29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/89


P9_TA(2020)0266

Żvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): titjib tal-aċċess għall-finanzjament fis-swieq kapitali, b'mod partikolari mill-SMEs, u żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar żvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): titjib tal-aċċess għall-finanzjament fis-swieq kapitali, b'mod partikolari mill-SMEs, u żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur (2020/2036(INI))

(2021/C 395/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli Li Jmiss tas-CMU ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-10 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Inlestu għall-bidliet. Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit” (COM(2020)0324),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv” (COM(2018)0109),

wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali propost mill-Kummissjoni fl-24 ta' Lulju 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar “Il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar “Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali” (2),

wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ regolari tal-BĊE dwar l-Aċċess tal-Intrapriżi għall-Finanzjament,

wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0155/2020),

A.

billi l-azzjonijiet kollha li ttieħdu biex tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) għandu jkollhom bħala l-objettiv ewlenin tagħhom it-titjib tal-firxa ta' għażliet ta' finanzjament aktar attraenti, stabbli u sostenibbli offruti lill-kumpaniji u liċ-ċittadini, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà ekonomika, jiġi minimizzat ir-riskju finanzjarju u jiġu protetti b'mod adegwat l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, il-pensjonanti u l-konsumaturi, biex tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni finanzjarja u biex dawk li jfaddlu jsiru investituri; billi l-aċċess għall-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma għall-SMEs, l-imprendituri u l-ekonomija soċjali sar saħansitra aktar kruċjali għall-irkupru wara l-COVID-19;

B.

billi s-suq intern tal-UE huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni miftuħa, qafas regolatorju, dipendenza minn standards internazzjonali u kooperazzjoni superviżorja; billi l-istrateġija tas-CMU għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji;

C.

billi l-livell ta' finanzjament meħtieġ għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE joħloq ħtieġa imperattiva ta' investiment għaqli u b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi s-CMU għandha tkun kontributur ewlieni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti li tikkomplementa l-investiment pubbliku, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku tal-UE; billi bħalissa qed jiġi żviluppat qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli; billi dan il-qafas jifforma parti integrali mill-isforzi tal-UE, fl-ambitu tas-CMU, biex il-finanzi jiġu konnessi mal-ħtiġijiet tal-ekonomija u l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni;

D.

billi s-swieq kapitali tal-UE jistgħu jgħinu lill-ekonomija u lill-irkupru ekonomiku ferm meħtieġ meta jkunu trasparenti, kompetittivi, reżiljenti, ikklerjati b'mod ċentrali u appoġġjati minn regolamentazzjoni ġusta;

E.

billi xi investituri għandhom tolleranza tar-riskju ogħla minn oħrajn, u billi mhux in-negozji kollha huma f'pożizzjoni li jiksbu aċċess għal finanzjament fis-swieq kapitali u jibbenefikaw minnu;

F.

billi l-ħolqien ta' assi sikur fiż-żona tal-euro huwa kruċjali għall-integrazzjoni finanzjarja u l-iżvilupp ta' CMU; billi assi sikur fl-UE huwa neċessarju għall-ħolqien ta' suq Ewropew tal-bonds integrat, profond u likwidu bħala parti ċentrali mis-CMU, li jista' jservi bħala parametru referenzjarju tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro għall-valwazzjoni ta' bonds, ekwitajiet u assi oħra, u anke bħala kollateral fiż-żona tal-euro kollha;

G.

billi ħafna mill-azzjonijiet meħuda s'issa biex tinkiseb is-CMU mexjin fid-direzzjoni t-tajba minkejja li ma ntlaħqux diversi miri, u l-importanza tas-self bankarju meta mqabbel mal-ekwitajiet fil-fatt żdiedet f'dawn l-aħħar snin; billi għad fadal ħafna xogħol xi jsir f'termini ta' konverġenza, preċiżjoni, effikaċja u simplifikazzjoni tal-miżuri adottati; billi viżjoni ambizzjuża għall-proġett tas-CMU hija essenzjali biex jingħelbu s-sensittivitajiet nazzjonali u biex jinbena l-momentum biex titlesta s-CMU b'tali mod li l-UE ssir suq attraenti għall-investiment kapitali barrani u biex tiżdied il-kompetittività tagħha fis-swieq globali;

H.

billi l-iżvilupp ta' CMU jimxi id f'id mal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u b'mod partikolari mat-tlestija tal-Unjoni Bankarja; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar “L-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019” (3), il-Parlament iħeġġeġ it-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tal-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti implimentata bis-sħiħ; billi l-Unjoni Bankarja se tibqa' wkoll mhux kompluta sakemm ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza kredibbli għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni; jitlob ukoll li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi stabbilit u jinħoloq mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni fiskali għaż-żona tal-euro kollha kemm hi; billi s-CMU trid tiġi kkomplementata minn miżuri ta' politika kontroċikliċi sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-finanzjament u għall-opportunitajiet ta' investiment madwar l-UE;

I.

billi r-regolamenti finanzjarji, b'mod partikolari fis-settur bankarju u tal-awditjar, dan l-aħħar ġew modifikati b'reazzjoni għall-COVID-19; billi l-finanzjament fis-swieq kapitali huwa meħtieġ biex tiżdied il-kapaċità ta' finanzjament globali u titnaqqas id-dipendenza mis-self bankarju fl-UE; billi settur bankarju kapitalizzat tajjeb se jkompli jkollu rwol importanti fil-finanzjament tan-negozji, b'mod speċjali l-SMEs;

J.

billi n-nuqqas ta' mekkaniżmu ċentralizzat b'informazzjoni pubblika faċilment aċċessibbli, affidabbli, li tinftiehem u komparabbli huwa waħda mir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji jitħabtu biex isibu investituri; billi l-investituri jsibuha diffiċli biex jevalwaw ditti ġodda u żgħar b'rekord ta' negozju qasir, u għaldaqstant ixekklu l-ftuħ ta' impriżi innovattivi ġodda, b'mod speċjali minn imprendituri żgħażagħ;

K.

billi mir-Reċessjoni l-Kbira rriżulta kunsens li l-arkitettura istituzzjonali taż-żona tal-euro teħtieġ riforma biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tindirizza xokkijiet ekonomiċi kbar; billi, f'dan ir-rigward, il-letteratura ekonomika għandha t-tendenza ssib li assorbiment ogħla tax-xokkijiet fl-Istati Uniti jirriżulta b'mod prinċipali minn kondiviżjoni tar-riskju privat aktar effikaċi permezz ta' swieq kapitali u ta' kreditu;

L.

billi l-SMEs ammontaw għal 99,8 % tal-intrapriżi kollha fis-settur tan-negozju mhux finanzjarju (NFBS) tal-UE-28, u ġġeneraw 56,4 % tal-valur miżjud u 66,6 % tal-impjiegi fl-NFBS; billi l-mikrointrapriżi ammontaw għal 93 % tas-settur, l-intrapriżi żgħar għal 5,9 % u l-intrapriżi ta' daqs medju għal 0,9 % biss (4);

M.

