwa bbażat fuq Ftehim għall-Kooperazzjoni u għall-Kollaborazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Konsultattiva Marittima Intergovernattiva (l-IMCO) u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku għall-Partijiet.
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jindirizza kwistjonijiet ambjentali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Organizzazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll u mal-prevenzjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u li huma koperti mit-trattat tal-Konvenzjoni MARPOL, fosthom iż-żejt, is-sustanzi kimiċi li jinġarru bl-ingrossa, id-dranaġġ, l-iskart u l-emissjonijiet fl-arja mill-bastimenti, inklużi s-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Kwistjonijiet oħrajn koperti jinkludu l-ġestjoni tal-ilma tas-saborra, is-sistemi tal-anti-fouling, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti, l-istat ta’ tħejjija u ta’ rispons għat-tniġġis u l-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali u ta’ żoni tal-baħar li huma partikularment sensittivi.
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kull dmir assenjat lilu mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kull dmir li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilu minn kull strument internazzjonali ieħor, jew skont it-tali strument, u li jkun aċċettat mill-OMI. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tal-korpi sussidjarji tiegħu għandhom jiġu adottati minn maġġoranza tal-Membri.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI wkoll huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Huwa jittratta kull kwistjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Organizzazzjoni marbuta mal-għajnuniet għan-navigazzjoni, mal-kostruzzjoni u mat-tagħmir tal-bastimenti, mal-ekwipaġġ mil-lat tas-sikurezza, mar-regoli għall-prevenzjoni tal-kolliżjonijiet, mal-ġarr ta’ merkanzija perikoluża, mal-proċeduri u mar-rekwiżiti tas-sikurezza marittima, mal-informazzjoni idrografika, mal-ġurnali ta’ abbord u mar-reġistri tan-navigazzjoni, mal-investigazzjoni tad-diżgrazzji marittimi, mas-salvataġġ u ma’ kull kwistjoni oħra li taffettwa direttament lis-sikurezza marittima.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kull dmir assenjat lilu mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kull dmir li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilu minn kull strument internazzjonali ieħor, jew skont it-tali strument, u li jkun aċċettat mill-OMI. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u tal-korpi sussidjarji tiegħu għandhom jiġu adottati minn maġġoranza tal-Membri.
2.3.L-att previst tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI
Bejn it-30 ta’ Marzu u t-3 ta’ April 2020, matul il-75 sessjoni tiegħu (l-MEPC 75), il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar għandu jadotta emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL. Dawn l-emendi għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit li jintuża fiż-żejt tal-fjuwil abbord il-bastimenti. L-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL previsti għandhom l-għan li jappoġġaw l-implimentazzjoni konsistenti tal-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit.
Fl-2008, l-OMI adottat riżoluzzjoni biex temenda l-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, li fih regolamenti dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-bastimenti. L-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL rivedut daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2010 u daħħal, fost l-oħrajn, limiti iktar stretti fuq il-kubrit fil-fjuwil marin fiż-Żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit kif ukoll fiż-żoni tal-baħar li jinsabu ’l barra miż-Żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit.
L-infurzar b’saħħtu tal-istandard għaż-żejt tal-fjuwil stabbilit fir-regolament 14.1.3 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, se jkun fattur importanti biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni konsistenti tal-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit mad-dinja kollha u biex jiġi ffaċilitat l-infurzar effettiv ta’ dan il-limitu. L-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL previsti għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-regolament 14.1.3 bil-għan li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u tal-materja partikulata fl-atmosfera li jniġġsu l-arja li jkunu ġejjin mill-kombustjoni tal-bastimenti sabiex titħares saħħet il-bniedem u jitħares l-ambjent tal-baħar.
2.4.L-att previst tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI
Bejn it-13 u t-22 ta’ Mejju 2020, matul il-102 sessjoni tiegħu (l-MSC 102), il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima għandu jadotta emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS) u emendi tar-regolament 11 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF).
