24.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ebda Patt Ekoloġiku mingħajr patt soċjali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2021/C 341/03)

Relatur:

Norbert KLUGE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

11.5.2021

Adottata fil-plenarja

9.6.2021

Sessjoni plenarja Nru

561

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

213/3/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Istati, il-kumpaniji u ċ-ċittadini flimkien iridu jindirizzaw l-isfidi fundamentali u li qed jevolvu b’mod rapidu. Huma għandhom jieħdu responsabbiltà konġunta biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. L-irkupru jrid ikun imsejjes fuq “il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku, il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-ħolqien ta’ ekonomija ċirkolari u l-kisba tan-newtralità klimatika fl-UE sa mhux aktar tard mill-2050” (1). Il-KESE jissottolinja l-fatt li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni f’dan il-proċess, inkluż globalment.

1.2.

It-tranżizzjoni lejn paradigmi ekonomiċi aktar ekoloġiċi u aktar sostenibbli se tiskatta spejjeż ekonomiċi għoljin li jġorru r-riskju ta’ żieda fl-inugwaljanza soċjali u l-erożjoni tal-koeżjoni soċjali (2). Mhux se jkun hemm “Patt Ekoloġiku” mingħajr “Patt Soċjali” integrat. Hemm diversi komponenti ta’ politika ewlenin meħtieġa biex jiggarantixxu rabta mill-qrib bejn il-Patt Ekoloġiku u l-ġustizzja soċjali.

1.3.

Il-promozzjoni tal-impjiegi u l-ħiliet, it-tranżizzjonijiet bla xkiel u d-djalogu soċjali dinamiku huma elementi importanti b’mod ċar. Madankollu, Patt Soċjali bħala parti essenzjali ta’ Patt Ekoloġiku Ġdid huwa ċertament mhux relatat biss max-“xogħol”. Dan jikkonċerna l-introjtu, is-sigurtà soċjali u l-appoġġ fiskali għal dawk kollha li jkollhom bżonnu, inklużi dawk mingħajr l-ebda aċċess għax-xogħol. L-inklużjoni tal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili għandha tkun sforz kondiviż u tħassib komuni, anke fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji – jiġifieri, trid titqies l-inklużjoni tal-aktar gruppi vulnerabbli.

1.4.

Il-kumpaniji jridu jikkontribwixxu għall-Patt Ekoloġiku/Soċjali fi ħdan il-kapaċitajiet partikolari tagħhom. Naturalment, dawn għandhom iżommu l-għan li jkunu profittabbli u kompetittivi. Fl-istess ħin, dawn jista’ jkollhom rwol aktar prominenti fil-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet speċifiċi tagħhom biex il-Patt Ekoloġiku, il-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza u t-trasformazzjoni industrijali jirnexxu u jkunu ta’ benefiċċju soċjali. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-intraprenditorija u r-rwol speċjali tal-SMEs, kif ukoll ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li għandhom jitqiesu bħala atturi komplementari fir-rabta bejn is-swieq tax-xogħol reġjonali u lokali mal-bidla industrijali.

1.5.

Wieħed mill-komponenti ewlenin ta’ dan l-approċċ huwa djalogu soċjali b’saħħtu u li jħares ’il quddiem (3). Dan se jappoġġja wkoll governanza korporattiva aktar miftuħa u orjentata lejn il-parteċipazzjoni. Filwaqt li t-teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet huwa wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għas-suċċess tal-kumpaniji u filwaqt li l-bordijiet tagħhom jeħtieġ li jżommu l-flessibbiltà biex jibbilanċjaw l-interessi individwali tal-partijiet ikkonċernati, id-djalogu soċjali jista’ jkollu rwol kostruttiv sabiex tittejjeb il-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpaniji, kif ikkonfermaw ħafna studji empiriċi. Il-workers’ voice (4) tfittex li twettaq bidla pożittiva fit-tul fil-kumpanija billi tibbaża fuq l-għarfien intern dwar il-proċeduri tagħha, u b’hekk ittejjeb il-ġestjoni tar-riskju u l-kontroll tal-konformità. Dan iżid il-livell ta’ informazzjoni u l-kwalità tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-bordijiet.

