29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/63


P9_TA(2020)0264

L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija (2020/2793(RSP))

(2021/C 395/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija (CVM) sabiex tindirizza punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (1), ir-rapporti annwali korrispondenti għall-perjodu 2007-2019 u r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt is-CVM (COM(2019)0498),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tas-Semestru Ewropew dwar il-Bulgarija ppubblikati fl-20 ta' Mejju 2020 (COM(2020)0502),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Novembru 2009 fil-kawża ta' Kolevi vs. il-Bulgarija (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1 ta' Lulju 2014 fil-kawża ta' Dimitrov u oħrajn vs. il-Bulgarija (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) għall-2019,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar abbozz ta' emendi għall-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Bulgarija u l-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja, dwar investigazzjonijiet kriminali kontra maġistrati tal-ogħla livell,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 06/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titlu “L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar l-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja tal-Bulgarija,

wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar emendi għall-Kodiċi Elettorali tal-Bulgarija,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-23 ta' Ottubru 2015 dwar l-abbozz ta' att li jemenda u jissupplimenta l-Kostituzzjoni (fil-qasam tal-ġudikatura) tar-Repubblika tal-Bulgarija,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Settembru 2020 dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi S.Z. vs. il-BulgarijaKolevi vs. il-Bulgarija,

wara li kkunsidra r-rapport annwali għall-2020 mill-organizzazzjonijiet sħab għall-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2296 (2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tas-27 ta' Ġunju 2019, dwar id-djalogu wara l-monitoraġġ mal-Bulgarija,

wara li kkunsidra l-Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Kriminalità Ekonomika u l-Korruzzjoni,

wara li kkunsidra t-tieni rapport ta' konformità dwar il-Bulgarija, tas-6 ta' Diċembru 2019, mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, tat-3 ta' Settembru 2020, dwar il-vjolenza tal-pulizija kontra l-ġurnalisti fil-Bulgarija u r-rapport tagħha wara ż-żjara tagħha fil-Bulgarija mill-25 sad-29 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media tat-18 ta' Marzu 2020 dwar l-attakk brutali fuq il-ġurnalist Bulgaru Slavi Angelov,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Konferenza tal-INGOs tal-Kunsill tal-Ewropa, tad-9 ta' Lulju 2020, dwar l-emendi proposti għall-Att dwar Entitajiet Legali Mingħajr Skop ta' Qligħ tal-Bulgarija,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar ir-razziżmu u dwar il-kwistjonijiet ta' minoranzi, tat-13 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, tal-21 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi reċenti tal-Korpi tat-Trattati tan-NU dwar il-Bulgarija,

wara li kkunsidra l-proposta għal kostituzzjoni ġdida tar-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentata fis-17 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija tal-5 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra d-diskussjoni li saret fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-10 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-CVM,

wara li kkunsidra l-iskambji ta' fehmiet li saru mill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali minn meta twaqqaf mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fil-5 ta' Settembru 2019, b'mod partikolari l-iskambju ta' fehmiet li sar fit-28 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Bulgarija,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 intitolata “Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt: Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2020)0580) u d-dokument ta' akkumpanjament intitolat “Il-Kapitolu tal-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Bulgarija” (SWD(2020)0301),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);

B.

billi l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, huma obbligi li jaqgħu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u jridu jiġu osservati;

C.

billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jafferma li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

D.

billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji minquxa fiha huma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni;

E.

billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-KEDB;

F.

billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat u hija minquxa fl-Artikolu 19(1) tat-TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB;

G.

billi l-Unjoni topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

H.

billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u huwa prekundizzjoni għall-funzjonament effettiv tal-Unjoni kollha, u billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni jiġu rispettati;

I.

billi r-rifjut sistematiku ta' Stat Membru wieħed li jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li aderixxa magħhom b'mod ħieles jaffettwa u jhedded lill-Unjoni kollha kemm hi; billi nuqqas ta' reazzjoni għal dan it-tip ta' sitwazzjoni jdgħajjef il-kredibbiltà tal-Unjoni;

J.

billi l-Kummissjoni ta' Venezja u l-ODIHR tal-OSKE sabu li l-kodiċi elettorali Bulgaru jxekkel id-diversità lingwistika u d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini li jgħixu barra mill-pajjiż (5);

K.

