7.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/113


P9_TA(2020)0017

L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (2019/2950(RSP))

(2021/C 270/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ir-Regolamenti tal-Persunal), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(a), 12, 16 u 17 tiegħu (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-Kwittanza 2009: rendiment, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, intitolat “Il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi f'Aġenziji magħżula tal-UE” (3),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2018 dwar attivitajiet u kompiti esterni u dwar attivitajiet okkupazzjonali wara t-tluq mis-servizz (C(2018)4048),

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tas-17 ta' Settembru 2019 dwar l-avviż ta' riżenja ta' Adam Farkas mill-kariga tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv tal-EBA, b'effett mill-31 ta' Jannar 2020 (4),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA Adam Farkas bħala Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME) (O-000031/2019 – B9-0054/2019) u t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2019 (5),

wara li kkunsidra t-tweġibiet mogħtija mill-President tal-EBA waqt seduta ta' smigħ organizzata mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fl-4 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-23 ta' Awwissu 2010 intitolat “Post-Public Employment: Good Practices for Preventing Conflict of Interest” (Wara l-Impjieg fis-Settur Pubbliku: Prattiki Tajbin għall-Prevenzjoni tal-Kunflitt ta' Interess) (6),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma 06/2010 ta' Transparency International intitolat “Regulating the Revolving Door” (Ir-Regolazzjoni tal-Bibien Iduru) (7),

wara li kkunsidra l-abbozzi ta' rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta dwar l-ilment 775/2010/ANA kontra l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (8),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE (9),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman lid-Direttur tal-EBA tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE (10),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tat-28 ta' Frar 2019 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ex membri ta' livell għoli tal-persunal sabiex tiġi infurzata l-projbizzjoni ta' sena fuq il-lobbjar u l-konsulenza: SI/2/2017/NF (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) (12),

wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss (13),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni intitolata “L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku” (O-000048/2019 – B9-0001/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.

billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jistipula li “fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”;

B.

billi l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (14) jistipula li “r-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħrajn u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini li dawn jiġu applikati, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tagħha u l-President tagħha”;

C.

billi, b'mod partikolari, l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu l-prinċipji għall-persunal li jitlaq mill-istituzzjonijiet, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess;

D.

billi d-Direttur Eżekuttiv tal-EBA aċċetta l-ħatra tiegħu bħala l-Kap Eżekuttiv tal-AFME mill-1 ta' Frar 2020 u ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv tal-EBA, li se tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Jannar 2020;

E.

billi l-Bord Maniġerjali u l-Bord tas-Superviżuri tal-EBA ddeċidew li l-impjieg il-ġdid tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME għandu jiġi approvat; billi l-Bord tas-Superviżuri ħa deċiżjoni li jimponi restrizzjonijiet pjuttost ħfief fuq id-Direttur Eżekuttiv tiegħu, li skont l-EBA jindirizzaw il-kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-fatt li dan tal-aħħar aċċetta l-pożizzjoni l-ġdida tiegħu fl-AFME; billi dawn ir-restrizzjonijiet japplikaw għal attivitajiet imwettqa kemm waqt is-servizz fl-EBA u kemm wara t-tluq mill-EBA;

F.

billi, f'seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew, il-President tal-EBA ssottolinja d-diffikultà li jiġu infurzati restrizzjonijiet fuq tali attivitajiet imwettqa wara l-impjieg fis-servizz pubbliku;

G.

billi fil-preżent l-uffiċjali eżekuttivi ta' livell għoli li jitilqu minn awtoritajiet superviżorji ma jirċevux allowance temporanja;

H.

billi s-sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku jew ta' ''bibien iduru'' huma kwistjonijiet rikorrenti u ġew ivvalutati u analizzati minn korpi internazzjonali u tal-UE, b'mod partikulari mill-Ombudsman tal-UE u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

I.

billi tali każijiet ta' “bibien iduru” jagħtu lill-gruppi interessati l-opportunità li jippremjaw lir-regolaturi għal imġiba passata, u b'hekk jiftħu l-bieb għal inċentivi dannużi;

1.

Jissottolinja l-importanza ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti għall-UE kollha kemm hi, inklużi l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

2.

Jinsab imħasseb dwar il-kunflitt ta' interess li nħoloq minħabba l-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME mill-1 ta' Frar 2020; jinnota li din il-kariga wara l-impjieg fis-servizz pubbliku mingħajr perjodu ta' preklużjoni tikkostitwixxi riskju mhux biss għar-reputazzjoni u l-indipendenza tal-EBA iżda wkoll għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-proġett Ewropew kollu kemm hu;

3.

