Brussell, 18.3.2020

JOIN(2020) 7 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020













It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd

{SWD(2020) 56 final}


1.    Introduzzjoni

Is-Sħubija tal-Lvant (SL) hija inizjattiva konġunta tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova 1 , u l-Ukrajna (“il-pajjiżi sħab”). Imnedija fl-2009, is-SL hija sħubija strateġika u ambizzjuża bbażata fuq valuri u regoli komuni, interessi u impenji reċiproċi kif ukoll sjieda u responsabbiltà kondiviżi. L-għan tagħha huwa li ssaħħaħ u tapprofondixxi r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab u tgħinhom biex jiksbu t-trasformazzjoni doppja, dik diġitali kif ukoll ekoloġika. Hija tappoġġa t-twassil ta’ ħafna objettivi ta’ politika globali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha. Tikkontribwixxi għall-għan ġenerali taż-żieda fl-istabbiltà, il-prosperità, u r-reżiljenza tal-viċinat tal-UE kif stabbilit fl-Istrateġija Globali għall-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea 2 u r-reviżjoni tal-politika Ewropea tal-viċinattal-2015. Hija allinjata għal kollox mal-Linji Gwida Politiċi 2019-2024 3 tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, tirrifletti l-istrateġiji ewlenin rilevanti kollha adottati mill-Kummissjoni 4 .

Matul is-snin, is-SL kienet strumentali f’li tqarreb aktar lejn xulxin l-UE u l-pajjiżi sħab. Is-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant ta’ Novembru 2017 fi Brussell immarka approċċ ġdid bl-adozzjoni tal-aġenda ta’ riforma komuni intitolata “20 Deliverables for 2020” (“20 Riżultat għall-2020”). Dan il-pjan ta’ ħidma ambizzjuż iffoka fuq il-kisba ta’ riżultati tanġibbli fuq il-post u t-titjib tal-ħajjiet ta’ persuni f’erba’ oqsma ta’ politika ewlenin: (1) ekonomija aktar b’saħħitha; (2) governanza aktar b’saħħitha; (3) konnettività aktar b’saħħitha; u (4) soċjetà aktar b’saħħitha, flimkien ma’ miri għall-kwistjonijiet trasversali marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-soċjetà ċivili, il-midja u l-komunikazzjoni strateġika.

Is-SL se tkompli timmira lejn it-tiswir ta’ żona ta’ demokrazija, prosperità, stabbiltà u kooperazzjoni akbar imsejsa fuq valuri komuni. L-UE għandha interess strateġiku li tavvanza t-tmexxija globali tagħha f’dak kollu li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-azzjoni esterna, inkluż fir-rigward tas-SL. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali ta’ soċjetajiet demokratiċi, inklużivi u reżiljenti. Il-punt fokali għalhekk se jkompli jkun fuq kwistjonijiet pendenti mill-objettivi attwali, notevolment fuq l-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u d-diskriminazzjoni, ir-rwol ta’ midja indipendenti u tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-approċċ tal-UE bbażat fuq l-inċentivi (“aktar għal aktar” u “inqas għal inqas”) se jkompli jkun ta’ benefiċċju għal dawk il-pajjiżi sħab l-aktar involuti fir-riformi. Jenħtieġ li l-approċċ ta’ politika futura għas-SL ikun mibni fuq il-kompiti, l-għanijiet, l-objettivi, il-prinċipji u l-oqsma ta’ kooperazzjoni diġà miftiehma.

L-impenn kontinwu mal-pajjiżi tas-SL se jibqa’ fost il-prijoritajiet ewlenin għall-UE. Id-dinamiki mġedda tal-politika tas-SL se jtejbu dan l-impenn billi jenfasizzaw is-sinifikat ta’ din il-kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku. Din se tkompli tikber fl-iżvilupp ulterjuri ta’ relazzjonijiet politiċi mas-sħab kollha tal-Lvant, kemm fil-format bilaterali kif ukoll f’dak multilaterali. Barra minn hekk, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu bejn l-Unjoni Ewropa, l-Ażja u l-viċinat usa’, ir-reġjun tas-SL iġib miegħu valur miżjud għall-impenn tal-politika barranija tal-UE, notevolment minħabba l-gradi varji ta’ rabtiet strateġiċi, soċjetali u ekonomiċi mal-ġirien tiegħu. Il-preżenza u l-interessi ta’ setgħat reġjonali u globali oħra kif ukoll ir-rabtiet kulturali u ġeografiċi mal-Asja Ċentrali jirrappreżentaw opportunitajiet addizzjonali għall-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ benefiċċju reċiproku mal-viċinat usa’. L-attivitajiet tal-UE fir-reġjun huma kkomplementati b’politiki u inizjattivi oħra bħad-Dimensjoni tat-Tramuntana jew is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

F’Mejju 2019, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tas-SL. Il-Kunsill Ewropew approva dan l-approċċ f’Ġunju 2019.

Il-konsultazzjoni damet għaddejja sa tmiem Ottubru 2019. Kienet wiesgħa u inklużiva, u ġabret aktar minn 200 kontribut bil-miktub inkluż permezz tal-paġna web ta’ konsultazzjoni strutturata tas-Sħubija tal-Lvant. Kważi l-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi sħab kollha ppreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, kif għamlu wkoll il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni. Kontributuri oħrajn kienu jinkludu l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, u varjetà wiesgħa ta’ partijiet interessati bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inkluż il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant), gruppi ta’ riflessjoni, istituzzjonijiet akkademiċi, u organizzazzjonijiet tan-negozju. Tqiesu r-rakkomandazzjonijiet mill-Forum taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant u mill-Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej.

Din il-komunikazzjoni konġunta hija bbażata wkoll fuq il-feedback li wasal matul il-konsultazzjonijiet f’kull wieħed mis-sitt pajjiżi sħab u f’ħafna Stati Membri tal-UE. Ġew ikkunsidrati wkoll diskussjonijiet fi ħdan il-pjattaformi u l-bordijiet tal-arkitettura attwali tal-SL u laqgħat relatati.

B’mod ġenerali, hemm kunsens wiesa’ li l-qafas tal-politika tas-SL attwali huwa wieħed robust u li jagħti riżultati tanġibbli lill-poplu. Il-Komunikazzjoni konġunta tiddeskrivi kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi komuni u kif l-UE se taħdem flimkien mal-pajjiżi sħab f’oqsma ta’ politika differenti fil-ġejjieni. Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni, dan id-dokument jiddeskrivi l-objettivi ta’ politika ġodda fit-tul għas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020 u jistabbilixxi l-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza, irawmu l-iżvilupp sostenibbli u jwasslu għal riżultati tanġibbli għas-soċjetà.

2.    Il-Kisbiet Ewlenin tas-Sħubija tal-Lvant

Fl-2015, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab laqgħu r-reviżjoni tal-politika Ewropea tal-viċinat fil-kuntest tal-istrateġija globali tal-UE. Huma appellaw għal żieda fid-differenzjazzjoni, sjieda akbar, fokus imsaħħaħ u flessibbiltà akbar. Il-konsultazzjoni wriet li s-SL wasslet b’mod wiesa’ għal dawn l-objettivi.

F’termini ta’ differenzjazzjoni, is-sħubija żviluppat skont l-interessi, l-ambizzjonijiet u l-progress ta’ kull sieħeb. Hemm ftehimiet bilaterali politiċi u ekonomiċi ġodda u estensivi bejn l-UE u l-pajjiżi sħab individwali. Ir-relazzjonijiet mal-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna huma ggwidati minn ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u minn żoni ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (DCFTAs - Deep and Comprehensive Free Trade Areas). Sabiex jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet ambizzjużi jiġu implimentati għal kollox, dawn it-tliet pajjiżi qablu li jistabbilixxu l-“aġendi ta’ assoċjazzjoni” madwar prijoritajiet ta’ kooperazzjoni fuq perjodu qasir u medju. Ġew stabbiliti arranġamenti mingħajr viża bejn l-UE u dawn il-pajjiżi, biex jiġi ffaċilitat il-moviment tal-persuni lill hinn mill-fruntieri. It-tliet pajjiżi kollha implimentaw għal kollox il-ftehimiet ta’ riammissjoni.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Armenija huma nkwadrati fi ftehim ta’ sħubija komprensiva u msaħħa, u bħalissa għaddejjin negozjati dwar ftehim ġdid mal-Ażerbajġan.E. Il-kooperazzjoni ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi hija bbażata fuq prijoritajiet miftiehma ta’ sħubija. Id-djalogi settorjali jrawmu relazzjonijiet mal-Belarus filwaqt li għaddejjin negozjati dwar prijoritajiet ta’ sħubija. Il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u r-riammissjoni li ġew konklużi mal-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarus kienu kruċjali biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar għall-persuni f’dawn il-pajjiżi.

Biex tinkoraġġixxi sjieda akbar min-naħa tal-pajjiżi sħab, l-UE bidlet il-mod kif tinvolvi ruħha magħhom. Biex jiżdied l-impatt, l-appoġġ tal-UE għadda minn assistenza finanzjarja bbażata fuq il-proġetti għal appoġġ għal politiki ta’ riforma ġenwinament trasformattivi. Dan l-approċċ ġdid wassal benefiċċji tanġibbli lill-poplu, pereżempju billi appoġġa d-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna u l-inizjattivi ta’ livell għoli dwar l-effiċjenza enerġetika fl-Armenja, fil-Ġeorġja u fl-Ukrajna.

L-UE saħħet il-kollaborazzjoni ma’ dawk responsabbli għar-riformi fil-pajjiżi sħab. Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu passi ewlenin biex jiżguraw programmazzjoni konġunta fejn possibbli. Dan jiggarantixxi rispons kollettiv aktar effettiv għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, biex b’hekk il-kooperazzjoni tkun inqas frammentata u għalhekk aktar koerenti u b’impatt akbar. Ir-reazzjonijiet konġunti ta’ suċċess jinkludu lill-Ukrajna u l-Moldova.