billi għadd ta' inċidenti ġew irrappurtati fis-snin reċenti li kienu jinvolvu l-użu ta' diskors ta' mibegħda kontra l-minoranzi, inkluż mill-ministri tal-gvern; billi l-immunità parlamentari tintuża sistematikament biex tipproteġi lill-membri tal-Assemblea Nazzjonali Bulgara mill-obbligu ta' rendikont għal diskors ta' mibegħda (6);

L.

billi, f'dawn l-aħħar snin, ir-rapporti dwar l-użu ħażin tal-fondi tal-Unjoni fil-Bulgarija żdiedu, u għandhom jiġu investigati bir-reqqa; billi f'dawn l-aħħar xhur, iċ-ċittadini Bulgari raw għadd kbir ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għolja, li xi wħud minnhom involvew direttament lill-Prim Ministru; billi, barra minn hekk, f'dawn l-aħħar xhur, il-media internazzjonali rrappurtat ripetutament interkonnessjonijiet possibbli bejn gruppi kriminali u awtoritajiet pubbliċi fil-Bulgarija;

M.

billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur ressaq akkużi kontra l-eks Ministru għall-Ambjent u l-Ilma u l-eks Viċi Ministru għall-Ambjent u l-Ilma, u l-eks Viċi Ministru għall-Ekonomija, li kollha tkeċċew immedjatament mill-gvern;

N.

billi dawn ir-rivelazzjonijiet wasslu għal dimostrazzjonijiet kbar u protesti tas-soċjetà ċivili, li komplew mingħajr waqfien għal aktar minn tliet xhur, u raw lill-Bulgari jitolbu ġustizzja, rispett għall-istat tad-dritt, u ġudikatura indipendenti, u jipprotestaw kontra l-erożjoni tad-demokrazija u l-korruzzjoni endemika; billi t-talbiet tal-protestanti kienu jinkludu r-riżenja tal-gvern u tal-Prosekutur Ġenerali, kif ukoll elezzjonijiet parlamentari immedjati; billi dawn il-protesti allegatament intlaqgħu bi vjolenza sproporzjonata mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

O.

billi d-dritt għal protesta huwa dritt fundamentali li ma jistax jiġi soġġett għal projbizzjoni jew miżuri ta' kontroll b'mod ġenerali u assolut u jista' jiġi ristrett biss permezz ta' miżuri tal-pulizija leġittimi, proporzjonati u meħtieġa u f'ċirkostanzi eċċezzjonali; billi l-ebda dimostrazzjoni m'għandha titqies mhix protetta b'dan id-dritt; billi trid tingħata prijorità mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lit-tferrix volontarju mingħajr l-użu tal-forza; billi l-libertà tal-għaqda timxi id f'id mal-libertà ta' espressjoni, u tiddikjara li kulħadd għandu d-dritt tal-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri;

P.

billi l-Ministru tal-Intern, il-Ministru tal-Finanzi, il-Ministru tal-Ekonomija u l-Ministru tat-Turiżmu rriżenjaw fil-15 ta' Lulju 2020, u l-Ministru tal-Ġustizzja rriżenja fis-26 ta' Awwissu 2020;

Q.

billi l-Prim Ministru ħabbar li se jirriżenja fil-mument li l-Assemblea Nazzjonali tiddeċiedi li ssejjaħ l-elezzjonijiet tal-Gran Assemblea Nazzjonali (7);

R.

billi għad hemm tħassib serju dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija; billi dan jhedded li jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi;

S.

billi skont stħarriġ Ewrobarometru speċjali dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-korruzzjoni ppubblikat f'Ġunju 2020, 80 % tal-Bulgari intervistati qiesu li l-korruzzjoni hija mifruxa f'pajjiżhom, u 51 % qiesu li l-korruzzjoni żdiedet fit-tliet snin preċedenti;

T.

billi skont l-Indiċi tal-Istat tad-Dritt 2020 tal-World Justice Project, il-Bulgarija qiegħda fit-53 post minn 128 pajjiż u, fil-kuntest tal-Unjoni, hija kklassifikata fil-post ta' qabel tal-aħħar; billi skont l-Indiċi dwar il-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni 2019 ta' Transparency International, ippubblikat fil-bidu ta' din is-sena, il-Bulgarija tinsab fl-aħħar post tal-lista mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Unjoni, u hija kklassifikata fl-74 post fid-dinja;

U.

