|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 429/24 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-protezzjoni ta’ minorenni migranti mhux akkumpanjati fl-Ewropa”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 429/04)
|
Relatur: |
Özlem YILDIRIM (FR-II) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.2.2020 |
|
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adottata fis-sezzjoni |
9.7.2020 |
|
Adottata fil-plenarja |
18.9.2020 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
554 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
215/1/5 |
1. Rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra li l-prinċipju tal-“aħjar interessi tat-tfal” għandu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ liġi nazzjonali u internazzjonali. |
|
1.2 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa approċċ koerenti u armonizzat għall-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati fl-Ewropa. |
|
1.3 |
Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' minorenni barranin mhux akkumpanjati li huma fost l-aktar persuni vulnerabbli fil-kuntest tal-migrazzjoni u huma għaldaqstant esposti għal riskju akbar tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. |
|
1.4 |
Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal f’sitwazzjoni irregolari jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, u permezz tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal. |
|
1.5 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevjenu l-vjolenza kollha fuq it-tfal migranti billi joħolqu rotot ta’ migrazzjoni sikuri, legali u regolari. |
|
1.6 |
Il-KESE jfakkar għal darb’oħra (1) fil-projbizzjoni assoluta tad-detenzjoni tat-tfal irrispettivament mis-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom. Jikkundanna bil-qawwa kollha din il-prattika u jfakkar li tikser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal. |
|
1.7 |
Biex jipproteġi b’mod effettiv lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għas-servizzi pubbliċi u joffru servizzi adattati, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ speċjalizzat u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti għall-protezzjoni tat-tfal. |
|
1.8 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li jkollha bħala għan prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal. |
|
1.9 |
Il-KESE jfakkar li kull minorenni barrani mhux akkumpanjat, kemm jista’ jkun malajr u sa età maġġuri, iridu jiġi megħjun minn tutur kompetenti li jiġi infurmat dwar id-deċiżjonijiet kollha meħudin dwaru u jgħinu matul il-proċedura tiegħu. Dan it-tutur għandu dejjem ikun kapaċi jaġixxi fl-interess tal-minorenni u ma jkunx f’kunflitt ta’ interess mas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal. |
|
1.10 |
Il-KESE jfakkar li skont il-prinċipju tal-“preżunzjoni ta’ età minuri”, żagħżugħ li jippreżenta ruħu bħala minorenni għandu jitqies bħala tali sakemm tingħatadeċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata. |
|
1.11 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-età minuri abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi, l-ewwel fosthom id-dikjarazzjonijiet mill-persuna kkonċernata, id-dokumenti dwar l-istat ċivili ppreżentati, l-intervisti li jsiru mal-persuna kkonċernata minn professjonisti kompetenti, u jekk ikun meħtieġ, il-verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti tal-istat ċivili. |
|
1.12 |
Il-KESE jappella biex fin-nuqqas ta’ affidabbiltà reali t-testijiet tal-għadam jitwaqqfu għalkollox. Il-KESE jqis li m’għandniex nirrikorru għal mezzi li nafu li huma approssimattivi sempliċiment minħabba li m’għandniex mezzi ta’ verifika affidabbli. |
|
1.13 |
Minħabba d-diffikultà li jiġu koperti l-kwistjonijiet u l-prinċipji kollha marbuta mal-minorenni barranin mhux akkumpanjati f’din l-Opinjoni, il-KESE jipproponi li jitwettaq serje ta’ studji ta’ segwitu li jiffokaw fuq temi sekondarji speċifiċi. |
2. Kuntest
|
2.1 |
Il-barrani minuri mhux akkumpanjat, (li għadu jissejjaħ “minorenni barrani mhux akkumpanjat”) huwa “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena” li “jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew/għaliha sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm hu mhuwiex jew hi mhijiex effettivament fil-kura ta’ persuna bħal din” jew “jitħalla mhux akkompanjat wara li hu/hi jkun daħal/tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri” (2). |
