29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/54


P9_TA(2020)0259

Il-Liġi dwar l-“Aġenti Barranin” fin-Nikaragwa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-Liġi tal-“Aġenti Barranin” fin-Nikaragwa (2020/2814(RSP))

(2021/C 395/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikulari dawk tal-31 ta' Mejju 2018 (1), tal-14 ta' Marzu 2019 (2) u tad-19 ta' Diċembru 2019 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim tad-29 ta' Ġunju 2012 li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali fuq in-naħa l-oħra (4),

wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nikaragwa,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1716 tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas għal sanzjonijiet immirati fin-Nikaragwa (5), u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/606 tal-4 ta' Mejju 2020 li żied sitt uffiċjali Nikaragwani fil-lista ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq vjaġġar (6),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Novembru 2019 u tal-4 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fil-45 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Settembru 2020, u r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar in-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-bullettini ppubblikati mill-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) stabbilit mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dawk il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-22 ta' Settembru 2020, il-membri tal-Assemblea Nazzjonali Nikaragwana tal-Alianza Frente Sandinista de Liberación Nacional (Front Liberali Nazzjonali Sandinista), il-partit fil-poter, ippreżenta proposta għal Liġi għar-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, immudellata fuq il-liġi Russa tal-2012 dwar l-aġenti barranin, li, jekk tiġi adottata, se tobbliga lil kull persuna, organizzazzjoni jew istituzzjoni, inklużi l-istrumenti tal-midja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu fondi minn barra l-pajjiż, jiġu rreġistrati mal-Ministeru għall-Intern (Migob) u jissottomettu ruħhom għal monitoraġġ finanzjarju mill-Unità tal-Analiżi Finanzjarja (UAF);

B.

billi kwalunkwe persuna jew entità rreġistrata mal-Ministeru għall-Intern bħala “aġent barrani” tkun soġġetta għal sorveljanza mill-qrib u jkollha “żżomm lura milli tintervjeni f'affarijiet jew fi kwistjonijiet politiċi domestiċi” kif dikjarat fl-Artikolu 12, u b'hekk id-drittijiet ċivili u politiċi tagħha jiġu ristretti, filwaqt li tkun tista' tiġi ppersegwitata, tingħata fastidju u tiġi mixlija b'reat kriminali; billi, jekk tiġi adottata, din il-liġi taffettwa b'mod negattiv id-dritt għal parteċipazzjoni politika u pubblika ugwali, inkluża l-oppożizzjoni, u b'hekk tkompli toħloq distorsjoni tas-sistema politika fin-Nikaragwa; billi dan jista' jwassal għal sitwazzjonijiet gravi ta' kriminalizzazzjoni illegali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-attivisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

C.

billi l-Liġi għar-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, jekk tiġi approvata, tintuża bħala strument ta' ripressjoni kontra l-persuni u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jirċievu riżorsi minn kooperazzjoni internazzjonali fin-Nikaragwa; billi l-adozzjoni ta' din il-liġi jista' jkollha impatt dirett fuq il-kooperazzjoni tal-UE fil-pajjiż u fuq individwi marbuta mal-interessi Ewropej;

D.

billi diversi membri tal-partit fil-gvern tal-Assemblea Nazzjonali pproponew ukoll liġi speċjali dwar iċ-ċiberkriminalità li tfittex li tiċċensura l-midja diġitali, kif ukoll liġi ġdida dwar reati ta' mibegħda li tirriforma l-kodiċi kriminali sabiex tippermetti l-impożizzjoni ta' priġunerija għall-għomor għal dissens politiku, mingħajr ebda definizzjoni ċara ta' liema mġiba twassal għal sentenza daqshekk ħarxa, u li tista' tintuża biex tikkastiga lil dawk li jitkellmu kontra l-politiki ripressivi tal-gvern;

E.

billi huwa ċar li dawn il-liġijiet proposti għandhom l-għan li jillimitaw il-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, il-libertà tal-assoċjazzjoni, u l-libertà tar-reliġjon, li jirrestrinġu aktar l-ispazju ċivili għaċ-ċittadini Nikaragwani u li jeżerċitaw kontroll totalitarju fuq iċ-ċittadini, l-istrumenti tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem, mingħajr ebda kontrokontroll u b'marġini kbar ta' diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tagħhom permezz tal-monitoraġġ tal-attivitajiet kollha tagħhom, b'enfasi fuq l-isfera politika, l-isfera tax-xogħol u dik ekonomika; billi dawn il-liġijiet, jekk jiġu adottati, jiksru sensiela ta' drittijiet u libertajiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, li huma kollha rikonoxxuti fil-ftehimiet, fil-patti u fit-trattati internazzjonali li n-Nikaragwa hija firmatarja tagħhom;