billi soċjetà ċivili attiva u media pluralista jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralista u tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku, u fit-tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont tal-gvernijiet; billi l-libertà tal-media fil-Bulgarija qed tiddeterjora, kif jidher ukoll mill-klassifikazzjoni tal-pajjiż fir-rapporti ppubblikati minn Reporters Mingħajr Fruntieri; billi fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2020, ippubblikat lejn l-aħħar ta' April 2020, il-Bulgarija hija kklassifikata fil-111-il post fid-dinja, u fl-aħħar post fost l-Istati Membri tal-UE għat-tielet sena konsekuttiva; billi l-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti fiha tliet twissijiet tal-Livell 1 ta' ksur sever u dannuż kontra l-libertà tal-media, dwar liema għadha mistennija tweġiba mill-awtoritajiet Bulgari; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-influwenza ta' pajjiżi terzi fix-xena tal-media bħala parti minn strateġija akbar għat-tixrid ta' propaganda u diżinformazzjoni kontra l-UE;

V.

billi l-Bulgarija għad għandha ħafna nuqqasijiet istituzzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, nuqqasijiet li ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni matul is-snin fir-rapporti tagħha fl-ambitu tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM); billi, madankollu, fl-aħħar rapport dwar is-CVM, ippubblikat fit-22 ta' Ottubru 2019, il-Kummissjoni sabet li l-progress li l-Bulgarija wriet fl-ambitu tas-CVM kien suffiċjenti biex tissodisfa l-impenji li ħadet mal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, u għalhekk irrakkomandat li jitneħħa l-mekkaniżmu ta' superviżjoni; billi, ladarba qieset l-osservazzjonijiet tal-Parlament u l-Kunsill, il-Kummissjoni għadha trid tieħu deċiżjoni finali fir-rigward tat-tneħħija tas-CVM; billi ittra mill-President Sassoli esprimiet appoġġ għat-tneħħija tas-CVM, iżda saħqet fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati u infurzati l-impenji u r-riformi, u enfasizzat is-sitwazzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-libertà tal-media;

W.

billi l-mekkaniżmu komprensiv il-ġdid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif irrakkomandat mill-Parlament, biċ-ċiklu ta' monitoraġġ annwali tiegħu li japplika bl-istess mod għall-Istati Membri kollha, għandu jkopru l-valuri kollha minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u għandu fl-aħħar mill-aħħar jissostitwixxi s-CVMs għar-Rumanija u l-Bulgarija;

X.

billi r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2020 li ġie ppubblikat dan l-aħħar jirrikonoxxi li l-Bulgarija għad għandha xi sfidi fir-rigward tal-indipendenza tas-sistema ta' prosekuzzjoni fir-rigward tal-eżekuttiv, u jindika n-nuqqas tat-tlestija ta' reġim effettiv ta' obbligu ta' rendikont għall-Prosekutur Ġenerali; billi r-rapport isemmi wkoll tħassib dwar l-effikaċja tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni tal-każijiet ta' korruzzjoni fil-Bulgarija; billi fil-qasam tal-libertà tal-media, ir-rapport jenfasizza diversi elementi ta' tħassib, mill-effikaċja tal-awtoritajiet nazzjonali tal-media fil-Bulgarija san-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tas-sjieda tal-media, kif ukoll theddid u attakki kontra l-ġurnalisti;

1.

Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-iżviluppi fil-Bulgarija wasslu għal deterjorament sinifikanti fir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-libertà tal-medji; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Bulgarija fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għall-ġustizzja, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u d-demokrazija;

2.

Jisħaq li huwa fundamentalment importanti li jiġi garantit li l-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu rrispettati bis-sħiħ, u li d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jkunu garantiti; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw ir-rispett sħiħ u bla kundizzjonijiet għal dawk il-valuri u d-drittijiet;

3.

Jieħu nota tal-proposta li titlaqqa' l-Gran Assemblea Nazzjonali sabiex tiġi adottata kostituzzjoni ġdida; jisħaq li kwalunkwe riforma kostituzzjonali għandha tkun soġġetta għal dibattitu bir-reqqa u inklużiv u bbażat fuq konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, u adottata bl-usa' kunsens possibbli; jieħu nota tal-ittra mibgħuta mill-President tal-Assemblea Nazzjonali lill-President tal-Kummissjoni ta' Venezja fit-18 ta' Settembru 2020, li fiha jippreżenta talba uffiċjali għall-għoti ta' appoġġ espert u l-ħruġ ta' opinjoni mill-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-abbozz ta' kostituzzjoni ġdida tar-Repubblika tal-Bulgarija; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jfittxu b'mod proattiv evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta' Venezja u korpi rilevanti oħra ta' organizzazzjonijiet internazzjonali dwar il-miżuri involuti qabel l-approvazzjoni finali tagħhom;

4.

