2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/28


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-governanza ekonomika

(2021/C 37/05)

Relatur:

Elio DI RUPO (BE/PSE), Ministru-President tal-Gvern ta’ Wallonia

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika

COM(2020) 55 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Frar 2000 dwar Rieżami tal-governanza ekonomika u r-rieda li turi fiha għal riforma tar-regoli ekonomiċi u baġitarji;

2.

jappoġġja wkoll il-fatt li, fl-20 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta tagħha biex tuża – għall-ewwel darba fl-istorja taż-żona tal-euro – il-klawżola liberatorja ġenerali prevista fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) attwali, sabiex jissaħħu l-miżuri baġitarji ta’ kontinġenza b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

3.

huwa tal-fehma li din il-klawżola liberatorja għandha tkompli tapplika sakemm ma jkunux għadhom magħrufa għalkollox il-konsegwenzi finanzjarji u baġitarji tal-kriżi tal-COVID-19, kemm mil-lat ta’ defiċits kif ukoll ta’ dejn tal-Istati Membri. L-istess loġika għandha tapplika għat-tneħħija gradwali tal-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat fil-livell tal-UE, li jista’ jiġi kkunsidrat biss ladarba s-sitwazzjoni makroekonomika tkun stabbli u wara li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew ikunu ddiskutew il-pożizzjonijiet differenti tagħhom;

4.

jenfasizza wkoll li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-pandemija tista’ tibqa’ preżenti fis-sentejn li ġejjin u li l-iżvilupp ta’ vaċċini jew mediċini effettivi jidher probabbli biss matul l-2021;

5.

jinnota wkoll li, lil hinn mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, il-kuntest ekonomiku u finanzjarju nbidel b’mod profond mill-aħħar riforma tal-PST fl-2013 ’l hawn: ir-rati tal-imgħax huma f’livell storikament baxx u l-ispiża reali tad-dejn pubbliku hija negattiva f’ħafna pajjiżi, meta wieħed iqis li, bħala medja fiż-żona tal-euro, kienet madwar 3 % fil-bidu tad-deċennju;

6.

huwa tal-fehma, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha twettaq rieżami komprensiv u fil-fond tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u tanalizza mill-ġdid l-abbozz ta’ “rieżami tal-governanza ekonomika”;

7.

jenfasizza li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika għandu effetti kbar fuq il-livelli kollha tal-gvern, u b’mod aktar speċifiku fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għal kważi terz tal-infiq pubbliku u aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri (1);

8.

huwa tal-fehma li l-PST u aspetti oħra tal-qafas ta’ governanza ekonomika Ewropea attwali bħalissa jsofru minn erba’ nuqqasijiet ewlenin: i) effetti proċikliċi: Stat Membru f’reċessjoni jista’ jkun kostrett li jnaqqas in-nefqa tiegħu, bir-riskju li jkompli japprofondixxi r-reċessjoni, minkejja l-flessibbiltà ekonomika stabbilita fil-komunikazzjoni interpretattiva tal-2015 (2) li mhijiex biżżejjed. Din il-proċikliċità kellha impatt partikolari fuq l-investiment pubbliku, li spiss qeda r-rwol ta’ varjabbli ta’ aġġustament fil-politiki ta’ awsterità; ii) kumplessità: l-għanijiet multipli, il-flessibbiltà, l-eċċezzjonijiet, il-klawżoli ta’ ħruġ, u d-differenzi fis-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati wasslu għal qafas tekniku u kumpless iżżejjed li, barra minn hekk, huwa bbażat fuq indikaturi li mhumiex osservabbli direttament bħad-defiċit strutturali u d-distakk fl-output; iii) nuqqas ta’ effiċjenza u effettività: mentri d-defiċits eċċessivi kienu kważi sparixxew fl-2018, l-iżvolġiment fir-rigward tad-dejn kien ferm inqas favorevoli, anke qabel l-impatt fuq it-tassazzjoni tal-kriżi tal-COVID-19 fl-2020. L-għadd ta’ Stati Membri li qabżu l-limitu ta’ 60 % żdied minn 9 fl-2008 għal 14 fl-2018 (3). L-applikazzjoni ta’ penali finanzjarji mhijiex kredibbli sakemm tkun kontroproduttiva; iv) nuqqas ta’ trasparenza u leġittimità: il-kumplessità u n-natura teknika tal-qafas tal-governanza ekonomika jagħmluh opak. La l-Parlament Ewropew, la l-gvernijiet lokali u reġjonali, u lanqas is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra mhuma verament involuti. Barra minn hekk, il-qafas attwali ma jistabbilixxix korrelazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-livelli ta’ governanza fl-implimentazzjoni tal-PST u jirrikonoxxi biss responsabbiltà kollettiva nazzjonali indipendentement mill-ġestjoni baġitarja effettiva fil-livelli differenti. Dawn in-nuqqasijiet strutturali tal-qafas fis-seħħ relatati mal-effetti negattivi tiegħu u n-nuqqas ta’ effiċjenza għamlu ħsara serja lil-leġittimità tiegħu, b’mod partikolari fl-iżjed Stati Membri milquta mill-kriżi tal-euro u li huma soġġetti għal miżuri ta’ kundizzjonalità, u b’hekk jiġi inkoraġġit rifjut tal-UE u jkun hemm tendenza lejn l-estremitajiet politiċi;

