20.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 425/73


P9_TA(2020)0323

It-titjib tal-effikaċja tal-iżvilupp u tal-effiċjenza tal-għajnuna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-iżvilupp u tal-effiċjenza tal-għajnuna (2019/2184(INI))

(2021/C 425/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25-27 ta' Settembru 2015 u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titlu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), u b'mod partikolari l-Għan nru 17 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fih, li jimpenja lill-istati membri tan-NU favur it-tisħiħ tal-mezzi ta' implimentazzjoni tal-aġenda u l-għoti ta' ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli (1),

wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, id-dokument ta' eżitu adottat waqt it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Addis Ababa, fl-Etjopja, mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015, u approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni 69/313 tas-27 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tat-Task Force Interaġenzjali tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi (Franza) mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li ġiet adottata waqt it-Tieni Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2005, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra li ġiet adottata waqt it-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2008 f'Akkra (fil-Ghana), u l-eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan (fir-Repubblika tal-Korea) f'Diċembru 2011, li nieda s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu ta' Nairobi tat-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC, li saret f'Nairobi (il-Kenja) f'Novembru u Diċembru tal-2016 (3),

wara li kkunsidra l-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC tat-13 u l-14 ta' Lulju 2019, li saret fil-marġini tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York,

wara li kkunsidra s-17-il Laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija għal-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali tal-2019 tas-26 u s-27 ta' Marzu 2019 f'Kampala (l-Uganda),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-GPEDC bit-titlu “Making Development Cooperation More Effective” (Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi) (4),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-20 ta' Novembru 1989,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonformaw mal-impenji li jkunu għamlu fil-kuntest tan-NU u ta' organizzazzjonijiet kompetenti oħra u jqisu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li jimplimentaw li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp tat-30 ta' Ġunju 2017 (5),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, adottata fit-tieni Summit UE-Afrika li sar f'Lisbona f'Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-ħames Summit Unjoni Afrikana-UE tad-29 u t-30 ta' Novembru 2017 u d-dikjarazzjoni tas-summit “Investing in Youth for Accelerated Inclusive Growth and Sustainable Development” (Ninvestu fiż-Żgħażagħ għal Tkabbir Inklużiv Aċċellerat u Żvilupp Sostenibbli) (6),

wara li kkunsidra l-istrateġija globali għall-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, ippreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Ġunju 2016, bit-titlu “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-tisħiħ tal-ipprogrammar konġunt,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2019 dwar ir-Rapport Annwali tal-2019 għall-Kunsill Ewropew dwar il-miri tal-UE ta' għajnuna għall-iżvilupp (7),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief ta' Ottubru 2019 bit-titlu “Europe in the World – the future of European financial architecture for development” (L-Ewropa fid-Dinja – il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp) (8),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2015 bit-titlu “Tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali” (SWD(2015)0080), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-Qafas tar-Riżultati,

wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tal-Kummissjoni għall-2016-2020 dwar il-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Alleanza ġdida Afrika-Ewropa ġdida għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli (COM(2018)0643),

wara li kkunsidra r-rapport finali tat-Task Force tal-Kummissjoni għall-Afrika Rurali ta' Marzu 2019, bit-titlu “An Africa-Europe Agenda for Rural Transformation” (Aġenda Afrika-Ewropa għat-Trasformazzjoni Rurali) (9),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2019 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja, bit-titlu “Effectiveness to Impact” (Effikaċja għal Impatt) (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2015 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (25),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (26),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP25) (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (28),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (29),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal: “Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020” (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nibdlu l-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titlu “L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni” (COM(2012)0492),

wara li kkunsidra l-istudju “Effective Development Cooperation – Does the EU deliver?: Detailed Analysis of EU Performance” (Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp – l-UE tagħti riżultati?: Analiżi Dettaljata tal-Prestazzjoni tal-UE), mitlub mill-Kummissjoni u ppubblikat f'Mejju 2020 (30);

wara li kkunsidra l-istudju ta' Mejju 2020 dwar l-effikaċja tal-finanzjament imħallat, bit-titlu “L-użu ta' fondi għall-iżvilupp biex jitnaqqas ir-riskju tal-investiment privat: kemm huma effikaċi biex jinkisbu riżultati dwar l-iżvilupp?”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 dwar ir-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp (COM(2013)0280),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titlu “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Diċembru 2018 mill-OECD (Rieżamijiet bejn il-Pari dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tat-22 ta' Frar 2019 mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD dwar ir-Rabta bejn l-Għajnuna Umanitarja, l-Iżvilupp u l-Paċi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titlu “The impact of the coronavirus (COVID-19) crisis on development finance” (L-impatt tal-kriżi tal-coronavirus (COVID-19) fuq il-finanzjament għall-iżvilupp) (31),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li Qed Tinbidel (SROCC) tal-25 ta' Settembru 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0212/2020),

A.

billi, matul is-snin, il-kuntest għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp inbidel peress li tfaċċaw sfidi globali ġodda bħat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, il-migrazzjoni, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-kunflitti interni, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u t-tifqigħat ta' mard infettiv, kif ukoll diżastri naturali frekwenti u gravi, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jaffettwaw lil dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-ambjent globali qed isir aktar kumpless u inċert u qed jiżdiedu l-kunflitti u r-rivalità ġeopolitika; billi dan jenfasizza l-ħtieġa għal multilateraliżmu msaħħaħ u sforzi kontinwi biex jiżdiedu l-effikaċja u l-impatt tal-għajnuna Ewropea;

B.

billi d-dinja ntlaqtet mill-pandemija tal-COVID-19; billi l-impatt ta' din il-pandemija fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-pajjiżi benefiċjarji tal-għajnuna għadu mhux ċar u jirrappreżenta piż sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tal-għajnuna kemm tal-pajjiżi donaturi kif ukoll tal-investituri privati;

C.

billi l-pandemija tal-COVID-19, li affettwat lill-pajjiżi kollha irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tagħhom, qed ikollha impatt relatat mas-saħħa, iżda wkoll impatt ekonomiku u soċjali; billi din il-pandemija għandha impatt fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u timponi obbligu li tiġi żgurata effiċjenza akbar;

D.

billi l-pandemija attwali fixklet serjament it-turiżmu, it-trasport bil-baħar, u setturi oħra bbażati fuq l-oċeani, u jista' jkollha effetti fit-tul fuqhom, b'impatt negattiv fuq l-ekonomiji ta' bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati;