Jieħu nota tal-adozzjoni fit-tieni qari tal-emendi għall-Kodiċi Elettorali Bulgaru; jinnota bi tħassib li l-Parlament Bulgaru bħalissa jinsab fil-proċess li jadotta liġi elettorali ġdida, filwaqt li l-elezzjonijiet parlamentari ordinarji jridu jsiru sa seba' xhur oħra; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw konformità sħiħa tal-leġiżlazzjoni elettorali mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-ODIHR tal-OSKE, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiltà tal-elementi fundamentali tal-liġi elettorali, li m'għandhomx ikunu miftuħa għall-emendi inqas minn sena qabel elezzjoni;

5.

Huwa konvint bis-sħiħ li l-Parlament Bulgaru għandu jkollu rwol ċentrali fl-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont tal-eżekuttiv u huwa wieħed mill-kontrokontrolli meħtieġa biex jinżamm l-istat tad-dritt; huwa mħasseb dwar il-prattika tal-maġġoranza fil-gvern li tgħaddi leġiżlazzjoni malajr, ħafna drabi mingħajr dibattitu kif jixraq jew konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati; jieħu nota tal-livell baxx ħafna ta' fiduċja pubblika fil-Parlament Bulgaru (8); jiddispjaċih għar-restrizzjonijiet reċenti imposti fuq il-ġurnalisti fil-bini tal-Assemblea Nazzjonali, li jillimitaw l-aċċess tagħhom għall-membri parlamentari u b'hekk il-possibbiltajiet għall-iskrutinju tal-media fuq ix-xogħol tal-leġiżlatura;

6.

Jinsab ferm imħasseb dwar il-fatt li xi kwistjonijiet sistemiċi fis-sistema ġudizzjarja identifikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja għadhom ma ġewx solvuti, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u l-Prosekutur Ġenerali, speċjalment in-nuqqas ta' kwalunkwe mekkaniżmu effettiv għall-obbligu ta' rendikont jew il-kontrolli u l-bilanċi funzjonali fir-rigward tal-ħidma tagħhom; jinsisti li l-awtoritajiet Bulgari jikkonformaw bis-sħiħ mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-GRECO li jirrigwardaw il-ġudikatura, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u l-istatus tal-Prosekutur Ġenerali, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura; jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-progress fil-Bulgarija fl-ambitu tas-CVM isemmi li sar dibattitu wiesa' fil-media, b'xi partijiet ikkonċernati jesprimu tħassib dwar il-proċedura ta' nomina u l-kandidat ewlieni għall-Prosekutur Ġenerali, u li l-protesti fit-toroq kienu organizzati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

7.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas kontinwu ta' investigazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għolja li jagħtu kwalunkwe riżultat tanġibbli; jinnota li l-korruzzjoni, l-ineffiċjenza, u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont jibqgħu problemi mifruxa fil-ġudikatura, u li l-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja tibqa' baxxa minħabba l-perċezzjoni li l-maġistrati huma suxxettibbli għall-pressjoni politika u jagħmlu ġustizzja inugwali; jinnota n-numru akbar ta' investigazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għolja, inklużi każijiet b'aspetti transfruntiera, miftuħa kontra uffiċjali ta' grad għoli u persuni ta' interess pubbliku kbir; jinnota bi tħassib id-diskrepanzi bejn id-deċiżjonijiet tal-qrati ta' prim istanza u dawk tal-qrati superjuri, li jikkontribwixxu wkoll għan-nuqqas ta' kundanni finali u effettivi; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitwettqu investigazzjonijiet serji, indipendenti u attivi u li jinkisbu riżultati fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus, u li jiġu eżaminati bir-reqqa l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għoljali ħarġu wara r-reġistrazzjonijiet bl-awdjo fis-sajf tal-2020 u fir-rigward tal-iskandli Apartment-gate u Guesthouse-gate, il-kwistjoni tat-tanker taż-żejt, il-każ tal-proprjetà ta' ħdejn il-baħar ta' Rosenets u l-iskandlu marbut mal-allegat trasferiment illegali ta' flus mill-Bank tal-Iżvilupp Bulgaru, li meta jiġu kkunsidrati kollha f'daqqa jissuġġerixxu nuqqasijiet profondi u sistemiċi fl-istat tad-dritt u fil-miżuri kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija; jesprimi, barra minn hekk, tħassib dwar eżempji inqas prominenti ta' nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fil-Bulgarija, bħat-trattament ta' sidien ta' appartamenti f'Sunset Resort, Pomorie; jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta' aġenzija unifikata ġdida kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw li l-aġenzija tkun tista' timmaniġġja l-mandat wiesa' tar-responsabbiltajiet tagħha b'mod effettiv, inklużi l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-konfiska ta' assi illegali;

8.

Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament serju tal-libertà tal-media fil-Bulgarija matul dawn l-aħħar għaxar snin; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jrawmu ambjent favorevoli għal-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari billi jżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-media u jipprevjenu l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-sjieda tal-media u tan-networks tad-distribuzzjoni, inkluż permezz tal-applikazzjoni xierqa tal-qafas leġiżlattiv eżistenti, kif ukoll billi jirrevokaw id-dispożizzjonijiet kriminali kontra reati ta' malafama; jissottolinja l-ħtieġa li l-kompożizzjoni u l-mandat tal-Kunsill għall-Media Elettronika jsiru aktar indipendenti u effettivi; huwa mħasseb dwar ir-rapporti tal-prattika kontinwa li l-media tiġi influwenzata permezz ta' allokazzjoni preferenzjali ta' fondi tal-Unjoni lill-media favur il-gvern;

9.

Jinnota li l-ħarsien tal-ġurnalisti huwa fl-interess vitali tas-soċjetà; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti f'kull ħin u għalhekk iħarsu l-indipendenza tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet fejn il-ġurnalisti kritiċi mill-gvern saru l-mira ta' kampanji ta' tħammiġ u jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jrażżnu dawn il-prattiki mhux demokratiċi; jiddeplora l-inċidenti ta' vjolenza kontra reporters u l-qerda tat-tagħmir tekniku tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bulgari jvaraw investigazzjoni komprensiva fil-każijiet kollha ta' vjolenza kontra ġurnalisti li qed jirrapportaw dwar il-protesti; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw li l-uffiċjali tal-pulizija u uffiċjali oħra jirrispettaw il-libertà tal-istampa u jippermettu lill-ġurnalisti u lill-professjonisti tal-media jirrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet b'mod sikur; jisħaq li l-vjolenza f'idejn l-aġenti tal-istat tmur kontra d-dmir tal-Istati Membri li jirrispettaw il-libertà tal-istampa u li jipproteġu s-sikurezza tal-ġurnalisti (9);

10.

Jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jindirizzaw b'mod sħiħ u komprensiv l-allerti kollha mressqa fuq il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, u biex isegwu bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiġi żgurat ambjent sikur għall-ġurnalisti fil-Bulgarija;

11.

Jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Bulgarija fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għall-ġustizzja, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u d-demokrazija; jemmen b'saħħa li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi huma dritt fundamentali f'kull pajjiż demokratiku u jappoġġja d-dritt tan-nies għal protesta paċifika; jikkundanna kull forma ta' vjolenza kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi; jissottolinja li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni jridu jiġu rispettati l-ħin kollu; jenfasizza li l-użu tal-vjolenza u tal-forza sproporzjonata mhuwiex aċċettabbli; jesprimi b'mod partikolari d-diżappunt tiegħu għall-allegazzjonijiet ta' użu tal-forza kontra nisa u tfal, inklużi tfal b'diżabilità; jinsab imħasseb dwar l-awditi illegali u eċċessivi ta' negozji privati li esprimew pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-protesti; jikkundanna l-intervent vjolenti u sproporzjonat mill-pulizija matul il-protesti f'Lulju, Awwissu u Settembru 2020; jistieden lill-awtoritajiet Rumeni jiżguraw investigazzjoni sħiħa, trasparenti, imparzjali u effikaċi dwar l-azzjonijiet tal-pulizija;

12.

Jikkundanna l-kundizzjonijiet inumani fil-ħabsijiet Bulgari misjuba mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-iffullar eċċessiv, kundizzjonijiet sanitarji u materjali ħżiena, possibbiltajiet limitati għal attivitajiet barra miċ-ċelel, kura medika inadegwata u l-applikazzjoni fit-tul ta' reġimi penitenzjarji restrittivi (10);

13.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li, wara aktar minn 45 sentenza kontra l-Bulgarija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-awtoritajiet Bulgari naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet effettivi; iqis li dawn in-nuqqasijiet rikorrenti żvelaw l-eżistenza ta' problema sistemika (11); jenfasizza li skont ir-rapport annwali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2019 dwar is-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hemm 79 sentenza ewlenija kontra l-Bulgarija li għad iridu jiġu implimentati;

14.