billi l-kriżi soċjali u ekonomika li rriżultat mill-COVID-19 u l-miżuri tal-lockdown se jkollhom impatt partikolarment negattiv fuq l-SMEs u b'mod simili jistgħu jaffettwaw lil dawk li jfaddlu; billi r-rispons tal-UE għall-COVID-19 permezz tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew għandu jipprovdi injezzjoni kbira ta' kapital u jkun ikkomplementat b'inċentivi li jippromwovu finanzjament ibbażat fuq is-suq u jnaqqsu id-dipendenza fuq is-self mill-banek, biex b'hekk jiżdied l-aċċess tal-intrapriżi Ewropej għall-finanzjamenti u tinbena ekonomija tal-UE reżiljenti, biex jiġu ppreservati l-impjiegi u l-kapaċità ta' produzzjoni tal-Istati Membri;

N.

billi l-kumplessità tal-iskandlu li jinvolvi l-fornitur ta' servizzi ta' pagament Ġermaniż Wirecard, kumpanija DAX30 li applikat għal insolvenza fl-24 ta' Ġunju 2020 u li żvelat nuqqasijiet fil-qafas regolatorju Ewropew, tirrikjedi valutazzjoni b'attenzjoni biex jiġi determinat x'mar ħażin biex imġiba frawdolenti ta' skala enormi ma ġietx innutata għal żmien twil; billi l-adattamenti għall-arkitettura superviżorja Ewropea fir-rigward tar-rappurtar finanzjarju, l-innovazzjoni finanzjarja, il-pagamenti, u oqsma relatati inklużi l-awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, għal darb'oħra ġew enfasizzati bħala meħtieġa b'mod urġenti fid-dawl ta' dan l-iskandlu reċenti;

O.

billi s-CMU teħtieġ timmobilizza d-domanda tal-konsumatur; billi biex jinkiseb dan l-objettiv, l-investituri fil-livell tal-konsumatur jeħtiġilhom jesperjenzaw bidla fil-kultura tal-investiment; billi bidla bħal din isseħħ biss meta investituri fil-livell tal-konsumatur jikkonvinċu ruħhom li l-investiment fis-swieq kapitali huwa mixtieq filwaqt li jkun soġġett għal riskji li huma aċċettabbli u definiti b'mod ċar; billi l-Kummissjoni għandha tkompli tesplora aktar opportunitajiet biex tikkomunika l-benefiċċji tal-proġett tas-CMU, pereżempju permezz ta' bidla fl-isem li tirrifletti r-rabta diretta bejn it-tfaddil u l-investimenti taċ-ċittadini tal-UE fi tkabbir ekonomiku u l-irkupru wara l-COVID-19, kif suġġerit mill-Grupp ta' Livell Għoli li Jmiss tas-CMU;

P.

billi, skont rapporti u stħarriġ iffukat fuq il-konsumatur reċenti (5), il-maġġoranza tal-investituri Ewropej fil-livell tal-konsumatur għandhom preferenzi ta' sostenibbiltà u jridu jqisu fatturi u riskji ambjentali, soċjali jew ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom, iżda rari jiġu offruti prodotti kompatibbli;

Q.

billi l-movimenti tas-suq li rriżultaw mill-COVID-19 aġixxew bħala “test tal-istress” fil-ħajja reali dwar ir-robustezza tal-ekosistema finanzjarja sħiħa, u għandhom jiġu segwiti minn valutazzjoni dettaljata tal-benefiċċji u n-nuqqasijiet tal-ġabra ta' regoli eżistenti tal-UE dwar l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni finanzjarja;

R.

billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jġib tibdil strutturali għas-sistema finanzjarja tal-UE; billi s-swieq kapitali tal-UE wara l-Brexit se jkollhom karattru poliċentriku, u se jiffaċċjaw riskju akbar ta' frammentazzjoni fl-UE; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' politiki u miżuri, inkluż approċċ robust għall-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-suq tal-UE u sistema dinamika ta' monitoraġġ dwar ir-reġimi tal-ekwivalenza, li jiżguraw ir-reżiljenza, il-konnettività u l-kompetittività tas-swieq finanzjarji tal-UE kif ukoll l-istabbiltà tagħhom u kundizzjonijiet ekwi; billi l-ekwivalenza tista' tingħata biss jekk ir-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tal-pajjiż terz rilevanti jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi;

S.

billi l-FinTech għandha l-potenzjal li tissodisfa ċerti ħtiġijiet ta' SMEs u investituri fil-livell tal-konsumatur billi tippermetti modi deċentralizzati ta' operat u ġġib magħha titjib fl-effiċjenza;

Finanzjament tan-negozji

1.

Jinnota l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 bit-titolu “A Capital Markets Union for people and business – new action plan” (Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u għan-negozji – pjan ta' azzjoni ġdid) (COM(2020)0590); jinsisti fuq il-ħtieġa li titlesta s-CMU biex jingħata kontribut għall-irkupru ekonomiku u soċjali wara l-pandemija tal-COVID-19; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel impenn aktar b'saħħtu biex tikseb progress reali dwar kwistjonijiet bħal-liġijiet dwar is-superviżjoni, it-tassazzjoni jew l-insolvenza li għadhom jirrappreżentaw ostakli ewlenin għall-integrazzjoni reali tas-swieq kapitali tal-UE;

2.

Jappella għat-tneħħija tal-ostakli u l-burokrazija, fejn xieraq, inklużi s-simplifikazzjoni u l-applikazzjoni aktar proporzjonata tal-leġiżlazzjoni fejn rilevanti u li twassal għall-istabbiltà finanzjarja, sabiex jiġu diversifikati s-sorsi ta' finanzjament għall-kumpaniji Ewropej, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, inklużi n-negozji ġodda u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, sabiex tiġi promossa l-kapaċità tagħhom li jaċċessaw swieq tal-ekwità, u biex ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' investiment aktar diversifikati, fit-tul u aktar kompetittivi għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u għal investituri kbar; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn eżistenti; jirrimarka li s-sitwazzjoni attwali tagħmel lill-kumpaniji Ewropej u b'mod speċjali lill-SMEs aktar fraġli u vulnerabbli; jitlob l-introduzzjoni ta' “test tal-SMEs” għal valutazzjonijiet tal-impatt fuq kull inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

3.

Jinnota li l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-SMEs, inklużi n-negozji ġodda u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, isibu triqthom lejn is-swieq finanzjarji jinkludu l-iffaċilitar tar-riċerka dwar l-investiment, is-simplifikazzjoni tad-definizzjoni ta' SMEs fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, u l-iffaċilitar tar-rekwiżiti tal-ħruġ; jistieden lill-Istati Membri jibbilanċjaw mill-ġdid il-preġudizzju favur id-dejn minflok l-ekwità fit-tassazzjoni; jappoġġja r-reviżjoni tar-reġim tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) għal inċentivi għar-riċerka fl-investiment tal-SMEs;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza proposta leġiżlattiva dwar il-“European Secured Notes” (ESNs) bħala strument ta' finanzjament ta' rikors doppju ġdid għall-banek li jista' jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fl-UE kollha; ifakkar li l-ESNs jistgħu jintużaw għal objettivi speċifiċi, bħall-appoġġ tal-SMEs fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar kompetittiva u sostenibbli u l-allokazzjoni tal-finanzjament lejn l-ekonomija reali;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-feedback obbligatorju mogħti mill-banek meta jirrifjutaw applikazzjonijiet għal kreditu tal-SMEs, billi feedback aktar komprensiv jista' jagħti l-opportunità lill-SMEs b'talbiet irrifjutati biex jadattaw l-approċċ tan-negozju tagħhom u jitgħallmu;

6.