E.

billi l-effikaċja tal-għajnuna tiddependi fuq il-mod kif jiġi implimentat il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); billi għad hemm bżonn ta' aktar sforzi biex ikun hemm konformità mal-prinċipji tal-PCD, speċjalment fil-qasam tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-kummerċ, il-klima u l-agrikoltura;

F.

billi l-politiki interni u esterni tal-UE u tal-Istati Membri, skont il-PCD, m'għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi hemm enfasi dejjem akbar fuq il-promozzjoni tal-interessi tal-politika esterna tal-UE; billi l-għajnuna esterna tal-UE għandu jkompli jkollha fil-qalba tagħha l-effikaċja u l-effiċjenza tal-iżvilupp u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, skont l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabbilixxi li t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar huma l-għan prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

G.

billi l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp kif ukoll is-sorsi kollha ta' finanzjament għall-iżvilupp għandhom jiġu artikolati sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

H.

billi l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber aktar malajr mill-introjtu nazzjonali gross (ING), b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn il-popolazzjoni hija mistennija li tirdoppja fit-30 sena li ġejjin għal 2,1 biljuni fl-2050 u 3,8 biljuni sa tmiem is-seklu; billi minkejja tkabbir ekonomiku qawwi, dan se jżid in-numru ta' nies li jgħixu fil-faqar u l-qgħad, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu appoġġjati b'mod effikaċi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jiksbu l-SDGs;

I.

billi strateġija UE-Afrika bbażata fuq sħubija bejn partijiet ugwali tinvolvi li jitqies it-tħassib speċifiku tal-pajjiżi Afrikani f'termini ta' diversifikazzjoni ekonomika, industrijalizzazzjoni, telf ta' dħul tal-gvern u integrazzjoni reġjonali;

J.

billi l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi għadhom għoljin ħafna, filwaqt li l-inugwaljanza għandha impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna;

K.

billi huwa importanti li jiġu stabbiliti miżuri li għandhom l-għan li jibnu u jżidu r-reżiljenza tal-komunitajiet, b'mod partikolari f'pajjiżi sħab fraġli, f'pajjiżi milquta minn kunflitti jew diżastri naturali, u f'pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati;

L.

billi s-saħħa u l-benesseri tat-tfal jikkostitwixxu objettiv kruċjali tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

M.

billi l-UE, li flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija l-ikbar donatur fid-dinja ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), b'total ta' EUR 74,4 biljun fl-2018 li jirrappreżenta kważi 57 % tal-ODA kollha madwar id-dinja, hija impenjata li tippromwovi kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp immirata lejn it-tmiem ta' kull sura ta' faqar u inugwaljanza, u li tappoġġja lis-sħab tagħha fl-iżvilupp fit-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; billi fl-2019, il-membri tal-OECD-DAC b'mod kollettiv nefqu 0,3 % tal-ING biss fuq l-ODA, u ħames membri biss laħqu jew qabżu l-mira tal-infiq (ir-Renju Unit, l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Lussemburgu u n-Norveġja);

N.

billi l-prinċipji ta' sjieda u allinjament nazzjonali u demokratiċi, b'enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubijiet inklużivi, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, għandhom jirfdu l-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex jiġi żgurat li l-fondi għall-iżvilupp jintużaw b'mod effiċjenti u effikaċi sabiex l-SDGs jinkisbu b'mod xieraq;

O.

billi r-rwol tas-Sħubija Globali għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) huwa li tippromwovi l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; billi din is-sħubija għandha tliet prijoritajiet strateġiċi li se jiggwidaw il-kontribut tagħha għat-tnedija tad-“Deċennju ta' Azzjoni”, jiġifieri: il-promozzjoni tal-effikaċja tal-iżvilupp biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; il-bini ta' sħubijiet aħjar; u l-ingranaġġ tal-monitoraġġ għall-azzjoni;

P.

billi l-istudju “Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp – L-UE tagħti riżultati?: Analiżi Dettaljata tal-Prestazzjoni tal-UE” jindika allinjament imnaqqas tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE mal-prinċipji tal-effikaċja u l-indikaturi relatati, b'mod partikolari l-prevedibbiltà, l-użu ta' indikaturi meħuda minn oqfsa ta' riżultati li huma proprjetà ta' pajjiż sieħeb, bl-użu ta' sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi sħab, l-impenn li jiġu involuti gvernijiet sħab fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti, u rappurtar trasparenti;

Q.

billi l-politiki u s-sħubijiet għall-iżvilupp tal-UE jridu jinbnew fuq kooperazzjoni politika u ekonomika sostenibbli mas-sħab fuq bażi ugwali u b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tagħha; billi l-politiki ta' żvilupp tagħha jridu jqisu s-sitwazzjoni tal-persuni spostati b'mod furzat, tal-popolazzjonijiet vulnerabbli u tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil;

R.

billi, minħabba ż-żieda fil-kriżijiet fit-tul, l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex topera r-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp bil-għan li jinkisbu riżultati dejjiema;

S.

billi l-frammentazzjoni tal-għajnuna tibqa' sfida persistenti li tirriżulta mill-proliferazzjoni tad-donaturi u l-aġenziji ta' għajnuna u min-nuqqas ta' koordinament tal-attivitajiet u l-proġetti tagħhom;

T.

billi matul il-proċess ta' programmazzjoni huwa essenzjali li tiġi garantita konsultazzjoni wiesgħa fil-pajjiżi sħab mal-atturi rilevanti kollha: l-awtoritajiet lokali, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, il-gruppi emarġinati, in-NU u l-aġenziji tagħha, l-SMEs u s-settur privat;

U.

billi mingħajr approċċ minn isfel għal fuq għall-iżvilupp huwa impossibbli li jiġu massimizzati r-riżultati tal-iżvilupp; billi l-iskambju mtejjeb ta' eżempji konkreti u pariri dwar proġetti ta' suċċess fuq il-post fil-pajjiżi sħab se jgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipji b'mod effikaċi u fil-kisba b'suċċess tar-riżultati intenzjonati;

V.