|
2.2 |
Minorenni barranin mhux akkumpanjati jinsabu fl-Istati Membri kollha tal-UE, iżda fl-2019, 60 % tal-minorenni barranin kollha mhux akkumpanjati u rreġistrati ġew irreġistrati f’erba’ pajjiżi (il-Greċja, il-Ġermanja, il-Belġju u n-Netherlands). Fl-2019, 13 800 applikant għall-ażil li applikaw għal protezzjoni internazzjonali fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) kienu ġew meqjusa bħala minorenni mhux akkumpanjati. Fil-livell tal-UE, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati kienu jirrappreżentaw 7 % tal-applikanti għall-ażil kollha li għandhom anqas minn 18-il sena. Ħafna minnhom kienu subien (85 %). Żewġ terzi kellhom 16 jew 17-il sena (jiġifieri 9 200 persuna), dawk li kellhom 14 jew 15-il sena kienu jirrappreżentaw 22 % tal-minorenni mhux akkumpanjati (3 100 persuna) u dawk li kellhom anqas minn 14-il sena 11 % (1 500 persuna) (3). |
|
2.3 |
It-tfal migranti jagħmlu parti mill-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna. Imċaħħda mill-ġenituri tagħhom, li fih innifisu joħloq livell għoli ta’ nuqqas ta’ sigurtà u ta’ periklu, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati ta’ sikwit jgħaddu minn rotta migratorja twila, kaotika, trawmatika u vjolenti. Dawn ikomplu jiġu esposti għal diversi perikli u huma vittmi partikolarment vulnerabbli għan-networks kriminali: b’mod partikolari t-traffikar tat-tfal għal finijiet ta’ sfruttament sesswali u t-tħaddim tat-tfal. |
|
2.4 |
Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra li l-prinċipju tal-“aħjar interessi tat-tfal” għandu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ liġi nazzjonali u internazzjonali (4). |
|
2.5 |
Huwa jsostni wkoll li s-sitwazzjonijiet differenti u kkumplikati li l-minorenni barranin mhux akkumpanjati jiffaċċjaw jeħtieġu approċċi multidixxiplinari (legali-psiko-mediċi-soċjali), komprensivi u olistiċi. |
|
2.6 |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989, “CRC”) tikkostitwixxi l-qafas ġenerali tal-protezzjoni tat-tfal fl-Ewropa. Madankollu, la dan l-istrument, la l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1950), u lanqas il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal (1996) ma pprevedew dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw direttament għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati. |
|
2.7 |
Kellna nistennew is-26 ta’ Ġunju 1997 biex il-Kunsill tal-Ewropa jadotta l-ewwel strument legali li jitratta b’mod speċifiku l-kwistjoni tat-tfal migranti mhux akkumpanjati. Din ir-riżoluzzjoni hija madankollu strument mhux vinkolanti. Filwaqt li testi Ewropej jagħmlu referenza tajba għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati, bħad-Direttiva dwar ir-Ritorn jew id-Direttiva 2003/9/KE (5), ma tfassal l-ebda strument speċifiku fil-livell tal-UE. |
|
2.8 |
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ qafas legali preċiż, l-Istati Membri qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jimmaniġġjaw il-problema tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati b’mod konċertat u koerenti. Għalhekk, għandu jiġi nnotat li fl-Istati Membri, is-sitwazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati hija kkaratterizzata minn inugwaljanzi kbar fil-leġislazzjonijiet li jiddefinixxu l-mod li bih dawn għandhom jiġu ttrattati u l-proċeduri li dawn huma soġġetti għalihom (determinazzjoni tal-età, tuturi, drittijiet, eċċ.). |
|
2.9 |
Barra minn hekk, il-qafas legali applikabbli għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jiġi rinfurzat mill-Istati Membri. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li jkollha bħala għan prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal. Din il-ħtieġa hija saħansitra aktar evidenti fid-dawl tas-sitwazzjonijiet deplorabbli ta’ diversi minorenni barranin mhux akkumpanjati ddenunzjati madwar l-Ewropa minn assoċjazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tat-tfal. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li huma fost l-aktar persuni vulnerabbli fil-kuntest tal-migrazzjoni u huma għaldaqstant esposti għal riskju akbar tal-ksur tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tagħhom. |