Ifakkar li s-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interessi mhux indirizzati għandhom mnejn mhux biss jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni Ewropea kollha, iżda wkoll jipperikolaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b'hekk jheddu l-kundizzjonijiet ekwi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku;

4.

Jappella għall-applikazzjoni effikaċi u konsistenti tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħhom, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, b'mod partikolari – iżda mhux biss – fir-rigward ta' uffiċjali ta' livell għoli; jissottolinja li l-Artikolu 16 jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-UE jiċħdu talba ta' ex uffiċjal li jibda impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jenfasizza li, fil-każ tas-Sur Farkas, il-projbizzjoni ta' ċaqliqa diretta lejn l-AFME setgħet ġiet ikkunsidrata fid-dawl tal-Artikolu 21(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)4048, peress li l-AFME tista' titqies bħala parti avversa;

5.

Jibża' li ħafna drabi ma jkunx possibbli li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta' wara l-impjieg fis-servizz pubbliku; iħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-UE jikkunsidraw il-firxa sħiħa tal-għodod disponibbli bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal;

6.

Jinsab dubjuż dwar id-deċiżjoni tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Maniġerjali tal-EBA li s-Sur Farkas jitħalla jassumi l-pożizzjoni ta' Kap Eżekuttiv tal-AFME; jistedinhom jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom;

7.

Jinnota li, għalkemm l-esperjenza fis-settur privat tista' tkun ta' siwi għall-ħidma fl-istituzzjonijiet, is-sistema ta' “bibien iduru” tista' tfeġġ ukoll bħala riżultat ta' kariga fis-settur privat qabel l-impjieg fis-servizz pubbliku, meta tkun teżisti rabta diretta bejn l-impjegatur preċedenti u l-pożizzjoni l-ġdida fl-istituzzjoni, u li dan għandu l-potenzjal li jikkomprometti l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE u jagħmel ħsara lill-fiduċja taċ-ċittadini fihom; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa emerġenti li jiġi evalwat kif il-kunflitti ta' interess jistgħu jirriżultaw ukoll minn pożizzjonijiet qabel l-impjieg fis-servizz pubbliku jew qabel il-ħatra għal karigi li jinvolvu setgħat u responsabbiltajiet regolatorji jew eżekuttivi, u jirrakkomanda li dan jingħata aktar kunsiderazzjoni;

8.

Jenfasizza li s-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku u ta' “bibien iduru” huma problema komuni għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha madwar l-UE u l-Istati Membri tagħha; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' qafas legali unifikat biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'mod effiċjenti;

9.

Jinnota l-ħidma li saret f'livell internazzjonali (OECD) biex jiġi żgurat qafas armonizzat għas-sitwazzjonijiet wara l-impjieg fis-settur pubbliku; jinnota, fil-livell tal-UE, il-ħidma mwettqa għal dan il-għan mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Ombudsman tal-UE; jinnota li implimentazzjoni f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tista' tipprevjeni kwistjonijiet simili fil-futur;

10.

Jenfasizza li, filwaqt li l-esperjenza miksuba bis-saħħa tal-impjieg fis-settur privat minn membri tal-persunal ta' korp regolatorju jew superviżorju tista' tkun ta' siwi għal tali korp, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iħaddnu etika b'saħħitha ta' servizz pubbliku biex jaqdu bl-aħjar mod liċ-ċittadini tal-Ewropa;

11.

Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq analiżi komprensiva tal-approċċ tal-korpi u l-aġenziji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja rigward il-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet fejn hemm kunflitti ta' interess potenzjali; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tidentifika l-aħjar prattiki;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattika kurrenti fejn jidħlu karigi wara l-impjieg fis-servizz pubbliku fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri aktar b'saħħithom għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess li jinqalgħu meta uffiċjali ta' livell għoli tal-korpi tal-UE jħallu l-kariga tagħhom biex jibdew impjieg fis-settur privat jew meta individwi li jkunu ġejjin mis-settur privat jinħatru f'pożizzjonijiet ta' livell għoli f'korp tal-UE, u jistedinha tqis ir-riżultati tagħha hija u tikkunsidra qafas legali armonizzat għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-settur pubbliku;

13.

