29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/32


P9_TA(2020)0256

Oġġezzjoni skont l-Artikolu 112(2) u (3) u (4)(c): Il-livelli massimi tal-akrilammid f’ċerti oġġetti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar (D067815/03 – 2020/2735(RPS))

(2021/C 395/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar (D067815/03,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistipula l-proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

wara li kkunsidra r-regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 tal-20 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni u livelli ta' parametri referenzjarji għat-tnaqqis tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel (2)

wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika dwar l-akrilammid fl-ikel adottata mill-Bord dwar kontaminanti fil-katina tal-ikel (Bord CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-30 ta' April 2015, u ppubblikata fl-4 ta' Ġunju 2015 (3)

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

Aspetti Ġenerali

A.

billi l-akrilammid hi sustanza kimika komposta preżenti fl-ikel magħmula minn aspariġina u zokkor ħielsa minn sustanzi preżenti b'mod naturali matul proċessar b'temperatura għolja bħal fil-qali, ix-xiwi u l-ħami;

B.

billi l-konsumaturi jiġu esposti għall-akrilammid minn ikel prodott b'mod industrijali, bħall-krisps, il-ħobż, il-gallettini u l-kafè, imma wkoll minn tisjir fid-dar, eż. fix-xiwi tal-ħobż jew fil-qali taċ-ċips;

C.

billi t-trabi, tfal żgħar u tfal oħra huma l-aktar grupp ta' età espost minħabba l-piż inqas ta' ġisimhom u għalhekk huma speċifikament vulnerabbli; billi hu magħruf li t-tfal għandhom metaboliżmu ogħla minħabba l-proporzjon akbar bejn il-fwied u l-piż tal-ġisem li jagħmilha aktar possibbli li l-glycidamide (il-metabolita tal-akrilammid, li tifforma permezz tal-bijotrasformazzjoni) tista' tiġi ffurmata b'rata ogħla fit-tfal, u b'hekk tiżdied il-possibbiltà ta' tossiċità tal-akrilammid fit-tfal (5);

Tħassib marbut mas-sikurezza

D.

billi, skont il-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati (CLP00) approvati mill-Unjoni, l-akrilammid huwa tossiku jekk jinbela', jista' jikkawża difetti ġenetiċi, jista' jikkawża kanċer, jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut, huwa ta' ħsara f'kuntatt mal-ġilda, jikkawża irritazzjoni serja lill-għajnejn, huwa ta' ħsara jekk jinġibed man-nifs, huwa suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità, jikkawża irritazzjoni tal-ġilda u jista' jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda; billi barra minn hekk, il-klassifikazzjoni pprovduta mill-kumpaniji lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fir-reġistrazzjonijiet REACH tidentifika li din is-sustanza tista' tkun ta' ħsara għall-fertilità jew għat-tarbija fil-ġuf (6);

E.

billi lil hinn minn dan, ġiet osservata deġenerazzjoni tan-nervituri periferali u tan-nervituri terminali f'xi żoni tal-moħħ relatati mal-memorja, it-tagħlim u l-funzjonijiet konjittivi (7);

F.

billi l-opinjoni xjentifika tal-Bord CONTAM tat-30 ta' April 2015 dwar l-akrilammid fl-ikel (8) identifikat, mid-data kollha disponibbli, erba' punti aħħarin kritiċi possibbli għat-tossiċità tal-akrilammid, jiġifieri n-newrotossiċità, l-effetti fuq ir-riproduzzjoni tal-irġiel, it-tossiċità tal-iżvilupp, u l-karċinoġeniċità; billi l-Bord CONTAM innota wkoll li l-akrilammid huwa mutaġenu taċ-ċelloli ġerminali u li fil-preżent ma hemm l-ebda proċedura stabbilita għall-valutazzjoni tar-riskju bl-użu ta' dan il-punt aħħari; billi l-Bord CONTAM b'mod aktar speċifiku kkonferma l-evalwazzjonijiet preċedenti li l-akrilammid fl-ikel potenzjalment iżid ir-riskju tal-kanċer għall-konsumaturi fil-gruppi tal-etajiet kollha;

G.