9.

jirrimarka, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-Komunikazzjoni, li r-riformi tas-“six-pack” (pakkett dwar il-governanza ekonomika) u tat-“two-pack” (pakkett dwar is-sorveljanza baġitarja) wasslu għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro. Il-qafas ta’ sorveljanza msaħħaħ serva ta’ bażi għall-Istati Membri biex jikkonsolidaw l-istrutturi baġitarji tagħhom anke jekk l-Unjoni, qabel ma feġġet il-pandemija tal-COVID-19, kompliet issofri minn differenzi territorjali u soċjali qawwijin ħafna;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-suċċess tal-bonds soċjali maħruġa mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Ottubru 2020 għall-finanzjament ta’ appoġġ temporanju b’valur ta’ EUR 100 biljun biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’każ ta’ emerġenza (SURE). Din l-iskema se tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Diċembru 2022 fil-forma ta’ self lill-Istati Membri li jkunu jeħtieġu li jimmobilizzaw mezzi finanzjarji sinifikanti biex jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżhom. Il-KtR iqis li jekk il-programm SURE jkollu impatt pożittiv dejjiemi, dan jista’ jwitti t-triq għall-istabbiliment ta’ Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad;

Indikaturi

11.

jinsisti li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll iċ-ċittadini, għandhom ikunu jistgħu jifhmu b’mod ċar ir-regoli li għandhom jiġu applikati. Għal dan il-għan, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi li jkunu direttament verifikabbli u li jinkorporaw stabbilizzazzjoni kontroċiklika li tkun aġġustata ċiklikament;

12.

huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-governanza ekonomika għandha tkun ibbażata fuq bilanċ bejn l-indikaturi relatati mad-dixxiplina baġitarja u l-indikaturi mhux baġitarji. Il-KtR għalhekk huwa tal-fehma li, b’konformità mal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, li tinkludi indikaturi aktar diversi, fosthom ir-rati tal-qgħad, governanza ekonomika riformata jeħtieġ li tqis il-ħtieġa għal żieda fl-investiment u fin-nefqa pubblika meħtieġa (4) biex takkumpanja t-tranżizzjoni fis-setturi ewlenin tas-saħħa, l-ikel, it-trasport, it-teknoloġija diġitali u l-enerġija, inkluż it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini. Parti minn dan l-infiq se jkollha titħallas mill-baġits nazzjonali biex tissupplimenta l-finanzjament privat u tal-UE. B’żieda ma’ dan, hemm il-pressjonijiet fuq in-nefqa pubblika biex l-ekonomija tiġi adattata għat-tibdil fil-klima li qed jissokta jew biex jiġi kkumpensat l-impatt soċjali taż-żidiet fit-tassazzjoni fuq il-karbonju;

13.

jaqbel mal-kritika dwar l-użu tal-indikatur tal-“PDG potenzjali”, jiġifieri l-potenzjal tal-“produzzjoni” li tista’ tinkiseb meta jsir użu sħiħ tal-istokk tal-kapital produttiv u tal-offerta ta’ xogħol, mingħajr ma tinħoloq pressjoni inflazzjonarja. Dan il-kunċett la jqis l-enerġija bħala fattur ta’ produzzjoni, inkluż ir-riskju ta’ obsolexxenza aċċellerata tal-kapital produttiv minħabba restrizzjonijiet fuq l-użu tal-enerġija tal-karbonju, u lanqas il-limiti fiżiċi għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-bniedem;