Jinsab imħasseb li minkejja d-diversi Direttivi tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali għall-persuni suspettati u akkużati kif stabbiliti fil-pjan direzzjonali tal-2009, id-drittijiet proċedurali mhumiex qed jiġu rispettati biżżejjed fil-Bulgarija; jemmen li dan għandu impatt profond fuq id-drittijiet fundamentali (12);

15.

Jikkundanna l-każijiet kollha ta' diskors ta' mibegħda, diskriminazzjoni u ostilità kontra persuni ta' oriġini Romani, nisa, persuni LGBTI u persuni li jagħmlu parti minn gruppi ta' minoranzi oħra, li jibqgħu kwistjoni ta' tħassib qawwi; jistieden lill-awtoritajiet jirrispondu b'mod vigoruż għal inċidenti ta' diskors ta' mibegħda, inkluż minn politiċi ta' livell għoli, itejbu l-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda, u jinvestigaw u jieħdu passi kontra tali reati; jilqa' l-projbizzjoni ġudizzjarja tal-manifestazzjoni neo-Nażista annwali “Lukov March” u l-ftuħ ta' investigazzjoni dwar l-organizzazzjoni warajha – il-“BNU”; jistieden lill-Gvern Bulgaru jtejjeb il-kooperazzjoni mal-osservaturi internazzjonali u lokali tad-drittijiet tal-bniedem u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex id-drittijiet tal-minoranzi b'mod effettiv, b'mod partikolari d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tas-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (13); jistieden lill-awtoritajiet u lill-uffiċjali Bulgari jikkundannaw bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza u diskors ta' mibegħda kontra l-minoranzi;

16.

Jiddeplora l-klima ta' ostilità kontra nies ta' oriġini Romani, f'xi komunitajiet popolati, b'mod partikolari kontra dawk li kellhom jitilqu minn djarhom wara manifestazzjonijiet immirati lejn il-komunitajiet tagħhom f'diversi lokalitajiet; jiddeplora l-fastidju u l-iżgumbramenti vjolenti ta' persuni Roma fiż-żona ta' Voyvodinovo; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw b'mod urġenti s-sitwazzjoni tal-persuni affettwati; jemmen li miżuri determinati għat-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali tal-akkomodazzjonital-persuni ta' oriġini Romani għandhom ikomplu; jemmen li huwa neċessarju li tiġi eradikata kompletament is-segregazzjoni edukattiva tat-tfal ta' oriġini Romani; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni razzjali kontra persuni tal-minoranza Romani fir-reazzjoni għall-COVID-19, u jwaqqfu l-operazzjonijiet tal-pulizija li jimmiraw il-viċinati Romani matul il-pandemija;

17.

Jieħu nota tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-27 ta' Lulju 2018 rigward in-nuqqas ta' konformità tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija; jiddispjaċih għall-fatt li din id-deċiżjoni żżomm il-Bulgarija milli tirratifika l-Konvenzjoni; jinsab imħasseb ferm dwar id-diskors pubbliku persistenti negattiv dwar il-Konvenzjoni, u li jirrappreżentaha b'mod żbaljat, li kien imsawwar minn kampanja ta' diżinformazzjoni u ta' tħammiġ mifruxa wara kopertura negattiva dwarha minn diversi mezzi tal-media b'rabtiet allegati mal-partiti tal-gvern u tal-oppożizzjoni, sitwazzjoni li saret aktar inkwetanti bil-parteċipazzjoni ta' politiċi u partiti politiċi rrappreżentati fil-Parlament Bulgaru; jinsab imħasseb li l-attitudni negattiva persistenti lejn il-Konvenzjoni tkompli tikkontribwixxi għall-istigmatizzazzjoni ta' gruppi vulnerabbli f'riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet aggravata b'mod partikolari mill-miżuri tal-COVID-19 u ta' lockdown madwar l-Ewropa, inkluża l-Bulgarija, u tkompli tinkoraġġixxi u trawwem sens ta' impunità fost min iwettaq reati abbażi tal-ġeneru; jiddispjaċih għall-fatt li l-bidliet reċenti fil-Kodiċi Kriminali li introduċew pieni aktar stretti għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw il-kumplessità tal-kwistjoni u fuq kollox biex jevitawha; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Bulgari biex itejbu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, jagħmlu dak li huwa meħtieġ sabiex jippermettu r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jintroduċu kemm jista' jkun elementi mill-Konvenzjoni li huma konformi mal-ordni kostituzzjonali tal-pajjiż filwaqt li jfittxu soluzzjoni usa' għall-elementi li jifdal, kif ukoll biex iżidu l-għadd ta' postijiet ta' kenn u servizzi soċjali oħra meħtieġa biex jingħata appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza domestika;

18.