1.6.

Il-KESE jirrikonoxxi l-fehim tal-Kummissjoni Ewropea ta’ din il-kwistjoni espress fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ta’ Marzu 2021): Hekk kif l-Ewropa timxi minn rispons għall-kriżijiet għall-irkupru, id-djalogu soċjali, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom f’livelli differenti (inkluż fil-livell tal-kumpaniji u dak settorjali) għandhom rwol importanti fit-tiswir tat-tranżizzjonijiet ekonomiċi u fit-trawwim tal-innovazzjoni fil-post tax-xogħol, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet doppji kontinwi u l-bidliet fid-dinja tax-xogħol (5). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba soċjali jiżguraw li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati u jippromovu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji bil-għan li titrawwem l-innovazzjoni fil-post tax-xogħol.

1.7.

Dan il-fehim sistematiku tal-workers’ voice fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpaniji rigward ir-ristrutturar u l-innovazzjoni fid-dinja tax-xogħol għandu jitqies ukoll fir-riforma tas-Semestru Ewropew u l-pjani nazzjonali għar-reżiljenza. Il-politika kummerċjali tal-UE tista’ tagħmel użu akbar minn dan fit-tfassil tal-politika kummerċjali komuni tagħha.

1.8.

Għalkemm il-qafas ta’ governanza korporattiva eżistenti tal-UE jipprovdi gwida għall-kumpaniji dwar il-kunsiderazzjoni ta’ interessi varjati tal-partijiet ikkonċernati, il-governanza korporattiva sostenibbli tirrikjedi fehim usa’ u pluralistiku ta’ x’suppost tkun kumpanija. Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza essenzjali tal-azzjonisti fis-sorveljanza tal-kumpaniji, il-KESE jixtieq jara inċentiv biex tiġi kkunsidrata liġi tal-kumpaniji aktar adatta u orjentata lejn il-partijiet ikkonċernati, fil-qafas korporattiv tal-UE, filwaqt li rikonoxxuta b’mod sistematiku l-workers’ voice. Opinjonijiet kondiviżi b’mod aktar wiesa’ u approċċ li jħares ’il quddiem ta’ dan it-tip għandhom iservu biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi enormi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-bidla diġitali u dawk li jirriżultaw mill-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.

Governanza korporattiva tajba għandha tinftiehem mill-perspettiva tas-soċjetà, li tgħaqqad l-“ispejjeż” li tinvolvi s-sostenibbiltà għal kumpanija mal-benefiċċji li s-soċjetà tikseb minn governanza korporattiva aktar sostenibbli. Flimkien mal-benefiċċji ambjentali, dawn jinkludu avvanzi f’soċjetà aktar inklużiva, jiġifieri permezz tar-reklutaġġ ta’ forza tax-xogħol aktar varjata.

1.9.

Il-vuċi tal-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment tal-ħaddiema bħala elementi kostitwenti tal-kumpanija, trid tkun parti integrali mill-isforzi biex il-kumpaniji sostenibbli u kompetittivi futuri jitrawmu f’ambjent b’saħħtu. L-SMEs, il-kooperattivi u l-operazzjonijiet tal-ekonomija soċjali għandhom rwol importanti f’dan il-kunċett.

1.10.

Il-KESE jrid jara ħsieb aktar miftuħ u inklużiv dwar il-qafas tal-UE fil-qasam tal-ekonomija sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini proattivi bħala intraprendituri, ħaddiema u konsumaturi/prosumaturi u jippermetti lill-organizzazzjonijiet demokratiċi u rappreżentattivi tiegħu jantiċipaw u jsawru l-bidla (6). Barra minn hekk, il-kumpaniji għandhom ikunu ggwidati biex jagħtu l-kontribut tagħhom għal soċjetà aktar inklużiva. Dan huwa l-aktar mod effettiv biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

1.11.