L-għan tal-emendi tar-regolament 3-8 tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS previsti għandu x’jaqsam mas-sigurtà waqt l-irmonk u waqt l-irmiġġ. L-emendi tal-Parti B, tal-Parti B-1 u tal-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS għandhom l-għan li jiżguraw il-konsistenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment. B’mod ġenerali, mhux kull tip ta’ bastiment ikun mgħammar bl-indikaturi kkonċernati (jiġifieri l-indikatur tat-tmun, tal-iskrun, tal-forza propulsiva, tal-pass u tal-modalità tat-tħaddim).
L-emendi tar-regolament 11 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) previsti għandhom l-għan li jipprovdu konsistenza fil-Kodiċi IGF f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti eżistenti għall-bastimenti li jużaw il-gass naturali bħala fjuwil billi jintroduċu l-emendi meħtieġa abbażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Kodiċi.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Emendi tar-regolamenti tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL
Matul il-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (l-MEPC 71), li saret f’Londra bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju 2017, ġie approvat output ġdid dwar “L-implimentazzjoni konsistenti tar-regolament 14.1.3 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL” għall-inklużjoni fl-aġenda biannwali tal-2018 u l-2019 tas-Sottokumitat dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis u r-Rispons għalih u fl-aġenda provviżorja għall-ħames sessjoni tiegħu (il-PPR 5), bil-għan li dan jitlesta sal-2019.
Waqt il-PPR 5, li saret f’Londra bejn il-5 u d-9 ta’ Frar 2018, ġie żviluppat abbozz tal-emendi tar-regolament 14 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL biex jiġi pprojbit il-ġarr ta’ żejt tal-fjuwil li ma jkunx konformi abbord bastiment għall-finijiet tal-kombustjoni għall-propulsjoni jew għat-tħaddim. Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar approva l-abbozz tal-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL waqt it-72 sessjoni tiegħu (l-MEPC 72), li saret f’Londra bejn id-9 u t-13 ta’ April 2018, b’xi emendi minuri.
Il-laqgħa intersessjonali dwar l-implimentazzjoni konsistenti tar-regolament 14.1.3 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL saret f’Londra bejn id-9 u t-13 ta’Lulju 2018. L-Unjoni Ewropea ppreżentat id-dokument bin-numru ta’ referenza ISWG-AP 1/3/2 li fih ipproponiet emendi tar-regolament 14 u tar-regolament 18.
L-emendi li ntlaħaq qbil dwarhom permezz tar-riżoluzzjoni MEPC.305 (73) ġew adottati waqt l-MEPC 73. Waqt l-MEPC 73 ġie stabbilit li dawn l-emendi għandhom jitqiesu li ġew aċċettati fl-1 ta’ Settembru 2019 u li dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2020.
Waqt il-PPR 6, li saret f’Londra bejn it-18 u t-22 ta’ Frar 2019, ġie żviluppat abbozz tal-emendi tal-affarijiet li ġejjin:
–tar-regolament 1 dwar l-applikazzjoni tar-regolament;
–tar-regolament 2 dwar id-definizzjonijiet tal-“kontenut tal-kubrit fiż-żejt tal-fjuwil”, tal-“fjuwil b’punt ta’ fjammabbiltà baxx”, tal-“kampjun imwassal tal-Konvenzjoni MARPOL”, tal-“kampjun taż-żejt li jkun qed jintuża” u tal-“kampjun ta’ abbord”;
–tar-regolament 14 dwar it-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar taż-żejt tal-fjuwil li jkun qed jintuża u ta’ abbord fil-każ tal-kampjuni taż-żejt tal-fjuwil meħudin għall-finijiet tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL;
–tar-regolament 18 dwar il-proċedura ta’ verifika;
–tal-Appendiċi I dwar “is-Suppliment taċ-Ċertifikat internazzjonali tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja (iċ-ċertifikat IAPP)” f’dak li għandu x’jaqsam mal-punt tat-teħid tal-kampjuni taż-żejt tal-fjuwil; u
–tal-Appendiċi VI dwar il-proċedura għall-verifika tal-fjuwil fil-każ tal-kampjuni taż-żejt tal-fjuwil meħudin għall-finijiet tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL.
Waqt il-PPR 6, dawn l-emendi ntbagħtu lill-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar biex dan jiddiskutihom waqt l-74 sessjoni tiegħu, u matulha dawn ġew aċċettati u ntbagħtu biex jiġu adottati waqt il-75 sessjoni tiegħu.
