|
13.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/80 |
P9_TA(2020)0303
Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u s-Seychelles u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Protokoll (2020-2026) (Riżoluzzjoni)
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (2020-2026) (05243/2020 – C9-0073/2020 – 2020/0002M(NLE))
(2021/C 415/16)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05243/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (05246/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020-2026), |
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0073/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2020 (1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-ftehimiet dwar is-sajd (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tad-29 ta' April 2019 bit-titolu “Studju ta' evalwazzjoni ex-post u ex-ante tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Qafas ta' Politika Strateġika u l-Pjan Direzzjonali tal-Ekonomija Blu tas-Seychelles: Infasslu l-Futur (2018-2030), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tat-18-il Sessjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) ta' Novembru 2015, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar it-tonna safra, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-21 Sessjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-IOTC ta' Diċembru 2018, b'mod partikolari l-valutazzjoni tiegħu dwar l-istokkijiet fl-Oċean Indjan, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-21 Sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-IOTC dwar it-Tonn Tropikali, li saret f'Donostia-San Sebastian, Spanja, mill-21 sas-26 ta' Ottubru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0184/2020), |
|
A. |
billi l-Kummissjoni u l-Gvern tas-Seychelles innegozjaw ftehim ta' sħubija ġdid dwar is-sajd sostenibbli (FSSS bejn l-UE u s-Seychelles), flimkien ma' protokoll ta' implimentazzjoni għal perjodu ta' sitt snin; billi l-FSSS mas-Seychelles huwa l-aktar ftehim importanti dwar it-tonn għall-Unjoni f'termini ta' volum ta' qbid, peress li jagħti aċċess għall-ilmijiet tas-Seychelles lil 40 bastiment tas-sajd bit-tartarun, lil 8 bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, u lil bastimenti ta' appoġġ, skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC); |
|
B. |
billi l-għan ġenerali tal-FSSS UE-Seychelles huwa li jippromwovi s-sajd sostenibbli u li jiddefinixxi r-regoli li jirregolaw l-aċċess min-naħa tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd tas-Seychelles; |
|
C. |
billi l-protokoll il-ġdid jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles, u jagħtihom aċċess għal sehem xieraq mill-eċċess tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-IOTC, fil-limiti tal-eċċess disponibbli; |
|
D. |
billi l-impenji tal-UE fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, ġeneralment ġew appoġġati and għandhom jibqgħu jiġu appoġġati taħt l-FSSS, b'mod partikolari l-SDGs 14 u 10; billi l-azzjonijiet kollha tal-UE, inkluża l-konklużjoni tal-FSSS, iridu jikkontribwixxu għal dawk l-objettivi; |
|
E. |
billi l-FSSS huma fost il-ftehimiet dwar is-sajd l-aktar trasparenti u sostenibbli fid-dinja u jipprovdu qafas legali sofistikat u robust u jippromwovu standards soċjali, ambjentali u ta' konformità għoljin; |
|
F. |
billi l-ftehim jippromwovi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u xjentifika bejn l-UE u s-Seychelles bil-għan li jinkiseb sajd sostenibbli; |
|
G. |
billi meta l-UE ma tkunx preżenti f'żona ekonomika esklużiva (ŻEE) ta' pajjiż terz, l-eċċess tal-istokkijiet jiġu sfruttati minn flotot oħrajn li spiss ikollhom standards ta' sostenibbiltà soċjali jew ambjentali aktar baxxi, u li l-prodotti bi prezz baxx u mhux sostenibbli tagħhom jispiċċaw fis-suq tal-UE; |
|
H. |
billi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jistadu fl-ilmijiet tal-pajjiż terz li miegħu l-UE tkun ikkonkludiet ftehim huwa prinċipju fundamentali li jikkontribwixxi għas-sajd sostenibbli; |
|
I. |
billi l-FSSS jiżguraw ukoll konsistenza bejn il-prinċipji li jirregolaw il-politika komuni tas-sajd u l-impenji li jsiru fil-kuntest ta' politiki Ewropej oħrajn (l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' pajjiżi terzi, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU), l-integrazzjoni tal-pajjiżi sħab fl-ekonomija globali, l-għoti ta' kontribut għall-iżvilupp sostenibbli fil-lati kollha tiegħu u governanza politika u finanzjarja aħjar tas-sajd); |
