|
29.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 395/58 |
P9_TA(2020)0260
Is-sitwazzjoni tal-migranti Etjopjani fiċ-ċentri tad-detenzjoni fl-Arabja Sawdija
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar is-sitwazzjoni tal-migranti Etjopjani fiċ-ċentri tad-detenzjoni fl-Arabja Sawdija (2020/2815(RSP))
(2021/C 395/08)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq (1), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi (2), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr (3), tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija (4), u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (5), kif ukoll tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (6) u tat-30 ta' Novembru 2017 (7) u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (2018/2666(RSP)) (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE (2015/2342(INI)) (10), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) tal-15 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Urgent Action Needed to Address Conditions in Detention in Kingdom of Saudi Arabia: IOM Director General”, (Meħtieġa Azzjoni Urġenti biex tindirizza l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fir-Renju tal-Arabja Sawdija: Direttur Ġenerali IOM), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Global Compact for Safe, Orderly and Regular Migration” (Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi minn April 2020, skont ir-rapporti tal-Human Rights Watch, madwar 30 000 migrant Etjopjan, inklużi nisa tqal u tfal, qed jinżammu arbitrarjament fl-Arabja Sawdija taħt kundizzjonijiet orribbli wara li tkeċċew bil-forza mit-tramuntana tal-Jemen mill-awtoritajiet Houthi; billi ħafna minn dawn il-migranti allegatament qasmu l-fruntiera taħt sparar mill-forzi Sawdi u Houthi; billi ġie rrappurtat li 2 000 migrant li għadhom maqbuda fuq in-naħa Jemenita tal-fruntiera taħt kundizzjonijiet ħżiena aggravati mit-tifqigħa tal-COVID-19 jinsabu kompletament imċaħħda mill-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi; |
|
B. |
billi l-ħaddiema migranti nqabdu b'mod vjolenti mill-forzi Sawdin u ġew detenuti fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Al-Dayer, qabel ma ġew trasferiti f'għaxar ċentri ta' detenzjoni oħra, b'mod partikolari l-Ħabs ta' Shmeisi bejn il-bliet ta' Jeddah u Mecca, u l-Ħabs Ċentrali Jizan, li allegatament jospita eluf ta' detenuti Etjopjani; billi skont l-awtoritajiet konsulari tal-Etjopja, dawn ma għandhomx biżżejjed ikel u ilma, sanità u kura tas-saħħa adegwati, u l-ġrieħi minn sparar ma ġewx imdewwija; billi ġew irrappurtati diversi mwiet, inklużi ta' tfal, u diversi detenuti ppruvaw itemmu ħajjithom; billi ġie rrappurtat li dawk li ilmentaw dwar il-kundizzjonijiet tagħhom mal-gwardji ġew ittorturati severament mill-forzi tas-sigurtà tal-Arabja Sawdija; |
|
C. |
billi l-ħaddiema migranti, inklużi dawk mill-pajjiżi Afrikani u Asjatiċi, jammontaw għal madwar 20 % tal-popolazzjoni tal-Arabja Sawdija u kellhom rwol essenzjali fl-ekonomiji tal-Arabja Sawdija u pajjiżi oħra fir-reġjun, fil-biċċa l-kbira b'impjiegi b'pagi baxxi u spiss b'xogħol fiżikament diffiċli; billi l-isfruttament u l-abbuż tagħhom bħala ħaddiema b'pagi baxxi bi ftit jew l-ebda aċċess għad-drittijiet ġew dokumentati sew f'bosta rapporti min-NU u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; |
|
D. |
billi skont is-sistema Kafala, sistema ta' sponsorizzazzjoni abbużiva tal-viżi indikata mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħala skjavitù moderna, il-ħaddiema migranti ma jistgħux jidħlu jew joħorġu mill-pajjiż jew jibdlu l-impjieg mingħajr il-kunsens tal-isponsor tagħhom, ma għandhomx protezzjoni legali, u spiss ma jitħallsux jew jitħallsu b'mod insuffiċjenti; billi l-Arabja Sawdija hija rrappurtata li qed tikkunsidra li tabolixxi s-sistema Kafala; |
|
E. |