L-emendi tar-regolamenti 1, 2, 14, 18, 20 u 21 u tal-Appendiċijiet I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL huma mogħtija fid-dokument MEPC 75/3 tal-OMI. Skont il-paragrafu 5.116 tar-rapport tal-MEPC 74 (l-MEPC 74/18), huwa previst li l-emendi jiġu adottati waqt l-MEPC 75.
Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsaħħin ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/802, l-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li dawn jirriflettu l-ħtieġa li jiġi infurzat mad-dinja kollha, b’mod robust u mingħajr ambigwità, il-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit fil-fjuwil marin. Dan se jiżgura li jitnaqqsu b’mod effettiv l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u jevita l-effetti ħżiena tagħhom fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ekosistemi, filwaqt li jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-settur.
3.2.Emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS)
3.2.1.Emendi tar-regolament 3-8 tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS dwar it-tagħmir tal-irmonk u tal-irmiġġ
Il-kwistjoni tas-sigurtà waqt l-irmiġġ qajmitha l-UE bħala output ġdid mhux previst waqt il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (fid-dokument MSC 95/19/2) u dak il-Kumitat aċċettaha. Dak il-Kumitat aċċetta wkoll proposta tal-Ġappun biex jiżdied il-fatt li jitqiesu l-manutenzjoni u s-sostituzzjoni tal-ħbula tal-irmiġġ li jkunu ġarrbu l-ħsara jew li jkunu ddeterjoraw (mogħtija fid-dokument MSC 95/19/13). Wara s-Sottokumitat dwar id-Disinn u l-Kostruzzjoni tal-Bastimenti (l-SDC) qies din il-kwistjoni kemm fi grupp ta’ ħidma u kemm permezz ta’ Grupp ta’ Korrispondenza li kien ikkoordinat mid-Danimarka flimkien mal-Ġappun. L-abbozz tal-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u l-linji gwida u d-dokument ta’ gwida relatati ġew iffinalizzati waqt is-sitt sessjoni tal-SDC (l-SDC 6). Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima mbagħad qies ir-riżultati tal-laqgħat tal-SDC waqt il-101 sessjoni tiegħu (l-MSC 101), jiġifieri:
–l-emendi tar-regolament 3-8 tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS;
–il-linji gwida dwar id-disinn tal-arranġamenti tal-irmiġġ u dwar l-għażla tat-tagħmir ix-xieraq tal-irmiġġ u tal-fittings ix-xierqa għal irmiġġ sikur;
–il-linji gwida dwar l-ispezzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-irmiġġ, inklużi l-ħbula;
–id-dokument ta’ gwida rivedut dwar it-tagħmir tal-irmonk u tal-irmiġġ ta’ fuq il-vapuri u l-abbozz taċ-ċirkolari tal-MSC marbuta miegħu, jiġifieri ċ-ċirkolari bin-numru ta’ referenza MSC.1/Circ.1175/Rev.1; u
–l-abbozzi taċ-ċirkolari kollha tal-MSC marbutin ma’ dan ta’ hawn fuq.
L-MSC 101 approva l-abbozz tal-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS mogħti fl-Anness 25 tar-rapport tal-MSC bin-numru ta’ referenza MSC 101/24 Add.1. Il-linji gwida u d-dokument ta’ gwida relatati ġew approvati fil-prinċipju waqt l-MSC 101 u fl-aħħar se jiġu approvati meta jiġi adottat l-abbozz tal-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS. Skont il-paragrafi 12.2 sa 12.9 tar-rapport tal-MSC 101 (bin-numru ta’ referenza MSC 101/24), huwa previst li l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u l-linji gwida u d-dokument ta’ gwida relatati jiġu adottati u approvati rispettivament waqt l-MSC 102.
Billi l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u l-linji gwida, id-dokument ta’ gwida u ċ-ċirkolari tal-MSC marbutin magħhom jaġġornaw b’mod komprensiv l-arranġamenti attwali tal-irmiġġ, dawn jikkorrispondu mal-ħsieb tal-proposta oriġinali tal-Unjoni u għalhekk l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u l-approvazzjoni tal-istrumenti relatati magħhom.