Il-KESE jqis li għandu jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ valur fit-tul bħala dmir tad-diretturi eżekuttivi billi jiġu segwiti interessi fit-tul u, għalhekk, titjieb ir-responsabbiltà tad-diretturi lejn is-sostenibbiltà tal-kumpaniji. Il-kontribut tal-ħaddiema permezz ta’ mezzi adatti jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-istrateġiji u l-investimenti korporattivi fit-tul. F’diversi okkażjonijiet, metodi bħar-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bordijiet urew il-kontribut pożittiv tagħhom għall-istrateġiji u l-investimenti korporattivi fit-tul (7).

1.12.

Id-dimensjoni soċjali jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta fl-istrateġija industrijali aġġornata futura u fl-aspetti ekonomiċi u ekoloġiċi kif ukoll f’dawk soċjali, meta jiġu żviluppati Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) biex titkejjel aħjar it-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea u r-reżiljenza tagħha fil-perjodu ta’ wara l-pandemija, li għandha tiġi inkluża fl-aġġornament tal-istrateġija industrijali tal-UE li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2021. L-aspetti soċjali (inkluż ix-xogħol) kif ukoll dawk ekonomiċi u ekoloġiċi għandhom jitqiesu fuq l-istess livell. Minbarra l-politika industrijali u s-swieq finanzjarji, għandha titqies ukoll id-dimensjoni ambjentali u soċjali tal-KPIs fis-sistemi ta’ kontabilità tal-ġestjoni korporattiva u fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kapital naturali (8), soċjali u dak uman għandu jitkejjel ukoll flimkien mal-kapital finanzjarju. Il-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tappoġġja l-istandards tal-kontabilità fl-Ewropa li jirriflettu b’mod adegwat l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi reali.

1.13.

Filwaqt li jqis dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-KESE jixtieq jiftaħ id-diskussjoni politika fil-livelli kollha dwar kif jinħoloq Qafas ġdid tal-Partijiet Ikkonċernati tal-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE li ġejjin jeħtieġ li jmexxu dan id-dibattitu dwar kif l-interazzjoni tal-gruppi ta’ interess kollha tista’ tiġi mmappjata mill-aspett politiku u anki, eventwalment, f’Qafas tal-Partijiet Ikkonċernati legali tal-UE mtejjeb bħala wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għal kumpaniji li ma jagħmlux ħsara lill-klima u reżiljenti, ekonomikament ta’ suċċess, sostenibbli fit-tul – u fl-istess ħin soċjalment responsabbli. Dan għandu jinkludi kunsiderazzjoni tal-imġiba tal-investituri u tas-swieq kapitali.

1.14.

Sabiex il-parteċipazzjoni fil-livell Ewropew tkun possibbli u sabiex tiġi żgurata informazzjoni diretta, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Parlament tal-UE jsegwu d-diskussjoni dwar direttiva qafas tal-UE għal standards minimi dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord f’każijiet fejn il-kumpaniji jadottaw il-liġi tal-kumpaniji tal-UE.

1.15.

Il-kwalità għolja fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji hija fl-akbar interess tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-azzjonisti. F’dan l-ispirtu, u xprunat mill-objettivi tal-UE fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku u l-Programm ta’ Rkupru ta’ Next GenerationĠenerazzjoni li Jmiss, il-KESE jitlob lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE jirrevedu mill-ġdid il-qafas tal-UE dwar il-governanza korporattiva inkluża d-Direttiva tal-azzjonisti, bil-għan li jkun hemm aktar titjib. Madankollu, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-valutazzjoni tal-impatt u l-aderenza mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar fi kwalunkwe azzjoni regolatorja possibbli f’dan ir-rigward.

1.16.