L-UE żiedet il-kollaborazzjoni strateġika tagħha ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs). Permezz ta’ djalogi fuq livell ta' pajjiżi, reġjuni u setturi, l-UE u l-IFIs waslu għal appoġġ sostanzjali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għall-investimenti “ekoloġiċi” għall-effiċjenza enerġetika u għall-infrastruttura muniċipali, u b’hekk naqqsu l-konsum tal-enerġija, it-tniġġis u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u ssaħħet ir-reżiljenza ambjentali u klimatika fir-reġjun kollu.

L-involviment mas-soċjetà ċivili kien kritiku fl-iżgurar ta’ riformi effettivi, peress li żied ir-responsabbiltà pubblika, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp lokali avvanzati, u żgura t-twassil ta’ servizz għall-popolazzjoni kollha, inklużi għall-gruppi vulnerabbli. L-UE kellha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-kontribut tas-soċjetà ċivili, li min-naħa tagħha xprunat l-innovazzjoni soċjali u għenet biex jinbnew koalizzjonijiet ta’ riforma fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

It-tweġibiet għall-konsultazzjoni jenfasizzaw il-valur li tingħata aktar attenzjoni lill-politika komuni. “L-20 riżultat għall-2020”, approvati mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab fis-Summit tas-SL ta’ Novembru 2017, stabbilixxew aġenda komuni orjentata lejn ir-riżultati bl-għan li l-kooperazzjoni tkun iċċentrata.

Il-politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida enfasizzat il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà biex l-UE u l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jwieġbu għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi li dejjem jinbidlu. Biex iżżid l-appoġġ u l-impatt, l-UE: (i) saħħet il-kooperazzjoni mal-IFIs permezz tal-pjan ta’ investiment estern u l-faċilità ta’ riforma strutturali; (ii) immodernizzat u allinjat b’mod strateġiku l-istrumenti ta’ assistenza teknika (TAIEX u Twinning) għal appoġġ imfassal apposta; u (iii) adattat l-istrutturi istituzzjonali tagħha biex iwieġbu għal sfidi ġodda. Pereżempju, il-“Grupp ta’ Appoġġ għall-Ukrajna” huwa struttura unika li tgħaqqad flimkien l-għarfien espert minn madwar il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tal-pajjiż. L-“EEAS East StratCom task force” maħluq wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2015 dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni, kien ukoll strumentali biex il-komunikazzjoni u l-branding tal-UE fir-reġjun isiru strateġiċi u jħallu impatt.

3.    Approċċ politiku futur għas-Sħubija tal-Lvant

Skont il-konsultazzjoni, hemm kunsens qawwi li l-aġenda “20 riżultat għall-2020” qed tipproduċi riżultati tanġibbli għas-soċjetà. Għamlet differenza fi 3 minn 4 oqsma ta’ prijorità, jiġifieri ekonomija aktar b’saħħitha, konnettività aktar b’saħħitha u soċjetà aktar b’saħħitha. Dwar governanza aktar b’saħħitha, il-kisbiet inizjali jinkludu punti uniċi ta’ servizz li jwasslu servizzi pubbliċi effiċjenti u aċċessibbli, u sistemi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ assi elettroniċi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab.

L-Istati Membri tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab u s-soċjetà ċivili jenfasizzaw il-ħtieġa li jittejbu b’mod sinifikanti r-riżultati fil-qasam tal-governanza, b’mod partikolari l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u r-rwol ta’ midja indipendenti u s-soċjetà ċivili. Il-progress fil-governanza huwa marbut direttament mal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Iċ-ċertezza legali u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi huma essenzjali biex jiġi attirat l-investiment, biex jiġu appoġġati l-istabbiltà politika u r-riformi tal-istat tad-dritt, u biex titrawwem l-integrazzjoni soċjoekonomika. Għalhekk, l-aġenda orjentata lejn ir-riżultati, appoġġata minn statistika uffiċjali ta’ kwalità tajba u professjonalment indipendenti, għall-monitoraġġ tal-progress u b’appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza, se tissaħħaħ fil-politika futura.

L-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi jeħtieġ gwida aktar ċara dwar prijoritajiet ta’ riforma speċifiċi, b’punti ta’ riferiment oġġettivi, preċiżi, dettaljati u verifikabbli. Il-progress fir-riforma għandu jwassal għal żieda fil-finanzjament u l-investiment. Staġnar serju jew prolongat jew saħansitra rigress fl-implimentazzjoni tar-riforma jwassal biex il-finanzjament tal-UE jiġi aġġustat ’l isfel, bl-eċċezzjoni ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili.

Il-konsultazzjoni wriet xewqa qawwija mill-pajjiżi sħab kollha sabiex is-sħubija tkompli tiġi adattata aktar għall-interessi, l-ambizzjonijiet u l-progress ta’ kull pajjiż sieħeb. Il-pajjiżi assoċjati għandhom aspettattivi qawwija li jipparteċipaw f’inizjattivi komuni dwar kwistjonijiet koperti mill-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u minn oqsma ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-kooperazzjoni bilaterali tibqa’ t-triq prinċipali biex jiġi żgurat approċċ imfassal apposta. L-implimentazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali se titħaffef u tiġi kkomplementata b’kooperazzjoni settorjali aktar profonda u skambju bejn pajjiżi sħab interessati. L-UE se tkompli tipprovdi appoġġ f’fora bilaterali, reġjonali u multinazzjonali, inkluża assistenza settorjali mmirata, f’konformità mal-prinċipji tal-inklużività u d-divrenzjar. Barra minn hekk, is-SL se tkompli tkun flessibbli u inklużiva, u tippermetti lill-pajjiżi biex jindirizzaw sfidi komuni u globali b’mod konġunt f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, filwaqt li titrawwem l-integrazzjoni reġjonali.

Waqt li jibnu fuq il-kisbiet ewlenin tas-Sħubija, u jirrikonoxxu li t-tisħiħ tar-reżiljenza huwa qafas ta’ politika prevalenti, kif deskritt fl-Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE 5 , l-UE, il-Pajjiżi Membri tagħha u l-pajjiżi sħab se jaħdmu flimkien fuq l-objettivi segwenti fit-tul tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020:

·flimkien għal ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati;

·flimkien għal istituzzjonijiet responsabbli, l-istat ta’ dritt u s-sigurtà;

·flimkien lejn ir-reżiljenza ambjentali u klimatika;

·flimkien għal trasformazzjoni diġitali reżiljenti; kif ukoll

·flimkien għal soċjetajiet reżiljenti, ġusti u inklużivi.

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-UE u lis-sħab tagħha, b’mod partikolari madwar il-kontinent Ewropew, biex jindirizzaw l-isfidi komuni u biex jaħdmu id f’id fuq il-prijoritajiet ta’ politika ġodda fil-ġejjieni biex jappoġġaw it-trasformazzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali u biex jiksbu ekonomiji li jaħdmu għall-kulħadd, b’mod partikolari għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u għall-promozzjoni ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu integrati fl-objettivi kollha ta’ politika.

4.    L-objettivi ewlenin tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant futura

Flimkien għal ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati

It-tisħiħ tal-ekonomija huwa essenzjali biex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini, titnaqqas l-inugwaljanza, u biex il-pajjiżi sħab isiru postijiet fejn il-poplu jixtieq jibni l-ġejjieni tiegħu. Ekonomiji integrati aħjar li huma inklużivi, sostenibbli u ġusti għal kulħadd. L-għan huwa li jinħolqu impjiegi deċenti u opportunitajiet ekonomiċi, li jiżguraw il-prosperità għall-persuni li jgħixu fil-pajjiżi sħab.

Dan jirrikjedi żieda fil-kummerċ u aktar integrazzjoni reġjonali u bilaterali tal-ekonomiji tal-pajjiżi sħab u tal-UE, flimkien mal-kooperazzjoni għal dekarbonizzazzjoni progressiva lejn in-newtralità klimatika, waqt li jintlaqgħu l-opportunitajiet tat-trasformazzjoni ekoloġija u diġitali doppja. Filwaqt li tibni fuq il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni eżistenti, u d-DCFTAs u ftehimiet kummerċjali oħra, l-UE, b’mod konġunt mal-pajjiżi sħab, se tiffoka fuq l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom għal benefiċċji massimi. F’konformità mal-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar it-tkabbir, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Diġitali, l-UE u l-pajjiżi sħab se jkomplu jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tas-SL, waqt li jagħmluhom aktar kompetittivi u innovattivi. Barra minn hekk, l-UE u l-pajjiżi sħab se jinvestu f’konnettività u infrastruttura fiżika (fit-trasport, l-enerġija u diġitali) bħala kundizzjonijiet ta’ sostenn għall-iżvilupp ekonomiku. F’każijiet ta’ kriżi ekonomika, l-UE tinsab lesta li tgħin lill-pajjiżi sħab jissalvagwardjaw l-istabbiltà makroekonomika u jinċentivaw riformi strutturali permezz tal-Assistenza Makrofinanzjarja tal-UE. L-appoġġ għar-riformi strutturali, it-titjib tal-aċċess għall-finanzi, u l-appoġġ lill-SMEs se jrawmu t-tkabbir u l-investiment. L-investiment fin-nies, b’mod partikolari fiż-żgħażagħ, u l-konnessjoni aħjar tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni mal-ħtiġijiet tas-settur privat se jħejju lill-pajjiżi sħab biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-ġejjieni.

4.1.1 L-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-kummerċ bejn l-UE u s-SL kważi rdoppja b'mod li l-pajjiżi sħab, bħala grupp, saru l-10 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE. L-UE hija l-akbar blokk kummerċjali għal erba’ pajjiżi sħab (l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna), filwaqt li għall-Armenja u l-Belarussja hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali. Dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali wasslu wkoll għad-diversifikazzjoni fl-esportazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi sħab, u għall-integrazzjoni mtejba tagħhom fil-ktajjen ta’ valuri globali. Barra minn hekk, l-għadd ta’ kumpaniji li jesportaw lejn l-UE mill-Ġeorġja żdied b’46%, mill-Moldova bi 48% u mill-Ukrajna b’24%. Dan jirrifletti b’mod ċar il-benefiċċju reċiproku tas-SL.