3.2.2.L-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment — konsistenza bejn ir-regolamenti mogħtija fil-Parti B, fil-Parti B-1 u fil-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS
Waqt is-96 sessjoni tiegħu, l-MSC kien qabel li jinkludi output dwar “Reviżjoni tal-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS biex tkun żgurata l-konsistenza mal-Partijiet B u B-1 f’dak li għandu x’jaqsam mal-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment” fl-aġenda biannwali tal-2018 u l-2019 tiegħu u qabbad lis-Sottokumitat dwar id-Disinn u l-Kostruzzjoni tal-Bastimenti (l-SDC) jikkoordina dan.
Dan iffinalizza l-abbozz tal-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS waqt l-SDC 6 u għaddih lill-MSC biex dan jiddiskutih waqt il-101 sessjoni tiegħu. L-emendi tal-Parti B, tal-Parti B-1 u tal-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS huma mogħtija fl-Anness 25 tad-dokument MSC 101/24 Add.1.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-fattur si mogħti fir-regolament 7-2 tal-Parti B-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS, l-SDC wasal għall-konklużjoni li, filwaqt li l-iżvilupp ta’ emendi tar-regolament 7-2.5 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-output, emenda tal-Konvenzjoni SOLAS kienet l-iktar mod effiċjenti u effettiv biex jiġu indirizzati l-inkonsistenzi inerenti li hemm fir-regolament 7-2.5.2.1 tal-Kapitolu II-1 ta’ dik il-Konvenzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-bibien fil-paratiji li jkunu jinsabu ’l fuq mill-gverta tal-paratija u li jitqiesu bħala bibien impermeabbli fil-kalkoli tal-istabbiltà fil-każ ta’ ħsara. L-SDC 6 qabel li jitlob lill-MSC jaqbel ma’ dan l-approċċ waqt il-101 sessjoni tiegħu sabiex jissolvew l-inkonsistenzi li hemm bejn id-diversi Partijiet tal-Parti B tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS f’dak li għandu x’jaqsam mal-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment. L-MSC 101 għamel dan (fil-paragrafu 12.10 tar-rapport tiegħu bin-numru ta’ referenza MSC 101/24) u l-emendi huma mogħtija wkoll fl-Anness 25 tad-dokument MSC 101/24 Add.1.
Skont il-paragrafu 12.12 tar-rapport tal-MSC 101 (bin-numru ta’ referenza MSC 101/24), huwa previst li l-emendi msemmijin hawn fuq jiġu adottati waqt l-MSC 102.
Minħabba li l-emendi tal-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS idaħħlu l-koerenza fid-dispożizzjonijiet tal-Parti B dwar l-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment, inkluż fil-kwistjoni ewlenija tal-kalkoli tal-istabbiltà tal-bastiment f’każ ta’ ħsara, u minħabba li l-Unjoni kienet appoġġat l-approvazzjoni tagħhom waqt l-MSC 101, l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ dawk l-emendi.
3.3.Emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
Waqt il-ħames sessjoni tiegħu (is-CCC 5), is-Sottokumitat dwar il-Ġarr tal-Merkanzija u tal-Kontejners qabel li jabbozza emendi tal-paragrafu 6.7.1.1 (dwar is-sistemi għat-tnaqqis tal-pressjoni) u tal-Kapitolu 11 (dwar is-sistemi tat-tifi tan-nar fil-kmamar tat-tħejjija tal-fjuwil) tal-Parti A-1 tal-Kodiċi IGF, kif stabbilit fl-Anness 2 tar-rapport tas-CCC bin-numru ta’ referenza CCC 5/13, biex jintbagħtu lill-MSC biex dan japprovahom waqt il-101 sessjoni tiegħu (ara l-paragrafu 3.31 tar-rapport bin-numru ta’ referenza CCC 5/13). L-MSC imbagħad approva l-abbozz ta’ dawn l-emendi waqt il-101 sessjoni tiegħu, kif stabbilit fl-Anness 14 tad-dokument bin-numru ta’ referenza MSC 101/24 Add.1. Skont il-paragrafu 9.2 tar-rapport tal-MSC 101 (bin-numru ta’ referenza MSC 101/24), huwa previst li l-emendi jiġu adottati waqt l-MSC 102.