|
J. |
billi l-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u fl-Oċean Indjan, fl-interess taż-żewġ partijiet; billi, barra minn hekk, din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi wkoll biex jiġu promossi kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fl-attivitajiet tas-sajd. |
|
K. |
billi t-tiġdid tal-Protokoll se jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u se jikkontribwixxi għat-titjib fil-governanza tas-sajd fir-reġjun. |
|
L. |
billi s-Seychelles huwa ċ-ċentru operazzjonali u loġistiku għall-attività tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Indjan, u billi huwa importanti li l-UE żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali profonda ma' attur ewlieni fil-governanza tal-oċean fil-livell subreġjonali minħabba l-firxa taż-żona tas-sajd tiegħu fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tiegħu; billi t-tisħiħ tar-relazzjoni mas-Seychelles isservi wkoll biex jinbnew alleanzi fi ħdan il-qafas tal-IOTC. |
|
M. |
billi s-Seychelles jibbenefika minn appoġġ settorjali ddedikat li jipprevedi opportunitajiet ta' finanzjament pluriennali; |
|
N. |
billi s-settur tas-sajd, inkluż is-sajd għat-tonn u l-bastimenti tal-UE fl-ambitu ta' dan il-ftehim, huwa ta' importanza kbira għall-ekonomija tas-Seychelles, peress li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għas-sigurtà tal-ikel tal-pajjiż, u billi l-istokkijiet tal-ħut sostenibbli huma essenzjali għall-istabbiltà fit-tul tiegħu; |
|
O. |
billi l-FSSS b'mod ġenerali kkontribwixxa għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tas-Seychelles, u għandu jkompli jagħmel dan, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd artiġjanali, bil-għan li jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel fit-tul u s-sovranità tal-ikel għall-popolazzjoni tal-pajjiż; |
|
P. |
billi huwa importanti li l-FSSS jikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd; |
|
Q. |
billi, skont il-ftehim preċedenti, ir-rata globali ta' utilizzazzjoni kienet ta' 7 % għall-bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ u ta' 69 % għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun, li jfisser li medja ta' 27 bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-UE kienu kisbu l-awtorizzazzjoni, meta setgħu jagħmlu dan massimu ta' 40; |
|
R. |
billi l-bastimenti tal-UE għas-sajd tat-tonn li joperaw skont il-ftehim fil-perjodu bejn l-2014 u l-2017 ħattew l-art madwar 22 % tal-qabda reġjonali tagħhom tat-tonn fil-fabbrika tal-ippreservar tat-tonn fil-laned tal-Oċean Indjan (bil-prezz tas-suq internazzjonali); |
|
S. |
billi waħda mill-prekundizzjonijiet bażiċi għall-kisba ta' sajd sostenibbli hija l-aċċess għal data preċiża u affidabbli; |
|
T. |
billi l-valutazzjonijiet tal-istokkijiet tal-IOTC jindikaw li l-palamit u t-tonn obeż huma sfruttati f'livelli sostenibbli iżda li l-istokkijiet tat-tonna safra huma mistada ż-żejjed u huma soġġetti għal sforz ta' sajd eċċessiv fir-reġjun; |
|
U. |
billi t-tibdil fil-klima huwa mistenni li jkollu impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet differenti tat-tonn fl-Oċean Indjan; |
|
V. |
billi fl-2015, il-Kumitat Xjentifiku tal-IOTC irrakkomanda li l-qbid tat-tonna safra jitnaqqas b'20 %, iżda din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx implimentata b'mod adegwat; billi fl-2018 il-Kumitat Xjentifiku tenna r-rakkomandazzjoni tiegħu li jitnaqqsu l-qabdiet tat-tonna safra bil-għan li l-irkupru tal-bijomassa jitħalla jilħaq livelli sostenibbli; |
|
W. |
billi l-Qafas Strateġiku ta' Politika tal-Ekonomija Blu tas-Seychelles 2018-2030 jenfasizza l-prijoritajiet tal-pajjiż dwar is-sigurtà tal-ikel, it-taħriġ professjonali, iż-żoni protetti tal-baħar u t-tisħiħ tas-sħubijiet reġjonali; |
|
X. |
billi l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat hija waħda mill-prekundizzjonijiet bażiċi għall-kisba ta' sajd sostenibbli; |
|
Y. |
billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lis-Seychelles fl-ambitu tal-FSSS hija ta' EUR 5,3 miljun fis-sena; inklużi EUR 2,8 miljun għall-appoġġ settorjali; billi l-kontribuzzjoni totali tal-baġit tal-UE hija ta' EUR 31,8 miljun fuq sitt snin; billi t-tariffa li għandha titħallas mis-sidien tal-bastimenti għal kull tunnellata tonn li jinqabad żdiedet minn EUR 55 għal EUR 75 skont il-protokoll preċedenti u billi l-protokoll il-ġdid jipprevedi żieda minn EUR 80 għal kull tunnellata fl-2020 għal EUR 85 għal kull tunnellata għas-sitt snin; billi l-kontribuzzjoni totali mis-sidien tal-bastimenti hija stmata li hija ta' EUR 26,4 miljun matul id-durata kollha tal-protokoll; billi dan jammonta għal kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-Unjoni Ewropea ta' EUR 58,2 miljun għad-durata kollha tal-protokoll, jew ta' EUR 9,7 miljun fis-sena; |
|
Z. |
billi mill-2018 'l hawn l-UE, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, investiet EUR 17,5-il miljun f'self u għotjiet għall-alterazzjoni u l-estensjoni ta' Port Victoria, l-akbar port kummerċjali fis-Seychelles; billi dak l-investiment kien ta' benefiċċju f'termini tal-kompetittività ekonomika tas-Seychelles, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli tas-setturi kollha tal-ekonomija lokali; |
|
AA. |
billi għadd ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles huma l-proprjetà ta' ċittadini jew kumpaniji tal-UE; |
|
AB. |
billi l-Parlament jeħtieġlu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-FSSS, mal-Protokoll tiegħu u, fejn ikun applikabbli, mat-tiġdid tagħhom; |
|
1. |
Jisħaq li l-FSSS UE-Seychelles, filwaqt li jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE u jippromwovi l-kooperazzjoni xjentifika, globalment żgura li l-attività tas-sajd tal-flotta tal-UE taderixxi mal-objettivi ta' sostenibbiltà u għandu jkompli jiżgura li taderixxi mal-objettivi tal-protezzjoni ambjentali u li ma tagħmilx ħsara lill-bijodiversità tal-baħar, li jfisser li l-bastimenti tal-UE għandhom jistadu sehem mill-eċċess tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ikkalkulat abbażi tal-aqwa għarfien u parir xjentifiċi disponibbli; |
|
2. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li titrawwem il-kooperazzjoni xjentifika u li jsir skambju ta' data statistika dwar l-ambjent u l-konservazzjoni bijoloġika meħtieġa għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar sabiex kemm il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll bastimenti tas-sajd oħra li jistadu fl-ilmijiet tas-Seychelles ikunu jistgħu joperaw f'konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà; |
|
3. |
Jisħaq li s-settur tas-sajd huwa settur importanti għall-ekonomija tas-Seychelles u huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, għall-impjiegi u għas-sigurtà alimentari tal-pajjiż; |
|
4. |
Jisħaq fuq l-importanza li l-FSSS jikkonforma bis-sħiħ mal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni introdotti abbażi tar-riżoluzzjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali li għalihom tappartjeni għalihom ir-Repubblika tas-Seychelles, b'mod partikolari l-IOTC, u jikkontribwixxi għalihom; |
|
5. |
Jilqa' l-fatt li s-Seychelles u l-UE biħsiebhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-IOTC u jikkontribwixxu għar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti konġunti dwar it-tisħiħ tal-monitoraġġ u tal-kontrolli, kif ukoll dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-popolazzjonijiet tat-tonn fl-Oċean Indjan, inkluż billi tiġi promossa l-kooperazzjoni xjentifika; |
|
6. |
Iqis li l-FSSS UE-Seychelles għandu jkompli jippromwovi aktar kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika bejn l-UE u s-Seychelles fil-qasam tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles, inkluż appoġġ għall-kontroll, is-sorveljanza u l-ispezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd; |
|
7. |
Jieħu nota tal-fatt li s-settur tas-sajd tas-Seychelles, inkluż il-komponent artiġjanali tiegħu, ma kienx involut biżżejjed matul in-negozjati kollha; jitlob li l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u tal-partijiet ikkonċernati tas-sajd, u d-djalogu magħhom, jittejbu, kemm jista' jkun, billi jinżammu infurmati u permezz tal-inklużjoni sistematika tagħhom fl-implimentazzjoni tal-FSSS, il-Protokoll u t-tiġdid futur tiegħu, bil-għan li jiġi żgurat li l-interessi u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd tas-Seychelles ma jiddgħajfux mill-FSSS UE-Seychelles u li jiġi evitat tfixkil fl-attivitajiet tas-sajd artiġjanali lokali; |
|
8. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Protokoll tal-FSSS jista' potenzjalment iwassal għal żieda fil-kapaċità tas-sajd, b'għadd stabbli ta' bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun awtorizzati u b'għadd akbar ta' bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ, peress li ma ġewx sfruttati l-possibbiltajiet kollha skont il-ftehim preċedenti, minkejja rakkomandazzjonijiet xjentifiċi biex jitnaqqas il-qbid tat-tonna safra, u minkejja talbiet mill-unjoni tas-sajjieda tas-Seychelles biex jitnaqqas l-isforz tas-sajd fir-reġjun; |
|
9. |
Jappella għall-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati mill-IOTC, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-restawr tal-istokkijiet tat-tonna safra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet tas-Seychelles, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mal-IOTC, biex twaqqaf is-sajd żejjed tat-tonna safra mill-flotta tal-UE, fosthom billi tintroduċi limiti fuq il-qbid għat-tonna safra u billi tintensifika l-ġlieda kontra s-sajd IUU; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tas-Seychelles jippromwovu fost partijiet kontraenti oħra l-implimentazzjoni ta' tali miżuri mill-flotot kollha li joperaw fl-ilmijiet tas-Seychelles; |
|
10. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-selettività bil-għan li jitnaqqsu b'mod qawwi l-qabdiet inċidentali u l-qabdiet mhux mixtieqa, b'mod partikolari tal-ispeċijiet sensittivi u ta' ħut li għadu qed jikber, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet; |
|
11. |
Jilqa' l-fatt li ġie ssodisfat ir-rekwiżit tal-Protokoll li l-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun tal-UE jimpenjaw ruħhom li jfornu lill-impjanti tal-mili tat-tonn fil-laned u/jew l-industrija lokali tal-ipproċessar tas-Seychelles; |
|
12. |
Jilqa' l-introduzzjoni ta' miżuri li jillimitaw l-għadd ta' bastimenti ta' appoġġ u l-użu ta' rkaptu biex jinġema' l-ħut (FADs), bil-għan li jitnaqqas l-impatt negattiv tagħhom minn fuq il-ħut li għadu qed jikber u l-iskart tal-baħar; jilqa' l-obbligu li jintużaw FADs bijodegradabbli, li jridu jiġu rkuprati meta ma jibqgħux aktar operattivi; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib; iqis, madankollu, li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed biex jillimitaw l-impatt negattiv tal-FADs minn fuq il-bijodiversità u l-iskart tal-baħar u li l-użu tagħhom jrid jitnaqqas malajr u drastikament; |
|
13. |
Jilqa' l-fatt li, għall-finijiet tal-ġestjoni ambjentali u l-osservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, l-awtoritajiet tas-Seychelles qed jipprevedu l-istabbiliment ta' fond speċifiku li għalih se jikkontribwixxu s-sidien tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-UE; |
|
14. |
Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġbir tal-iskart tal-plastik sabiex jitnaqqas l-iskart tal-baħar; |
|
15. |
Jilqa' l-fatt li f'dawn l-aħħar snin is-Seychelles stabbiliet żoni tal-baħar protetti fl-ilmijiet tagħha; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' ġestjoni effikaċi; ifakkar li dawn iridu jiġu ġestiti f'konformità mal-objettivi tal-protezzjoni ambjentali, u jwissi dwar l-effetti negattivi li jistgħu jseħħu fuq dawn iż-żoni protetti jekk jitħallew li jsiru attivitajiet ekonomiċi oħra bħall-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt jew it-trasport marittimu; ifakkar fl-importanza tas-sorveljanza u l-monitoraġġ ta' dawn iż-żoni bil-għan li jinkiseb l-aqwa għarfien xjentifiku biex jingħata l-appoġġ għall-ġestjoni tagħhom; |
|
16. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-ġbir ta' data preċiża u affidabbli, l-iskambju u l-ipproċessar tad-data u s-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-kontroll effettivi tas-sajd, huma essenzjali biex jiġu żgurati stokkijiet ta' ħut b'saħħithom u fit-tul, u li l-FSSS UE-Seychelles irid isaħħaħ il-kooperazzjoni f'dawn l-oqsma; jilqa' l-possibbiltà li jitwettqu programmi konġunti ta' spezzjoni fuq il-bastimenti tal-UE bbażati fuq ir-riskji, programmi ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza u t-tranżizzjoni għal sistema elettronika ta' rappurtar (ERS) malajr kemm jista' jkun, ladarba jkun hemm qbil mill-Kumitat Konġunt. |
|
17. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni UE-Seychelles fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, inkluż permezz tat-taħriġ tal-uffiċjali tas-Seychelles fil-monitoraġġ u l-ispezzjonar; |
|
18. |