F.

billi dawn l-inizjattivi huma l-aħħar eżempji ta' tali ksur u jikkorroboraw xejra usa' ta' ripressjoni u każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; billi personalitajiet tas-soċjetà ċivili, attivisti ambjentali, ġurnalisti, personalitajiet tal-oppożizzjoni politika, membri ta' komunitajiet reliġjużi, b'mod partikolari l-Knisja Kattolika, studenti, eks priġunieri politiċi, u l-familji tagħhom kollha għadhom fil-mira tal-forzi tas-sigurtà u tal-gruppi armati favur il-gvern permezz ta' arresti, kriminalizzazzjoni, forza eċċessiva, rejds fuq djarhom, fastidju mill-pulizija, attakki sesswali u żieda fil-vjolenza u l-intimidazzjoni ffaċċjati minn attivisti nisa, theddid tal-mewt, vandaliżmu, malafama pubblika, u kampanji ta' malafama online;

G.

billi, kif iddikjarat mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, “ma sar l-ebda progress fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ebda sinjal li l-gvern qed jindirizza b'mod kostruttiv it-tensjonijiet u l-problemi strutturali li wasslu għall-kriżi soċjopolitika f'April 2018”; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirrapportaw li 94 persuna meqjusa bħala avversarji tal-gvern għadhom qed jiġu detenuti arbitrarjament, l-aktar fuq akkużi foloz għal reati mhux relatati;

1.

Jikkundanna t-tentattivi biex tiġi adottata l-Liġi antikostituzzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, il-Liġi Speċjali dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-Liġi kontra r-Reati ta' Mibegħda, u jistieden lill-assemblea nazzjonali tirrifjuta dawn il-liġijiet, kif ukoll kwalunkwe liġi oħra li tillimita l-libertajiet fundamentali tal-poplu Nikaragwan; jenfasizza li, jekk jiġu approvati, dawn il-liġijiet se jipprovdu lill-gvern ta' Daniel Ortega għodda ripressiva ġdida biex isikket mhux biss lill-kritiċi tiegħu, iżda lil kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni li tirċievi finanzjament barrani, u li dan se jwassal għal żieda fl-għadd ta' vittmi ta' tali ripressjoni u li se jkompli jaggrava l-klima fuq skala usa' ta' intimidazzjoni u theddid, li jwassal għal ksur inaċċettabbli tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

2.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Nikaragwa u jikkundanna l-azzjonijiet ripressivi kollha tal-Gvern Nikaragwan, b'mod partikolari l-imwiet ikkawżati; jikkundanna r-ripressjoni ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, il-personaġġi tal-oppożizzjoni politika, l-istudenti, il-ġurnalisti, il-gruppi indiġeni, il-membri tal-komunitajiet reliġjużi, b'mod partikolari l-Knisja Kattolika, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod arbitrarju, li l-akkużi kollha kontrihom jiġu rtirati u biex jiġu rispettati s-salvagwardji legali fundamentali tagħhom;

3.

Iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nikaragwa jieqaf jikkriminalizza l-vuċijiet indipendenti u jwaqqaf kull għan li jikkontrolla u jirrestrinġi l-ħidma tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, tal-personaġġi tal-oppożizzjoni politika, tal-mezzi tal-midja u tal-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nikaragwa jirritorna l-proprjetà kkonfiskata lill-istrumenti tal-aħbarijiet, iroddilhom lura l-liċenzji tagħhom biex joperaw u jirrestawra l-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u li dawn ikunu jistgħu jirritornaw fil-pajjiż, inkluża l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-MESENI u l-Grupp Internazzjonali ta' Esperti Indipendenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS); jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Ġunju 2020 li tagħti mandat għal monitoraġġ imsaħħaħ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, u l-appoġġ tal-UE għall-adozzjoni tagħha;

4.

Jenfasizza li kwalunkwe limitazzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline, il-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, u d-dritt li jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa u mal-obbligi internazzjonali tagħha skont il-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

5.