Waqt is-CCC 5 ġie approvat ukoll l-abbozz tal-emendi tal-paragrafu 16.3.3.5.1 dwar it-testijiet tat-tensjoni għall-materjali, minbarra l-ligi tal-aluminju, għas-sistema taż-żamma tal-fjuwil imsemmija fil-Parti B-1 tal-Kodiċi IGF, kif stabbilit fl-Anness 5 tar-rapport bin-numru ta’ referenza CCC 5/13, biex dan jintbagħat lill-MSC biex dan japprovah waqt il-101 sessjoni tiegħu (ara l-paragrafu 4.14 tar-rapport bin-numru ta’ referenza CCC 5/13). L-MSC imbagħad approva dawn l-emendi waqt il-101 sessjoni tiegħu, kif stabbilit fl-Anness 14 tad-dokument bin-numru ta’ referenza MSC 101/24 Add.1. Skont il-paragrafu 9.3 tar-rapport bin-numru ta’ referenza MSC 101/24, huwa previst li l-emendi jiġu adottati waqt l-MSC 102.
L-emenda tal-paragrafu 6.7.1.1 tiċċara iktar il-postijiet fejn għandu jkun hemm sistema adattata għat-tnaqqis tal-pressjoni. L-emenda tal-Kapitolu 11 biex ikun hemm sistema fissa tat-tifi tan-nar fil-kmamar tat-tħejjija tal-fjuwil twassal għal iktar sikurezza. L-Unjoni diġà appoġġat l-approvazzjoni tat-tnejn li huma waqt l-MSC 101. Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi.
3.4.Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-kompetenza tal-UE
3.4.1.Emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL
Ir-rekwiżiti tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL marbutin mat-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit fiż-żejt tal-fjuwil marin bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit li jniġġsu l-arja huma implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi. Għalhekk, l-emendi li għandhom jiġu adottati waqt l-MEPC 75, li jibdlu l-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, se jaffettwaw b’mod dirett ir-rekwiżiti tad-Direttiva.
3.4.2.Emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS)
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri japplika l-Konvenzjoni SOLAS, kif emendata, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A.
Għalhekk, l-emendi li għandhom jiġu adottati waqt l-MSC 102, li se jibdlu l-Partijiet A u B tal-Kapitolu II-1, se jaffettwaw b’mod dirett ir-rekwiżiti tad-Direttiva.
3.4.3.Emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF)
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri japplika l-Konvenzjoni SOLAS, kif emendata, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Il-Konvenzjoni SOLAS tagħmel il-Kodiċi IGF obbligatorju għall-vapuri tal-passiġġieri.
Għalhekk, l-emendi li għandhom jiġu adottati waqt l-MSC 102 se jaffettwaw b’mod dirett ir-rekwiżiti permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
3.4.4.Kompetenza tal-UE
L-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi.
L-emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS) se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
L-emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (il-Kodiċi IGF) se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
Għalhekk, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE u, b’hekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tagħha dwar l-atti ta’ adozzjoni tal-emendi msemmijin hawn fuq.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tas-sede jew tkunx Parti tal-ftehim jew le.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI huma korpi li twaqqfu permezz ta’ ftehim, jiġifieri permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
L-atti li l-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI jintalbu jadottaw huma atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni li ġejja tal-UE:
–id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi u r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed. Dan għaliex id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi tirrifletti r-rekwiżiti tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL marbutin mal-kubrit bħala l-għodda biex jinkiseb l-għan ta’ dik il-Konvenzjoni;
–id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Dan għaliex skont id-Direttiva 2009/45/KE, il-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS, kif emendata.
Għalhekk, l-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u l-emendi tal-Kodiċi IGF se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi u tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri rispettivament.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2020/0026 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt il-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u waqt il-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, tal-emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u tal-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Billi:
(1)Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem u li ttejjeb is-sikurezza marittima.
(2)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
(3)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-bastimenti. L-Istati Membri tal-Unjoni kollha huma membri tal-OMI. L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI.