billi t-tossiċità tal-akrilammid kienet diġà ġiet rikonoxxuta fl-2002 f'rapport konġunt tal-FAO/WHO (9); billi l-akrilammid ġie kklassifikat bħala “karċinoġenu uman probabbli” mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) (10), bħala “raġonevolment antiċipat li jkun karċinoġenu uman” mill-Programm Nazzjonali dwar it-Tossikoloġija (NTP) tal-Istati Uniti (11), u bħala “li x'aktarx hu karċinoġeniku għall-bnedmin” mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent (EPA) tal-Istati Uniti (12);

H.

billi l-proprjetajiet tal-akrilammid li jfixklu s-sistema endokrinali huma diskussi f'diversi studji xjentifiċi (13) u jeħtieġu eżami b'mod urġenti;

Il-prinċipju ta' prekawzjoni

I.

billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

J.

billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jiddisponi li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

Rekwiżiti legali speċifiċi

K.

billi l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 315/93 jipprevedi li l-ikel li fih kontaminant f'ammont li mhuwiex aċċettabbli mil-lat tas-saħħa pubblika u b'mod partikolari f'livell tossikoloġiku ma għandux jitqiegħed fis-suq, u li l-livelli tal-kontaminanti għandhom jinżammu baxxi daqs kemm dan jista' raġonevolment jinkiseb billi jiġu segwiti prattiki tajbin fl-istadji kollha tal-produzzjoni tal-ikel;

L.

billi r-Regolament (UE) 2017/2158 jirrikjedi li l-operaturi tan-negozji tal-ikel japplikaw miżuri ta' mitigazzjoni u jwettqu ċerti attivitajiet biex inaqqsu l-livelli tal-akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel bil-għan li jiġi żgurat li l-livelli tal-akrilammid fil-prodotti tagħhom jibqgħu taħt il-“livelli tal-parametri referenzjarji”, li jintużaw biex tiġi vverifikata l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni permezz ta' kampjunar u analiżi;

M.

billi l-livelli livelli tal-parametri referenzjarji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2158 ilhom japplikaw minn April 2018, u għandhom jiġu riveduti mill-Kummissjoni kull tliet snin u l-ewwel darba fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, bil-għan li jiġu stabbiliti livelli aktar baxxi (14);

N.

billi l-livelli tal-parametri referenzjarji huma neqsin għal diversi kategoriji ta' prodotti, bħall-krisps veġetali, il-croquettes, jew il-crackers tar-ross, li rigward uħud minnhom ġie pprovat li fihom livelli għoljin ta' akrilammid; billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1888 (15) tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta' kategoriji tal-ikel li għandhom jiġu mmonitorjati regolarment għall-preżenza tal-akrilammid;

O.

billi, f'konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 315/93, il-Kummissjoni tista', fejn meħtieġ, tistabbilixxi t-tolleranzi massimi għal kontaminanti speċifiċi, sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika; billi għadu ma ġie stabbilit l-ebda livell massimu għall-akrilammid fl-ikel; billi l-Premessa 15 tar-Regolament (UE) 2017/2158 tindika li b'mod komplementari għall-miżuri ta' mitigazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat l-iffissar ta' livelli massimi għall-akrilammid f'ċertu ikel;

L-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni

P.

billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jirrikonoxxi l-importanza li l-livelli tal-akrilammid fl-ikel jinżammu baxxi daqs kemm dan jista' raġonevolment jinkiseb;

Q.

billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipproponi li jiġu stabbiliti livelli massimi għal żewġ kategoriji speċifiċi ħafna ta' ikel biss, jiġifieri għall-“gallettini u l-biskuttelli għat-trabi u għat-tfal żgħar” (150 μg/kg, li jikkorrispondi għal-livell tal-paramentru referenzjarju kurrenti) u għall-“ikel tat-trabi, l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar minbarra l-gallettini u l-biskuttelli” (50 μg/kg, li huwa saħansitra 10 μg/kg ogħla mil-livell tal-parametru referenzjarju kurrenti ta' 40 μg/kg);

R.

billi d-data ta' okkorrenza li l-Kummissjoni bbażat l-abbozz ta' regolament tagħha fuqha tirriżulta mill-perjodu 2015-2018; billi, jekk ir-Regolament (UE) 2017/2158 għandu jkollu effett fuq il-livelli tal-akrilammid fl-ikel, jista' jkun raġonevolment mistenni li l-manifatturi tal-ikel għandhom tal-anqas sa issa jkunu laħqu l-valur tal-parametru referenzjarju stabbilit tliet snin ilu;