Jirrifjuta l-użu mhux xieraq tal-istituzzjonijiet u l-liġijiet mill-gvern awtoritarju tan-Nikaragwa bl-intenzjoni li jikkriminalizza l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-avversarji politiċi għal skopijiet politiċi u illegali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta bis-sħiħ u fl-intier tagħhom l-impenji li ħa fil-ftehimiet ta' Marzu 2019 mal-gruppi tal-oppożizzjoni u mal-Alleanza Ċivika, li issa huma inklużi fil-Koalizzjoni Nazzjonali, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni demokratika, paċifika u negozjata għall-kriżi politika fin-Nikaragwa;

6.

Ifakkar lill-Gvern tan-Nikaragwa li elezzjonijiet ħielsa, kredibbli, inklużivi u trasparenti jistgħu jseħħu biss jekk ma jkunx hemm ripressjoni, u jekk jiġu fis-seħħ ir-restawr tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet kostituzzjonali tal-poplu kollu tan-Nikaragwa, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda, tat-twemmin u tal-protesta paċifika; jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jilħaq ftehim permezz ta' mezzi demokratiċi paċifiċi u negozjati mal-gruppi tal-oppożizzjoni, inkluża l-Koalizzjoni Nazzjonali, dwar ir-riformi elettorali u istituzzjonali meħtieġa biex jiggarantixxu elezzjonijiet kredibbli, inklużivi u trasparenti, li attwalment huma skedati għal Novembru 2021, kollha f'konformità mal-istandards internazzjonali, billi jimplimenta wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2011, u tal-OAS; jemmen, għal dan il-għan, li l-elezzjonijiet iridu jiġu osservati minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali akkreditati kif xieraq;

7.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti reċenti tal-organizzazzjonijiet tan-Nikaragwa li l-awtoritajiet ordnaw lill-pulizija nazzjonali twettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li qed jiġu assistiti f'din ir-ripressjoni minn gruppi ċivili favur il-gvern u l-organizzazzjonijiet territorjali tal-partit fil-gvern, li wħud minnhom huma armati u organizzati bħala gruppi paramilitari; jitlob li l-gvern iwettaq diżarm ta' dawn il-gruppi paramilitari u jitlob li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jinżammu responsabbli, u jitlob ukoll li jsir rieżami tal-liġi kontroversjali dwar l-amnestija, li tista' tipprekludi l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

8.

Fid-dawl tal-abbużi u l-ksur gravi kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, jekk il-“Liġi dwar l-Aġenti Barranin”, il-“Liġi Speċjali dwar iċ-Ċiberkriminalità”, u l-“Liġi kontra r-Reati ta' Mibegħda” proposti jiġu adottati, jekk il-Gvern tan-Nikaragwa jkompli ma jkollux ir-rieda li jniedi djalogu nazzjonali għal riforma elettorali xierqa, u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa tkompli, jitlob li l-Kunsill, malajr, ikabbar il-lista ta' individwi u entitajiet li għandhom jiġu sanzjonati, inklużi l-President u l-Viċi-President, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex dawn ma jkunux ta' ħsara għall-poplu tan-Nikaragwa; itenni t-talba urġenti tiegħu għal mekkaniżmu globali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill jadotta dan il-mekkaniżmu permezz ta' deċiżjoni relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

9.

Jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fin-Nikaragwa kemm jista' jkun malajr sabiex tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettulha dħul mingħajr xkiel fil-pajjiż, u aċċess għall-interlokuturi u l-faċilitajiet kollha;

10.

Ifakkar fit-talba tiegħu, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019, għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri, li għadu jgħix f'Managua taħt il-protezzjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa, lejn l-Italja, fejn irid jiskonta sitt sentenzi definittivi ta' għomor il-ħabs għall-involviment ippruvat tiegħu fil-ħtif u l-qtil tal-ex Prim Ministru u l-mexxej tal-partit Demokristjan Aldo Moro u l-qtil tal-gwardji tiegħu fis-16 ta' Marzu 1978 f'Ruma;

11.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, flimkien mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex ikompli u jżid l-appoġġ materjali u tekniku tiegħu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti tal-midja indipendenti fin-Nikaragwa; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nikaragwa u lill-Istati Membri b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

12.

Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jtenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

13.

Jenfasizza li l-assistenza tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandha tinżamm u tissaħħaħ biex ittaffi l-impatt tal-COVID-19;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 164.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0219.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2019)0111.

(4)  ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.

(5)  ĠU L 262, 15.10.2019, p. 1.

(6)  ĠU L 139 I, 4.5.2020, p. 1.