Iqis li jeħtieġ li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom, kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika fl-isferi kollha; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jemendaw l-Att dwar il-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni biex jinkludu b'mod espliċitu l-identità tal-ġeneru bħala raġuni għad-diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jemendaw il-Kodiċi Kriminali attwali biex jinkludi r-reati u d-diskors ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jimplimentaw il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u, f'dak il-kuntest biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' konjuġi u ġenituri tal-istess sess bil-għan li jiżguraw li jgawdu mid-dritt għan-nondiskriminazzjoni fil-liġi u fil-fatt, u li jistabbilixxu qafas legali xieraq li jipprovdi drittijiet ugwali għall-koppji kollha;

19.

Jinsab imħasseb li persuni li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ma tħallewx jidħlu fit-territorju Bulgaru jew tkeċċew, xi drabi bil-forza, mingħajr l-opportunità li japplikaw għal asil jew għal valutazzjoni individwalizzata (14); jinsab partikolarment imħasseb dwar id-deportazzjoni inkwetanti ta' membri tal-oppożizzjoni Torka, bi ksur ta' trattati internazzjonali u minkejja inġunzjonijiet validi maħruġa minn qrati kompetenti Bulgari (15); jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jiżguraw konformità sħiħa tal-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar l-asil mal-acquis dwar l-asil u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tittratta l-proċedura ta' ksur kontra l-Bulgarija bħala kwistjoni ta' prijorità;

20.

Jesprimi tħassib qawwi dwar l-emendi proposti għall-Att dwar Entitajiet Legali Mingħajr Skop ta' Qligħ, li joħloq ambjent ostili ħafna għal dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bi status ta' benefiċċju pubbliku li qed jirċievu finanzjament barrani, u li jissograw li jkunu f'kunflitt mal-prinċipju tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għall-privatezza (16); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bulgari jikkunsidraw bir-reqqa l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward;

21.

Jinnota li sar ċertu progress mill-Bulgarija fl-ambitu tas-CVM; jistieden lill-Gvern Bulgaru jikkoopera mal-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif stabbilit fit-TUE, fl-implimentazzjoni kontinwa tal-impenji tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jżommu lura milli jagħmlu riformi unilaterali li jpoġġu r-rispett għall-istat tad-dritt f'riskju, u b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tas-setgħat; jinnota li l-Kummissjoni indikat li għalissa mhijiex se tneħħi s-CVM għall-Bulgarija; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja r-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija fil-qafas tas-CVM, sakemm ikun għadu ma ġiex stabbilit mekkaniżmu li jiffunzjona bis-sħiħ biex jissorvelja r-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, applikabbli b'mod ugwali għall-Istati Membri kollha; jistieden, lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża wkoll għodod oħra disponibbli fejn xieraq, inklużi proċeduri ta' ksur, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-UE u l-għodod baġitarji, ladarba jkunu disponibbli;

22.

Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel Rapport Annwali tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt li jkopri l-Istati Membri kollha; jinnota t-tħassib identifikat mill-Kummissjoni f'għadd ta' oqsma fir-rigward tal-Bulgarija; jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jaġixxu b'ħeffa sabiex jindirizzaw dan it-tħassib;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern Bulgaru, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżgura kontroll aktar strett fuq il-mod kif jintefqu l-fondi tal-Unjoni u li jindirizza immedjatament it-tħassib li l-flus tal-kontribwenti jintużaw għall-arrikkiment ta' ċrieki assoċjati mal-partit fil-gvern;

24.

Jilqa' l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u jinsab fiduċjuż li l-parteċipazzjoni tagħha fl-UPPE fiha nnifisha se tikkostitwixxi kontroll aktar strett fuq l-użu korrett tal-fondi tal-UE f'dan ir-rigward;

25.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (17), inkluża l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-benefiċjarji, u jistieden lill-Kunsill jibda negozjati interistituzzjonali malajr kemm jista' jkun;

26.