Jitlob aktar integrazzjoni u titjib tas-swieq kapitali Ewropej biex isiru kemm jista' jkun attraenti, kompetittivi u reżiljenti, b'mod speċjali anke fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

7.

Jenfasizza l-importanza fundamentali tat-tisħiħ tal-kapaċità ta' assorbiment tar-riskju taż-żona tal-euro;

8.

Jenfasizza li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jistgħu jsaħħu l-kapaċità interna tagħhom biex jindirizzaw ix-xokkijiet makroekonomiċi, b'mod partikolari billi jnaqqsu b'mod effikaċi l-vulnerabbiltajiet fl-ekonomiji, is-setturi bankarji, u l-finanzi pubbliċi tagħhom; iqis ukoll li jeħtieġ li tittejjeb ir-reżiljenza ekonomika permezz ta' riformi strutturali li jappoġġjaw it-tkabbir potenzjali u jżidu l-flessibbiltà;

9.

Jisħaq li swieq finanzjarji effiċjenti u integrati huma prerekwiżit ewlieni għall-kondiviżjoni effiċjenti tar-riskju privat fiż-żona tal-euro; iqis li CMU ġenwina tista' tgħin b'mod sinifikanti biex jiġi ddiversifikat u mnaqqas ir-riskju;

10.

Jinnota t-tnaqqis fis-swieq ta' Offerti Pubbliċi Inizjali (IPO) fl-UE, li jirrifletti l-attraenza limitata tagħhom b'mod partikolari għall-kumpaniji iżgħar; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-SMEs jiffaċċjaw piżijiet amministrattivi u spejjeż ta' konformità sproporzjonati marbuta ma' rekwiżiti ta' elenkar; huwa tal-fehma li l-effiċjenza u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għandhom jittejbu u li l-elenkar tal-kumpaniji għandu jiġi ffaċilitat; iħeġġeġ il-ħolqien u l-prijoritizzazzjoni ta' fond kbir, privat u pan-Ewropew, Fond IPO, biex jappoġġja l-finanzjament lill-SMEs; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent attraenti ta' qabel u ta' wara l-IPO għall-SMEs;

11.

Jilqa' l-idea tal-Forum ta' Livell Għoli li jiġi stabbilit Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) biex tiġi aggregata l-informazzjoni dwar kumpaniji fl-UE permezz tal-interkonnessjoni ta' reġistri nazzjonali u tal-UE eżistenti u bażijiet tad-data dwar il-kumpaniji, bħala mod kif jiġu megħjuna l-kumpaniji, b'mod partikolari fi Stati Membri iżgħar, sabiex jiġu attirati l-investituri; jisħaq li l-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw id-disponibbiltà tad-data tagħhom fl-ESAP; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew għal informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja fir-rigward ta' kumpaniji elenkati u mhux elenkati tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità, fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika r-rekwiżiti ta' trasparenza skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD) ma' dawk skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija u r-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli;

12.

Jitlob li jiġi kkunsidrat jekk it-trattament skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) ta' interess minoritarju tas-sussidjarji jistax jiskoraġġixxi l-elenkar fis-swieq tal-ishma, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u kwalunkwe valur miżjud għall-finanzjament għall-ekonomija reali;

13.

Jitlob li jitħaffef l-iżvilupp ta' kapital ta' riskju (KR) tal-UE u swieq ta' ekwità privata taħt qafas komuni u trasparenti għall-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (EuVECAs) (6), billi tiżdied id-disponibbiltà ta' finanzjament għall-investimenti tal-KR u jiġu żviluppati fondi akbar fi stadju bikri u avvanzat tal-KR, skemi ta' inċentivi tat-taxxa għal investimenti mill-KR u l-investituri informali, kif ukoll swieq tal-IPO attivi għal kumpaniji appoġġjati mill-KR; jissottolinja li dawn l-iskemi ta' inċentivi tat-taxxa għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jkunu ekonomikament u soċjalment vijabbli u responsabbli, u jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi;

14.

Jirrimarka dwar in-neċessità li tiżdied it-trasparenza u titnaqqas il-frammentazzjoni fis-swieq tal-KR Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIFs), l-EuVECAs u l-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (EuSEFs), sabiex jiġu żviluppati vetturi pan-Ewropej għall-ekwità privata; jappoġġja r-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (7), inkluża analiżi ta' aġġustamenti mmirati possibbli għal kalibrazzjonijiet prudenzjali relatati fl-oqfsa regolatorji bankarji u tal-assigurazzjoni filwaqt li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, bħala mod li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur li jinvolvu ruħhom fil-finanzjament fit-tul ta' kumpaniji mhux elenkati, proġetti ta' infrastruttura u investimenti sostenibbli, sabiex isir użu mill-potenzjal sħiħ tal-ELTIFs;

15.

Jitlob li jittieħdu miżuri biex tingħata ħajja ġdida lis-swieq tat-titolizzazzjoni fl-Ewropa billi jsiru aktar attraenti għall-emittenti u l-investituri; jitlob lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw l-Istandards Tekniċi Regolatorji kollha; jitlob li jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati r-rekwiżiti regolatorji għad-divulgazzjoni, il-kriterji sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS), il-verifika STS u li jiġu pprovduti parametri sempliċi u sensittivi għar-riskju għall-valutazzjoni tat-Trasferiment ta' Riskju Sinifikanti;

16.

Jieħu nota tal-proposti dwar it-titolizzazzjoni ppreżentati fl-24 ta' Lulju 2020 fi ħdan il-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif emendi mmirati għar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni jistgħu jilliberaw il-kapaċità ta' finanzjament, sabiex jiġi evitat tnaqqis fis-self bankarju Ewropew filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja, peress li n-natura ta' xi titolizzazzjonijiet sintetiċi tista' toħloq riskji prudenzjali u sistemiċi speċifiċi; hu tal-fehma li valutazzjonijiet immirati bħal dawn jistgħu jinkludu l-allinjament mill-ġdid tat-trattament ta' titolizzazzjonijiet bi flus kontanti u sintetiċi tal-karta bilanċjali, u kapital regolatorju u likwidità ma' dak kopert minn bonds u self, kif ukoll rieżami tad-divulgazzjoni u r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għal titolizzazzjonijiet ta' partijiet terzi, bonds koperti u titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS);

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-miżuri mmirati potenzjali, l-allinjament u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq tat-titoli, biex tiffaċilita l-irkupru malajr wara l-kriżi tal-COVID-19, biex tiffaċilita l-investiment fl-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs, u biex tippermetti lill-operaturi ġodda u l-prodotti ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-swieq, u b'hekk jiġu ppreservati l-protezzjoni tal-konsumatur u l-integrità tas-suq filwaqt li jiġu mħeġġa l-investimenti u l-kummerċ transfruntiera fl-ekwitajiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex meħtieġ tirrieżamina r-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR), inklużi l-Obbligu tan-Negozjar fl-Ishma (STO) u l-Obbligu tan-Negozjar tad-Derivattivi (DTO), biex telimina frizzjonijiet potenzjali li jistgħu jħallu impatt fuq il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jżidu l-kapital f'dan iż-żmien, speċjalment fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;

18.