billi Involviment effikaċi tas-Settur Privat għandu jkun ibbażat fuq il-ħames prinċipji ta' Kampala, jiġifieri: Sjieda Inklużiva tal-Pajjiż; Riżultati u Impatt Immirat; Sħubija Inklużiva; Trasparenza u Obbligu ta' Rendikont; kif ukoll li Ħadd Ma Jitħalla Jibqa' Lura;

W.

billi fil-pajjiżi sħab hemm diversi atturi u donaturi oħra li qed iwasslu l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp;

X.

billi għalkemm l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom ħażna kbira ta' data u għarfien espert, dan għadu mhux kondiviż biżżejjed; billi din id-data għandha ssir aktar aċċessibbli u għandha tintuża fit-tfassil tal-politika;

Y.

billi l-kooperazzjoni triangolari hi partikolarment effiċjenti biex ittejjeb il-kapaċità tal-kooperazzjoni li tirrispondi għall-isfidi komuni bħall-prevenzjoni, il-ġestjoni tad-diżastri naturali li jnaqqsu jew jimblukkaw l-iżvilupp u l-irkupru minn dawn id-diżastri, l-isfidi għas-sigurtà f'reġjun usa' jew l-adattament tal-mudelli ta' negozji żgħar għall-isfidi ekonomiċi l-ġodda li tfaċċaw matul il-kriżi tal-coronavirus;

Z.

billi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politika ta' għajnuna effikaċi jirrikjedu fehim aktar profond tal-impatt tal-għajnuna u l-ambjent ġenerali li fih topera l-għajnuna għall-iżvilupp;

AA.

billi d-data dwar l-għajnuna aċċessibbli u affidabbli ssaħħaħ it-trasparenza tal-flussi tal-għajnuna u tgħin lis-sħab kollha fl-iżvilupp fil-proċessi tal-ippjanar u tal-koordinazzjoni tagħhom; billi l-istandards internazzjonali kif promossi mill-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) jagħmlu din id-data komparabbli; billi l-kisba tar-riżultati tal-iżvilupp u l-ħidma lejn l-SDGs jirrikjedu data dettaljata dwar il-kuntest lokali, sett miftiehem ta' riżultati li għandhom jiġu mmirati, azzjoni konġunta biex issir ħidma għalihom, u feedback pubbliku rapidu biex jiġi ffaċilitat l-obbligu ta' rendikont;

AB.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; billi l-impatt tal-politiki ta' żvilupp huwa differenti fuq in-nisa u l-bniet; billi hemm nuqqas ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fil-qasam tal-iżvilupp;

AC.

billi ġie evidenzjat li l-politiki ta' għajnuna li jrawmu l-ugwaljanza huma aktar effikaċi fil-kisba tal-objettivi tal-SDGs, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-edukazzjoni;

AD.

billi hemm riskju reali li l-benefiċċji tal-għajnuna għall-iżvilupp, tal-investiment dirett barrani (FDI) u tal-għajnuna umanitarja jistgħu jinqabdu mill-elit politiku u ekonomiku; billi dan jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni għall-iżvilupp li jkollha l-għan li twassal għal bidliet trasformattivi fl-ekonomiji politiċi, b'mod partikolari relatati mal-governanza, id-distribuzzjoni tal-poter, l-esklużjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għar-riżorsi, kif ukoll l-interazzjoni mal-ekonomija globali; billi dan jenfasizza l-ħtieġa li, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jiġu appoġġjati u promossi l-prinċipji ta' governanza tajba, l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

AE.

billi l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tistma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn USD 1 triljun f'ħelsien mid-dejn wara l-COVID-19; billi l-Bank Dinji, il-FMI, il-G20 u l-G7 ħadu miżuri ta' ħelsien mid-dejn pubbliku għall-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati biex l-għajnuna għall-iżvilupp tkun tista' twettaq b'mod effikaċi l-SDGs f'oqsma bħall-aċċess għas-servizzi bażiċi, il-governanza tajba u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

AF.

billi l-UE hija preżenti fl-oċeani kollha permezz tat-territorji extra-Ewropej tagħha, kemm ir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, u huwa kruċjali li tiżviluppa strateġiji reġjonali li jinkorporaw il-ħtiġijiet espressi lokalment bl-aktar mod sħiħ possibbli;

AG.

billi l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ċentrali fil-kisba tal-SDGs u l-kooperazzjoni deċentralizzata trid tkun fil-qalba tal-istrateġija ta' żvilupp tal-UE;

AH.

billi l-politiki ta' żvilupp iridu jqisu l-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima f'termini ta' spostament ta' popolazzjonijiet vulnerabbli u d-deterjorament tal-inugwaljanzi soċjali u bil-ħsieb li jinqered il-faqar;

AI.

billi l-introjtu li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jitilfu minħabba flussi finanzjarji illeċiti, inkluża l-evażjoni tat-taxxa, huwa aktar mid-doppju tal-ammont li qed jiksbu permezz ta' sorsi esterni uffiċjali, fosthom l-assistenza għall-iżvilupp;

AJ.

billi l-użu ta' oqfsa ta' riżultati u għodod ta' ppjanar li huma proprjetà tal-pajjiż (ġestjoni finanzjarja pubblika) mill-istituzzjonijiet tal-UE qed jonqos, għalkemm jiżvolġu rwol sinifikanti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi, għall-kisba tal-SDGs, u għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri peress li jaħdmu b'mod pożittiv fl-integrazzjoni tar-rispons għal kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi huwa meħtieġ impenn akbar f'dan ir-rigward;

1.

Jisħaq li l-effikaċja tfisser li jinkiseb impatt akbar u aħjar, li jinkisbu l-SDGs u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jemmen li meta l-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp tkun allinjata mal-isforzi proprji u mal-ħtiġijiet lokali tal-pajjiżi sħab, ikkoordinata mal-isforzi tad-donaturi l-oħra, u titwettaq permezz tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tas-sħab tagħhom kif ukoll l-atturi lokali u s-soċjetà ċivili, u li meta tappoġġja l-prijoritajiet li ġew miftiehma permezz ta' proċessi ta' politika inklużivi u ekwi, li jiżguraw is-sjieda demokratika tal-pajjiżi u l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, l-impatt ikun akbar, aktar rapidu u aktar sostenibbli;

2.