L-UE tipproponi li tkompli tapprofondixxi l-integrazzjoni ekonomika mal-pajjiżi sħab u fosthom, b’mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika tat-tliet pajjiżi assoċjati permezz ta’ appoġġ kontinwu għall-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTAs attwali. Il-ftehimiet bilaterali, b’mod partikolari d-DCFTAs, joffru opportunitajiet ta’ tkabbir għas-settur privat, kif ukoll livelli ogħla ta’ protezzjoni tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u aċċess taċ-ċittadini għal prodotti konformi u sikuri. Dawn il-benefiċċji jibqgħu jitgawdew sakemm isiru r-riformi li għaddejjin bħalissa u r-riformi futuri li jirriżultaw mill-impenji tad-DCFTAs. Dan il-proċess jinvolvi l-konformità tal-leġiżlazzjoni mar-regoli tal-UE, filwaqt li jiżviluppa l-kapaċità għall-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma u jiffaċilita l-kummerċ. L-UE se tinkoraġġixxi wkoll kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi li mhumiex DCFTA. Arranġamenti ta’ faċilitazzjoni għall-kummerċ settorjali ta’ interess komuni għandhom iwasslu biex l-integrazzjoni ekonomika tieħu pass ’il quddiem, bl-involviment tal-pajjiżi sħab kollha. F’dan ir-rigward, bħala eżempju, l-UE se tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab, fejn possibbli, lejn ftehimiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati.

L-UE se tfittex ukoll li tikkollabora u tibni alleanzi mal-pajjiżi sħab dwar kwistjonijiet ekonomiċi globali rilevanti usa’ f’diversi fora multilaterali, inkluż l-appoġġ tal-adeżjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għal dawk li mhux membri attwali.

L-UE se tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika fir-reġjun. L-għan tagħha se jkun li tistabbilixxi kummerċ mingħajr distorsjonijiet, ġust u bbażat fuq regoli, kif ukoll investiment f’teknoloġiji nodfa, prodotti u servizzi ekoloġiċi u materja prima strateġika relatata. L-UE se taħdem mal-pajjiżi sħab biex tiżgura s-sigurtà tar-riżorsi u biex fl-istess ħin twettaq il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Għall-pajjiżi assoċjati, il-liberalizzazzjoni gradwali tal-aċċess għas-suq għadha għaddejja. Barra minn hekk, fid-DCFTA hija prevista l-integrazzjoni ekonomika selettiva u gradwali ta’ dawn il-pajjiżi fis-suq intern tal-UE . Dan jiddependi fuq il-konverġenza regolatorja u fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-pajjiżi mal-acquis tal-UE f’oqsma speċifiċi (l-akkwist pubbliku, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, is-sorveljanza tas-suq, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, is-servizzi doganali, u l-istandards ta’ governanza fiskali tajba).

4.1.2 Investiment u aċċess għall-finanzi

Matul l-aħħar għaxar snin, aktar minn 125,000 SME ibbenefikat direttament minn finanzjament tal-UE (l-aktar f’muniti lokali) li b'hekk setgħu joħolqu jew isostnu aktar minn 250,000 impjieg. Użu aħjar tat-taħlit u tal-garanziji mmassimizza l-impatt, b’effett ta’ ingranaġġ ta’ 11-il biljun euro f’investiment mill-2009.

Ir-riformi strutturali huma essenzjali għall-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku, it-titjib tal-governanza ekonomika, l-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani u ż-żieda tar-reżiljenza ekonomika. Il-kummerċ u l-investiment jeħtieġu kundizzjonijiet favorevoli għal żvilupp ekonomiku sostenibbli. L-ambjent tan-negozju u tal-investiment irid ikun sempliċi, trasparenti u affidabbli. Dan jirrikjedi sforzi biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, jitjieb is-suq tax-xogħol u jitnaqqas ix-xogħol informali, tittejjeb il-governanza ekonomika, u li wieħed jibbaża fuq ir-riformi tal-istat tad-dritt, inkluża l-prevenzjoni tal-korruzzjoni. L-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw perspettiva ċara tat-tranżizzjoni ekoloġika li tkun għaddejja. L-UE se tkompli ssaħħaħ ir-riformi ewlenin tal-pajjiżi sħab, inkluż permezz tal-Pjan ta’ Investiment Estern 6 u b’mod partikolari l-Faċilità ta’ Riforma Strutturali.

L-SMEs huma l-impjegaturi prinċipali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab u l-mutur ewlieni tat-tkabbir u l-innovazzjoni kondiviżi. L-UE se tkompli tappoġġa l-aċċess għall-finanzjament permezz ta’ skemi ta’ garanzija, sussidji fuq ir-rati tal-imgħax u inċentivi ta’ investiment. Se tkompli tespandi wkoll dan l-appoġġ permezz ta’ sħubija aktar b’saħħitha mal-IFIs, kif ukoll permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD +) fi ħdan l-Istrument propost ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. Il-finanzjament u l-mikrofinanzjament sostenibbli se jkunu integrali għall-intervent tal-UE, inkluż fiż-żoni rurali fejn l-aċċess għall-finanzi huwa partikolarment diffiċli. Biex tiġi massimizzata l-effikaċja tal-appoġġ, l-UE se tanalizza mal-IFIs l-oqsma ewlenin fejn l-investiment se jkollu impatt (inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ “matriċi ta’ investiment b’impatt”).

Meta titqies il-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti sostenibbli, l-UE se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi sħab biex tistabbilixxi sistema finanzjarja li tappoġġja t-tkabbir sostenibbli, notevolment permezz ta’ fora internazzjonali bħall-Pjattaforma Internazzjonali Dwar il-Finanzi Sostenibbli (IPSF). L-UE u l-pajjiżi sħab jistgħu jikkondividu l-aħjar prattiki u jikkoordinaw l-isforzi f’dak li jirrigwarda l-investiment ambjentalment sostenibbli bħat-tassonomiji ekoloġiċi, l-informazzjoni dwar l-ambjent u l-klima, u l-istandards u t-tikketti għall-prodotti finanzjarji ekoloġiċi.

Meta jitqiesu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li qed jikbru bejn il-pajjiżi sħab tal-Lvant mal-UE, iż-żieda fl-użu tal-euro fin-negozjar kummerċjali barrani tagħhom tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-UE u tgħin biex tiżgura l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja ta’ dawn il-pajjiżi. Din se tkompli tnaqqas ir-riskju tal-kambju li jiffaċċjaw il-pajjiżi sħab, inkluż billi jiġi żgurat li t-taħlita ta’ muniti barranin fit-teħid ta’ self estern, il-ġestjoni tar-riżervi u n-negozjati internazzjonali jiġu kkorrelati aħjar mal-muniti tas-sħab kummerċjali u tal-investiment prinċipali tagħhom, filwaqt li jiġi appoġġat rwol internazzjonali tal-euro aktar b’saħħtu. L-UE se tkompli wkoll tappoġġa l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi sħab biex jilħqu l-kriterji sabiex jissieħbu fiż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA).

Biex twieġeb għall-ħtieġa ta’ negozji ġodda, l-UE flimkien mal-IFIs se tiżviluppa programm ta’ finanzjament innovattiv u intelliġenti (li jinkludi l-ekwità, il-kapital ta’ riskju, l-investituri informali u l-finanzjament kollettiv). L-assistenza tal-UE se tkompli ssaħħaħ l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji, tappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, u tiffaċilita d-djalogu pubbliku-privat filwaqt li tindirizza l-ħtieġa għall-għarfien u l-ħiliet biex jitrawmu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-kreattività li jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tas-suq. L-UE se tkompli tappoġġa n-negozju, b’mod partikolari inizjattivi mmexxija min-nisa, u tħeġġeġ aktar żgħażagħ biex isiru imprendituri.

Biex nimxu lejn ekonomija inklużiva u ġusta li tagħti riżultati għal kulħadd, l-UE se tgħin lill-pajjiżi sħab jisfruttaw il-potenzjal ekonomiku taż-żoni rurali tagħhom, inkluż billi jappoġġaw lill-bdiewa u lill-istabbiliment ta’ kooperattivi u gruppi ta’ produtturi moderni. L-UE se ssaħħaħ l-involviment barra mill-bliet kapitali u toħloq rabtiet bejn iċ-ċentri urbani lokali u ż-żoni rurali. Dan jibni fuq il-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kif applikat fl-UE.

4.1.3 Interkonnettività msaħħa

Interkonnessjonijiet b’saħħithom bejn l-UE u s-SL kif ukoll fost il-pajjiżi sħab huma muturi importanti għall-iżvilupp ekonomiku, l-integrazzjoni reġjonali, il-kummerċ u l-mobbiltà. Il-konnettività sostenibbli, imsejsa fuq ir-regoli u sikura hija essenzjali kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab.

Rigward it-trasport, l-UE se tiffoka fuq l-investimenti ta’ prijorità fit-tul imsemmija fil-pjan ta’ azzjoni indikattiv ta’ investiment tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport ( TEN-T) 7 . Dan jinkludi t-titjib tal-infrastruttura fiżika ewlenija fil-faċilitajiet tat-triq, tal-ferrovija, tal-passaġġi tal-ilma interni u tal-ajruporti, u fiċ-ċentri tal-loġistika sabiex tissaħħaħ aktar il-konnettività bejn l-UE u l-pajjiżi sħab u fost il-pajjiżi sħab infushom. Se jkun appoġġat permezz ta’ taħlit u garanziji taħt il-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat. L-UE se żżid ukoll l-użu tal-istandards tat-trasport tal-UE u internazzjonali inkluż fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq f’konformità mad-Dikjarazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant tal-2018 dwar is-Sikurezza fit-Toroq 8 . Se żżid ukoll il-ħidma f’dak li jirrigwarda l-ftehimiet fil-qasam tal-avjazzjoni komuni u s-sikurezza tal-avjazzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-pajjiżi sħab tal-Lvant fil-konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja, l-UE se tippromwovi u tappoġġa l-impenn tal-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-istrateġija li tgħaqqad l-Ewropa u l-Asja 9 .