Jiddispjaċih għas-sottożvilupp tas-suq tal-UE għall-finanzjament kollettiv (crowdfunding) meta mqabbel ma' ekonomiji kbar oħra; jilqa' b'sodisfazzjon is-sett uniformi ġdid ta' kriterji għal regoli madwar l-UE maqbula f'Diċembru 2019 (2018/0048(COD)) biex jgħinu biex tissolva din is-sitwazzjoni u jitrawwem il-finanzjament tan-negozju transfruntier; jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda sabiex jirreaġixxu u jipproponu tibdil jekk ma jiġi osservat l-ebda titjib sinifikanti fil-finanzjament kollettiv bħala alternattiva għall-finanzjament tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw b'mod attiv lill-SMEs dwar l-istrumenti ta' finanzjament alternattivi disponibbli għalihom;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-inizjattivi biex tinċentiva s-sjieda ta' ishma għall-impjegati, sabiex tippromwovi l-involviment dirett ta' dawk li jfaddlu fil-finanzjament tal-ekonomija, u anke bħala għodda biex ittejjeb il-governanza korporattiva u tgħin fl-iżvilupp ta' kultura ta' ekwità;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-involviment dirett ta' dawk li jfaddlu fil-finanzjament tal-ekonomija, filwaqt li titqies il-possibbiltà ta' ritorn fuq l-investiment għal investituri fil-livell tal-konsumatur;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tar-reġim dixxiplinari tas-saldu skont ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u l-Brexit;

Promozzjoni ta' investimenti u prodotti finanzjarji fit-tul u transfruntiera

22.

Jitlob lill-Istati Membri jemendaw l-oqfsa tat-taxxa nazzjonali tagħhom sabiex inaqqsu l-ostakli fiskali għall-investimenti transfruntiera, inklużi l-proċeduri għal rifużjoni transfruntiera lill-investituri, inklużi l-investituri fil-livell tal-konsumatur, tat-taxxa minn ras il-għajn fuq id-dividendi fejn tkun involuta t-tassazzjoni doppja; huwa tal-fehma li tali proċeduri għandhom jiġu ġestiti b'mod trasparenti fuq pjattaforma diġitali pan-Ewropea u għandhom jippermettu lill-investituri jiddeterminaw ir-redditu fuq l-investiment tagħhom f'ħin reali; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-OECD u l-Proġett tagħha ta' Eżenzjoni u Konformità Fiskali (TRACE), jibbilanċjaw mill-ġdid il-preġudizzju bejn l-ekwità u d-dejn li jippenalizza l-finanzjament tal-innovazzjoni permezz ta' investiment privat, u jinċentivaw opportunitajiet ta' investiment fit-tul għall-investituri sabiex jgħinu liċ-ċittadini tal-UE jiksbu redditi aħjar fuq it-tfaddil fit-tul tagħhom;

23.

Huwa tal-fehma li l-emenda tal-oqfsa nazzjonali tat-taxxa b'mod unilaterali fl-UE biex jitnaqqsu l-ostakli tat-taxxa għal investimenti transfruntiera se tkompli tistabbilixxi t-taħlita ta' regoli tat-taxxa li l-kumpaniji jridu jħarsu meta joperaw b'mod transfruntier, b'diversi spejjeż, u toffri possibbiltajiet ulterjuri għall-evitar tat-taxxa; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jaqblu dwar l-adozzjoni tal-proposti li jikkonċernaw il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) simultanjament, filwaqt li jqisu l-opinjoni tal-Parlament, li diġà tinkludi l-kunċett ta' stabbiliment permanenti virtwali u formuli ta' tqassim; jistieden lill-Istati Membri jallaċċjaw il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom dwar il-BKKTK, minħabba l-importanza ta' dan l-istrument biex jinħoloq qafas li jrawwem iċ-ċertezza, jipprevjeni t-tassazzjoni doppja u jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi, u b'hekk isaħħaħ l-investimenti transfruntiera;

24.

Jenfasizza l-importanza li tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għal investimenti transfruntiera billi l-proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza jsiru aktar effiċjenti u effikaċi, u billi jkomplu jiġu armonizzati r-regoli dwar il-governanza korporattiva, inkluża definizzjoni komuni ta' “azzjonist” biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment ma' kumpaniji li fihom isir investiment fl-UE kollha; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' qafas ta' protezzjoni legali sod għal investimenti transfruntiera fl-UE wara t-terminazzjoni tat-trattati bilaterali ta' investiment intra-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi leġiżlattivi u/jew toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, kif xieraq;

25.

Jenfasizza l-importanza tal-investimenti fl-ekwitajiet fuq terminu twil tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-appoġġ ta' intrapriżi Ewropej indipendenti fl-Unjoni, setturi strateġiċi reżiljenti u b'saħħithom, tkabbir ekonomiku sostenibbli u prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE;

26.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir progress ulterjuri fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' ġabra unika ta' regoli reali għas-servizzi finanzjarji fis-suq intern, inkluż fir-rigward ta' definizzjonijiet u standards komuni dwar il-finanzi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ESAs jiffokaw fuq l-użu ta' għodod ta' konverġenza superviżorja u jsaħħu l-effikaċja tagħhom;

27.

Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa d-dispożizzjoni tal-pensjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-pensjonijiet tat-tieni u t-tielet pilastru, minħabba t-tibdil demografiku massiv li l-Unjoni tiffaċċja; jilqa' l-prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP); jinnota li l-PEPP hija prodott tal-pensjoni volontarju u komplementari minbarra l-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali; ifakkar li t-trattament tat-taxxa se jkun kunsiderazzjoni ewlenija għall-aċċettazzjoni ta' PEPPs futuri; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2017 li tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-PEPPs ikunu soġġetti għall-istess trattament tat-taxxa bħall-prodotti tal-pensjoni nazzjonali biex issir għażla għal dawk li jfaddlu; jitlob evalwazzjoni bir-reqqa bbażata fuq l-evidenza tas-suq tal-PEPPs, anke fir-rigward tal-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi, qabel ir-rieżami leġiżlattiv li jmiss tar-Regolament dwar il-PEPPs;

28.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu sistemi ta' pensjoni ffinanzjati, bħala mod biex japprofondixxu r-riżervi ta' kapital Ewropew disponibbli għal investiment fit-tul, u biex itejbu d-dinamika tas-suq u l-inċentivi għall-investiment; jemmen li l-pensjonijiet iffinanzjati għandhom jingħataw ħajja mill-ġdid u jsiru aktar attraenti; jitlob azzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli għall-koeżistenza ta' sistemi ta' pensjonijiet pubbliċi u privati; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' investituri fi prodotti fit-tul b'politiki ta' inċentivi tat-taxxa mfassla biex jiġġeneraw impatt ekonomiku u soċjali ta' benefiċċju u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri u t-tipi ta' prodotti;

29.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' reġim “de minimis” jew ta' eżenzjoni tal-UE għad-distribuzzjoni lill-investituri professjonisti u/jew semiprofessjonali fil-qafas tad-direttiva dwar l-Impriżi ta' Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli (UCITS);

30.

Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II teħtieġ rieżami sa tmiem l-2020 u li l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) se tipprovdi parir tekniku lill-Kummissjoni, inklużi l-esperjenzi wara t-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari dwar il-kopertura tar-riskji relatati mal-pandemija, wara konsultazzjonijiet ma' partijiet ikkonċernati differenti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EIOPA jivvalutaw, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt immirata, il-benefiċċji potenzjali u l-ġustifikazzjoni prudenzjali tal-aġġustament tar-rekwiżiti kapitali għall-investimenti fl-ekwità u d-dejn privat, b'mod partikolari tal-SMEs, possibbilment anke permezz tal-approċċ tal-mudell intern, biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti kapitali għall-assiguraturi u għall-fondi tal-pensjonijiet ma jiskoraġġixxux l-investimenti fit-tul; jinkoraġġixxi l-eliminazzjoni gradwali u rapida tal-eżenzjonijiet nazzjonali u t-tnaqqis tar-“regolamentazzjoni żejda” fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' Solvibbiltà II;

31.

Jissottolinja l-ħtieġa li tinħoloq u tiġi stimulata d-disponibbiltà ta' assi sostenibbli xierqa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva għal Standard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi; jitlob aktar diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta' assi sikur Ewropew, abbażi ta' evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni tal-proposta u l-iżviluppi possibbli tat-titoli koperti minn bonds sovrani (SBBS), sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u l-banek ikunu jistgħu jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom;

32.

Jenfasizza li regoli prudenzjali adegwati li jipprovdu kapaċità ta' assorbiment tat-telf huma fundamentali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jrid jinstab bilanċ biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinvestu u jsellfu lill-ekonomija reali u l-kompetittività globali tal-UE titjieb; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni tal-istandards finalizzati ta' Basel III, tagħti attenzjoni xierqa lill-piżijiet tar-riskju applikabbli għall-investimenti tal-banek fl-ekwità, speċjalment l-ekwità fit-tul tal-SMEs;

33.

Jenfasizza li s-CMU għandha tkun konsistenti u koerenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b'mod partikolari mal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli u t-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli; iqis li s-CMU għandu jkollha l-għan li tidderieġi l-investimenti lejn proġetti favur l-ambjent u kompetittivi, u b'hekk tikkontribwixxi għall-aġenda sostenibbli tal-UE;

Arkitettura tas-suq

34.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni effiċjenti u effikaċi bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u nazzjonali, sabiex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jaħdmu flimkien lejn konverġenza superviżorja ġenwina biex jippromwovu mudell komuni Ewropew ta' superviżjoni u infurzar, iggwidat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), biex jitnaqqsu l-ostakli eżistenti għall-operazzjonijiet finanzjarji transfruntiera; jinnota l-importanza tal-ESMA, l-EIOPA u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) f'dan il-proċess, filwaqt li jirrispetta wkoll ir-rwol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (NCAs) kif stabbilit fir-rieżami miftiehem reċentement tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (ESFS); ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tiġi riformata l-istruttura ta' governanza tal-ESAs biex isiru aktar indipendenti mis-superviżuri nazzjonali;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb ta' titjib potenzjali fl-effiċjenza, tikkunsidra li gradwalment tagħti setgħat superviżorji diretti lill-ESMA, inkluż sorveljanza diretta fuq ċerti segmenti tas-suq, bħall-Kontropartijiet Ċentrali tal-UE (CCPs) u d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs), u l-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew, kif ukoll setgħat akbar ta' intervent fuq il-prodott; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħatar superviżur Ewropew uniku, f'kooperazzjoni mal-NCAs rilevanti, abbażi ta' ġabra komuni tar-regoli u setgħat ta' intervent tal-prodotti għas-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kriptoassi b'element transfruntier sinifikanti fl-UE;

36.

Jinsab imħasseb dwar l-iskandlu reċenti li involva kumpanija Ġermaniż FinTech Wirecard; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE jivvalutaw sa liema punt dan l-iskandlu jista' jiġi attribwit għal nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tal-UE fil-qasam tal-awditjar u s-superviżjoni, u jekk is-superviżuri nazzjonali u tal-UE humiex mgħammra biżżejjed biex jissorveljaw b'mod effikaċi istituzzjonijiet finanzjarji transfruntiera kbar b'mudelli kummerċjali kumplessi li jinvolvu ġurisdizzjonijiet differenti ta' pajjiżi terzi u saffi korporattivi multipli; jappella li jinstiltu konklużjonijiet minn dan il-każ fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-qafas regolatorju u superviżorju tal-UE, u b'mod partikolari lill-pjan ta' azzjoni tas-CMU; jemmen li dawn il-konklużjonijiet għandhom jindirizzaw jekk is-superviżjoni diretta fil-livell Ewropew f'oqsma speċifiċi setgħetx tipprevjeni dan il-falliment, u jekk tkunx ġustifikata riforma ambizzjuża tal-governanza tal-ESAs, bi rwol aktar b'saħħtu fit-tnaqqis tal-ostakli eżistenti għall-operazzjonijiet finanzjarji transfruntiera; itenni, b'mod partikolari, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina modi kif ittejjeb il-funzjonament tas-settur kontabilistiku, inkluż permezz ta' awditi konġunti;

37.

Jenfasizza l-kompetizzjoni fl-UE kollha, l-għażla u l-aċċess għall-infrastrutturi tas-suq bħala prinċipji fundamentali għad-diversità tal-mekkaniżmi kummerċjali fis-CMU, ħlief fejn tali aċċess jipperikola l-istabbiltà finanzjarja; jinnota bi tħassib li tul dawn l-aħħar snin sehem dejjem jiżdied ta' flussi kummerċjali mar għall-postijiet tan-negozjar b'rekwiżiti ta' trasparenza limitati, u jirrimarka li dan il-kummerċ ma jikkontribwixxix b'mod sinifikanti għall-iskoperta tal-prezz; jinnota li livelli ta' negozjati bilaterali barra miċ-ċentru tan-negozjar jibqgħu għoljin; huwa favur bidla ġenwina lejn negozjar kompetittiv fil-borża fi swieq Ewropej tal-ekwità u tad-derivattivi, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn postijiet ta' negozjar differenti;

38.

Iqis li operaturi tas-soċjetà ċivili u rappreżentanti tal-konsumaturi ffinanzjati sew fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jistgħu joffru għarfien imprezzabbli u valutazzjoni indipendenti lil dawk li jfasslu l-politika u lir-regolaturi;

39.

Jissottolinja l-ħtieġa, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' frammentazzjoni li jirriżulta mill-applikazzjonijiet ta' għażliet u diskrezzjoni nazzjonali, li jsir progress fir-rigward tal-istandards komuni Ewropej;

40.

Josserva li r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji hija kompitu kumpless ħafna, li jeżisti fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali; iħeġġeġ lill-atturi rilevanti kollha biex jindirizzaw din il-kumplessità biex jiżguraw il-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja, u biex ineħħu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa; jinnota wkoll li l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja tista' xi kultant twassal għal kumplessità akbar, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu sforzi sinifikanti biex jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-regoli eżistenti u futuri, billi jeliminaw b'mod gradwali l-eżenzjonijiet nazzjonali kif xieraq u billi jipprevjenu “regolamentazzjoni żejda” tad-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali; jenfasizza li r-regolamenti bi skedi taż-żmien ċari għat-tranżizzjoni u l-eliminazzjoni gradwali tar-reġimi eżistenti jistgħu jibnu triq bla problemi u stabbli għal konverġenza regolatorja;

41.