Jistieden lill-awtoritajiet Bulgari jinvestigaw ir-rivelazzjonijiet li jinsabu fil-fajls tal-FinCEN, li wrew li tliet banek Bulgari kienu involuti fl-ipproċessar ta' pagamenti li ġew identifikati li jinvolvu sogru kbir ta' ħasil tal-flus u marbuta mal-finanzjament tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; huwa tal-fehma li l-Bulgarija jeħtieġ tieħu azzjoni deċiżiva biex ittejjeb is-superviżjoni tas-settur bankarju u żżid il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li jinvestigaw dawn il-kwistjonijiet; jissottolinja l-fatt li l-fajls tal-FinCEN żvelaw in-nuqqasijiet tas-sistema globali u l-vulnerabbiltà tagħha għall-abbuż mill-kriminali u minn persuni korrotti, u enfasizza l-ħtieġa urġenti li tittejjeb is-superviżjoni bankarja madwar id-dinja u li jiġu adottati mekkaniżmi aħjar għat-trattament tat-tranżazzjonijiet transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw il-ħidma f'dan il-qasam, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' awtorità superviżorja Ewropea, xi ħaġa li l-Parlament diġà talab għaliha;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU L 354, 14.12.2006, p. 58.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Novembru 2009, Kolevi vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 1108/02).

(3)  Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1 ta' Lulju 2014, Dimitrov u oħrajn vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 77938/11).

(4)  ĠU C 41, 6.2.2020, p. 64.

(5)  Opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-ODIHR tal-OSKE dwar emendi għall-Kodiċi Elettorali fil-Bulgarija, 19 ta' Ġunju 2017, CDL-AD(2017)016.

(6)  Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, rapport wara ż-żjara tagħha fil-Bulgarija mill-25 sad-29 ta' Novembru 2019, 31 ta' Marzu 2020, p. 33 u p. 38.

(7)  https://government.bg/bg/prestsentar/novini/obrashtenie-na-ministar-predsedatelya-boyko-borisov

(8)  https://www.gallup-international.bg/43810/public-opinion-political-situation/

(9)  Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, dikjarazzjoni bit-titolu “Il-Bulgarija jeħtieġ li tinvestiga l-vjolenza tal-pulizija kontra l-ġurnalisti”, Strasburgu, 3 ta' Settembru 2020.

(10)  Ara s-sentenzi tas-27 ta' Jannar 2015, Neshkov u oħrajn vs. il-Bulgarija (applikazzjonijiet Nri 36925/10, 21487/12, 72893/12, 73196/12, 77718/12 u 9717/13); tat-12 ta' Mejju 2017, Simeonovi vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 21980/04); tal-21 ta' Jannar 2016, Boris Kostadinov vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 61701/11); tad-29 ta' Ġunju 2017, Dimcho Dimov vs. il-Bulgarija (Nru 2) (applikazzjoni Nru 77248/12); tas-17 ta' Novembru 2015, Dimitrov u Ridov vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 34846/08) u tal-5 ta' Ottubru 2017, Kormev vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 39014/12).

(11)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta' Marzu 2015, S.Z. vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 29263/12).

(12)  Ara l-aktar rapporti reċenti dwar żjarat perjodiċi tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti;

(13)  Is-sentenzi tad-19 ta' Jannar 2006, The United Macedonian Organisation Ilinden u oħrajn vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 59491/00); tat-18 ta' Ottubru 2011, The United Macedonian Organisation Ilinden u oħrajn vs. il-Bulgarija (Nru 2) (applikazzjoni Nru 34960/04); tal-11 ta' Jannar 2018, United Macedonian Organisation Ilinden u oħrajn vs. il-Bulgarija (Nru 3) (applikazzjoni Nru 29496/16) u tal-11 ta' Jannar 2018, Yordan Ivanov u oħrajn vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 70502/13).

(14)  Il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Osservazzjonijiet Konklużivi dwar ir-raba' rapport perjodiku tal-Bulgarija, il-15 ta' Novembru 2018, paragrafi 29 u 30.

(15)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, applikazzjoni pendenti, Abdullah Büyük vs. il-Bulgarija (applikazzjoni Nru 23843/17); United States Department of State, Bureau of Democracy, Human Rights and Labor, Bulgaria 2016 Human Rights Report, p. 16.

(16)  Il-Kunsill tal-Ewropa, dikjarazzjoni mill-President tal-Konferenza tal-INGOs, “The proposed amendments to the Non-Profit Legal Entities Act in Bulgaria give rise for concern” (L-emendi proposti għall-Att dwar Entitajiet Legali Mingħajr Skop ta' Qligħ fil-Bulgarija jagħtu lok għal tħassib), id-9 ta' Lulju 2020.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2019)0349.