Is-sitwazzjoni tas-suq u l-valutazzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni

S.

billi r-riċerka mwettqa fil-ħarifa tal-2018 minn għaxar organizzazzjonijiet tal-konsumaturi madwar l-Ewropa (16) wriet li firxa ta' prodotti li ma jaqgħux taħt iż-żewġ kategoriji regolati fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni, bħall-gallettini u l-wejfers, spiss jiġu kkunsmati minn tfal taħt it-tliet snin; u xi wħud minn dawn il-prodotti huma ovvjament ikkummerċjalizzati b'mod li jimmiraw għat-tfal (jiġifieri d-disinn tal-imballaġġ b'karattri tal-kartuns li jappellaw għat-tfal); billi sitwazzjoni simili tista' tkun mistennija għal prodotti bħal crackers jew ċereali tal-kolazzjon;

T.

billi l-livell tal-parametru referenzjarju għall-“gallettini u l-wejfers” (350 μg/kg) u l-livell tal-parametru referenzjarju għall-“gallettini u l-biskuttelli għat-trabi u għat-tfal żgħar” (150 μg/kg) ivarjaw b'mod sinifikanti, mingħajr ma l-ġenituri jkunu magħmula konxji tad-differenza f'termini tal-kontenut massimu ta' akrilammid mixtieq;

U.

billi nstab ukoll li għall-gallettini u l-wejfers, terz mill-prodotti ttestjati kienu fil-livell tal-parametru referenzjarju jew 'il fuq minnu, u mill-gallettini u l-wejfers identifikati bħala “kkunsmati ta' spiss minn tfal taħt it-tliet snin” qrib żewġ terzi ma kinux jaqbżu l-parametru referenzjarju stabbilit għall-kategorija “gallettini u biskuttelli għat-trabi u għat-tfal żgħar”;

V.

billi mhuwiex ikkontestat li l-okkorrenza tal-akrilammid fl-ikel tista' tiġi minimizzata billi jiġu applikati miżuri xierqa ta' mitigazzjoni (17); billi, fil-kategoriji kollha tal-ikel, ġie ppruvat li huwa possibbli li jiġu manifatturati prodotti b'kontenut baxx ta' akrilammid (18);

W.

billi, fir-rigward tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni, kemm id-data mir-riċerka tal-konsumaturi (19) fl-2018 kif ukoll id-data dwar l-okkorrenza li tirriżulta mill-bażi ta' data tal-EFSA mill-perjodu 2015-2018 juru li livelli aktar baxxi mill-150 μg/kg u l-50 μg/kg proposti nkisbu faċilment minn maġġoranza kbira ħafna tal-produtturi fiż-żewġ kategoriji tal-ikel; billi wieħed jista' jassumi li llum kważi l-prodotti kollha jistgħu jilħqu dawk il-livelli; billi huma għalhekk meħtieġa livelli aktar stretti sabiex jiġi stabbilit inċentiv għal aktar tnaqqis;

X.

billi l-iffissar ta' livelli massimi jiffaċilita b'mod ċar l-infurzar tar-regoli dwar l-akrilammid mill-Istati Membri; billi, madankollu, il-livelli massimi xorta jridu jiġu stabbiliti f'konformità mal-prinċipju ALARA (“l-aktar baxx li jista' raġonevolment jinkiseb”) kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 315/93;

Y.

billi, bħala konklużjoni, il-livelli proposti fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni diġà huma faċilment issodisfati mill-biċċa l-kbira tal-prodotti fis-suq, u ġie ppruvat li livelli aktar baxxi jistgħu jinkisbu mingħajr il-ħtieġa ta' sforzi kbar;

Kunsiderazzjonijiet oħra

Z.

billi aktar riċerka tista' tgħin biex wieħed jifhem ir-raġunijiet għall-varjabbiltà għolja tal-livelli tal-akrilammid fil-kategoriji tal-ikel u biex wieħed jidentifika strateġiji li jkollhom l-għan li jimminimizzaw il-formazzjoni tal-akrilammid;

AA.

billi l-monitoraġġ tal-effikaċja tar-regoli dwar l-akrilammid huwa kruċjali; billi dan jimplika li l-Istati Membri jwettqu kontrolli effettivi u frekwenti biżżejjed u jiġbru data dwar l-okkorrenza tal-akrilammid;

AB.

billi kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku jistgħu jgħinu biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar prodotti b'kontenut potenzjalment ogħla ta' akrilammid u jinfurmawhom dwar kif jillimitaw l-esponiment tal-akrilammid waqt it-tisjir;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u mal-kontenut tar-Regolament (KEE) Nru 315/93;

3.