Itenni t-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar “Analiżi u Sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji”, biex il-Kummissjoni twettaq, f'kooperazzjoni mal-ESAs, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva komprensiva kull ħames snin tal-impatt kumulattiv tar-regolament dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE fuq is-swieq finanzjarji u l-parteċipanti tiegħu fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-lakuni, biex jiġu vvalutati l-prestazzjoni, l-effikaċja u l-effiċjenza tar-regolament dwar is-servizzi finanzjarji, tiżgura li mhuwiex qed ixekkel il-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp tal-ekonomija, u biex tirrapporta lura lill-Parlament; jiddispjaċih li sa issa ma twettqet l-ebda valutazzjoni bħal din;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali dettaljat biex issaħħaħ ir-robustezza tal-ekosistema finanzjarja, filwaqt li tislet tagħlimiet mill-benefiċċji u n-nuqqasijiet tal-ġabra ta' regoli eżistenti tal-UE dwar l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni finanzjarja, kif identifikati matul il-kriżi tal-COVID-19; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet reċenti mill-BERS, b'mod partikolari dwar ir-riskji ta' likwidità li jinħolqu minn talbiet marġinali u r-riskji ta' likwidità f'fondi ta' investiment;

Investituri fil-livell tal-konsumatur

43.

Jenfasizza l-fatt li ma hemmx suq sod mingħajr bażi ta' investituri wiesgħa; jinsab imħasseb li l-involviment tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji jibqa' baxx; jiddikjara l-ħtieġa li jiżdied il-portafoll ta' għażliet ta' investiment xierqa għall-investituri fil-livell tal-konsumatur; jitlob miżuri għall-promozzjoni ta' investimenti fil-livell tal-konsumatur fid-dawl tal-isfidi demografiċi li tħabbat wiċċha magħhom l-UE, billi tiżdied il-parteċipazzjoni ta' investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali permezz ta' prodotti tal-pensjoni personali aktar attraenti, trasparenti u xierqa; jappella għal inizjattivi li jkollhom fil-mira tagħhom, b'mod speċifiku, lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' għodod ta' paragunar tal-UE indipendenti u bbażati fuq l-internet, biex l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jiddeterminaw il-prodotti l-aktar xierqa f'termini ta' riskju, ir-redditu fuq l-investiment u l-valur għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom, u billi jiġu promossi inċentivi għal prodotti kompetittivi bi kriterji Ambjentali, Soċjali u ta' Governanza (ESG) u prodotti tipikament assoċjati ma' valur għall-flus aħjar;

44.

Jiddispjaċih serjament li d-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur f'diversi partijiet settorjali tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE mhumiex allinjati tajjeb u dan jirriżulta f'kumplessità indebita kemm għall-intermedjarji finanzjarji kif ukoll għall-klijenti fil-livell tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar orizzontali u armonizzat għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, adattat għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, sabiex jiġu żgurati livelli effikaċi u konsistenti ta' protezzjoni fil-prodotti u l-fornituri finanzjarji kollha;

45.

Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investitur fis-swieq kapitali, imrawma minn protezzjoni soda tal-investitur u appoġġjata minn parteċipanti fis-suq finanzjarjament litterati;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi bejn id-ditti tas-servizzi finanzjarji u d-ditti tat-teknoloġija diġitali, sakemm ma jiġix applikat approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd; jenfasizza li l-aċċess għas-swieq finanzjarji għandu jkun possibbli għall-intrapriżi kollha taħt il-prinċipju “l-istess attività, l-istess regoli”; jinnota li dan il-prinċipju huwa partikolarment rilevanti fl-oqsma tal-FinTech u tal-innovazzjoni finanzjarja, u li aċċess reċiproku għal data finanzjarja għandu jkun ibbilanċjat mal-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri u t-tipi ta' prodotti kollha;

47.

Jenfasizza li s-suq uniku għal servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur huwa sottożviluppat ħafna; jinnota li x-xiri ta' prodotti ta' servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur bħal self ipotekarju jew prodotti tal-assigurazzjoni fuq bażi transfruntiera xejn mhuwa komuni u huwa mimli ostakli; iqis li l-parteċipanti fis-suq fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu, b'mod faċli, jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku biex jaċċessaw prodotti ta' servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur fuq bażi transfruntiera sabiex jiġu żgurati aktar għażla u prodotti aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni ġdid għas-servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża biex jitneħħew l-ostakli għas-servizzi finanzjarji transfruntiera fil-livell tal-konsumatur, flimkien mal-eliminazzjoni ta' tariffi mhux meħtieġa u żejda għal dawn is-servizzi;

48.

Jitlob it-titjib tad-divulgazzjoni u l-komparabbiltà ta' informazzjoni ewlenija u l-eliminazzjoni ta' informazzjoni qarrieqa fil-leġiżlazzjoni dwar il-Prodotti Aggregati ta' Investiment għall-Konsumaturi bbażat fuq l-Assigurazzjoni (PRIIPs), kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fir-rieżami li jmiss; jistenna li l-leġiżlazzjoni tal-PRIIPs tal-Livell 2 dwar id-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija għall-Investitur tirrispetta l-Livell 1, b'mod partikolari dwar il-provvediment ta' informazzjoni prekuntrattwali preċiża, ġusta, ċara, u mhux qarrieqa u dwar il-metodoloġiji relatati max-xenarji tal-prestazzjoni, kif ukoll biex tkun żgurata l-komparabbiltà fost prodotti ta' investiment differenti; jinnota l-importanza li tiġi żgurata li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni preċedenti tkun disponibbli għall-investituri u li l-prestazzjoni preċedenti ma tistax tintuża bħala indikatur biex tipprevedi redditi futuri; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-PRIIPs tal-Livell 2, li se tikkoinċidi mal-ewwel rieżami tal-PRIIPs u żżid l-inċertezza legali u l-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati; jinsisti li r-rieżami li jmiss għandu jipprevedi dokumenti ta' divulgazzjoni li huma standardizzati u li jistgħu jinqraw minn magna, u għaldaqstant jippermetti l-komparabbiltà b'mod diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ESAs jikkoordinaw il-proposti tagħhom għat-tibdil rispettiv tal-Livell 1 u l-Livell 2 tagħhom b'mod li jiggarantixxi grad għoli ta' prevedibbiltà kemm għall-intermedjarji kif ukoll għall-klijenti fil-livell tal-konsumatur;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara d-differenzjazzjoni bejn l-investituri fil-livell tal-konsumatur u dawk professjonali fil-livelli kollha tal-MiFID, b'tali mod li tagħmilha possibbli li t-trattament tal-klijenti jitfassal skont l-għarfien u l-esperjenza tagħhom tas-swieq; huwa tal-fehma li huwa importanti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jitħallew jitqiesu bħala investituri professjonali skont kriterji ċari, fuq talba; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk l-introduzzjoni ta' kategorija ta' investituri semiprofessjonali tirrispondix aħjar għar-realtà tal-parteċipazzjoni fis-swieq finanzjarji u abbażi tas-sejbiet tagħha, tivvaluta jekk l-introduzzjoni ta' tali kategorija tkunx meħtieġa jew le; alternattivament, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar flessibbiltà fil-kategorizzazzjoni tal-klijenti, b'mod partikolari permezz ta' għażliet ta' esklużjoni fakultattiva għal ċerti obbligi u opzjonijiet ta' inklużjoni fakultattiva għal ċerti klijenti, jew biex il-kriterji eżistenti għall-investituri professjonali jsiru aktar effiċjenti;

50.