Fir-rigward tal-konnettività tal-enerġija, l-UE se tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab biex issaħħaħ l-interkonnessjonijiet transfruntiera u interreġjonali. Il-kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar qed joqrob it-tlestija u huwa mistenni li jġib l-ewwel gass mill-Ażerbajġan lejn l-UE fl-2020. Il-politika dwar l-enerġija u l-ġbir, l-użu u l-ġestjoni tad-data bbażati fuq l-evidenza se jkomplu jiġu appoġġati permezz tal-inizjattiva “EU4Energy” u d-djalogu dwar il-politika tal-enerġija. L-emenda li għaddejja tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, li minnha jagħmlu parti tliet pajjiżi sħab, se jkollha l-għan li tagħmel il-Komunità tal-Enerġija aktar effiċjenti u adegwata għal futur tal-enerġija sostenibbli. L-UE se tgħin ukoll lill-pajjiżi sħab biex iżidu s-sigurtà tal-enerġija billi jiddiversifikaw minn importazzjonijiet taż-żejt jew tal-gass permezz ta’ investimenti fl-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-enerġija u billi jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija bbażata fuq leġiżlazzjoni soda.

Il-konnettività bis-satelliti tikkontribwixxi għal trasport intelliġenti u sikur, għal bliet aktar ekoloġiċi u tippermetti d-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab rigward l-estensjoni tal-kopertura tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja se tikkontribwixxi għal avjazzjoni aktar sikura, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, għat-trasport marittimu u ferrovjarju kosteffettiv u biex tagħti spinta lill-agrikoltura ta’ preċiżjoni għolja.

Id-djalogu politiku b’saħħtu u l-iżvilupp ta’ sensiela unika ta’ proġetti ta’ infrastruttura huma essenzjali biex jiġi ottimizzat il-portafoll tal-investimenti. Politiki makroekonomiċi sodi u ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ħolqien ta’ spazju fiskali għall-investimenti pubbliċi, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fis-settur privat, inkluż permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati, huma kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-infrastruttura fl-oqsma kollha.

4.1.4 Ninvestu fin-nies

Li ninvestu fin-nies huwa essenzjali għat-tħejjija għall-futur u għat-trawwim tar-reżiljenza soċjetali u ekonomika. Filwaqt li tibni fuq il-kisbiet għaż-żgħażagħ, l-UE tipproponi ftehim ġdid għalihom, li se jinkludi l-elementi li ġejjin: (i) tnaqqis tad-distakk bejn is-suq tax-xogħol u s-settur tal-edukazzjoni; (ii) żieda fl-appoġġ għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ; (iii) miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandhom jiġu adattati għas-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi sħab; u (iv) nibnu fuq skema pilota ta’ monitoraġġ għall-impjiegi għaż-żgħażagħ taċ-ċivil tas-SL, li tistabbilixxi programm ta’ mobbiltà u ta’ skambju għas-SL diretta lejn professjonisti żgħażagħ.

Ir-riforma fl-edukazzjoni se tkun prijorità strateġika. Din se tkopri fost l-oħrajn (i) il-governanza u l-bini tal-kapaċità; (ii) il-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; (iii) l-allinjament tal-leġiżlazzjoni u l-politiki mal-iżviluppi Ewropej, inklużi ż-żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (il-proċess ta’ Bolonja) jew il-proċess ta’ Turin għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; u (iv) it-tisħiħ tat-taħriġ tal-għalliema, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ kurrikuli u prattiki moderni tat-tagħlim u l-apprendiment. Il-programm Erasmus+, bħala komponent ewlieni tal-appoġġ tal-UE għall-modernizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, se jipprovdi aktar mobbiltà u opportunitajiet ta’ bini ta’ kapaċità fl-edukazzjoni formali u mhux formali. Il-parteċipazzjoni fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se tippermetti liż-żgħażagħ jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fi proġetti li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet u għall-persuni madwar l-Ewropa. L-Iskola Ewropea ewlenija fil-Ġeorġja se ssir skola sekondarja sħiħa f’bini ġdid.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u sostenibbli. L-UE se tkompli tappoġġa u ssaħħaħ l-l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-kapaċitajiet innovattivi tal-pajjiżi sħab , kif ukoll iż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa u COSME. Is-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni pubbliċi jeħtieġ li jitjiebu fil-prestazzjoni u l-kompetittività, inkluż permezz ta’ riformi kontinwi. Jenħtieġ li jitrawwem l-iżvilupp ta' spazju komuni ta' għarfien u innovazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab, bl-użu ta' evidenza xjentifika biex jinħolqu impjiegi bbażati fuq l-għarfien u jiġu attirati l-investituri lejn negozji innovattivi fl-UE u l-viċinat. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien huma wkoll kruċjali għall-modernizzazzjoni tal-agrikoltura, settur vitali għal parti kbira tal-popolazzjoni fis-SL. Billi waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE għall-futur hija li tikseb ir-riżultati taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja, il-pajjiżi sħab huma mħeġġa jidentifikaw il-prijoritajiet tal-R & I marbuta mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u jibnu ktajjen tal-valur innovattivi u sostenibbli ġodda. Se jitħeġġu l-impenji konġunti biex jiġu indirizzati dawn il-prijoritajiet, flimkien mad-definizzjoni ta’ strateġija biex ikunu disponibbli soluzzjonijiet għal skjerament rapidu.

Barra minn hekk, l-UE se tappoġġa lill-pajjiżi biex jimmassimizzaw il-potenzjal tal-kultura u l-industriji kreattivi tagħhom, bħala magni għal żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli. L-UE se tippromwovi r-rwol ewlieni tal-kultura biex titkattar mentalità aktar miftuħa, biex jiġu promossi l-valuri Ewropej, u biex jitrawwem id-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi, u se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fis-settur tal-wirt kulturali u l-industriji kreattivi inkluż fis-settur awdjoviżiv.

4.2 Flimkien biex ikollna istituzzjonijiet responsabbli, l-istat ta’ dritt u s-sigurtà

Il-governanza tajba u istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, politiki kontra l-korruzzjoni li jirnexxu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà, inkluż l-appoġġ lill-popolazzjonijiet affettwati mill-kunflitt, jifformaw is-sinsla ta’ stati u soċjetajiet b’saħħithom u reżiljenti. Dawn huma wkoll prekondizzjonijiet sinifikanti għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona u għat-tkabbir sostenibbli. B’mod partikolari, l-istat tad-dritt huwa fattur ewlieni biex tkun aċċertata klima ta’ kummerċ effettiva u konsiderazzjoni importanti biex jattira l-investiment dirett barrani.

Bi tħejjija għall-ġejjieni, jeħtieġ li jkun hemm impenn imġedded favur is-sisien tas-sħubija sabiex nibnu fuq il-kisbiet li saru s’issa. B’mod partikolari, l-appoġġ tal-UE għal istituzzjonijiet reżiljenti, l-istat tad-dritt u s-sigurtà se jinkludi: (i) proposta ta’ modi biex jitkejjel aħjar l-impatt tar-riformi ġudizzjarji; (ii) jitqies il-progress li jkun sar fir-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt fil-mumenti li tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar l-assistenza; (iii) l-għoti ta’ ħajja ġdida lill-appoġġ tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità ekonomika; (iv) titjib fil-kooperazzjoni transfruntiera biex il-persuni jiġu protetti aħjar kontra l-kriminalità organizzata; u (v) żieda fl-appoġġ għad-djalogi ta’ sigurtà u l-kooperazzjoni.

4.2.1 Ir-riformi ġudizzjarji

Jenħtieġ li r-riformi futuri jkunu bbażati fuq allinjament mal-istandards Ewropej. Jenħtieġ li jkun hemm approċċ olistiku li jkopri l-prosekuzzjoni u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi. L-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura u l-prosekuzzjoni huma essenzjali, f’sistema ta’ ekwilibriju ta’ setgħat, biex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet kollha tal-istat jikkonformaw mal-liġi u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-ġustizzja u jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal kollox.

L-UE se tinkoraġġixxi r-rwol attiv tal-istituzzjonijiet u l-esperti internazzjonali biex jappoġġaw u jilleġittimizzaw il-proċessi ta’ riforma u se tħares lejn l-għarfien espert tagħha dwar kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt. Ir-riformi għandhom ikunu bbażati fuq strateġiji ta’ riforma ta’ kwalità għolja li huma bbażati fuq id-djanjostika tal-ewwel rata tal-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Hemm bżonn ta’ kejl aħjar tar-riżultati/impatti reali tar-riformi u l-perċezzjonijiet tagħhom miċ-ċittadini. L-UE se tappoġġa ż-żieda tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti biex iwasslu taħriġ ġudizzjarju f’dak kollu li jirrigwarda l-valuri u r-regoli li l-professjonisti tal-ġustizzja, bħall-imħallfin u l-prosekuturi, jridu jżommu magħhom f’ħidmiethom.

F’dan il-qasam kritiku, l-UE se tippromwovi kultura tal-istat tad-dritt permezz ta’ involviment mill-qrib tas-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju, kif ukoll kooperazzjoni msaħħa mal-partijiet ikkonċernati tal-UE.