|
3.2 |
Is-CRC tobbliga lill-Istati biex jagħtu lit-tfal mingħajr dokumenti l-istess trattament bħat-tfal “kollha”, mingħajr distinzjoni (6). Il-KESE jinnota li fil-prattika teżisti tensjoni bejn id-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali li jirregolaw il-kontroll tal-immigrazzjoni u dawk dwar il-protezzjoni tat-tfal. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal f’sitwazzjoni irregolari jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, u permezz tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal (7). |
|
3.3 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevjenu l-vjolenza kollha fuq it-tfal migranti billi joħolqu rotot ta’ migrazzjoni sikuri, legali u regolari bħal proċeduri flessibbli, rapidi u effettivi, b’mod partikolari ta’ riunifikazzjoni tal-familja, iż-żieda fil-kwoti ta’ risistemazzjoni tal-migranti jew l-għoti ta’ viżi umanitarji, u dan isaħħaħ il-garanziji għat-tfal u għall-membri tal-familja tagħhom. |
|
3.4 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri speċifiċi u effettivi għar-regolarizzazzjoni tar-residenza tagħhom fit-tfittxija ta’ “soluzzjoni sostenibbli” għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati li tiżgura l-aħjar interessi tagħhom. |
|
3.5 |
Il-KESE jfakkar fil-projbizzjoni assoluta tad-detenzjoni tat-tfal irrispettivament mis-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom. Jikkundanna bil-qawwa din il-prattika u jfakkar li din tikser is-CRC (Artikolu 3). Fil-fatt, il-KESE jinnota (8) li d-detenzjoni jista’ jkollha konsegwenzi serji ħafna fuq is-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal, irrispettivament mill-perjodu ta’ din id-detenzjoni. Id-detenzjoni tmur dejjem kontra l-aħjar interessi tat-tfal (9). |
|
3.6 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jadottaw liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu d-detenzjoni u li jippromovu l-iżvilupp ta’ alternattivi adattati għall-vulnerabbiltà partikolari tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati – bħall-kura mingħand familji tar-rispett u t-tqegħid f’post għall-għajxien indipendenti sorveljat. |
|
3.7 |
Il-KESE jfakkar fl-importanza li jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt tat-tfal li jieħdu sehem f’deċiżjonijiet li jikkonċernawhom. |
|
3.8 |
Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jipprevedu garanziji legali għall-aċċess tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati għall-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali u garanziji li jiġu pprovduti b’informazzjoni adattata għall-età tagħhom. Biex isir dan, jidher li huwa xieraq li jinħolqu unitajiet tal-ażil speċjalizzati fl-għajnuna għat-tfal migranti u fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni adattata għat-tfal, fil-lingwa materna tagħhom, b’mod partikolari billi jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet marbuta mal-ġeneru u mad-dimensjoni transkulturali f’dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
|
3.9 |
Biex jipproteġi lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati kontra l-forom kollha ta’ sfruttament, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lit-tfal li huma soġġetti għall-isfruttament u l-vjolenza l-istatus ta’ vittma tat-traffikar tal-bnedmin akkumpanjat mill-kisba ta’ permess ta’ residenza. Il-KESE jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati. |
|
3.10 |
Il-minorenni barranin mhux akkumpanjati m’għandhom qatt ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali għal raġunijiet marbuta b’mod esklussiv mal-istatus tagħhom fir-rigward tal-immigrazzjoni jew meta l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet kriminali tirriżulta mill-isfruttament tagħhom. |
|
3.11 |
Biex jipproteġi b’mod effettiv lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għas-servizzi pubbliċi u joffru servizzi adattati, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ speċjalizzat u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti għall-protezzjoni tat-tfal. Dan it-taħriġ għandu jiġi stabbilit fil-livell Ewropew. |
|
3.12 |