billi, bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, il-pressjoni qed tiżdied fuq gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari l-ħaddiema migranti, fl-Arabja Sawdija u f'pajjiżi oħra fir-reġjun, u dan wassal għal livell ogħla ta' diskriminazzjoni u ta' ostilità lejhom; billi l-migranti spiss jiġu stigmatizzati bħala li allegatament ittrażmettew il-virus tal-COVID-19, u dan iwassal biex ħafna drabi jitilfu l-impjieg tagħhom u jitppoġġew f'sitwazzjonijiet perikolużi ħafna mingħajr ebda akkomodazzjoni jew salarju u għalhekk bi ftit li xejn mezzi biex jirregolarizzaw l-istatus tagħhom jew jiffinanzjaw ritorn possibbli lejn pajjiżhom waħedhom; |
|
F. |
billi f'Novembru 2017, l-Arabja Sawdija nediet kampanja mmirata lejn il-migranti akkużati bi ksur tar-regolamenti u l-liġijiet residenzjali, tas-sigurtà tal-fruntieri u tax-xogħol; billi f'Settembru 2019, l-awtoritajiet ħabbru li l-kampanja kienet wasslet għal aktar minn 3,8 miljun arrest u kienet irreferiet 'il fuq minn 962 000 individwu għad-deportazzjoni; billi madwar 380 000 Etjopjan ġew deportati mill-Arabja Sawdija lejn l-Etjopja bejn Mejju 2017 u April 2020, skont l-IOM; |
|
G. |
billi l-Gvern Etjopjan huwa konxju mill-kundizzjonijiet terribbli li taħthom qed jinżammu ċ-ċittadini Etjopjani fl-Arabja Sawdija; billi t-trasferiment ta' fondi minn Etjopjani barra mill-pajjiż jiffurmaw parti importanti mill-ekonomija Etjopjana u huma fundamentali għal ħafna familji; |
|
H. |
billi l-awtoritajiet Sawdin ma wettqu l-ebda investigazzjoni effettiva minkejja li ddikjaraw li kienu se jinvestigaw il-kwistjoni fil-bidu ta' Settembru 2020; billi l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni marru għall-agħar, peress li d-detenuti minn dak iż-żmien 'l hawn ġew imsawta u tteħdulhom il-mowbajls tagħhom; |
|
I. |
billi t-trattament ħażin tal-migranti hu parti minn xejra usa' ta' abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; billi l-awtoritajiet Sawdin użaw ir-restrizzjonijiet imposti mill-ħtieġa li jiġġieldu l-COVID-19 bħala kopertura biex ikomplu jiksru d-drittijiet tal-bniedem tal-priġunieri politiċi, bħal fil-kas ta' Loujain al-Hathloul, difensur tad-drittijiet tan-nisa, u ta' membri li ma jaqblux mal-familja fil-gvern, bħall-Prinċipessa Basmah bimt Saud u l-Prinċep Salman bin Abdulaziz bin Salman, billi żammewhom f'detenzjoni arbitrarja u sigrieta; billi l-arresti ta' dawn u ta' attivisti politiċi oħra huma parti minn repressjoni severa fuq id-dissidenza mill-awtoritajiet Sawdin, li tinkludi l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul fl-2018, li għalih għadu ħadd ma nstab responsabbli; |
|
J. |
billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, qed jitwettqu abbużi mill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija bl-użu ta' teknoloġija ta' sorveljanza elettronika; billi l-Arabja Sawdija għadha waħda mill-ħames pajjiżi ewlenin fid-dinja li twettaq eżekuzzjonijiet; |
|
K. |
billi r-Renju tal-Arabja Sawdija għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta' ratifika tat-trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, u ma rratifikax l-istrumenti ewlenin rilevanti għall-protezzjoni kontra d-detenzjoni arbitrarja u d-detenzjoni tal-immigrazzjoni, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura (li jipprevedi mekkaniżmi nazzjonali ta' prevenzjoni u żjarat ta' monitoraġġ tad-detenzjoni), il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Migranti, il-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati u l-Konvenzjoni dwar l-Apolidija; |
|
L. |
billi fil-laqgħa tiegħu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, Faisal Bin Farhan Al Saud fi Brussell fid-29 ta' Settembru 2020, ir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell tenna l-intenzjoni tal-UE li tintensifika d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa t-trattament ħażin tal-migranti Etjopjani u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, b'mod partikolari fiċ-ċentri tad-detenzjoni fl-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu minnufih lid-detenuti kollha, filwaqt li jagħtu prijorità lil dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; |