Ġie mgħarraf li l-qafas ta' rapportar attwali fi ħdan il-MiFID II u r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) huwa għali u kumpless ħafna, u dan ixekkel l-effikaċja tas-sistema; jemmen li simplifikazzjoni tiegħu għandha titqies, filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod sħiħ l-esperjenza attwali, jiġu esplorati simplifikazzjonijiet differenti matul il-leġiżlazzjoni, u jiġi żgurat li din bl-ebda mod ma sservi biex timmina l-għanijiet stabbiliti għall-MiFID II u l-EMIR u li ma jiġux imxekkla r-regoli dwar l-integrità tas-suq, it-trasparenza, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà finanzjarja;

51.

Jitlob emendi fil-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat l-aċċess għal konsulenza indipendenti mill-intermedjarji finanzjarji mingħajr promozzjoni indebita tal-prodotti finanzjarji manifatturati “in-house”, u mingħajr valutazzjoni bir-reqqa tal-prodotti minn firxa ta' manifatturi, u biex tiġi żgurata kummerċjalizzazzjoni ġusta u trasparenti tal-prodotti finanzjarji; jinnota li l-ESMA adottat opinjoni mhux daqstant ċara dwar il-projbizzjoni potenzjali fuq l-inċentivi, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora approċċi alternattivi, b'effetti simili fuq l-allinjament tal-interessi fil-katina tad-distribuzzjoni kollha; jaqbel li r-rwol tal-inċentivi fl-intermedjazzjoni u d-distribuzzjoni għandu jkompli jiġi eżaminat biex ikun żgurat li ma jinħoloq l-ebda kunflitt ta' interess u li l-konsulenza finanzjarja tingħata b'mod ġust, trasparenti u adegwat lill-investituri;

52.

Jissottolinja li x-xiri bil-moħbi huwa għodda superviżorja importanti li tista' ttejjeb b'mod konsiderevoli l-konsistenza u l-effikaċja tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE kollha; jistieden lill-ESMA tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta' koordinazzjoni l-ġdida tagħha billi tippromwovi eżerċizzji ta' xiri bil-moħbi fl-UE kollha biex jiġu identifikati prattiki ta' bejgħ inadatt u jiġi żgurat li kwalunkwe konstatazzjoni ta' nonkonformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-imġiba fin-negozju tkun segwita b'azzjonijiet xierqa ta' infurzar;

53.

Jipproponi lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tistabbilixxi Kont ta' Tfaddil Individwali tal-UE, bħala komplement għar-reġimi nazzjonali, li jista' jegħleb il-frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali billi jopera b'mod uniformi u madwar swieq eteroġeni, filwaqt li jiġu żgurati l-portabbiltà u s-sigurtà tat-tfaddil;

54.

Jinsisti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur se jkunu parti integrali mill-aġenda tal-finanzi sostenibbli u l-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġija tat-tikketta tat-tassonomija tkun ċara u mifhuma mill-investituri fil-livell tal-konsumatur;

Edukazzjoni finanzjarja

55.

Jinnota li nuqqas ta' litteriżmu finanzjarju u nuqqas ta' aċċess għal informazzjoni pubblika mifruxa dwar is-swieq finanzjarji huma wħud mill-fatturi li jispjegaw in-nuqqas ta' kultura ta' ekwità fl-UE; jissottolinja li l-edukazzjoni finanzjarja hija meħtieġa biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jafu d-drittijiet tagħhom u jifhmu r-riskji assoċjati mal-parteċipazzjoni fis-suq finanzjarju, sabiex jitħaffef l-involviment tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji abbażi ta' aktar għarfien, fiduċja u sensibilizzazzjoni tar-riskju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi u tappoġġja programmi fl-Istati Membri biex jitrawwem litteriżmu finanzjarju u diġitali bl-użu ta' firxa ta' strumenti, inklużi midja diġitali u soċjali, għall-involviment ma' ċittadini u negozji, speċjalment permezz ta' aġenziji pubbliċi maħluqa għal dak l-għan; jistieden lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jiffaċilitaw aħjar il-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsum fis-swieq kapitali, u jgħinu biex jingħelbu l-preġudizzji tat-tfaddil tagħhom billi joħolqu kultura ta' ekwità, f'konformità mal-profil tar-riskju tagħhom;

56.

Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja hija għodda għal perjodu medju ta' żmien, li l-effetti tagħha huma limitati minħabba preġudizzji konjittivi inevitabbli, il-bidla mgħaġġla fis-swieq finanzjarji u l-kumplessità kbira tagħhom; jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għal konsulenza finanzjarja professjonali affidabbli u imparzjali; jinnota li l-programmi tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati huma fost il-mezzi l-aktar effikaċi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni finanzjarja u l-litteriżmu għaċ-ċittadini adulti tal-UE;

57.

Jemmen li ċittadini aktar infurmati u edukati aħjar dwar kwistjonijiet finanzjarji huma ta' benefiċċju għas-sistemi demokratiċi, jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji, u jippromwovu t-trasparenza u d-dmirijiet ta' informazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja”, u tintroduċi litteriżmu finanzjarju bħala kompetenza ewlenija awtonoma; iħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji jiżviluppaw u jimplimentaw programmi bl-għan li jespandu l-litteriżmu u l-kapaċità finanzjarji, billi jibnu opportunitajiet għall-inklużjoni finanzjarja għaċ-ċittadini kollha;

58.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, kif ukoll, fejn xieraq, lill-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, biex jikkunsidraw jinkludu jew jespandu l-litteriżmu finanzjarju fil-kurrikuli kollha mill-iskola għall-università, bi programmi evoluttivi adattati għall-ħtiġijiet tal-istudenti u kurrikuli bl-għan tal-iżvilupp tal-awtonomija fi kwistjonijiet finanzjarji; jissuġġerixxi li dawn il-programmi għandhom jinkludu tal-anqas kunċetti finanzjarji bażiċi bħal imgħax kompost, redditi u annwalitajiet u d-distinzjoni bejn bonds u ishma; jissuġġerixxi l-inklużjoni tal-litteriżmu finanzjarju fl-istudju tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA);

Diġitalizzazzjoni u data

59.

Huwa tal-fehma li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji tista' tkun katalizzatur għall-mobilizzazzjoni tal-kapital u tista' tgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji fl-UE filwaqt li tnaqqas l-ostakli u żżid l-effiċjenza superviżorja; jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni la għandha twassal għal arbitraġġ regolatorju u lanqas għal protezzjoni tal-konsumatur aktar baxxa, tnaqqis fis-sikurezza jew riskji għall-istabbiltà finanzjarja; jenfasizza li qafas tal-UE bi standards għolja ta' ċibersigurtà, inkluż dwar il-protezzjoni tal-privatezza u dwar il-protezzjoni tad-data, jista' jwassal għas-CMU; josserva li l-finanzi diġitali għandhom element qawwi ta' fluss ta' kapital li jattira l-investimenti transfruntiera; jinnota li qafas tal-UE bħal dan għandu jkun primarjament adattat għall-era diġitali u newtrali għat-teknoloġija;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Finanzi Diġitali għal aċċess aħjar għas-servizzi finanzjarji filwaqt li toffri għażla aktar wiesgħa u żżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżamijiet li jmiss ta' regolamenti dwar is-servizzi finanzjarji biex trawwem l-involviment tal-investitur u tal-azzjonist permezz ta' għodod diġitali;

62.