Il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati ma tieqafx fil-fruntieri Ewropej. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-bżonnijiet u d-drittijiet tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati fl-istrumenti u l-azzjonijiet esterni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehimiet jew ta’ programmi ta’ kooperazzjoni. |
|
3.13 |
Il-KESE jfakkar li l-minorenni barranin mhux akkumpanjati kollha għandhom ikunu, kemm jista’ jkun malajr u sa età maġġuri, megħjuna minn tutur kompetenti li għandu jkun infurmat dwar id-deċiżjonijiet kollha meħuda dwarhom u jgħinhom matul il-proċedura tagħhom. Dan it-tutur għandu dejjem ikun kapaċi jaġixxi fl-interess tal-minorenni u ma jkunx f’kunflitt ta’ interess mas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal. |
|
3.14 |
Kif il-KESE diġà fakkar, minkejja li l-leġislazzjoni tal-UE tagħraf l-importanza tal-kustodja legali, din ma tiddefinixxix l-obbligi tat-tutur legali. It-tutur legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu esperjenza fit-trattament tal-minorenni u għarfien tal-liġi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal, u li għandu l-awtorità li jirrappreżenta lill-minorenni matul il-proċess deċiżjonali (10), dejjem jekk il-minorenni jagħti l-kunsens tiegħu (11). Il-proċedura biex jinħatru t-tuturi fil-Belġju tista’ sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni (12). |
|
3.15 |
Il-KESE jfakkar li minbarra l-għajnuna legali, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jkollhom ukoll aċċess għal protezzjoni soċjali u għal faċilità ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni temporanja ta’ kwalità deċenti. Din l-akkoljenza għandha tkun adattata għall-vulnerabbiltà tagħhom, u akkumpanjata minn professjonisti speċjalizzati għaż-żgħażagħ, possibbiltà ta’ evalwazzjoni medika jew psikoloġika u aċċess għall-kura tas-saħħa. |
|
3.16 |
Il-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jkollhom ukoll aċċess għat-tagħlim skont l-għażla tal-minorenni u jekk ikun meħtieġ mit-tutur. Barra minn hekk, il-programmi Erasmus u Erasmus+ jistgħu wkoll iħaffu l-parteċipazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati u dawk li kienu minorenni barranin mhux akkumpanjati u li issa saru adulti. |
|
3.17 |
Il-KESE jinsisti fuq l-importanza li t-tfal kollha jiġu infurmati, skont l-età tagħhom, dwar id-drittijiet mogħtija lilhom mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li b’hekk il-minorenni mingħajr kustodja jkunu jistgħu jitolbu protezzjoni. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
L-ewwel Artikolu tas-CRC jiddefinixxi t-tfal bħala kwalunkwe persuna li għandha anqas minn 18-il sena. Is-sitwazzjoni legali partikolari tagħhom tipprovdilhom sett ta’ drittijiet li l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw. Din il-protezzjoni tiddependi mill-istatus ta’ minorenni tagħhom li, fil-prattika u fl-Istati Membri kollha, tqajjem il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-età tagħhom. |
|
4.2 |
Il-KESE jfakkar li skont il-prinċipju tal-“preżunzjoni ta’ età minuri”, żagħżugħ li jippreżenta ruħu bħala minorenni għandu jitqies bħala tali sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, dan għandu jingħata kenn b’mod immedjat f’kundizzjonijiet denji u kompatibbli mal-vulnerabbiltà partikolari tiegħu. |
|
4.3 |
Il-KESE jfakkar ukoll li għandha tapplika preżunzjoni ta’ validità tad-dokumenti barranin tal-istat ċivili ppreżentati miż-żagħżugħ favur l-età minuri tiegħu, u li dawn għandhom ikunu l-ewwel elementi li għandhom jitqiesu biex tiġi stabbilita l-età minuri. Oġġezzjoni formali biss għall-awtentiċità tad-dokument tal-istat ċivili ppreżentat għandha tippermetti li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ validità marbuta miegħu. |
|
4.4 |
Il-KESE jfakkar li skont l-Artikolu 8 tas-CRC, “jekk minorenni jiġi mċaħħad illegalment mill-elementi tal-identità tiegħu jew minn xi wħud minnhom, l-Istati Partijiet għandhom jagħtuh għajnuna u protezzjoni xierqa, sabiex l-identità tiegħu tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid mill-aktar fis possibbli” (13). |
|
4.5 |
Madankollu l-proċedura ta’ verifika tal-età tal-migrant għandha fil-prinċipju sseħħ biss meta dan ma jkollux id-dokumenti amministrattivi uffiċjali li juru l-età tiegħu u f’każ ta’ dubju serju (14). |