Jissottolinja li l-UE, bħala l-akbar donatur fid-dinja u attur internazzjonali importanti għall-multilateraliżmu u d-demokrazija bbażati fuq ir-regoli, għandha tuża l-għodod b'saħħithom tagħha ta' strumenti u modalitajiet ta' għajnuna b'mod koordinat biex tippermetti l-kondiviżjoni tal-kompiti u tevita l-frammentazzjoni tal-għajnuna, u tidentifika prijoritajiet fejn tkun tista' tipprovdi l-akbar impatt ta' valur miżjud;

3.

Jisħaq li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fl-użu tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna u l-effiċjenza tal-għajnuna, sabiex tiżgura impatt reali u l-kisba tal-SDGs, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura, fil-pajjiżi sħab tagħha; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-impatt li l-użu tal-UE tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-FDI jista' jkollu fuq l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u ċ-ċaqliq furzat;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-objettivi ta' politika fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp b'mod aktar strateġiku u mmirat f'kull pajjiż sieħeb, u b'hekk jiġi applikat l-approċċ tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp u tiġi rispettata l-PCD; jisħaq li l-programmi ta' għajnuna għandhom jiġu kkombinati ma' analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn u għandhom iqisu l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari f'pajjiż sieħeb;

5.

Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tkompli tissorvelja mill-qrib l-użu tal-fondi u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tevita kwalunkwe użu ħażin tal-fondi ta' għajnuna, filwaqt li tiżgura konformità mal-għanijiet u l-valuri tal-politika tagħha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi biex tkun tista' tiġi kkontrollata bir-reqqa d-destinazzjoni finali ta' dawk il-fondi u biex jiġu vvalutati l-proġetti li rċevew finanzjament;

6.

Jisħaq li governanza tajba hija fattur deċiżiv għad-distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-għajnuna, u jirrimarka li l-kisba tal-SDGs, u għalhekk l-effikaċja tal-fondi, tiddependi ħafna mill-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jużaw il-fondi b'mod ġust u trasparenti;

7.

Jistieden lill-UE tinvolvi ruħha direttament mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-migrazzjoni u tibni sħubiji sostenibbli inklużivi magħhom, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż u ċ-ċirkostanzi individwali tal-migranti;

8.

Jissottolinja li l-prinċipji tal-GPEDC huma mibnija fuq lezzjonijiet importanti u dejjiema minn strateġiji u prattiki tal-iżvilupp tal-passat, inkluż kemm suċċessi kif ukoll fallimenti, u li dawn il-prinċipji jibqgħu espressjonijiet importanti ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni multilaterali li l-UE hija impenjata li tirrispetta; jistieden lill-Kummissjoni tuża s-sħubija tagħha fil-GPEDC u l-OECD-DAC u l-vuċi tagħha fil-fora internazzjonali u fl-istrutturi ta' governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tkompli ssaħħaħ il-prinċipji tal-effikaċja u tħeġġeġ l-aderenza magħhom u l-implimentazzjoni tagħhom fil-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u mill-atturi kollha involuti;

9.

Jirrikonoxxi li kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp ma tistax titwettaq permezz tal-kooperazzjoni tal-UE waħedha u tista' tkun verament effikaċi biss jekk l-atturi kollha tal-iżvilupp jikkollaboraw; jesprimi tħassib li meta atturi oħra ma jirrispettawx u ma jimplimentawx il-prinċipji tal-effikaċja fil-programmi ta' kooperazzjoni tagħhom, il-frammentazzjoni u l-evitar konsegwenti tas-sistemi tal-pajjiżi sħab inaqqsu l-effikaċja u l-impatt tal-assistenza b'mod ġenerali bħala kollateral, inkluża l-assistenza tal-UE;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, tal-anqas darbtejn fis-sena, rapport ta' progress dwar l-effikaċja tal-għajnuna, li jkopri l-ippjanar konġunt, l-implimentazzjoni konġunta u l-oqfsa konġunti tar-riżultati, u l-azzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jissottolinja li dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq miri u objettivi ta' politika maqbula b'mod komuni, b'mod partikolari l-SDGs u l-Kunsens; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati waqt it-tfassil ta' dan ir-rapport u tippreżenta r-rapport lill-Parlament;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-ipprogrammar konġunt bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; jirrimarka li fil-livell tal-pajjiżi, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jmorru lil hinn mis-sempliċi konsolidazzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet bilaterali eżistenti għall-iżvilupp u jiffurmaw vuċi Ewropea kollettiva unifikata dwar kwistjonijiet strateġiċi fid-djalogu politiku u ta' politika mal-pajjiżi sħab, li għandu jqis ukoll il-korpi ta' integrazzjoni reġjonali bħala kontropartijiet tal-UE fejn xieraq, kif ukoll ta' metodi ta' finanzjament innovattivi bħat-taħlit u l-garanziji meta jkunu effikaċi; jappella għal impenji ċari u azzjonabbli, filwaqt li jittieħed kont tal-istrateġiji u l-prattiki preċedenti;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsiru laqgħat regolari tal-UE mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, l-aġenziji ta' implimentazzjoni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-OSĊ fil-pajjiżi sħab rispettivi sabiex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet u li r-rispons u l-implimentazzjoni konġunti sussegwenti jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati; jirrimarka li l-ipprogrammar konġunt, taħt id-direzzjoni tal-Kapijiet ta' Missjoni, wera li kien ta' suċċess f'termini ta' koerenza politika fl-istrateġiji politiċi, kummerċjali, ta' żvilupp u ta' sigurtà; jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom f'implimentazzjoni u evalwazzjoni konġunti, u jappella għal mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont kondiviżi lejn iċ-ċittadini; jitlob lill-UE taħdem ma' donaturi mhux tradizzjonali li jistgħu juru aderenza mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna;

13.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 li jenfasizzaw l-“importanza għall-atturi kollha involuti f'Tim Ewropa li jikkoordinaw l-azzjonijiet, u jikkondividu l-isforzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni fil-livell tal-pajjiż, fi ħdan l-UE, f'pajjiżi sħab u f'fora globali u multilaterali”; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu dan l-approċċ fil-futur fil-kuntest tal-miżuri, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni kollha relatati mal-iżvilupp; itenni t-talbiet tiegħu tal-2013 (32) u l-2017 (33) u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikoli 209 u 210 tat-TFUE, proposta għal att li jikkonċerna l-aspetti regolatorji tal-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp;

14.