(4)Skont l-Artikolu 38(a) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar iwettaq il-funzjonijiet li l-OMI tingħata jew tista’ tingħata permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti jew skont dawn il-konvenzjonijiet, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni u mal-emendar ta’ regolamenti jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn.
(5)Skont l-Artikolu 28(b) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kull dmir assenjat lilu skont dik il-Konvenzjoni, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kull dmir li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu li jista’ jiġi assenjat lilu skont kull strument internazzjonali ieħor u li jkun aċċettat mill-OMI.
(6)Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“il-Konvenzjoni MARPOL”) daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 1983.
(7)Skont l-Artikolu 16(2)(c) tal-Konvenzjoni MARPOL, l-emendi tagħha jistgħu jiġu adottati mill-korp ix-xieraq, li f’dan il-każ huwa l-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar.
(8)Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“il-Konvenzjoni SOLAS”) daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 1980.
(9)Skont l-Artikolu VIII(b)(iii) tal-Konvenzjoni SOLAS, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI jista’ jadotta emendi tal-Konvenzjoni SOLAS.
(10)Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar għandu jadotta emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL waqt il-75 sessjoni tiegħu li se ssir bejn it-30 ta’ Marzu u t-3 ta’ April (“l-MEPC 75”).
(11)Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima għandu jadotta emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS u emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx (“il-Kodiċi IGF”) waqt il-102 sessjoni tiegħu li se ssir bejn it-13 u t-22 ta’ Mejju 2020 (“l-MSC 102”).
(12)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt l-MEPC 75, peress li l-emendi tar-regolamenti 1, 2, 14, 18, 20 u 21 u tal-Appendiċijiet I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,.
(13)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt l-MSC 102, peress li l-emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u peress li l-emendi tal-Kodiċi IGF se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri.
(14)L-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL se jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tal-limitu ta’ 0,50 % fuq il-kubrit fil-fjuwil marin stabbilit fir-regolament 14. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dwan l-emendi sabiex tikseb il-benefiċċji ambjentali u għas-saħħa previsti li jiġu mit-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit mill-kombustjoni abbord il-bastimenti.
(15)L-emendi tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS se jwasslu għal iktar sigurtà waqt l-irmiġġ għall-bastimenti. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawn l-emendi minħabba li dawn jaġġornaw b’mod komprensiv l-arranġamenti attwali tal-irmiġġ.
(16)L-emendi tal-Parti B, tal-Parti B-1 u tal-Partijiet B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS se jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar l-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment ikunu konsistenti bejniethom. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawn l-emendi minħabba li dawn idaħħlu l-koerenza fid-dispożizzjonijiet tal-Parti B dwar l-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastiment, inkluż fil-kwistjoni ewlenija tal-kalkoli tal-istabbiltà tal-bastiment f’każ ta’ ħsara.
(17)L-emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi IGF itejbu ż-żamma tal-fjuwil, is-sikurezza kontra n-nirien u t-testijiet tat-tensjoni għall-iwweldjar tal-materjali metalliċi u t-testijiet mhux distruttivi għas-sistema taż-żamma tal-fjuwil abbażi tal-esperjenza li nkisbet fl-applikazzjoni tal-Kodiċi. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawn l-emendi minħabba li dawn jiċċaraw iktar il-postijiet fejn għandu jkun hemm sistema adattata għat-tnaqqis tal-pressjoni u minħabba li dawn jipprevedu miżuri addizzjonali tas-sikurezza għall-kmamar tat-tħejjija tal-fjuwil.
(18)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandhom jesprimuha l-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun waħda ta’ qbil mal-adozzjoni tal-emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri stabbiliti fl-Anness tad-dokument MEPC 75/3 tal-OMI.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun waħda ta’ qbil ma’ dan li ġej:
(a)mal-adozzjoni tal-emendi tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar stabbiliti fl-Anness 1 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI;
(b)mal-adozzjoni tal-emendi tal-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b’Punt ta’ Fjammabbiltà Baxx stabbiliti fl-Anness 2 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI.
Artikolu 3
1.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt.
2.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jesprimuha l-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President