|
4.6 |
Il-KESE jinnota għal darb’oħra li m’hemm l-ebda koerenza fl-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-età tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li l-ebda wieħed minnhom ma wera li hu affidabbli. |
|
4.7 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-età minuri abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi, l-ewwel fosthom, id-dikjarazzjonijiet mill-persuna kkonċernata, id-dokumenti dwar l-istat ċivili ppreżentati, l-intervisti li jsiru mal-persuna kkonċernata, u jekk ikun meħtieġ, il-verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti tal-istat ċivili, li tenfasizza li perizja medika tal-età tista’ sseħħ biss f’każ ta’ dubju persistenti u bħala l-aħħar rimedju. |
|
4.8 |
Fid-dawl tal-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, il-KESE jfakkar li l-benefiċċju tad-dubju għandu jibbenefika lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati. |
|
4.9 |
Il-KESE jfakkar li l-perizja permezz ta’ eżami tal-għadam ipprattikata f’għadd kbir ta’ Stati hija kkontestata ferm fir-rigward tal-affidabbiltà xjentifika tagħha mill-istituzzjonijiet u mill-esperti internazzjonali (15) iżda wkoll ikkritikata għan-nuqqas ta’ rispett għall-ħajja privata tat-tfal, għall-perikli potenzjali fuq is-saħħa (meta jintużaw ir-raġġi X) kif ukoll għall-iżbalji possibbli. |
|
4.10 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex dawn it-testijiet jitwaqqfu għalkollox fin-nuqqas ta’ affidabbiltà reali. Il-KESE jqis li m’għandniex nirrikorru għal mezzi li nafu li huma approssimattivi sempliċiment minħabba li m’għandniex mezzi ta’ verifika affidabbli. |
|
4.11 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipproteġu lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati billi jagħtuhom iż-żmien u l-mezzi reali biex jistabbilixxu l-identità tagħhom bl-użu pereżempju tal-kooperazzjoni diplomatika (soġġetta għall-qbil u fin-nuqqas ta’ periklu għaż-żagħżugħ), billi tiġi pprovduta evidenza prima facie, bħar-rapporti ta’ perizja psikosoċjali, biex tiġi stabbilita l-età minuri tiegħu. |
|
4.12 |
Il-KESE jipproponi li bħala l-aħħar rimedju, fin-nuqqas ta’ evidenza dokumentata u f’każ ta’ dubji serji dwar l-età tal-minorenni, għandha ssir evalwazzjoni tal-età permezz ta’ approċċ multidixxiplinari minn professjonisti indipendenti, li għandhom kompetenza xierqa u għarfien dwar l-oriġini kulturali u etnika tal-individwu. Il-proċeduri applikati fl-Ingilterra jistgħu jservu bħala sors ta’ ispirazzjoni. |
|
4.13 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kummissjoni ta’ superviżjoni fil-livell Ewropew biex tiġi proposta evalwazzjoni olistika tal-età komuni fl-Istati Membri u jiġu sorveljati l-protokolli u l-prattiki tal-istima tal-età. |
|
4.14 |
Taħt penali ta’ ineffiċjenza, il-konklużjonijiet ta’ kwalunkwe proċedura għandhom ikunu imperattivament motivati u għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal appell sospensiv, effettiv, rapidu u appellabbli. |
5. Osservazzjonijiet speċjali fid-dawl tal-COVID-19
|
5.1 |
Il-pandemija tal-COVID-19 inevitabbilment issaħħaħ ir-riskji li jiltaqgħu magħhom il-minorenni barranin mhux akkumpanjati li l-istat tas-saħħa tagħhom huwa diġà spiss imdgħajjef: inkapaċità ta’ konformità mal-miżuri ta’ konteniment, aċċess insuffiċjenti għall-ikel, l-iġjene u l-ilma, nuqqas ta’ informazzjoni adattata dwar miżuri preventivi ta’ kuljum u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu, diffikultajiet fl-aċċess għall-kura. |
|
5.2 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-tfal kollha ggarantiti mit-testi internazzjonali jiġu rispettati waqt il-kriżi tas-saħħa marbuta mal-COVID-19, u li jiġu protetti b’mod dinjituż quddiem il-kriżi ekonomika li qed tberraq. |
|
5.3 |
Il-KESE jilqa’ r-rilokazzjoni reċenti ta' minorenni barranin mhux akkumpanjati mill-Greċja fil-Lussemburgu, fil-Portugall, fi Franza, fil-Finlandja u fil-Ġermanja u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità u jkomplu bir-rilokazzjoni immedjata ta’ dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet mhux denji, b’mod partikolari fil-Greċja (16). |
Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI”, (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138).