14.

jitlob ukoll li jkun hemm bilanċ mill-ġdid favur kontabilità aħjar tad-dħul. It-tnaqqis fin-nefqa tas-setturi soċjali, edukattivi u tas-saħħa, ta’ spiss jitqies bħala l-aktar mod faċli biex jitnaqqas id-dejn fuq perjodu qasir ta’ żmien. Madankollu, politiki fiskali kkoordinati u miżuri kontra l-frodi tat-taxxa jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi b’mod konsiderevoli. Il-frodi tal-VAT waħdu jirrappreżenta telf ta’ EUR 147 biljun (5) fis-sena, filwaqt li l-ammont tad-defiċits tal-Istati Membri kollha tal-UE kien ta’ EUR 109 biljun fl-2018;

15.

jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi ċikliċi u differenzjali fil-konverġenza; għall-istess raġuni jappoġġja wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni li tibbilanċja mill-ġdid il-bilanċi pożittivi u d-defiċits fost l-Istati Membri. L-Istati Membri b’bilanċi favorevoli fil-kontijiet kurrenti għandhom isegwu politiki fiskali aktar espansjonarji biex jistimolaw id-domanda domestika, filwaqt li l-Istati Membri bi żbilanċi strutturali minħabba livelli baxxi ta’ produttività u kompetittività għandhom jintensifikaw l-investiment bil-għan li jimmodernizzaw l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. L-Istati Membri kollha għandhom iżidu wkoll l-investiment fit-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, li f’dan l-istadju għadu mhux biżżejjed biex jiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

16.

jissuġġerixxi għal darb’oħra li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għandha tiġi estiża għall-indikaturi awżiljarji li jittrattaw id-disparitajiet reġjonali. Il-KtR huwa tal-fehma li tista’ tqis aktar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jkopru mhux biss il-protezzjoni ambjentali iżda wkoll il-kriterji soċjali, ekonomiċi u ta’ governanza;

L-investiment pubbliku u r-regola tad-deheb

17.

huwa tal-fehma li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika huwa parzjalment responsabbli għat-tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku li seħħ wara l-kriżi taż-żona tal-euro, peress li ma jqisx biżżejjed id-distinzjoni bejn in-nefqa attwali u dik tal-investiment. Bejn l-2009 u l-2018, l-investiment pubbliku kollu fl-UE kollha kemm hi naqas b’20 % bħala sehem tal-PDG. L-investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali naqas bi kważi 25 % u b’40 % jew aktar f’diversi Stati Membri fost dawk l-aktar milquta mill-kriżi (6);

18.

jenfasizza li l-Bord Fiskali Ewropew stabbilixxa li l-Istati Membri b’livell għoli ta’ investiment pubbliku kellhom it-tendenza li jnaqqsuh b’mod sinifikanti fil-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv (EDPs) (7) tagħhom, u li l-Kummissjoni stess osservat li l-qafas baġitarju la waqqaf it-tnaqqis fl-investiment u lanqas ma għamel mod li l-finanzi pubbliċi jkunu aktar favorevoli għat-tkabbir, u li la l-“klawżola dwar l-investiment” tal-PST u lanqas l-Artikolu 126(3) tat-TFUE (li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk id-defiċit pubbliku jaqbiżx in-nefqa tal-investiment pubbliku meta tivvaluta jekk ikunux intlaħqu l-kundizzjonijiet għat-tnedija ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv) ma jidhru li kellhom xi impatt sinifikanti (8);

19.

jenfasizza li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-2015 dwar is-suġġett (9), il-KtR kien diġà kkunsidra li l-flessibbiltà eżistenti fi ħdan il-PST kienet restrittiva wisq u limitata biex ikollha effetti ta’ benefiċċju reali fuq l-investiment pubbliku;

20.

huwa tal-fehma li investiment pubbliku immirat u ta’ kwalità tajba, ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt territorjali u analiżi ekonomika soda tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tan-nefqa pubblika, għandu jkun kontroċikliku biex ikun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fil-kuntest attwali ta’ ħtiġijiet straordinarji tan-nefqa pubblika, l-iskoraġġiment tal-finanzjament tad-defiċit tal-investiment pubbliku jista’ joħloq inċentiv għal sottoinvestiment, għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet futuri;