Jilqa' l-fatt li l-Gvern tas-Seychelles jimpenja ruħu li jippubblika u jiskambja informazzjoni relatata ma' kwalunkwe ftehim li jawtorizza bastimenti barranin fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-isforz tas-sajd li jirriżulta minnu, b'mod partikolari l-għadd ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa u l-qabdiet irrappurtati, peress li l-flotot barranin bħalissa qed jistadu skont ftehimiet mhux ippubblikati fl-ilmijiet tas-Seychelles; itenni l-importanza li l-awtoritajiet tas-Seychelles jiffirmaw biss ftehimiet tas-sajd ma' pajjiżi li juru impenn fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u ma' flotot li jsegwu regoli stretti dwar il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd; |
|
19. |
Jilqa' b'sodisfazzjoni il-fatt li l-awtoritajiet tas-Seychelles intrabtu li ma jaqblux ma' kondizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk maqbula f'dan il-ftehim għal flotot barranin oħrajn li jistadu fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u li għandhom l-istess karatteristiċi u li jistadu għall-istess speċijiet bħal dawk koperti minn dan il-ftehim u mill-protokoll ta' implimentazzjoni tiegħu; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-bdil tal-bandiera tal-bastimenti tal-UE jikkonforma mar-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, inkluż bil-promozzjoni ta' numru mandatarju tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) li jibqa' marbut ma' bastiment tul ħajtu kollha; |
|
21. |
Jisħaq fuq l-importanza li l-appoġġ settorjali jkun immirat b'mod aktar preċiż sabiex jiffinanzja miżuri li realment jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd lokali, b'mod partikolari t-taqsima artiġjanali tiegħu, u li jikkontribwixxu għall-ġestjoni effiċjenti tas-sajd, b'attenzjoni speċjali fuq it-taħriġ dwar is-sikurezza tal-ekwipaġġ, it-titjib tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza (MCS) u t-taħriġ għan-nisa u ż-żgħażagħ, abbażi tal-aspetti pożittivi tal-appoġġ settorjali skont il-ftehim preċedenti; jitlob li tiġi ppubblikata l-lista dettaljata tal-proġetti li jkunu qed jiġu ffinanzjati mill-appoġġ settorjali pprovdut fl-ambitu ta' dan il-FSSS u li tittejjeb il-komunikazzjoni dwar l-eżiti tal-programmi; |
|
22. |
Jilqa' l-fatt li l-partijiet impenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni ekonomika, kummerċjali, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u fl-attivitajiet relatati miegħu, u li jħeġġu l-bini tal-kapaċità umana u istituzzjonali fis-settur tas-sajd biex itejbu l-iżvilupp tal-ħiliet u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' taħriġ sabiex jikkontribwixxu għall-attivitajiet tas-sajd sostenibbli fis-Seychelles u l-iżvilupp tal-ekonomija blu; |
|
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura s-sorveljanza meħtieġa tal-kontribuzzjoni tas-sidien tal-bastimenti tal-UE għall-fond maħluq mill-awtoritajiet tas-Seychelles, għall-fini tal-ġestjoni ambjentali u l-osservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar fl-ilmijiet tagħhom, inkluż fil-Kumitat Konġunt; |
|
24. |
Jappella għal evalwazzjoni dettaljata tal-effetti tal-FSSS fuq l-ekonomiji lokali f'termini ta' impjiegi, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament u tagħmel pubblikament disponibbli l-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previsti fl-Artikolu 12 tal-FSSS u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali; jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-attendenza tar-rappreżentanti tal-Parlament fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, inkluż permezz tat-telekonferenzi, u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni sistematika tal-komunitajiet tas-sajd tas-Seychelles u tal-partijiet ikkonċernati assoċjati; |
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ, fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-Ftehim u l-Protokoll tiegħu u, jekk applikabbli, tat-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 218(10) tat-TFUE; |
|
27. |
Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-fatt li meta jipproċedu persistentement bl-applikazzjoni proviżorja ta' ftehimiet internazzjonali qabel ma l-Parlament ikun ta l-approvazzjoni tiegħu, ma jkunux qed jaġixxu b'mod kompatibbli mal-prinċipji gwida tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u li din il-prattika tagħmel ħsara lill-kredenzjali demokratiċi tal-UE kollha kemm hi, u jitlob għalhekk li l-proċedura tittejjeb; |
|
28. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tas-Seychelles. |
(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0296.