(2) L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).
(3) https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10774042/3-28042020-AP-FR.pdf/a5951a9e-fe8f-ef1a-64f1-cdedfc925eb2.
(4) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal, u l-Opinjoni tal-KESE tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar “Protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati” (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 69).
(5) Id-Direttiva 2008/115/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98), imsejħa “Direttiva dwar ir-Ritorn”: “Qabel jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjati, għandha tingħata assistenza minn korpi xierqa oħra apparti l-awtoritajiet li jinfurzaw it-tneħħija b’konsiderazzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal”. Id-Direttiva 2003/9/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 (ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18) tiddefinixxi termini ewlenin inkluż dak ta’ minorenni mhux akkumpanjat.
(6) L-Artikolu 2 CRC.
(7) Opinjoni tal-KESE dwar il-Protezzjoni internazzjonali tal-minorenni mhux akkumpanjati (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 69).
(8) Ara “A study of immigration detention practices and the use of alternatives to immigration detention of children”, PACE Committee on Migration, Refugees and Displaced Persons, 2017.
(9) The European Network of Ombudspersons for Children (ENOC), Stqarrija ta' Pożizzjoni dwar “Ending detention of children for immigration purposes”, adottata mit-23 ENOC, 27 ta' Settembru 2019.
(10) Are b’rabta ma’ dan “La protection des mineurs migrants non accompagnés en Europe”, Nisrine Eba Nguema, 2015; https://doi.org/10.4000/revdh.1147.
(11) Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996.
(12) Il-Belġju waqqaf servizz ta’ allokazzjoni ta’ tutur rapidu ħafna. Il-minorenni barranin mhux akkumpanjati kollha jiġu maħtura tutur speċifiku (wara proċedura ta’ selezzjoni u taħriġ) li jakkumpanjahom fil-proċeduri kollha tagħhom: ara https://justice.belgium.be/fr/themes_et_dossiers/enfants_et_jeunes/mineurs_etrangers_non_accompagne. Il-kompiti tiegħu huma definiti bħala rappreżentant legali responsabbli biex jiżgura l-benesseri ġenerali tal-minorenni, u li jaqdi r-rwol ta’ “ħajta ħamra” li jiżgura l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà: https://justice.belgium.be/fr/themes_et_dossiers/enfants_et_jeunes/mineurs_etrangers_non_accompagnes/tuteur/missions_du_tuteur.
(13) Ara wkoll l-Artikolu 24 tal-ICCPR tal-1966 u l-Artikolu 7 tas-CRC.
(14) L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (Lulju 2010) u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (15 ta’ April 2011) speċifikaw li l-evalwazzjoni tal-età m’ghandhiex isseħħ għajr f’każ ta’ dubju.
(15) L-affidabbiltà xjentifika kkontestata b’mod partikolari mill-Parlament Ewropew (ir-Riżoluzzjoni tat-12 ta’ Settembru), jew saħansitra fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-12 ta’ Ġunju 2009. L-Ordre national des médecins fil-Belġju (l-Opinjoni tal-20 ta’ Frar 2010) u l-Académie nationale de médecine fi Franza jikkundannaw l-affidabbiltà ta’ dawn it-testijiet. Id-Difensur tad-Drittijiet fi Franza jikkundanna l-użu tat-testijiet tal-għadam (26 ta’ Frar 2016). Ara wkoll f’dan is-sens ir-rapport tal-plateforme “Mineur en exil” (il-Belġju) “L’estimation de l’âge des MENA en question: problématique, analyse et recommandations” (L-istima tal-età tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati inkwistjoni: il-problema, l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet), Settembru 2017.
(16) Ara https://www.unhcr.org/fr/news/press/2020/4/5e980505a/agences-lonu-felicitent-premiere-relocalisation-denfants-accompagnes-grece.html u https://www.eepa.be/?p=3856.