4.2.2 L-indirizzar tal-korruzzjoni u l-kriminalità ekonomika

Il-korruzzjoni ddgħajjef l-istat tad-dritt u l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetajiet. Għodod diġitali ġodda kontra l-korruzzjoni jgħinu fil-prevenzjoni u d-detezzjoni aħjar tal-irregolaritajiet, u twaqqfu bosta korpi speċjalizzati f’dawn l-aħħar snin biex jindirizzaw il-korruzzjoni 10 . Minkejja dan, huwa meħtieġ livell ġdid ta’ rigorożità li jtejjeb l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjoni tal-kriminalità ekonomika, biex juri li l-korpi kontra l-korruzzjoni u tal-infurzar tal-liġi huma indipendenti u jagħtu r-riżultati. L-UE se tappoġġa qafas leġislattiv u istituzzjonali bbażat fuq ir-riżultati, b’enfasi fuq il-korruzzjoni ta’ livell għoli, u se tagħti attenzjoni partikolari għall-qasam tal-akkwist pubbliku. F’dan ir-rigward, il-potenzjal ta’ soluzzjonijiet diġitali għat-titjib tat-traċċabbiltà u t-trasparenza tas-sistemi ta’ akkwist pubbliku se jiġu esplorati bis-sħiħ. L-UE se tgħin ukoll lill-pajjiżi sħab biex jinkorporaw l-integrità u r-responsabbiltà fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika,

Il-korruzzjoni hija waħda mill-ħafna aspetti ta’ fenomenu kriminali usa’, jiġifieri l-kriminalità ekonomika. Il-pajjiżi sħab iridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu qafas solidu u effettiv biex tiġi miġġielda l-kriminalità ekonomika. F’dan ir-rigward, ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Huwa importanti għas-sħab tal-Lvant li jistabbilixxu oqfsa ta’ rkupru tal-assi robusti, inkluż billi jiġu stabbiliti uffiċċji għall-irkupru tal-assi li jiffunzjonaw u li jkunu f’pożizzjoni li jintraċċaw u jidentifikaw il-ġid kriminali. Dan huwa kruċjali fid-dawl tal-iffriżar u l-konfiska ta’ assi illeċiti, u għall-irkupru ta’ rikavat tal-kriminalità bħala strument importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

4.2.3 Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-tisħiħ tas-sigurtà

Sfida waħda kondiviża fil-qasam wiesa’ tas-sigurtà hija l-kriminalità organizzata. Hawnhekk, l-UE se tkompli tappoġġa: (i) kooperazzjoni akbar mal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; (ii) riforma tas-settur tas-sigurtà; (iii) il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u oġġetti illeċiti (b’mod partikolari drogi u armi tan-nar); u (iv) ġestjoni tal-fruntieri integrata biex tittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jkunu jifilħu għall-pressjonijiet li jiffaċċjaw u biex iżidu r-reżiljenza tagħhom. L-UE se tkompli żżid il-kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda r-reżiljenza ċibernetika mal-pajjiżi sħab. Barra minn hekk, huwa fundamentali qafas funzjonali u infurzabbli għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa bħala linja bażi.

Il-kooperazzjoni kontinwa bejn il-pajjiżi sħab u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll fost il-pajjiżi sħab, se tkun kruċjali biex jissaħħu l-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, it-tħejjija, u r-rispons għalihom. Barra minn hekk, il-kunflitti mhux solvuti għadhom ixekklu l-iżvilupp fir-reġjun. Skont il-formati u l-proċessi ta’ negozjar miftiehma, l-UE hija impenjata li tippromwovi s-soluzzjoni paċifika ta’ dawn il-kunflitti. Fl-għarfien tal-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali, ir-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-bini tal-paċi se jissaħħaħ permezz ta’ azzjonijiet konġunti biex ikompli jissoda l-impenn politiku tal-UE għall-implimentazzjoni tal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà 11 fil-livelli reġjonali u internazzjonali. B’mod partikolari, l-UE se tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-prevenzjoni tal-konflitti, il-bini ta’ fiduċja u l-faċilitazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ kunflitti paċifiċi nnegozjati. L-UE se tkompli wkoll tipprovdi assistenza lil popolazzjonijiet milquta minn konflitti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom. Se jissaħħu wkoll id-djalogi ta’ sigurtà u l-kooperazzjoni prattika tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) biex jiġu appoġġati l-kontributi minn pajjiżi sħab għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari Ewropej. L-UE se tikkunsidra li tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ u l-bini tal-kapaċità lill-pajjiżi sħab, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu, fejn xieraq.

4.3 Flimkien lejn reżiljenza ambjentali u klimatika

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jagħmilha ċara li l-isfidi ambjentali u klimatiċi jeħtieġu azzjoni urġenti mill-UE u l-pajjiżi sħab. L-immodernizzar tal-ekonomiji u tax-xejriet kummerċjali se jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan huwa meħtieġ ukoll minħabba l-kisbiet fl-integrazzjoni ekonomika u l-bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi fl-UE u fis-SL. L-UE se tkompli torbot il-pajjiżi sħab mal-ktajjen ta’ valur ekonomiċi dejjem aktar kumplessi u ta’ livell għoli, hekk kif din tittrasforma l-ekonomija tagħha stess. L-UE se tgħin ukoll lill-pajjiżi sħab jissodisfaw il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-Ftehim ta’ Pariġi u jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom, inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom u jersqu lejn newtralità klimatika, filwaqt li jirrikonoxxu l-isfidi f’termini ta’ investiment. F’dan ir-rigward, il-pajjiżi sħab esprimew f’diversi fora l-appoġġ tagħhom għall-approċċ komprensiv għal bidla ppreżentata fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa daqstant importanti li jiġi implimentat il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri u li jiżdiedu l-isforzi fl-adattament għat-tibdil fil-klima.

L-UE se taħdem flimkien mal-pajjiżi sħab biex ir-reġjun jinbidel f’soċjetajiet ġusti u prosperi, b’ekonomiji moderni, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, nodfa, ċirkolari u kompetittivi, filwaqt li tiżdied ir-reżiljenza ambjentali u klimatika tagħhom, inkluż permezz ta’ użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali. Il-prominenza tal-aġenda ambjentali u klimatika qed tiżdied fir-reġjun. Id-domanda pubblika qed tikber f’dak li jirrigwarda: (i) t-titjib fil-kwalità tal-arja u tal-ilma; (ii) il-ġestjoni b’mod effettiv tal-iskart, tal-art u tar-riżorsi tal-ilma; u (iii) r-rispons għal avvenimenti estremi tat-temp u l-qtugħ illegali tas-siġar u d-deforestazzjoni. Din hija wkoll opportunità sinifikanti biex tingħata spinta lill-attività f’setturi innovattivi. Diversi pajjiżi sħab adottaw pjanijiet ta’ azzjoni ta’ ekonomija ekoloġika u strateġiji fit-tul, li huma jixtiequ jħaffu. Bl-istess mod, is-sħab fis-settur privat qegħdin dejjem aktar jikkunsidraw l-opportunitajiet ta’ ekonomija aktar ekoloġika u ċirkolari u jixtiequ jindirizzaw ir-riskji kkawżati mit-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi sħab diġà jistgħu jibbenefikaw mid-data u s-servizzi ta’ Copernicus, li huma disponibbli liberament u b’mod miftuħ biex jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati fir-reġjun.

Għalhekk, is-SL se jkollha bżonn: (i) iżżid l-azzjoni f’oqsma li huma kritiċi għas-saħħa u l-benesseri tan-nies; (ii) iżżid l-effiċjenza fir-riżorsi tal-ekonomiji; (iii) tiżviluppa impjiegi ekoloġiċi u opportunitajiet ekonomiċi ġodda marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika; (iv) tiżviluppa sorsi ta’ enerġija lokali u rinnovabbli; u (v) timmaniġġja assi naturali għall-massimizzazzjoni tas-sostenibbiltà. L-UE se tappoġġa din it-tranżizzjoni, filwaqt li tirrispetta b’mod xieraq l-isfidi globali u r-realtajiet ambjentali u klimatiċi fil-pajjiżi sħab billi tiffoka l-ewwel fuq objettivi li faċli jinkisbu.

4.3.1 Benefiċċji għas-saħħa u l-benesseri tan-nies

Għal kwalità ta’ ħajja relatata mal-ambjent, huwa meħtieġ sforz akbar biex l-iżvilupp urban isir aktar sostenibbli u titjieb aktar il-provvista ta’ servizzi ambjentali, bħall-provvista tal-ilma u s-sanità, il-ġestjoni tal-iskart, iż-żoni ekoloġiċi u l-mobbiltà urbana. L-UE se tappoġġa azzjonijiet u żvilupp ta’ politika li għandhom l-għan li jipprevjenu u jnaqqsu t-tniġġis u b’hekk inaqqsu l-impatti negattivi fuq is-saħħa, b’mod partikolari t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija u s-sustanzi kimiċi tossiċi, filwaqt li bħala linja gwida jieħdu l-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero. L-UE se tintensifika l-appoġġ biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bini, li hija essenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Strumenti ta’ finanzjament innovattivi (bħal kuntratti ta’ prestazzjoni tal-enerġija, finanzjament fuq it-taxxa u fuq il-kont) jistgħu jintużaw biex jinkisbu rati ta’ rinnovazzjoni tal-bini ogħla permezz tal-attrazzjoni ta’ finanzjament privat. L-UE se tappoġġa l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari bħala mezz biex jitħaffef it-tnaqqis tal-użu tal-faħam, li huwa essenzjali biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. L-UE se tkompli timplimenta l-għodod u timplimenta l-inizjattiva ta’ livell għoli dwar l-effiċjenza fl-enerġija flimkien mal-IFIs biex timmodernizza l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u tistabbilixxi qafas regolatorju intelliġenti li jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, permezz ta’ skemi ta’ finanzjament ekoloġiku u billi jiġi involut is-settur privat. Se jiġu identifikati miżuri li jikkonvertu mill-ġdid l-ibliet jew ir-reġjuni li jbatu l-aktar mit-tniġġis.

Fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-UE se tappoġġa lill-pajjiżi sħab fil-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet mediċi, is-saħħa elettronika, it-taħriġ tal-persunal mediku u l-għoti ta’ kura medika affordabbli u l-promozzjoni tal-aċċess għall-persuni fis-soċjetà kollha kemm hi. Dan se jinkludi appoġġ biex jiġi indirizzat aħjar il-mard li ma jittiħidtx kif ukoll dak li jittieħed bħal fil-każ tal-marda tal-koronavajrus.(COVID-19).