Jisħaq li fid-dawl tal-implimentazzjoni futura tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), l-ipprogrammar konġunt u l-implimentazzjoni mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE għandhom jibnu fuq il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; jirrimarka l-importanza li jiġu stabbiliti b'mod kollettiv prijoritajiet strateġiċi u jiġu identifikati l-ħtiġijiet/lakuni ta' investiment fil-fażi ta' qabel l-ipprogrammar u sussegwentement jinstabu modi biex tiġi ottimizzata l-firxa tal-modalitajiet fis-sett ta' għodod tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi għotjiet, appoġġ baġitarju u self tal-BEI, kif ukoll bħala finanzjament mill-Istati Membri; jinsab imħasseb f'dan ir-rigward li l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) qed jaraw żieda fl-għajnuna marbuta u jtenni li n-nuqqas ta' rbit tal-għajnuna jista' jnaqqas l-ispejjeż bi 15 sa 30 %;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' dawn il-modalitajiet ikunu kkoordinati, strateġikament allinjati mal-prijoritajiet u l-proċessi tal-pajjiżi sħab, u ffokati fuq il-kisba ta' eżiti u impatti li huma trasformattivi għall-kisba tal-SDGs fil-kuntest speċifiku ta' kull pajjiż sieħeb; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' swieq li jsostnu lilhom infushom u li jiġi żgurat li l-prattiki ta' ħruġ tajbin jiġu kkunsidrati fil-fażi ta' qabel l-ipprogrammar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-isforzi biex ilaħħqu mal-ODA tagħhom f'konformità mal-impenji tal-Kunsens u jinkoraġġixxu lill-fornituri kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inklużi l-ekonomiji emerġenti, biex jagħmlu l-istess; iħeġġeġ l-akkwist u s-sjieda lokali;

16.

Jisħaq li l-mandat tal-Parlament dwar l-NDICI jitlob dispożizzjonijiet li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem, il-konformità ambjentali u soċjali tal-operaturi finanzjarji fl-użu ta' mekkaniżmi ta' garanzija għat-taħlit permezz tal-EFSD± – Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG); ifakkar li skont il-pożizzjoni tal-Parlament, 45 % tal-finanzjament permezz tal-EFSD+ u l-EAG għandu jiġi allokat għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u 30 % tal-pakkett finanzjarju kumplessiv ikun iddedikat għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

17.

Jirrimarka li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha għanijiet ambjentali u klimatiċi ambizzjużi, u jitlob li tappoġġja lill-pajjiżi sħab permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib sabiex tgħinhom jilħqu l-għanijiet u l-istrateġiji klimatiċi u ambjentali tagħhom stess, kemm dawk stabbiliti bit-trattat kif ukoll dawk li huma awtoimposti, peress li l-użu sostenibbli tar-riżorsi proprji tagħhom huwa l-bażi tal-ekonomiji ta' ħafna pajjiżi sħab u huwa essenzjali għall-kisba tal-SDGs;

18.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lil atturi pubbliċi u nongovernattivi oħra attivi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jaqsmu l-evidenza u l-esperjenza dwar liema tipi ta' interventi ta' żvilupp għandhom tendenza li jkollhom suċċess u liema fallew, urew li huma diffiċli biex jiġu implimentati jew li ma pproduċewx l-impatt maħsub;

19.

Jilqa' r-rapport indipendenti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, u jappella għall-ħolqien ta' Bank Ewropew tal-Investiment u l-Iżvilupp Sostenibbli;

20.

Jisħaq li l-obbligu ta' rendikont għan-nefqa pubblika kollha, inkluża l-ODA, huwa vitali kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi sħab; jemmen li l-obbligu ta' rendikont jirrikjedi istituzzjonijiet b'saħħithom u l-fatt li jkollna miri ċari u maqbula għall-ODA Ewropea huwa essenzjali biex jiġi żgurat appoġġ pubbliku kontinwu għall-isforzi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; ifakkar li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs jistgħu jtejbu l-obbligu ta' rendikont fin-nefqa pubblika rigward l-ODA; jindika r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-mobilizzazzjoni tal-fondi meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs;

21.

Jenfasizza li l-obbligu ta' rendikont jirrikjedi proċeduri trasparenti u robusti kif ukoll tħassib għall-effiċjenza u l-kisba ta' riżultati li jidhru, permezz ta' evalwazzjoni ex-anteex-post bir-reqqa, u analiżi kritika tal-fallimenti kif ukoll li nitgħallmu kif nagħtu riżultati effikaċi u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkoordina standardizzazzjoni madwar l-Ewropa kollha tal-indikaturi tal-impatt sabiex jitqabblu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proġetti bejn l-Istati Membri;

22.

Iħeġġeġ lill-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji jadottaw politiki nazzjonali dwar l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex itejbu l-obbligu ta' rendikont tad-donaturi u s-sjieda tal-gvernijiet benefiċjarji, inkluża dik tal-awtoritajiet lokali, jeqirdu l-korruzzjoni u l-forom kollha ta' ħela ta' għajnuna u jtejbu l-kundizzjonijiet biex jirċievu appoġġ baġitarju, kif ukoll, fuq medda twila ta' żmien, inaqqsu d-dipendenza fuq l-għajnuna;

23.

Jisħaq li huwa importanti li l-ODA tal-UE tiffoka saħansitra aktar fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-eliminazzjoni tal-faqar u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

24.

Jisħaq li għajnuniet effikaċi u effiċjenti għall-istrateġiji mmexxija mill-pajjiżi u l-iżvilupp tal-kapaċità jwasslu għal tnaqqis fil-mortalità tat-tfal u li l-investiment fil-benesseri tat-tfal huwa fundamentali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar, inkluża l-ġlieda kontra x-xogħol furzat u taħt l-età;

25.

Jemmen li l-użu ta' approċċi bbażati fuq ir-riżultati huwa kritiku għall-pajjiżi sħab tal-UE u huwa element fundamentali tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-SDGs għaċ-ċittadini tagħhom; jirrimarka, madankollu, l-importanza li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-pajjiżi sħab u l-isfidi għalihom, b'mod partikolari l-LDCs u l-pajjiżi fraġli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jużaw l-oqfsa nazzjonali ta' kejl tar-riżultati tal-pajjiżi sħab u s-sistemi ta' monitoraġġ u ta' statistika tagħhom, u biex fl-istadji kollha jinvolvu l-atturi rilevanti kollha: l-awtoritajiet lokali, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili inkluż l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi marġinalizzati, u s-settur privat b'enfasi fuq l-SMEs; jenfasizza li l-investiment fil-bini tal-kapaċitajiet tal-OSĊ lokali huwa prerekwiżit essenzjali għal għajnuna effikaċi;

26.