21.

itenni li l-KtR talab b’mod konsistenti li n-nefqa pubblika mġarrba mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali taħt il-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment m’għandhiex tiġi inkluża fin-nefqa strutturali pubblika jew ekwivalenti kif definit fil-PST. Fil-fatt, tali nefqa hija, min-natura tagħha, investimenti ta’ interess Ewropew ġenerali, li l-effett ta’ lieva tiegħu, mil-lat ta’ tkabbir sostenibbli, ngħatat prova tiegħu;

22.

iqis li l-istabbiliment fil-qafas tal-governanza ekonomika Ewropea ta’ “regola tad-deheb tal-investiment pubbliku” jista’ jkun għodda utli sabiex jintemmu l-effetti negattivi tar-regoli baġitarji attwali, billi eventwalment teskludi l-investiment pubbliku nett mill-kalkoli tad-defiċit fil-PST, li mhux biss jissalvagwardjah fi żminijiet ta’ kriżi, iżda wkoll jiskoraġġixxi s-sottoinvestiment estrem (investiment pubbliku nett negattiv) li jintlaqtu minnu ċerti Stati Membri billi jiġi penalizzat. Din il-miżura tista’ tiġi applikata bħala prijorità għall-investiment pubbliku fi proġetti mmirati lejn it-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, kif definita fl-SDGs u l-Patt Ekoloġiku, peress li dan l-investiment huwa rikonoxxut bħala partikolarment importanti mhux biss fil-kuntest tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, iżda wkoll biex jiġu żgurati l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KtR huwa wkoll favur l-investiment fil-kapital uman u l-ħiliet sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva li tkun lesta għall-era diġitali;

23.

jitlob lill-Kummissjoni, wara li tifformula mill-ġdid il-proposti tagħha sabiex tqis il-ħsara ekonomika u baġitarja kkawżata mill-COVID-19, tressaq White Paper dwar riformulazzjoni tal-governanza ekonomika abbażi tal-istabbiliment potenzjali ta’ tali regola tad-deheb. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għadha tqis ukoll strumenti oħra bħar-regola tal-infiq (10), li abbażi tax-xejra tat-tkabbir ekonomiku u l-livell tad-dejn timponi limitu fuq it-tkabbir annwali tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika, u tista’ sservi biex tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja pubblika billi żżid it-trasparenza, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tilħaq bilanċ bejn id-dixxiplina baġitarja u l-preservazzjoni ta’ kapaċità suffiċjenti għall-investiment pubbliku;

Semestru Ewropew

24.

ifakkar li l-governanza ekonomika, li tiġi implimentata fil-prattika permezz taċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew, issofri minn nuqqas ta’ effiċjenza fl-implimentazzjoni tar-riformi. Jenfasizza wkoll li l-ambitu tar-riformi taħt is-Semestru Ewropew qatt ma ġie definit fit-testi legali Ewropej, b’mod partikolari fid-dawl tar-rilevanza tagħhom u l-valur miżjud tagħhom għal-livell Ewropew. Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni jillimita l-interazzjoni possibbli bejn ir-riformi mwettqa fil-livell nazzjonali u l-politiki fil-livell tal-UE (leġiżlazzjoni u programmi finanzjarji) u huwa problematiku fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li fil-futur, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa, l-enfasi għandha tkun fuq id-dimensjoni ambjentali tal-politiki soċjali, ekonomiċi, baġitarji, u tal-impjieg tal-Istati Membri;

25.

itenni li waħda mir-raġunijiet ewlenin għal tali effiċjenza baxxa hija l-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, għalkemm 36 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jiġu indirizzati direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u 83 % minnhom għandhom dimensjoni reġjonali (11);

26.

huwa konvint li l-proposta tiegħu għal kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (12) għadha x’aktarx tindirizza dan in-nuqqas ta’ effiċjenza billi tqis aħjar ir-realtajiet lokali u reġjonali, u li l-implimentazzjoni tiegħu għadha meħtieġa, speċjalment peress li, mill-2019 ’l hawn, is-Semestru Ewropew ipprovda linji gwida għall-politika ta’ koeżjoni, li l-ġestjoni tagħhom hija kondiviża bejn il-livelli kollha tal-gvern;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi riflessjoni dwar il-kapaċità amministrattiva u d-deċentralizzazzjoni tat-taxxa fl-Istati Membri, bil-għan, dejjem billi jiġu rispettati l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jiġi vverifikat li l-kompiti fdati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu allinjati mar-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji disponibbli għalihom;