4.3.2 L-ekonomija ċirkolari

L-għan ewlieni tal-azzjoni se jkun li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari. It-tnaqqis tal-ħela fil-proċessi ta' produzzjoni huwa punt ta’ tluq ewlieni biex tiżdied il-kompetittività bi spiża relattivament baxxa. F’termini ta’ opportunitajiet ekonomiċi ġodda u ta’ kompetittività, l-UE se tippromwovi l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari bbażata fuq ir-riżultati tad-djalogu reċenti ta’ politika. L-UE se tappoġġa n-negozji u l-kuntatti bejn in-negozji f’dan il-qasam. Il-vjaġġi fuq il-post tal-ekonomija ċirkolari se jsiru fuq talba tal-pajjiżi. Se tkompli l-ħidma fuq il-promozzjoni ta’ politiki sostenibbli dwar il-prodotti, l-ekoinnovazzjoni, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, modi oħra għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart, il-ġestjoni tal-iskart, l-akkwist pubbliku ekoloġiku u informazzjoni aħjar għall-konsumatur. L-UE se timpenja ruħha mal-pajjiżi sħab biex jirriformaw għadd ta’ setturi li jużaw riżorsi intensivi bħall-plastik, it-tessuti jew il-kostruzzjoni. L-opportunitajiet għall-impjiegi ekoloġiċi se jiġu identifikati b’attenzjoni. Is-setturi ewlenin se jibbenefikaw minn analiżi ta’ miżuri possibbli biex tingħata spinta lill-impjiegi u lill-kompetittività permezz ta’ ekonomija ekoloġika u ċirkolari.

4.3.3 Il-bażi tal-assi naturali tal-ekonomija

It-trażżin tat-telfien tal-bijodiversità se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-kooperazzjoni. Dan jinkludi l-immaniġġjar tad-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni, l-introduzzjoni ta’ miżuri għall-ħarsien ta’ speċijiet partikolari u l-estensjoni u l-immaniġġjar effettiv taż-żoni protetti. Jinkludi wkoll il-ħidma ma’ setturi oħra f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-impatt negattiv tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-bijodiversità. Biex tippreżerva r-riżorsi naturali li jifformaw is-sisien tal-ekonomiji, l-UE se tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab biex tindirizza l-kwalità u l-aċċess għall-ilma u ttejjeb il-kontroll u s-sorveljanza għall-attivitajiet tas-sajd biex jiġi indirizzat l-isfruttar eċċessiv. Il-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara se jiġi estiż għall-baċiri tax-xmajjar kollha. Se nkomplu l-kooperazzjoni biex nisfruttaw il-potenzjal tas-settur tal-materja prima li jikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-indirizzar tad-deforestazzjoni u t-titjib tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti inkluż bħala ħażna tal-karbonju fit-tul u sostituti fossili. Se jsiru sforzi biex jitnaqqas il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u biex l-injam isir traċċabbli. L-UE se tappoġġa l-agrikoltura u s-sajd sostenibbli, u s-sikurezza alimentari permezz tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni, b’mod partikolari f’setturi b’livell għoli ta’ benefiċċju. Se tkompli wkoll issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tas-sajjieda fil-katina tal-valur filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali, rurali u tal-baħar.

4.3.4 Politiki u governanza b’appoġġ għal tkabbir aktar ekoloġiku

Biex jirnexxu l-pajjiżi sħab se jkun meħtieġ li jinvestu aktar fi: (i) il-governanza ambjentali; (ii) l-ippjanar tajjeb tal-politiki u l-investimenti; (iii) il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata u infurzata l-leġiżlazzjoni; (iv) aċċess pubbliku mtejjeb għall-informazzjoni, l-għarfien u l-parteċipazzjoni; u (v) mekkaniżmi ta’ finanzjament aktar adattati u effettivi. Dan se jirrikjedi djalogu politiku b’saħħtu u sensibilizzazzjoni mtejba għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-kumitati parlamentari rilevanti. Is-sensibilizzazzjoni, inkluż billi tingħaqad mas-soċjetà ċivili, se tkun importanti wkoll. L-UE tappoġġa aħjar ir-rwoli speċifiċi tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab fi kwistjonijiet ta’ tmexxija f’oqsma speċifiċi biex tinkoraġġixxi implimentazzjoni aktar rapida ta’ politiki u prattiki moderni, u żżid is-sjieda tal-pajjiżi. L-Aġenda Marittima Komuni għall-Baħar l-Iswed 12  se tikkontribwixxi bħala qafas ta’ governanza reġjonali.

4.3.5 It-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u s-sikurezza nukleari

Biex insaħħu s-sigurtà tal-enerġija, hija meħtieġa d-diversifikazzjoni tat-taħlita enerġetika, notevolment permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-pajjiżi sħab huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom stess bl-għan li jilħqu l-miri klimatiċi rispettivi tagħhom. Xi pajjiżi jistgħu jagħżlu l-enerġija nukleari bħala sors ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju biex ikollhom rwol fil-kisba ta’ dawn il-miri. F’dan il-kuntest, l-UE se tkompli tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sikurezza nukleari internazzjonali. Ir-rwol ta’ prekursur tal-UE fil-leġiżlazzjoni nukleari se jkun il-bażi ta’ skambji bilaterali ulterjuri. Se nkomplu norganizzaw valutazzjonijiet bejn il-pari u attivitajiet ta’ segwitu f’dak li jirrigwarda s-simulazzjonijiet ta’ kriżi nukleari L-UE se taqsam ukoll l-esperjenza tagħha fl-oqsma tad-dekummissjonar, il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fl-arranġamenti tal-UE għall-monitoraġġ ambjentali – EURDEP – u għall-iskambju ta’ informazzjoni f’każ ta’ emerġenzi radjoloġiċi jew nukleari – ECURIE– hija wkoll ta’ importanza ewlenija.

4.3.6 L-aċċellerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

It-trasport irid isir aktar sostenibbli u l-politiki tat-trasport fis-SL jenħtieġ li jiġġeddu biex ikun żgurat li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Għalhekk l-UE se taħdem dejjem aktar ma’ pajjiżi sħab biex tikseb soluzzjonijiet ta’ trasport ekoloġiku, billi tgħin fil-bini ta’ bliet intelliġenti orjentati lejn il-ġejjieni li joħolqu pjanijiet ta’ mobbiltà urbana biex jintegraw il-modi ta’ trasport fiż-żoni urbani. Fuq terminu twil dan se jinkludi l-ottimizzazzjoni tat-trasport inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni.

4.4 Flimkien għal trasformazzjoni diġitali reżiljenti 

Kif indikat fl-Istrateġija “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 13 , preżenza diġitali b’saħħitha fil-viċinat tal-UE tippermetti t-tkabbir u tixpruna l-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, l-UE se tinvesti aktar fit-trasformazzjoni diġitali tal-pajjiżi sħab, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-aħjar prattiki. Il-ħidma f’dan il-qasam lil hinn mill-2020 se timmira li testendi l-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali għall-pajjiżi sħab u tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji tal-pajjiżi sħab fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ftehimiet bilaterali oħra. Il-ħidma se tibni fuq is-suċċess tal-inizjattiva ta’ politika għall-Armonizzazzjoni tas-Swieq Diġitali fis-SL u l-programmi operattivi mnedija taħt il-marka EU4Digital.

4.4.1. L-infrastruttura diġitali

Ekonomija moderna bbażata fuq id-data tista’ titwettaq kompletament biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għal infrastruttura u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika ta’ kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli. L-UE se tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fejn xieraq u l-istabbiliment tas-setgħat regolatorji meħtieġa, biex tippermetti l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-pajjiżi sħab. L-UE se tkompli wkoll tappoġġa, b’mod partikolari permezz ta’ assistenza teknika u skambju tal-aħjar prattiki, l-estensjoni ta’ infrastrutturi ta’ broadband sigur u ta’ kapaċità għolja ħafna fil-pajjiżi sħab, b’mod partikolari f’żoni remoti jew inqas popolati, u trawwem l-użu tiegħu. L-iżgurar li s-servizzi jkunu disponibbli bi prezzijiet raġonevoli se jkun importanti biex jiġi mmassimizzat l-impatt fuq il-popolazzjoni tas-SL. F’dan il-kuntest, l-UE se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet dwar ir-roaming u l-ispettru fost il-pajjiżi sħab u, fejn xieraq, mal-UE.

4.4.2 Il-governanza elettronika

L-UE se tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-Governanza elettronika fir-reġjun tas-SL, sabiex jiżdiedu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u jiġu ffaċilitati r-riformi. F’dan ir-rigward, l-UE se tappoġġa l-adozzjoni ta’ oqfsa legali għal skemi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji elettroniċi fis-SL, f’konformità mal-leġislazzjoni tal-UE u l-aħjar prattiki, sabiex titwitta t-triq għal ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku fost il-pajjiżi sħab u mal-UE. Se jiġu appoġġjati pjattaformi interoperabbli ta’ Servizzi elettroniċi standardizzati.

4.4.3. L-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni

L-UE se tappoġġa lill-gvernijiet tas-SL fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ innovazzjonijiet diġitali u tappoġġa l-espansjoni ta’ negozji ġodda diġitali innovattivi ħafna fir-reġjun tas-SL permezz tal-estensjoni tal-Inizjattiva għall-Innovazzjoni Diġitali u n-Negozji li qed jespandu, għall-pajjiżi sħab. B’mod partikolari, se tgħin lin-negozji ġodda u lill-SMEs diġitali biex itejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzi, jilħqu aħjar is-swieq tal-UE, u jsaħħu r-rabtiet mal-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-UE. Id-data u s-servizzi spazjali tal-UE tal-programmi ewlenin Copernicus u Galileo diġà jinsabu disponibbli mingħajr ħlas u b’mod miftuħ. L-UE se tikkoopera mal-pajjiżi tas-SL biex jagħtu spinta lill-oqsfa tagħhom li jgħinu fil-ħolqien ta’ negozji ġodda u SMEs innovattivi u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni kummerċjali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

L-UE se tkompli tappoġġa lill-pajjiżi sħab biex jindirizzaw id-distakk fil-ħiliet diġitali b’attenzjoni partikolari fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużività soċjali.

4.4.4. Ir-reżiljenza ċibernetika

L-UE se tkompli tappoġġa u tassisti r-reżiljenza ċibernetika tal-pajjiżi sħab. L-iżvilupp ta’ oqfsa legali, politiċi, robusti u operattivi għaċ-ċibersigurtà fil-pajjiżi sħab se jkompli jkun appoġġat, abbażi tal-leġiżlazzjoni u l-aħjar prattiki tal-UE, inkluż il-qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-UE.