Iqis li jekk jibqgħu jkunu permessi livelli għoljin ta' akrilammid fl-ikel, dan jista' jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-konsumaturi Ewropej; iqis, għalhekk, li huwa ta' importanza estrema li jitnaqqsu l-livelli tal-akrilammid fl-ikel;

4.

Iqis li l-livell massimu propost għall-akrilammid fil-kategorija tal-ikel ta' “ikel tat-trabi, ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar minbarra gallettini u biskuttelli” għandu jiġi stabbilit taħt, u ċertament mhux 'il fuq mil-livell ta' parametru referenzjarju kurrenti ta' 40 μg/kg;

5.

Iqis li l-livell massimu propost għall-akrilammid fil-kategorija tal-ikel ta' “gallettini u biskuttelli għat-trabi u għat-tfal żgħar” għandu jiġi stabbilit b'mod ċar taħt il-livell tal-parametru referenzjarju attwali ta' 150 μg/kg;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi livelli massimi stretti mhux biss għaż-żewġ kategoriji ta' prodotti proposti fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni, iżda wkoll għal kategoriji oħra ta' prodotti, u bl-aktar mod urġenti għal gallettini u biskuttelli li ma jaqgħux taħt il-kategorija speċifika ta' “gallettini u biskuttelli għat-trabi u t-tfal żgħar”;

7.

Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-livelli tal-parametri referenzjarji sa April 2021 bil-ħsieb li dawn jitnaqqsu; jinsisti li l-livelli tal-parametri referenzjarji jridu jirriflettu t-tnaqqis kontinwu tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel, u jkunu orjentati lejn dawk bl-aħjar prestazzjoni, sabiex jinċentivaw sforzi addizzjonali mill-manifatturi;

8.

Jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1888 tas-7 ta' Novembru 2019 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-akrilammid f'ċertu ikel; jinsisti li l-livelli tal-parametri referenzjarji (u possibbilment jiġu segwiti minn livelli massimi) jeħtieġ li jiġu stabbiliti malajr għall-kategoriji ta' prodotti li jirriżultaw li fihom livelli għoljin ta' akrilammid;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw ir-riċerka dwar il-formazzjoni tal-akrilammid fl-ikel bil-ħsieb li jiġu identifikati strateġiji li jkollhom l-għan li jimminimizzaw il-formazzjoni tal-akrilammid; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistimulaw ir-riċerka dwar il-proprjetajiet possibbli li jfixklu s-sistema endokrinali tal-akrilammid u l-glycidamide;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta' kontroll tal-ikel bil-għan li jimmonitorjaw l-effikaċja tar-regoli dwar l-akrilammid u jiġbru, jippubblikaw u jgħaddu data dwar l-okkorrenza tal-akrilammid lill-EFSA;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-kategoriji ta' prodotti b'kontenut potenzjalment ogħla ta' akrilammid u dwar strateġiji dwar kif jista' jiġi limitat l-esponiment għall-akrilammid waqt it-tisjir;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 304, 21.11.2017, p. 24.

(3)  EFSA Journal 2015; 13(6):4104. http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4104

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  Ara Erkekoğlu, P., Baydar, T., “Toxicity of acrylamide and evaluation of its exposure in baby foods”, Nutrition Research Reviews, Volum 23, Ħarġa 2, Diċembru 2010, pp. 323-333, https://doi.org/10.1017/S0954422410000211

(6)  ECHA Substance Infocard for Acrylamide, https://echa.europa.eu/de/substance-information/-/substanceinfo/100.001.067?_disssubsinfo_WAR_disssubsinfoportlet_backURL=https%3A%2F%2Fecha.europa.eu%2Fhome%3Fp_p_id%3Ddisssimplesearchhomepage_WAR_disssearchportlet%26p_p_lifecycle%3D0%26p_p_state%3Dnormal%26p_p_mode%3Dview%26p_p_col_id%3Dcolumn-1%26p_p_col_count%3D2%26_disssimplesearchhomepage_WAR_disssearchportlet_sessionCriteriaId%3D. Ara wkoll is-Sommarju tal-ECHA dwar il-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar, https://echa.europa.eu/de/information-on-chemicals/cl-inventory-database/-/discli/details/104230: karċinoġeniku 1B (preżunt), mutaġeniku 1B (preżunt), tossiku għar-riproduzzjoni 2 (suspettat), sensitizzazzjoni tal-ġilda 1, u STOT 1 (tossiċità speċifika għall-organi fil-mira – li taffettwa s-sistema nervuża b'esponiment ripetut).