Jinnota li f'xi oqsma l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp huma diffiċli biex jitkejlu, iżda jistieden lill-Kummissjoni teżamina indikaturi xierqa għall-valutazzjoni u tuża r-riżultati biex tħejji informazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp u biex tiżviluppa approċċi tal-aħjar prattika;

27.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtejbu l-impenn tagħhom għal flussi trasparenti ta' data permezz ta' investiment kontinwu fil-viżwalizzazzjoni tad-data, rappurtar ta' statistika u l-pubblikazzjoni ta' data miftuħa, l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali bħal IATI (l-Istandard tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna), u billi jaġġornaw regolarment u jiżviluppaw l-EU Aid Explorer; iħeġġeġ li jiżdiedu l-isforzi fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għad-data u t-tixrid tagħha u r-rappurtar dwar l-infiq tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; itenni f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tippubblika r-“Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tal-azzjoni esterna” qabel ma tibda l-proċedura ta' kwittanza għas-sena partikolari;

28.

Jirrimarka li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u li l-progress li sar fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet f'pajjiżi sħab għandu jitqies bħala aspett essenzjali tal-effikaċja tal-għajnuna; ifakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp jista' jkollha impatti differenti fuq il-bniet u s-subien u fuq in-nisa u l-irġiel;

29.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lis-sħab kollha għall-iżvilupp, biex jagħtu prijorità lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi jagħmlu użu akbar mill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-immirar tal-perspettiva tal-ġeneri; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġi promoss approċċ komprensiv u armonizzat għar-rappurtar tal-UE dwar il-miri tal-perspettiva tal-ġeneri, u li n-nisa jiġu appoġġjati sabiex isiru aġenti li tingħatalhom is-setgħa għall-iżvilupp fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn minnhom;

30.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-allinjament tal-assistenza tagħhom mal-prinċipji tal-effikaċja u l-indikaturi relatati, b'mod partikolari l-prevedibbiltà, l-użu ta' indikaturi meħuda minn oqfsa ta' riżultati li huma proprjetà ta' pajjiż sieħeb, l-użu ta' sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi sħab, u l-impenn li jiġu involuti gvernijiet sħab fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti, kif ukoll rappurtar trasparenti;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw l-assistenza tagħhom b'mod aktar wiesa' b'objettivi komuni ta' għajnuna Ewropea sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-politika tal-iżvilupp tal-UE kollha kemm hi;

32.

Jappoġġja approċċ katalitiku u trasversali, li jibni fuq valutazzjonijiet u programmar deċentralizzati u minn isfel għal fuq tal-ħtiġijiet, li jiffavorixxi s-sjieda lokali u jkun infurmat minn analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra f'kull pajjiż sieħeb, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet lokali;

33.

Jinkoraġġixxi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari, inkluż għal proġetti ffukati lejn kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali aktar effikaċi kif ukoll involviment aktar effikaċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom, fil-livelli kollha ta' governanza, sabiex jiġu appoġġjati l-kisba tal-SDGs u l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; jisħaq li l-kapaċitajiet tal-pajjiżi b'introjtu medju, fosthom pajjiżi li dan l-aħħar ħarġu mil-lista tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD ta' destinatarji ta' ODA, għandhom ikunu impenjati fejn rilevanti;

34.

Jisħaq li, sabiex l-għajnuna għall-iżvilupp issir aktar effikaċi, jinkisbu riżultati dejjiema u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' wara kriżi mtawla, huwa imperattiv li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp u li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp u r-rabtiet tagħha ma' azzjonijiet relatati mal-paċi u s-sigurtà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-UE tkompli tiżviluppa tali approċċ;

35.

Jirrikonoxxi l-valur ta' finanzjament prevedibbli u flessibbli, inkluż il-finanzjament umanitarju pluriennali għal kriżijiet fit-tul u programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp li għandhom il-kapaċità li jadattaw għal kriżijiet umanitarji mhux previsti;

36.

Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-OSĊ fir-rwol tagħhom bħala atturi indipendenti tal-iżvilupp; jisħaq li ambjent abilitanti u miftuħ għall-OSĊ huwa konsistenti mad-drittijiet miftiehma internazzjonalment u jimmassimizza l-kontributi tal-OSĊ għall-iżvilupp; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-ispazju dejjem jiċkien għall-OSĊ f'ħafna mill-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċessibbiltà tal-finanzjament għall-OSĊ, kif ukoll fil-pajjiżi sħab;

37.

Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-politika u l-azzjoni bejn l-UE u l-atturi l-oħra, eż. in-NU u l-aġenziji tagħha, li jipprovdu għajnuna fil-pajjiżi sħab; jissottolinja li dan huwa saħansitra aktar kruċjali f'pajjiżi sħab fraġli, f'pajjiżi milquta minn kunflitti jew diżastri naturali, u f'pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati; iqis li huwa essenzjali, f'dan il-kuntest, li r-reżiljenza tal-komunità titqiegħed fil-qalba u li jingħata appoġġ lil azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ta' programmi infurmati dwar ir-riskju u programmi ta' taħriġ għall-emerġenzi, l-involviment tal-parteċipazzjoni tal-komunità u t-trawwim ta' sħubijiet;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab, iżda wkoll fi ħdan l-UE; jitlob li l-appoġġ baġitarju bħala modalità ta' għajnuna jkun jista' jintuża wkoll fil-livell sottonazzjonali, u li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' ridistribuzzjoni bejn il-livelli differenti ta' gvern u bejn ir-reġjuni bl-objettiv primarju li jitnaqqsu d-disparitajiet u l-inugwaljanzi fil-pajjiż u li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

39.

Jissottolinja r-rwol tal-knisja u l-organizzazzjonijiet tal-missjoni fl-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp u l-importanza tagħhom fil-post, peress li huma fost l-akbar NGOs attivi fl-oqsma tal-iżvilupp u l-għajnuna; jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma mal-mexxejja reliġjużi f'ħafna komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiss hija l-aktar mod effikaċi biex jintlaħqu n-nies lokali fil-bżonn;

40.

Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili bħala sieħba, kemm matul il-proċess ta' konsultazzjoni kif ukoll bħala fornitur tas-servizzi; f'dan id-dawl, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jsaħħu r-rwoli tagħhom sabiex jinkisbu sħubijiet ta' żvilupp inklużivi;

41.

Jappella għal enfasi akbar fuq l-SMEs lokali, il-bdiewa fuq skala żgħira u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, peress li dan l-approċċ wera li huwa partikolarment effikaċi fit-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, u fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet;

42.

Jirrikonoxxi li l-impenn tas-settur privat – fil-livelli lokali, nazzjonali, bilaterali u internazzjonali – huwa importanti għall-kisba tal-SDGs, għall-mobilizzazzjoni ta' finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp u għat-tranżizzjoni lejn żvilupp ekonomiku, tkabbir u prosperità sostenibbli;

43.

Jappella għal sforzi biex jiġi żgurat l-allinjament tas-settur privat mal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-gvernijiet nazzjonali u tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali, b'mod partikolari dawk ta' gruppi emarġinati u vulnerabbli, u biex l-involviment tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġi allinjat mal-prinċipji tal-effikaċja u l-prinċipji ta' Kampala filwaqt li jittejbu t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u l-obbligu ta' rendikont tal-FDI u l-ktajjen tal-valur globali, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-diliġenza dovuta;

44.

Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jistabbilixxu qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jisħaq li, b'mod parallel ma' rwol ikbar għas-settur privat, huwa importanti li jiġu żviluppati kapaċitajiet istituzzjonali;

45.

Jissottolinja li l-atturi kollha, inkluż is-settur privat, jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-aġenda ta' effikaċja permezz tal-involviment parteċipattiv, l-ippjanar u l-implimentazzjoni, l-obbligu ta' rendikont reċiproku u t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; jisħaq li d-donaturi għandhom itejbu l-prevedibbiltà u l-ħeffa tagħhom meta jaħdmu ma' dawn l-atturi bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u sħab fil-forniment ta' servizzi bażiċi, sabiex ġenwinament jintlaħqu l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-atturi tas-settur privat involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipju tal-obbligu ta' rendikont korporattiv dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-proġetti, f'konformità mal-Patt Dinji tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu għal qafas legali tal-UE li jsostni d-diliġenza dovuta korporattiva obbligatorja, biex jiġi żgurat li l-investituri tal-UE jaġixxu b'mod responsabbli internazzjonalment u lokalment u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

47.

Itenni li l-għajnuna għall-iżvilupp privat trid tirrispetta l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards tal-ILO u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali; jisħaq ulterjorment li jeħtieġ li jimpenja ruħu li jiżgura l-governanza tajba, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-ġid permezz ta' investiment sostenibbli, kif ukoll li jnaqqas l-inugwaljanzi, jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u jagħti s-setgħa lill-ekonomiji lokali;

48.

Jisħaq li sabiex nimxu lil hinn minn dinamika bejn donatur u riċevitur u biex tingħata s-setgħa lis-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-pajjiżi sħab sabiex jitwettaq l-iżvilupp sostenibbli, l-oqfsa tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE jridu jipprevedu azzjonijiet konkreti biex jappoġġjaw żieda fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi sħab, bħall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżvilupp ta' sistemi tat-taxxa progressivi, kif ukoll l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

49.

Jilqa' l-użu mill-UE ta' diversi għodod ta' finanzjament għall-iżvilupp għall-qerda tal-faqar u l-kisba tal-SDGs; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment lil-LDCs, f'kuntest fejn, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, il-pajjiżi ifqar kienu diġà qed jonfqu aktar flus fuq il-pagamenti tas-servizzi tad-dejn milli fuq is-servizzi tas-saħħa;

50.

Jinnota li l-Kummissjoni tipprevedi rwol dejjem aktar prominenti għall-mekkaniżmi ta' garanzija għat-taħlit fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, għad-detriment ta' modalitajiet oħra ta' għajnuna; jisħaq li filwaqt li l-finanzjament imħallat kiber b'mod rapidu, ftit hemm evidenza tal-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp, peress li l-biċċa l-kbira tiegħu bħalissa tmur għall-pajjiżi bi dħul medju u porzjon żgħir biss imur lejn l-LDCs; jissottolinja l-opinjoni kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġestjoni u l-effikaċja tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD); jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw approċċ kawt għall-finanzjament imħallat u jiżguraw li l-finanzjament kollu mobilizzat permezz ta' taħlit jikkonforma mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp;

51.

Iħeġġeġ lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-twettiq ta' politiki intelliġenti, immirati u adattabbli, li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-SDGs bl-aktar mod effikaċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fit-trawwim tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija b'effetti konsegwenzjali pożittivi fuq is-setturi kollha tal-ekonomiji lokali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fir-R&Ż kif ukoll l-investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni strateġika lokali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u l-prodotti bijofarmaċewtiċi l-aktar ġodda, sabiex tissaħħaħ l-awtonomija mill-ktajjen tal-provvista globali;

52.

Jissottolinja r-rwol importanti tal-OSĊ fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u fl-għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp direttament lill-foqra, dawk żvantaġġati u vulnerabbli; jitlob, madankollu, koordinazzjoni msaħħa tal-assistenza mqassma bejn l-NGOs u donaturi oħra sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-għajnuna u tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-għajnuna, l-azzjonijiet li jikkoinċidu u l-hekk imsejħa “orfni tal-għajnuna” (pajjiżi injorati mill-komunità tal-iżvilupp);

53.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta jekk l-obbligi amministrattivi li jikkonċernaw l-aċċess għall-finanzjament tal-UE humiex proporzjonati; jiddeplora f'dan il-kuntest il-fatt li l-għotjiet tal-UE qed isiru dejjem aktar inadegwati u mhux attraenti għall-NGOs minħabba r-rekwiżiti biex jiġu limitati l-ispejjeż ta' appoġġ u li jżidu l-piżijiet amministrattivi u tal-awditjar;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi network ta' sħab nongovernattivi affidabbli u tinvolvi ruħha miegħu, bħal OSĊ lokali, knejjes, organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin u aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' proġetti fuq skala iżgħar;

55.