4.5 Flimkien għal soċjetajiet reżiljenti, ġusti u inklużivi

L-amministrazzjonijiet pubbliċi trasparenti, iffokati fuq iċ-ċittadini, u responsabbli, kif ukoll elezzjonijiet liberi u ġusti, huma essenzjali għad-demokrazija. Flimkien ma’ soċjetà ċivili impenjata, midja ħielsa, pluralistika u indipendenti u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, dawn jikkonstitwixxu ingredjenti ewlenin għal soċjetajiet reżiljenti, ġusti, inklużivi u demokratiċi.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab f’dawn l-oqsma se tkun prijorità ewlenija għall-UE. L-aċċess għal informazzjoni bbażata fuq l-evidenza jappoġġa sistemi demokratiċi u jagħti s-setgħa lin-nies biex jagħmlu għażliet informati. Billi l-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni huwa wkoll prijorità konġunta, l-UE se tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab biex tiżgura l-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni f’ambjent sigur u ġestit tajjeb, u biex tiżgura wkoll l-appoġġ għall-migranti u r-refuġjati vulnerabbli.

4.5.1 Riforma fl-amministrazzjoni pubblika u impenn ċiviku

Għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, ir-rieda politika kontinwa minn pajjiżi sħab hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet jinvolvu liċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-UE se tappoġġa l-iżvilupp ta’ politika inklużiva u bbażata fuq l-evidenza, kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja pubblika soda, bl-għan li jittejbu s-servizzi għall-poplu u n-negozji. Jeħtieġ li l-pajjiżi sħab jipprofessjonalizzaw is-servizz ċivili tagħhom u jżidu r-responsabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi l-kwistjonijiet relatati mat-trasparenza, hija wkoll mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u tista’ tnaqqas ir-riskji ta’ korruzzjoni, pereżempju permezz ta’ soluzzjonijiet ta' amministrazzjoni elettronika. Barra minn hekk, l-UE u l-pajjiżi sħab se jikkunsidraw l-intensifikazzjoni tat-tagħlim bejn il-pari, inkluż permezz ta’ Skola tal-Amministrazzjoni Pubblika tas-SL. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi jibqa’ kruċjali, u s-soċjetà ċivili jenħtieġ li jkollha rwol aktar b’saħħtu fiha.

4.5.2 Is-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

Filwaqt li tibni fuq azzjonijiet u impenn innovattivi sal-lum, l-UE se tkompli tappoġġa l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet ta’ bażi, biex jimpenjaw ruħhom b’mod sinifikanti fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u fid-djalogu politiku, u tippromwovi r-riformi u r-responsabbiltà pubblika. Se tiżviluppa aktar sħubijiet strateġiċi ma’ organizzazzjonijiet ewlenin biex issaħħaħ il-kooperazzjoni, tiżviluppa l-ħiliet ta’ tmexxija ta’ attivisti tas-soċjetà ċivili, u tinvolvi ruħha ma’ sħab soċjali (trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi). L-innovazzjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali se jiġu appoġġati wkoll. Se tkun kruċjali l-ħidma mal-pajjiżi sħab biex jiġi promoss ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-SL se jkompli jkun sieħeb ewlieni fl-avvanz tar-rwol tas-soċjetà ċivili fid-djalogu politiku.

L-UE se tiffoka dejjem aktar fuq il-parteċipazzjoni u t-tmexxija taż-żgħażagħ. Il-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjoni żagħżugħa billi jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ politika taż-żgħażagħ inklużiva u bbażata fuq l-evidenza, jiżviluppaw il-ħiliet, u jappoġġaw il-proġetti ta’ volontarjat u ta’ kooperazzjoni. L-iskema ta’ Fellowships tas-Soċjetà Ċivili u l-inizjattiva Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej se jissaħħu biex jgħinu aħjar liż-żgħażagħ jiżviluppaw kompetenzi u ħiliet ewlenin, inkluża s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja demokratika u t-trawwim ta’ impenn ċiviku. Il-Forum taż-Żgħażagħ tas-SL se jkollu rwol saħansitra akbar u se jkun integrat aħjar fi djalogu strutturat dwar il-politika taż-żgħażagħ fi ħdan netwerk ta’ kunsilli taż-żgħażagħ tas-SL, immudellat fuq id-djalogu strutturat intern bejn l-UE u ż-żgħażagħ.

4.5.3 Informazzjoni indipendenti għall-midja li tkun ibbażata fuq il-fatti

F’ambjent medjatiku li jaħdem tajjeb, ġurnalisti indipendenti, is-soċjetà ċivili u l-individwi jistgħu jipprovdu kontrolli u bilanċi u jżommu lill-gvernijiet responsabbli. L-iżgurar tal-aċċess għal informazzjoni preċiża u bbażata fuq il-fatti għal kulħadd, jagħti s-setgħa lin-nies biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess demokratiku. L-UE se tappoġġa mezzi tax-xandir indipendenti li jipproduċu kontenut għoli u ta’ kwalità għolja. Bl-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-diżinformazzjoni 14  f'Diċembru 2018, l-UE ħolqot qafas b’saħħtu biex jiġu miġġielda l-isfidi tad-diżinformazzjoni ġewwa u barra l-UE. B’ħarsa lejn il-ġejjieni, jenħtieġ li l-atturi rilevanti kollha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi sħab, l-industrija u s-soċjetà ċivili jkomplu bir-rwol tagħhom fit-tisħiħ ta’ servizzi indipendenti ta’ verifika tal-fatti, u fil-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku. Se jkun kruċjali wkoll it-tisħiħ tal-ħidma mas-soċjetà ċivili biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni.

4.5.4 Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

L-UE se tkompli tappoġġa l-pajjiżi sħab biex tavvanza d-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi tiżgura li kulħadd ikun jista’ jgawdi mid-drittijiet ċivili u politiċi, kif ukoll mid-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. L-UE se tħaffef l-azzjoni biex tiġġieled kull forma ta’ diskriminazzjoni inkluża d-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. L-UE se tappoġġa l-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità, kif ukoll fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli. L-UE se tkompli tappoġġa wkoll lill-pajjiżi sħab f’li tigarantixxi r-rispett tad-drittijiet diġà eżerċitati ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, il-popolazzjonijiet milqutin minn kunflitti, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, l-UE se tkompli timpenja ruħha mal-pajjiżi sħab tal-Lvant biex tippromwovi aktar konverġenza mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u internazzjonali, sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji kummerċjali u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

4.5.5 Mobbiltà

Biex ikunu żgurati l-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni f’ambjent sikur u ġestit sewwa, huma essenzjali l-implimentazzjoni korretta ta’ ftehimiet eżistenti dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u r-riammissjoni, kif ukoll l-eżekuzzjoni kontinwa tal-parametri referenzjarji rilevanti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża. Se tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jitnedew djalogi ġodda dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-pajjiżi li fadal, li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE, dment li jkunu fis-seħħ kondizzjonijiet ta’ mobbiltà ġestiti sew u siguri, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u r-riammissjoni. Filwaqt li jikkomplementaw dan, is-sħubiji għall-mobbiltà bbilanċjati u ta’ benefiċċju reċiproku se jiżguraw involviment sostenibbli. Se jiġu kkunsidrati inizjattivi ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema fost il-pajjiżi sħab kif ukoll bejn il-pajjiżi tas-SL u l-UE li għandhom l-għan li jistabbilixxu sħubijiet biex irawmu l-migrazzjoni u l-mobbiltà legali, isaħħu l-kooperazzjoni u l-fertilizzazzjoni trasversali ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi filwaqt li jqisu l-impatt tal-eżodu ta’ mħuħ fuq il-kapital uman tal-pajjiżi sħab. Biex il-persuni u l-prodotti jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri, se tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika u amministrattiva fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

5.Komunikazzjoni strateġika, governanza u implimentazzjoni

5.1 Komunikazzjoni strateġika

Il-Komunikazzjoni strateġika hija kruċjali għall-bini tar-reżiljenza, u hija dmir ewlieni għal dawk li jfasslu l-politika għas-servizz taċ-ċittadini. Fis-SL, is-sejħa għal approċċ aktar b’saħħtu u aktar strateġiku għall-komunikazzjoni kisbet attenzjoni politika għolja f’dawn l-aħħar snin, anki wara ż-żieda tad-diżinformazzjoni kontra l-valuri tal-UE. Il-ħidma konġunta bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għalhekk għandha l-għan li ssaħħaħ il-komunikazzjoni tal-UE fil-pajjiżi sħab permezz ta’ messaġġi ċari, ibbażati fuq l-istorja u mfassla apposta, u permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt pożittiv tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE fuq il-poplu madwar ir-reġjun, bil-messaġġ globali “Aktar b’Saħħitna Flimkien”. L-UE ħadet ukoll passi ewlenin fil-promozzjoni ta’ viżibbiltà aħjar tal-UE billi marret lil hinn minn komunikazzjoni bbażata fuq proġetti għal komunikazzjoni nazzjonali u aktar tematika bbażata fuq il-kampanji sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-marka Ewropea. L-azzjonijiet tal-UE huma sistematikament immarkati taħt l-intestatura “EU4” (eż. EU4Energy, EU4Business, EU4Digital, u EU4Georgia). L-iżvilupp tal-marka ppermetta wkoll b’mod flessibbli l-pożizzjonament speċifiku għall-pajjiż (eż. Moving Forward Together fl-Ukrajna - (Navvanzaw Flimkien fl-Ukrajna)). L-attenzjoni hija fuq is-sensibilizzazzjoni tal-multiplikaturi ewlenin, bħaż-żgħażagħ, biex jgħinu fil-promozzjoni tal-valuri u l-azzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab. Pereżempju permezz tal-inizjattiva “Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej” li fiha jipparteċipaw 740 żagħżugħ u żagħżugħa li jxerrdu messaġġi pożittivi dwar l-UE fil-komunitajiet lokali tagħhom. Dan l-approċċ imsaħħaħ u kkoordinat wassal għal fehim aħjar u aktar kredibbiltà għall-UE fost iċ-ċittadini madwar is-SL 15 .