(7)  Sommarju u konklużjonijiet tal-erbgħa u sittin laqgħa tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA), 8-17 ta' Frar 2005, http://www.fao.org/3/a-at877e.pdf. Ara wkoll Matoso, V., Bargi-Souza, P., Ivanski, F., Romano, M.A., Romano, R.M., “Acrylamide: A review about its toxic effects in the light of Developmental Origin of Health and Disease (DOHaD) concept”, Food Chemistry, 15 ta' Ġunju 2019, 283:422-430, https://pubmed.ncbi.nlm.nih.gov/30722893/

(8)  EFSA Journal 2015; 13(6):4104, http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4104

(9)  Rapport ta' Konsultazzjoni Konġunta FAO/WHO, “Health Implications of Acrylamide in Food”, 25-27 ta' Ġunju 2002, https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/42563/9241562188.pdf?sequence=1

(10)  “IARC Monographs on the Evaluation of Carcinogenic Risks to Humans”, Some Industrial Chemicals, IARC, Lyon, France, 1994, https://publications.iarc.fr/Book-And-Report-Series/Iarc-Monographs-On-The-Identification-Of-Carcinogenic-Hazards-To-Humans/Some-Industrial-Chemicals-1994. Ara wkoll M. Zhivagui, Ng, A.W.T., Ardin, M., et al., “Experimental and pancancer genome analysis reveal out widely contribution of acrylamide exposure to carcinogenesis in human”, Genome Research, 2019; 29 (4): 521-531, https://www.iarc.fr/wp-content/uploads/2019/03/pr267_E.pdf

(11)  Report on Carcinogens, Acrylamide, National Toxicology Program, Department of Health and Human Services, Fourteenth Edition 2016, https://ntp.niehs.nih.gov/ntp/roc/content/profiles/acrylamide.pdf

(12)  Toxicological review of Acrylamide (CAS No. 79-06-1), March 2010, U.S. Environmental Protection Agency, Washington, DC, https://nepis.epa.gov/Exe/ZyPDF.cgi/P1006QL0.PDF?Dockey=P1006QL0.PDF

(13)  Matoso, V., Bargi-Souza, P., Ivanski, F., Roman, M.A., Romana, R.M., “Acrylamide: A review about its toxic effects in the light of Developmental Origin of Health and Disease (DOHaD) concept”, Food Chemistry 283 (2019) 422-430, https://www2.unicentro.br/ppgvet/files/2019/11/3-Acrylamide-A-review-about-its-toxic-effects-in-the-light-of-Developmental-Origin-of-Health-and-Disease-DOHaD-concept.pdf?x26325, Kassotis, C.D., et al., “Endocrine-Disrupting Activity of Hydraulic Fracturing Chemicals and Adverse Health Outcomes After Prenatal Exposure in Male Mice”, Endocrinology, December 2015, 156(12):4458–4473, https://academic.oup.com/endo/article/156/12/4458/2422671, Hamdy, S.M., Bakeer, H.M., Eskander, E.F., Sayed, O.N., “Effect of acrylamide on some hormones and endocrine tissues in male rats”, Human & Experimental Toxicology 2012, 31(5):, 483-91, https://journals.sagepub.com/doi/10.1177/0960327111417267

(14)  L-Artikolu 5 u l-Premessa 11 tar-Regolament (KE) 2017/2158.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1888 tas-7 ta' Novembru 2019 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 290, 11.11.2019, p. 31)

(16)  https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2019-010_more_efforts_needed_to_protect_consumers_from_acrylamide_in_food.pdf

(17)  Ara r-Regolament (UE) 2017/2158.

(18)  https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2019-010_more_efforts_needed_to_protect_consumers_from_acrylamide_in_food.pdf

(19)  https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2019-010_more_efforts_needed_to_protect_consumers_from_acrylamide_in_food.pdf