|
2. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżguraw li kull persuna li tidħol fl-Arabja Sawdija mill-Jemen titħalla tagħmel dan b'mod sikur u tiġi ttrasferita lejn ċentru ta' akkoljenza xieraq li jissodisfa l-istandards internazzjonali rigward l-ikel, is-servizzi mediċi u tas-saħħa, l-installazzjonijiet sanitarji, l-iġjene personali, bi twieqi u dawl, ħwejjeġ, spazju tal-art, temperatura, ventilazzjoni u eżerċizzju fil-beraħ, kif ukoll il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex tiġi limitata t-trażmissjoni tal-COVID-19, it-tuberkulożi u mard ieħor; jitlob li jsiru tentattivi biex jinstabu alternattivi mhux ta' kustodja għad-detenzjoni għall-migranti u r-rifuġjati, u jirrifjuta f'dan is-sens kwalunkwe trattament inuman jew degradanti tal-migranti; |
|
3. |
Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija ttemm immedjatament it-tortura u trattament ħażin ieħor fid-detenzjoni, u tipprovdi kura mentali u fiżika xierqa lil kulħadd, b'attenzjoni partikolari għas-superstiti tal-istupru; ifakkar li, kif iċċarat mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, it-tfal qatt ma għandhom jinżammu għal finijiet ta' immigrazzjoni, u li qatt ma jista' jiġi ġġustifikat li d-detenzjoni tkun fl-aħjar interessi tat-tfal; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu b'urġenza lit-tfal flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, u jipprovdu alternattivi sikuri mhux ta' kustodja għad-detenzjoni li l-aġenziji umanitarji jista' jkollhom aċċess għalihom b'mod regolari; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwettqu investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-isparar fuq il-migranti fil-fruntiera u l-qtil illegali, it-tortura u trattament ħażin ieħor matul id-detenzjoni, iżommu lill-awturi kollha responsabbli fi proċessi ġusti li jissodisfaw l-istandards internazzjonali mingħajr rikors għall-piena tal-mewt jew il-kastig korporali, u jipprovdu kura mentali u fiżika xierqa lil dawk li sofrew taħt kundizzjonijiet terribbli; |
|
5. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jippermettu minnufih lill-osservaturi internazzjonali indipendenti, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jidħlu fil-pajjiż, jimmonitorjaw regolarment il-ħabs u l-faċilitajiet ta' detenzjoni, iwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar allegazzjonijiet ta' tortura u mwiet suspettużi fid-detenzjoni, u jwettqu żjarat privati u regolari mal-priġunieri; |
|
6. |
Itenni t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-ħelsien ta' kull persuna detenuta mingħajr bażi legali suffiċjenti, filwaqt li jiġi żgurat aċċess adegwat għall-kura tas-saħħa u jinħolqu kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni xierqa ta' miżuri ta' mitigazzjoni tal-pandemija, inkluż it-tbegħid soċjali; |
|
7. |
Ifakkar għal darb'oħra lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija fl-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra; |
|
8. |
Jirrikonoxxi li l-ġid u l-prosperità tal-ekonomija tal-Arabja Sawdija hija dovuta inparti għal madwar 13-il miljun ħaddiem barrani u migrant fil-pajjiż, u għalhekk jinnota li l-proċess ta' modernizzazzjoni domestika li għaddej bħalissa jeħtieġ li jinkludi riforma tal-politiki tax-xogħol u tal-immigrazzjoni sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ħaddiema barranin u biex jiġu evitati l-istigmatizzazzjoni u l-isfruttament tagħhom; |
|
9. |
Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jaħdem mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex jabolixxi b'mod sħiħ is-sistema Kafala u jipprovdi salvagwardji legali adegwati lill-ħaddiema migranti kollha fil-pajjiż, inkluż permezz ta' spezzjonijiet strutturali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jinsab imħasseb dwar l-impatt partikolarment negattiv tad-diskriminazzjoni sistemika tan-nisa migranti, u b'mod partikolari tal-ħaddiema domestiċi migranti li huma aktar vulnerabbli għall-abbuż fiżiku, sigħat tax-xogħol estremament twal u nuqqas ta' libertà ta' moviment, u li spiss ibatu mill-fatt li l-impjegaturi tagħhom ikollhom kontroll fuq it-trasferiment ta' xogħolhom jew it-tluq tagħhom mill-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jirratifika l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (Nru 87) u dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv (Nru 98); |
|
10. |
Jitlob garanziji li mhux se jkun hemm ritorni tal-massa u li l-applikazzjonijiet għall-asil se jiġu eżaminati fuq bażi ta' każ b'każ; |
|
11. |
Jistieden lill-Gvern tal-Etjopja jiffaċilita r-ripatrijazzjoni volontarja, sikura u dinjituża tal-migranti Etjopjani kollha malajr kemm jista' jkun, inkluż billi jinvolvi ruħu mal-IOM, filwaqt li jagħti prijorità lin-nisa, lit-tfal u lill-persuni vulnerabbli; jitlob li l-assistenza u ż-żjarat konsulari jsiru disponibbli għaċ-ċittadini detenuti kollha fl-Arabja Sawdija, u jħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan iwieġeb fil-ħin u b'mod effettiv għat-talbiet għal appoġġ; |
|
12. |
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, peress li jippromwovi standards li jippermettu lill-pajjiżi ospitanti jipproteġu aħjar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta' gruppi vulnerabbli, bħall-migranti ekonomiċi Etjopjani maqbuda fl-Arabja Sawdija u fil-Jemen; |
|
13. |
Jirrikonoxxi l-fatt li kemm l-Arabja Sawdija kif ukoll l-Etjopja għandhom interess reċiproku fl-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-kooperazzjoni dwar il-mobbiltà li huwa maħsub biex jiffaċilita l-komplementarjetajiet tas-swieq tax-xogħol tagħhom, u jfakkar li l-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari jipprovdi pariri u bini ta' kapaċità f'dan il-qasam; |
|
14. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fir-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija u l-proċessi inġusti għall-aħħar tal-migranti u tal-membri tal-minoranza Shi’ a tal-pajjiż; jinnota t-tħabbira reċenti li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet is-swat bħala forma ta' kastig se jiġi sostitwit bi żmien il-ħabs; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jimponi moratorju immedjat fuq il-piena tal-mewt u kwalunkwe forma ta' kastig korporali, inklużi l-amputazzjoni u s-swat, bil-għan li jiġu kompletament aboliti; |
|
15. |
Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jitolbu li l-Arabja Sawdija teħles minnufih lil dawk kollha detenuti b'mod inġust talli eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-attivisti politiċi u oħrajn; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi, li allegatament kien soġġett għal attentat ta' qtil waqt li kien il-ħabs, u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu; |
|
16. |
Jistieden lir-Renju tal-Arabja Sawdija jastjeni minn kwalunkwe diskriminazzjoni sistemika kontra n-nisa, il-migranti, inklużi n-nisa migranti, u l-minoranzi, inklużi l-minoranzi reliġjużi; jiddeplora l-fatt li, minkejja li jilqa' r-riformi għan-nisa sa mill-2019, liġijiet diskriminatorji kontra n-nisa, inkluż fir-rigward tal-istatus personali tagħhom, u s-sistema ta' tutela maskili, għad iridu jiġu aboliti għalkollox; |
|
17. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tan-nisa, b'mod partikolari l-attivisti tal-Moviment tad-Dritt tan-Nisa li Jsuqu, Loujain al-Hathloul u Fahad Albutairi, Samar Badawi, Nassima al-Sada, Nouf Abdulaziz u Maya’a al-Zahrani, u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u kontra Iman al-Nafjan, Aziza al-Yousef, Amal al-Harbi, Ruqayyah al-Mharib, Shadan al-Anezi, Abir Namankni u Hatoon al-Fassi jikkundanna bil-qawwa kull tortura, abbuż sesswali u forom oħra ta' trattament ħażin li jiġu imposti fuqhom; jitlob li ssir investigazzjoni imparzjali dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u jitlob li l-awturi kollha jitressqu quddiem il-ġustizzja; |