Il-konsultazzjoni strutturata dwar il-futur tas-SL uriet il-kunsens u l-istennija wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini li jkomplu jaħdmu fuq l-inizjattivi li rnexxew u jsaħħuhom biex il-komunikazzjoni tal-UE ssir aktar strateġika u waħda li tħalli impatt, wara li żdiedet id-diżinformazzjoni kontra l-valuri tal-UE.

Il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi sħab jenħtieġ li ssir b'sens ta’ sjieda u b'responsabbiltà konġunta, taċ-ċittadini kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi sħab. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-pajjiżi tal-UE, il-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, l-amministrazzjonijiet lokali, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, u l-istituzzjonijiet tal-UE (inklużi d-delegazzjonijiet tal-UE), jaħdmu flimkien biex jikkomunikaw il-benefiċċji tal-kooperazzjoni, abbażi ta’ prijoritajiet ta’ politika konġunta u l-promozzjoni ġenerali tal-UE fir-reġjun. Jenħtieġ li din il-komunikazzjoni tkun fil-qafas ta’ narrattiva komuni Ewropea, ibbażata fuq valuri komuni u l-benefiċċji tal-kooperazzjoni għall-ħajja tal-poplu.

Jenħtieġ li jiżdied l-involviment mal-poplu fuq il-livell lokali u bil-lingwi nazzjonali u minoritarji, kif ukoll bir-Russu, biex jitjieb il-fehim tal-valuri, tal-prijoritajiet politiċi u tal-azzjonijiet tal-UE. Is-sensibilizzazzjoni se tiffoka fuq il-multiplikaturi ewlenin u l-mexxejja tal-opinjoni (inkluż fost l-oħrajn, l-awtoritajiet lokali, il-mexxejja reliġjużi, u l-għalliema, permezz ta’ żjarat ta’ studju, fora ta’ diskussjoni lokali u taħriġ) biex il-messaġġ tal-UE jasal fir-reġjuni.

Is-sensibilizzazzjoni liż-żgħażagħ se tiżdied, pereżempju permezz tal-promozzjoni tat-tagħlim u l-apprendiment dwar l-Unjoni Ewropea f’livelli differenti ta’ edukazzjoni. Se tiġi appoġġata l-inklużjoni ta’ informazzjoni relatata mal-UE fil-kurrikulum edukattiv fl-iskejjel.

5.2 Governanza u implimentazzjoni

L-arkitettura multilaterali riveduta tas-SL adottata fis-Summit tal-2017 hija qafas utli għall-iskambji u l-kooperazzjoni, permezz ta’ laqgħat u skambji regolari. Kif ikkonfermat mill-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni, il-qafas attwali huwa wieħed validu u jenħtieġ li jkompli, filwaqt li jsirulu l-aġġustamenti meħtieġa biex ikun konformi mal-objettivi ta’ politika ewlenin ta’ wara l-2020 deskritti f’din il-komunikazzjoni konġunta. L-enfasi se tkun fuq iż-żieda tal-effikaċja tal-istrutturi eżistenti Wieħed mill-ewwel kompiti tal-pjattaformi u tal-panels taħt l-arkitettura tas-SL se jkun li jsawwar ir-riżultati futuri bbażati fuq il-prijoritajiet stabbiliti f’din il-komunikazzjoni konġunta.

Il-prijoritajiet deskritti f’din il-komunikazzjoni konġunta se jsostnu wkoll l-ipprogrammar futur tal-assistenza tal-UE għall-2021-2027, flimkien mad-dokumenti konġunti bejn l-UE u l-pajjiżi sħab li jistabbilixxu prijoritajiet komuni (eż. Prijoritajiet tas-Sħubija u Aġendi ta’ Assoċjazzjoni). Taħt il-politika mġedda, l-UE u l-pajjiżi sħab se jkomplu jaħdmu fuq sforzi u azzjonijiet konġunti, u se jirċievu appoġġ, bini ta’ kapaċità u qsim ta’ għarfien dwar objettivi u politiki speċifiċi kif meħtieġ. Se jiġu implimentati programmi fuq firxa wiesgħa f’dan il-qasam b’appoġġ finanzjarju u loġistiku mill-IFIs. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà bejn l-interventi kollha tal-UE, kif ukoll rabta ċara bejn il-politika u l-ipprogrammar, inklużi l-programmi futuri Interreg NEXT u programmi oħrajn ta’ kooperazzjoni territorjali.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma kruċjali biex jinxterdu l-messaġġi pożittivi tal-UE barra mill-bliet kapitali, u biex jiġu żgurati riżultati dejjiema u servizzi aħjar għall-persuni fuq il-post. Bħala parti mill-approċċ il-ġdid tagħha għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab, l-UE stabbilixxiet ftehimiet qafas ta’ sħubija ma’ organizzazzjonijiet ewlenin tas-soċjetà ċivili biex jorjentaw aħjar l-appoġġ u jżidu l-impatt. Iż-żieda fl-għoti mill-ġdid permezz ta’ dawn is-sħab ewlenin għandha tkompli tkabbar is-sensibilizzazzjoni fil-Lvant, inkluż minn organizzazzjonijiet lokali iżgħar li joperaw bil-lingwi lokali.

L-UE se timpenja ruħha b’mod aktar sistematiku ma’ gruppi ta’ riflessjoni li jkopru s-SL. Dan se jappoġġa l-edukazzjoni u l-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi u se jiżgura li n-nies ikunu infurmati aħjar u għalhekk ikun aktar probabbli li jappoġġaw ir-riformi tal-iżvilupp.

L-UE biħsiebha tkompli ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-IFIs, billi tagħmel użu aħjar mill-possibbiltajiet offruti mill-garanziji tal-EFSD biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi sħab tagħna u tingħata spinta lis-settur privat, filwaqt li jinżammu l-impenji li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ftehimiet bilaterali oħra.

L-UE se ssaħħaħ ukoll ir-responsabbiltà konġunta u s-sħubija fost il-pajjiżi tal-UE biex tiġi appoġġata aħjar l-aġenda ta’ riforma ambizzjuża. B’dan il-mod, il-pajjiżi sħab jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien espert u l-esperjenza tal-UE.

6.Konklużjoni u l-passi li jmiss

Il-konsultazzjoni strutturata reċenti enfasizzat b’mod ċar li s-suċċess kontinwu tas-Sħubija tal-Lvant se jiddependi fuq it-tisħiħ tas-sjieda konġunta, il-konsolidazzjoni ta’ aġenda ta’ riforma ambizzjuża, u l-indirizzar ta’ sfidi konġunti. L-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi sħab u s-soċjetà ċivili għandhom ir-responsabbiltà konġunta li jiżguraw sħubija b’saħħitha u rilevanti li tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha. L-impenn konġunt għal dan l-approċċ il-ġdid se jkun ta’ benefiċċju għall-persuni fil-pajjiżi sħab kollha, u se jikkontribwixxi biex tinbena Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja.

Bħala objettiv prevalenti, din il-komunikazzjoni konġunta qed tipproponi li tissaħħaħ ir-reżiljenza, bl-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab jaħdmu kollha flimkien bl-għan li jilħqu l-objettivi ta’ politika fit-tul għas-SL lil hinn mill-2020:

·flimkien għal ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati;

·flimkien għal istituzzjonijiet responsabbli, l-istat ta’ dritt u s-sigurtà;

·flimkien lejn ir-reżiljenza ambjentali u klimatika;

·flimkien għal trasformazzjoni diġitali reżiljenti

·flimkien għal soċjetajiet reżiljenti, ġusti u inklużivi.

Il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna japprovaw din il-komunikazzjoni konġunta li se tiġi ppreżentata wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Se tiġi diskussa wkoll mal-pajjiżi sħab fid-dawl tas-Summit tas-SL f’Ġunju 2020.

Is-Summit tas-SL se jagħti mandat biex jiġi żviluppat sett ġdid ta’ riżultati tanġibbli li jibnu fuq l-aġenda attwali, bl-għan li jitqiegħdu fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet deskritti f’dan id-dokument. Għalhekk it-tfassil tar-riżultati futuri għal wara l-2020 se jkun kompitu ewlieni għat-tieni nofs tal-2020.

(1) Minn hawn ’il quddiem “il-Moldova”
(2)   https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eugs_review_web_0.pdf
(3)   https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf
(4) Dawn jinkludu l-Komunikazzjonijiet “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019) 640), “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” (COM(2020) 67), “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020) 102) u “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 (COM(2020) 152).
(5) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017JC0021&from=en
(6)   https://ec.europa.eu/commission/eu-external-investment-plan_en
(7) https://ec.europa.eu/transport/themes/international/european_neighbourhood_policy/eastern_partnership/tent-maps_en
(8)   https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/eap_declaration_finalversion2604.pdf
(9)   https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/50699/connecting-europe-asia-eu-strategy_en
(10) Il-pajjiżi sħab kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni.
(11)   https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N00/720/18/PDF/N0072018.pdf?OpenElement
(12)   https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/press/black-sea-ministers-endorse-common-maritime-agenda_en
(13)   https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-shaping-europes-digital-future-feb2020_en_4.pdf
(14)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018JC0036&from=EN
(15) Stħarriġ annwali tal-Opinjoni mwettaq mill-proġett tal-Kummissjoni Ewropea “Pajjiżi Ġirien tal-Lvant tal-UE” juri żieda kostanti fil-perċezzjoni pożittiva tal-UE miċ-ċittadini minn madwar il-pajjiżi sħab, bi 52 % taċ-ċittadini (żieda ta’ 7 punti perċentwali mill-2016) b’immaġni pożittiva tal-UE fl-2019. B’mod ġenerali, 67 % tal-popolazzjoni (4 % aktar) jemmnu li r-relazzjonijiet bejn pajjiżhom u l-UE huma pożittivi u li l-UE tibqa’ l-aktar istituzzjoni barranija ta’ fiduċja għal 58 % taċ-ċittadini.