Ifakkar fl-impenn meħud mill-Kummissjoni waqt id-dibattitu fil-plenarja tal-24 ta' Ottubru 2019 li tirrevedi l-qafas legali applikabbli wara t-tmiem tal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali armonizzat għall-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara l-impjieg fis-settur pubbliku sabiex jiġu żgurati standards etiċi għoljin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-prattika tal-UE tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali; jissottolinja li għandhom jiġu applikati l-istess standards fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tagħha tal-qafas applikabbli wara l-impjieg fis-settur pubbliku, tiddefinixxi oqsma ta' riskju speċifiċi li għandu mnejn ikun meħtieġ li jissaħħu, inkluża it-twessigħ tal-possibbiltà li jiġi mblukkat iċ-ċaqliq minn xogħol għal ieħor, u tikkunsidra estensjoni possibbli ta' perjodi ta' preklużjoni ta' uffiċjali ta' livell għoli, proporzjonati għall-każ speċifiku, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali f'konformità mal-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li r-rekwiżit għall-iżvelar ex ante tal-kunflitti ta' interess stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi implimentat b'mod li jiżgura li l-kunflitti ta' interess potenzjali tal-kandidati jiġu żvelati ferm qabel ma jibdew jaħdmu f'korp tal-UE; jenfasizza wkoll li l-korpi kollha tal-UE għandhom jippubblikaw ir-regoli interni tagħhom dwar kif jittrattaw il-kunflitti ta' interess fuq is-siti web tagħhom u għandhom jagħtu kas ir-rakkomandazzjonijiet tal-2017 tal-Ombudsman Ewropew dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni annwali skont ma jirrikjedi l-Artikolu 16(4) tar-Regolamenti tal-Persunal;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni testendi din ir-reviżjoni għall-kunflitti ta' interess qabel l-impjieg fis-settur pubbliku, tikkunsidra li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħaċ-ċessjoni obbligatorja ta' interessi f'impriżi li huma soġġetti għall-awtorità tal-istituzzjoni li għaliha jkun jappartjeni uffiċjal maħtur ġdid jew li jkollhom kuntatti ma' tali istituzzjoni, u tikkunsidra wkoll tipi ġodda ta' miżuri preventivi, bħall-iskwalifika obbligatorja fi kwistjonijiet li jaffettwaw lil xi ħadd li qabel kien impjegatur fis-settur privat;

16.

Iqis li l-projbizzjoni fuq iċ-ċaqliq minn xogħol għal ieħor meta l-persuna kkonċernata jkollha impjieg u meta l-projbizzjoni tkun immirata u ġġustifikata biżżejjed ma tikkostitwix ksur tad-dritt għall-impjieg;

17.

Jirrimarka li, jekk jiġu introdotti perjodi itwal ta' preklużjoni għall-uffiċjali ta' livell għoli li jitilqu minn aġenzija, tkun tista' tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li jingħataw allowance temporanja xierqa; jissottolinja li tali allowances temporanji għandhom jintemmu jekk jinbeda impjieg ġdid matul il-perjodu ta' preklużjoni;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ikunx xieraq li l-aġenziji tal-UE kkonċernati jiddeċiedu għalihom infushom dwar l-infurzar tar-regoli dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u kif tista' tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli; iqis li l-korp tal-etika indipendenti previst mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen huwa l-aktar korp adatt għat-teħid ta' deċiżjonijiet relatati ma' kunflitti ta' interess li jikkonċernaw membri tal-persunal tal-UE fil-futur;

19.

Jissuġġerixxi lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti kollha tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jastjenu milli jkollhom kuntatt mad-Direttur Eżekuttiv attwali jekk u meta jassumi l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME għal perjodu ta' sentejn; jistieden lis-servizzi responsabbli għall-forniment ta' permessi ta' aċċess permanenti (“badges kannella”) għall-bini tal-Parlament jikkunsidraw bir-reqqa l-każ tas-Sur Farkas u jqisu l-possibbiltà li ma joħorġux tali badge għall-istess perjodu ta' sentejn, sabiex jiġi evitat kunflitt ta' interess potenzjali;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Ombudsman Ewropew.

(1)  ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385.

(2)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 268.

(3)  https://www.eca.europa.eu/lists/ecadocuments/sr12_15/sr12_15_mt.pdf

(4)  https://eba.europa.eu/adam-farkas-steps-down-as-eba-executive-director

(5)  https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/O-9-2019-000031_MT.html

(6)  https://read.oecd-ilibrary.org/governance/post-public-employment_9789264056701-en#page7

(7)  https://www.transparency.org/whatwedo/publication/working_paper_06_2010_regulating_the_revolving_door

(8)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/recommendation/en/11089

(9)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/correspondence/en/80697

(10)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/correspondence/en/80699

(11)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/report/en/110521

(12)  Testi adottati, P8_TA(2019)0080.

(13)  https://ec.europa.eu/info/files/political-guidelines-next-commission-2019-2024-union-strives-more-my-agenda-europe_mt

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).