|
18. |
Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jemenda l-Artikolu 39 tal-Liġi Bażika tal-1992 u l-Liġi Kontra l-Kriminalità Ċibernetika biex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa u tal-espressjoni kemm offline kif ukoll online; jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jemenda l-Liġi tiegħu dwar l-Assoċjazzjonijiet b'konformità mad-dritt internazzjonali biex jippermetti l-istabbiliment u l-operat ta' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
19. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jippermettu lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem aċċess bla xkiel għall-pajjiż b'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom; |
|
20. |
Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fl-Arabja Sawdija biex jitolbu b'urġenza permess biex iżuru ċ-ċentri ta' detenzjoni tal-migranti; jinsisti li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem trid tkun fil-qalba tal-politika esterna tal-UE; |
|
21. |
Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri, flimkien mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jagħtu bidu għall-iżvilupp ta' approċċ komuni lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Arabja Sawdija; jistieden, f'dan is-sens, lill-VP/RGħ jidentifika punti ta' riferiment u għanijiet prattiċi speċifiċi qabel ma jniedi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Arabja Sawdija; |
|
22. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ineħħu r-riżervi li saru għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv għas-CEDAW, u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-ħarsien tal-ħaddiema migranti kollha u tal-membri tal-familji tagħhom, il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Konvenzjoni dwar l-Apolidija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jestendu stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) biex iżuru l-pajjiż; jitlob li jiġi stabbilit Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Arabja Sawdija, b'konformità mal-Proċeduri Speċjali l-oħra tal-HRC maħluqa għall-aktar sitwazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; |
|
23. |
Itenni t-talba tiegħu biex jintemmu l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija ta' teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor li jista' jiffaċilita r-ripressjoni interna; |
|
24. |
Iħeġġeġ għal darb'oħra lill-Kunsill biex jadotta l-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala deċiżjoni relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-TUE u biex jiżgura li, hekk kif jiġi adottat, jiġu applikati malajr sanzjonijiet immirati mal-UE kollha għal dawk responsabbli għall-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi; |
|
25. |
Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew tal-Ministri, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jnaqqsu r-rappreżentanza istituzzjonali u diplomatika tal-UE fis-Summit tal-Mexxejja tal-G20, sabiex tiġi evitata l-leġittimizzazzjoni tal-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-detenzjonijiet illegali u arbitrarji kontinwi fl-Arabja Sawdija; |
|
26. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tat-Turkija, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-Għarbi; |
(1) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.
(2) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.
(3) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.
(4) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 142.
(5) ĠU C 345, 16.10.2020, p. 67.
(6) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(7) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.