Jerġa' jikkonferma li l-investiment fl-infrastruttura lokali u nazzjonali ta' skali differenti għal proġetti lokali u nazzjonali ewlenin jirrappreżenta l-aktar mod effiċjenti għall-għajnuna biex jiġi stimulat u msaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali għall-popolazzjoni kollha;

56.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-miżuri ta' ħelsien mid-dejn jintrabtu mal-mobilizzazzjoni addizzjonali tal-ODA; jappella għall-inklużjoni ta' dejn multilaterali u kummerċjali fl-Inizjattiva tal-G20 dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI); jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-kredituri kollha, inkluż il-Bank Dinji u banek multilaterali oħra tal-iżvilupp, kif ukoll kredituri privati, fid-DSSI u kwalunkwe offerta ulterjuri ta' ħelsien mid-dejn; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni tad-dejn multilaterali biex jindirizza kemm l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll ir-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030;

57.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolarment importanti tal-programmi ta' taħriġ għall-persunal lokali u l-operaturi fuq il-post biex tiġi żgurata l-kontinwità għall-proġetti li l-UE tappoġġja f'pajjiżi sħab, u b'hekk jiżdiedu s-sjieda u l-obbligu ta' rendikont;

58.

Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-ODA fit-twettiq tal-aġenda tal-effikaċja tal-iżvilupp; jissottolinja l-fatt li l-ODA hija aktar flessibbli, prevedibbli u responsabbli mill-flussi l-oħra li potenzjalment jikkontribwixxu għall-iżvilupp; iwissi li l-kriterji għall-ODA m'għandhomx jiġu dilwiti bil-għan li jiġu koperti spejjeż apparti dawk marbuta direttament mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

59.

Itenni t-talba tiegħu li l-Kunsill u l-Istati Membri jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara biex tintlaħaq il-mira li tgħolli l-baġit tal-ODA għal 0,7 % tal-ING, inkluż l-impenn internazzjonali li jintefaq bejn 0,15 % u 0,2 % tal-ING fuq ODA tal-LDCs, u li l-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni konkret li jiddefinixxi kif se jiżdiedu riżorsi addizzjonali biex jinkisbu l-SDGs; jisħaq li l-effikaċja tal-għajnuna mhijiex sostitut għal volumi ta' għajnuna adegwati u li ż-żamma jew il-qbiż tal-mira ta' 0,7 % għall-ODA hija ta' importanza kbira; itenni li l-baġit tal-UE għandu jagħti kontribut konsiderevoli biex tiżdied l-ODA tal-UE b'mod ġenerali;

60.

Itenni l-appoġġ tiegħu li fl-NDICI jiġu inklużi l-miri li ġejjin: 20 % għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem; u għal mill-inqas 85 % tal-proġetti ffinanzjati mill-ODA, li għandhom bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet u l-għoti tas-setgħa lilhom, kif definit mill-OECD-DAC.

61.

Jappella għal koerenza akbar tal-politika għall-iżvilupp, li tfittex li tiżgura li l-ebda politika tal-UE jew tal-Istati Membri ma jkollha effetti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew objettivi kontradittorji;

62.

Jemmen li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp u l-investimenti pubbliċi għandhom jippromwovu prijoritajiet u objettivi ta' politika konġunti inkluż il-qerda tal-faqar, l-azzjoni klimatika u ambjentali, il-politiki ekonomiċi u kummerċjali u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, u għandhom ukoll ikunu allinjati bis-sħiħ mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba;

63.

Jisħaq li l-allokazzjoni tal-għajnuna umanitarja u ta' emerġenza m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni jew sigurtà għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

64.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-OECD, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, lill-Grupp tal-Bank Dinji, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, lill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u lid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU, lill-OECD, u lill-Unjoni Interparlamentari.

(1)  Riżoluzzjoni tan-NU adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015: https://www.unfpa.org/sites/default/files/resource-pdf/Resolution_A_RES_70_1_EN.pdf

(2)  Rapport tal-2019 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli: https://developmentfinance.un.org/sites/developmentfinance.un.org/files/FSDR2019.pdf

(3)  Dokument ta' Eżitu ta' Nairobi, adottat fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC tal-2016: http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/12/OutcomeDocumentEnglish.pdf

(4)  Rapport ta' Progress tas-Sħubija Globali, 17 ta' Ġunju 2019: http://effectivecooperation.org/blogs-news-resources/resource-library/

(5)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(6)  https://www.africa-eu-partnership.org/sites/default/files/33454-pr-final_declaration_au_eu_summit1.pdf

(7)  Rapport Annwali tal-2019 dwar il-Miri tal-UE ta' Għajnuna għall-Iżvilupp: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9201-2019-INIT/mt/pdf

(8)  Rapport tal-Kunsill tal-2019 dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp: https://www.consilium.europa.eu/media/40967/efad-report_final.pdf

(9)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/food-farming-fisheries/farming/documents/report-tfra_mar2019_en.pdf

(10)  Benfield u Como għal AECOM International Development Europe (2019), studju dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea (Proġett Nru 2018/403300/1): https://knowledge.effectivecooperation.org/system/files/2019-07/2019_07_Impact_study_final.pdf

(11)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 100.

(12)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 38.

(13)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 80.

(14)  ĠU C 349, 17.10.2017, p. 11.

(15)  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.

(16)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 209.

(17)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.

(18)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 68.

(19)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.

(20)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 62.

(21)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 66.

(22)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 33.

(23)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 101.

(24)  Testi adottati, P8_TA(2019)0220.

(25)  Testi adottati P8_TA(2019)0298.

(26)  Testi adottati P9_TA(2019)0084.

(27)  Testi adottati, P9_TA(2019)0079.

(28)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(29)  https://www.consilium.europa.eu/media/24467/st13201-en15.pdf

(30)  https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/eu-development-effectiveness-monitoring-report-2020_en.pdf

(31)  http://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/the-impact-of-the-coronavirus-covid-19-crisis-on-development-finance-9de00b3b/

(32)  Ir-Riżoluzzjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp – ĠU C 468, 15.12.2016, p. 73.

(33)  Ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp – ĠU C 252, 18.7.2018, p. 62.