Trasparenza u leġittimità demokratika

28.

huwa tal-fehma li l-leġittimità demokratika tas-sistema ta’ governanza ekonomika Ewropea hija dgħajfa wisq, u li dan jipperikola mhux biss din il-governanza ekonomika, iżda wkoll il-proġett Ewropew kollu kemm hu;

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-klima fis-Semestru Ewropew, u jistenna li dan jipprovdi kemm monitoraġġ ċar kif ukoll valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri għall-protezzjoni tal-klima, sabiex il-progress nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-miri tas-Semestru jsir aktar tanġibbli;

30.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-koleġiżlaturi għall-fatt li involviment aħjar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta jwassal ukoll għal rappreżentanza aħjar tad-deċiżjonijiet u għal leġittimità aħjar tas-Semestru, u b’hekk għal governanza ekonomika b’mod aktar globali;

31.

jappoġġja riforma tal-Grupp tal-Euro, li l-istatus tiegħu għandu jkun formalizzat u aġġornat bil-għan li jkun hemm presidenza fil-veru sens tal-kelma, responsabbiltà akbar lejn il-Parlament Ewropew u trasparenza akbar fil-proċedimenti tiegħu, li tibda bil-pubblikazzjoni tal-minuti kollha fid-dettall;

32.

jenfasizza li, fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-UE, jemmen bis-sħiħ li l-problema tan-nuqqas ta’ leġittimità demokratika fl-UE, u b’mod aktar speċifiku, il-governanza ekonomika tagħha, tista’ tiġi solvuta biss jekk iċ-ċittadini Ewropej ikunu konvinti li jkun qed jiġi indirizzat it-tħassib ewlieni kollu tagħhom. L-istandards soċjali, l-impjieg, il-protezzjoni ambjentali u aspetti ta’ sostenibilità skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi ma jistgħux jitqiesu bħala sekondarji għall-imperattivi makroekonomiċi u baġitarji. Għalhekk, il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-UE għandha tkun tista’ tiddiskuti l-bidliet fil-governanza ekonomika minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

33.

jemmen li għandha titkompla l-ħidma biex jissolvew id-diffikultajiet taż-żona tal-euro billi jiġu stabbiliti mill-ġdid finanzi pubbliċi sodi, tinħoloq sistema bankarja robusta, isir progress lejn unjoni fiskali u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

Il-governanza ekonomika u l-kriżi tal-COVID-19

34.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, li qed taffettwa serjament lill-Ewropa, minħabba r-responsabbiltajiet importanti tagħhom mil-lat ta’ saħħa, protezzjoni soċjali u appoġġ ekonomiku. Fl-Italja u fi Spanja, tnejn mill-aktar Stati Membri milquta b’mod gravi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll għal aktar minn 90 % tan-nefqa fuq is-saħħa (13). Għalkemm ħafna komponenti tal-infiq qed jiżdiedu b’mod sinifikanti, id-dħul tal-gvernijiet lokali u reġjonali qed jonqos u qed ikun affettwat bil-bosta mit-tnaqqis bla preċedent fl-attività ekonomika. Dan għandu impatt kbir fuq il-bilanċ baġitarju tal-bliet u r-reġjuni, u konsegwentement fuq il-bilanċi baġitarji tal-Istati Membri;

35.

jisħaq li, f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma soġġetti għal regoli baġitarji nazzjonali stretti li jillimitaw iż-żieda fin-nefqa tagħhom, jobbligawhom jibbilanċjaw il-baġits tagħhom, jew jillimitaw id-defiċits u/jew id-dejn tagħhom għal livelli li spiss ikunu baxxi ħafna meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Membri;

36.

jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri ma jissottovalutawx ir-riskju li jiġu aggravati d-diverġenzi reġjonali li ġġib magħha l-kriżi tal-COVID-19, għal tliet raġunijiet ewlenin: i) l-impatt fuq is-saħħa huwa estremament reġjonalizzat; ċerti reġjuni jew bliet għandhom numru sproporzjonat ta’ każijiet, u l-kapaċità tagħhom li jindirizzawhom tvarja; ii) minbarra l-impatt dirett tal-urġenza għall-iżjed żoni milquta ħażin, miżuri iżjed fit-tul jew stretti ta’ prevenzjoni jaggravaw it-tnaqqis ekonomiku u, għalhekk, id-diffikultajiet finanzjarji tal-SMEs u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ bosta ekonomiji reġjonali, kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; iii) ċerti setturi ekonomiċi (pereżempju, it-turiżmu) intlaqtu b’mod sproporzjonat, u l-impatt fuq il-finanzi infranazzjonali se jiddependi għalhekk mill-ispeċjalizzazzjonijiet settorjali lokali u reġjonali u mill-esponiment għall-ktajjen ta’ valur f’livell dinji;

37.

jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippreżentaw pjan direzzjonali ċar li jkun imfassal flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jgħinhom ħalli jerġa’ jkollhom baġits bilanċjati sostenibbli, billi jitqies l-impatt asimmetriku tal-pandemija li għaddejja bħalissa u li rkupru ambjentalment u soċjalment sostenibbli jrid ikun ukoll wieħed ekonomikament sostenibbli;

38.

huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni attwali tenfasizza l-ispiża reali tal-politiki ta’ awsterità fid-dawl tal-kriżi taż-żona tal-euro, speċjalment mil-lat ta’ sottoinvestiment fis-servizzi pubbliċi ewlenin. L-awsterità ma tistax tkun it-tweġiba għal din il-kriżi l-ġdida għal darb’oħra. L-istrateġiji ta’ rkupru għandhom jinkludu pjani ambizzjużi ta’ investiment pubbliku għall-attivazzjoni ta’ rkupru ambjentalment u soċjoekonomikament sostenibbli fir-reġjuni u l-bliet tal-UE;

39.

jinsab konvint li, wara l-kriżi tal-COVID-19, aktar minn qatt qabel, il-qafas baġitarju Ewropew għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid biex jiġi evitat li l-investiment pubbliku u s-servizzi pubbliċi jerġgħu jsiru l-varjabbli ta’ aġġustament fi programmi futuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Ċifri tal-2018, Eurostat, kodiċi tad-data: TEC00023 u TEC00022

(2)  Kummissjoni Ewropea (2015) – Komunikazzjoni: L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir; ref: COM(2015) 12 final

(3)  Eurostat, kodiċi tad-data: TEINA225

(4)  Jinħtieġu EUR 260 biljun fis-sena (madwar 1,7 % tal-PDG tal-UE) skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea.

(5)  COM(2019) 8 final dwar “Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE”, p. 4.

(6)  Eurostat, kodiċi tad-data: TEC00022

(7)  Bord Fiskali Ewropew (2019) – Assessment of EU fiscal rules with a focus on the six and two-pack legislation (Valutazzjoni tar-regoli tat-taxxa tal-UE b’enfasi fuq il-leġiżlazzjoni tas-“six pack” u tat-“two pack”), p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2020) 55 final, p. 10.

(9)  Opinjoni tal-KtR: L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir – relatur: Olga Zrihen (BE/PSE), adottata fid-9 ta’ Lulju 2015 (ĠU C 313, 22.9.2015, p. 22).

(10)  Benefits and drawbacks of an “expenditure rule”, as well as of a “golden rule”, in the EU fiscal framework. [Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ regola tal-infiq kif ukoll ta’ regola tad-deheb fil-qafas fiskali tal-UE.] Studju tal-Parlament Ewropew, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/645732/IPOL_STU (2020) 645732_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  KtR: Territorial analysis of the Country-specific Recommendations (Analiżi territorjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż), 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Opinjoni tal-KtR: It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – relatur: Rob Jonkman (NL/KRE), adottata fil-11 ta’ Mejju 2017 (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(13)  OECD (2020) – Covid-19 and Inter-governmental Fiscal Relations: Early responses and main lessons from the financial crisis (COVID-19 u r-relazzjonijiet fiskali intergovernattivi: reazzjonijiet bikrija u t-tagħlimiet prinċipali mill-kriżi finanzjarja), ref: COM-CTPA-ECO-GOV-CFE(2020)2.