Jenfasizza l-ħtieġa li s-swieq Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu globalment; jistieden lill-Kummissjoni toħloq ambjent favorevoli għal prodotti finanzjarji innovattivi u kompetittivi tal-UE, b'firxa globali biex tattira l-kapital u l-investiment barrani u tippromwovi l-kompetittività tal-UE fis-swieq globali, filwaqt li żżomm livelli għoljin ta' regolamentazzjoni prudenzjali u stabbiltà finanzjarja; itenni l-ħtieġa ta' rappreżentanza aktar simplifikata u kodifikata tal-UE f'organizzazzjonijiet u korpi multilaterali, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji (8);

63.

Jenfasizza li l-kriptoassi qed isiru mezz ta' finanzjament mhux tradizzjonali għall-SMEs, b'mod partikolari offerti inizjali ta' muniti li għandhom il-potenzjal li jiffinanzjaw negozji ġodda u negozji li qed jespandu innovattivi; jinsisti f'dan ir-rigward li tinħtieġ gwida ċara u konsistenti dwar l-applikabbiltà tal-proċessi regolatorji u prudenzjali eżistenti għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji sa fejn hija kkonċernata l-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tiġi pprovduta ċertezza regolatorja u jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi, forum shopping u arbitraġġ fis-suq intern;

64.

Jinnota li xi strutturi oligopolistiċi żviluppaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u wkoll li xi kumpaniji teknoloġiċi kbar saru atturi importanti fis-suq tas-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tinvestiga kif il-vantaġġi kompetittivi inerenti għal dawn l-operaturi jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq u jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni; jenfasizza li ma għandu jinħoloq l-ebda diżinċentiv f'li tiġi pprovduta data tas-suq u li għandu jsir rieżami komprensiv dwar il-kost u d-disponibbiltà tad-data tas-suq għall-parteċipanti kollha tas-suq;

65.

Jenfasizza li s-“sandboxes” jistgħu jkunu għodda adegwata biex jissaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-settur tas-servizzi finanzjarji; jissottolinja li kwalunkwe sandbox, inkluża “sandbox” pan-Ewropea, għandha tfittex li ssib bilanċ bejn l-objettiv li trawwem l-innovazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investituri u l-konsumaturi, filwaqt li tqis id-daqs, is-sinifikat sistemiku u l-attività transfruntiera tad-ditti kkonċernati; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-esperjenza miksuba mill-Forum Ewropew għall-Faċilitaturi tal-Innovazzjoni (EFIF) biex tivvaluta jekk qafas komuni tal-UE għal “sandbox” pan-Ewropea għas-servizzi finanzjarji tipprovdix benefiċċji addizzjonali għall-innovazzjoni finanzjarja;

66.

Jitlob sforzi ffukati fuq il-preservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi abbażi ta' aċċess għal data transfruntiera, u livell għoli ta' protezzjoni u privatezza tad-data tal-konsumaturi, li jagħmlu lill-UE qafas bi standards għoljin ta' ċibersigurtà li twassal għas-CMU;

Ir-rwol tal-UE fis-swieq globali

67.

Jirrimarka li l-Ewropa tikkompeti għall-kapital f'suq globali, u li, bħala riżultat, swieq kapitali Ewropej aktar profondi, integrati, irregolati sewwa, stabbli, effiċjenti u reżiljenti huma kritiċi biex tiġi protetta s-sovranità ekonomika tal-Ewropa, biex jiġi inkoraġġit l-użu tal-euro f'pajjiżi terzi, u biex jiġu attirati investituri barranin; jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jagħmel dan l-objettiv ħafna aktar importanti u li għandu jiġi segwit skont il-kriterji trasparenti bbażati fuq ir-regoli u mhux skont il-każ;

68.

Itenni li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati regoli ta' pajjiżi terzi bħala ekwivalenti abbażi ta' analiżi teknika, proporzjonali u bbażata fuq ir-riskju, u li tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' att delegat; ifakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment kwalunkwe deċiżjoni ta' ekwivalenza u li kwalunkwe diverġenza mill-istandards regolatorji tal-UE għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ESAs, u fejn rilevanti mal-NCAs, tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ dinamiku dwar reġimi ta' ekwivalenza, fil-każ ta' diverġenzi regolatorji u superviżorji ta' pajjiżi terzi li jistgħu jinvolvu riskji potenzjali għall-UE f'termini ta' stabbiltà finanzjarja, trasparenza tas-suq, integrità tas-suq, protezzjoni tal-investitur u tal-konsumaturi u kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha proċeduri ta' emerġenza fis-seħħ biex tirtira deċiżjonijiet ta' ekwivalenza f'każ li jkollha bżonn tieħu azzjoni rapida, filwaqt li tikkunsidra l-konsegwenza potenzjali ta' rtirar ta' emerġenza ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-superviżuri tal-UE jkollhom setgħat superviżorji diretti f'każ li l-attivitajiet ta' ċerti ditti ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti fil-qafas ta' ekwivalenza tal-UE jista' jkollhom impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja, swieq ordnati jew il-protezzjoni tal-investitur;

69.

Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-qafas regolatorju tal-UE mal-prinċipji miftiehma internazzjonalment tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja;

70.

Jitlob azzjoni għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali u l-użu tal-euro, billi jitlestew l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-CMU u l-Unjoni Bankarja, bl-appoġġ għall-iżvilupp tal-parametri referenzjarji tal-euro għas-swieq komoditarji, u bit-tisħiħ tar-rwol tal-euro bħala munita ta' referenza;

71.

Jikkunsidra li għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, b'tali mod li jippromwovu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE;

72.

Jinkoraġġixxi lis-settur finanzjarju tal-UE jkun ippreparat għal ħafna sfidi tekniċi li se jiffaċċja fit-tranżizzjoni tal-kummerċ minn Londra għall-UE; ifakkar li l-BĊE, il-BUR, l-ESAs u l-Kummissjoni Ewropea kkonkludew li l-parteċipanti fis-suq ikollhom bżonn mill-inqas 18-il xahar biex inaqqsu b'mod xieraq l-esponiment tagħhom għas-CCP tar-Renju Unit; jieħu nota, f’dan il-kuntest, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lir-Renju Unit status ekwivalenti għal 18-il xahar fil-każ ta’ Brexit mingħajr ftehim; issfakkar li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jiġu rtirati unilateralment fi kwalunkwe ħin mill-Kummissjoni, b'mod partikolari jekk l-oqfsa tal-pajjiżi terzi jvarjaw u l-kundizzjonijiet għall-ekwivalenza ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

o

o o

73.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-ESAs u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 76.

(2)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 24.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0165.

(4)  Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej tal-Kummissjoni Ewropea 2018/2019.

(5)  Ara pereżempju: https://2degrees-investing.org/wp-content/uploads/2020/03/A-Large-Majority-of-Retail-Clients-Want-to-Invest-Sustainably.pdf

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

(7)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98.

(8)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76.