Filwaqt li r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha (il-kumpaniji, l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili) iridu jkunu ċari, il-KESE jirrakkomanda li f’dibattitu bħal dan issir enfasi qawwija favur qafas aħjar tal-UE għal governanza korporattiva tajba dwar ir-rabta mal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-impatti reġjonali tagħhom, fuq servizzi pubbliċi tal-impjiegi effettivi, sistemi tas-sigurtà soċjali adattati għall-bidliet fix-xejriet tas-swieq tax-xogħol u fuq l-istabbiliment ta’ xbieki ta’ sikurezza adegwati f’termini ta’ introjtu minimu u servizzi soċjali għal-aktar gruppi vulnerabbli.

1.17.

B’segwitu għall-kunċett ta’ governanza korporattiva tajba għal Patt Ekoloġiku b’suċċess b’Patt Soċjali inklużiv, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tinkorpora mudell usa’ ta’ partijiet ikkonċernati bħala punt ta’ riferiment għal governanza korporattiva sostenibbli. Id-dibattitu dwar dan jista’ jibbaża fuq riżoluzzjonijiet, opinjonijiet u rapporti diġà adottati kemm mill-KESE kif ukoll mill-PE.

2.   Il-Patt Ekoloġiku u l-irkupru mill-COVID-19 bħala suġġett tat-Tranżizzjoni Ġusta tal-Ewropa

2.1.

Il-qafas regolatorju Ewropew għadu mhux ekwivalenti għalkollox għall-għanijiet soċjali, ekoloġiċi u ekonomiċi. Filwaqt li l-“Pjan ta’ Azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli” (9), li għandu l-għan li jidderieġi mill-ġdid il-flussi tal-kapital lejn ekonomija aktar sostenibbli, jintegra s-sostenibbiltà fil-ġestjoni tar-riskju u jrawwem it-trasparenza u l-perspettiva fit-tul, jirreferi għad-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali tas-sostenibbiltà, is-sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata (jew tassonomija) għal attivitajiet sostenibbli s’issa tiddefinixxi biss kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, filwaqt li tipposponi definizzjoni ta’ kriterji soċjali (10). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tara lill-investituri (u l-ħaddiema wkoll jinvestu fil-kumpanija tagħhom stess) bħala waħda mill-forzi mexxejja għall-iżvilupp sostenibbli u qed tesplora wkoll modi kif tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u partijiet ikkonċernati oħra fit-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà.

2.2.

L-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u l-kumpaniji huma bla preċedent, jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-kumpaniji u jaċċelleraw ir-ristrutturar korporattiv u t-tendenzi tad-diġitalizzazzjoni, kif ukoll il-polarizzazzjoni fis-swieq tax-xogħol tagħna.

2.3.

Fid-dawl ta’ dawn l-inċertezzi, il-politiki Ewropej iridu jġibu titjib reali fil-ħajja tan-nies (11). Il-mudell soċjali ta’ soċjetajiet inklużivi, pluralisti u demokratiċi, jeħtieġ soċjetà ċivili reżiljenti u ambjent soċjali sod u sostenibbli bbażat fuq il-politiki nazzjonali u fuq l-integrazzjoni relatata max-xogħol. Inkella, in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu qed jheddu dejjem aktar li jdawru l-valuri demokratiċi u jimminaw l-istabbiltà soċjali u politika.

2.4.

Hemm ħtieġa ġenwina li jiġi żviluppat kunċett wiesa’ tad-dimensjoni soċjali biex il-Patt Ekoloġiku jiġi appoġġjat, inklużi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Dan l-approċċ għandu jkopri l-politiki rilevanti tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, bħall-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri, is-saħħa u l-edukazzjoni u t-taħriġ, b’enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà.

2.5.

L-Istati Membri tal-UE għandhom jippromovu riformi strutturali speċjalment fil-politiki tal-protezzjoni soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li jkunu mgħammra aħjar biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ tranżizzjoni ġusta. Dan ifisser politiki attivi tas-suq tax-xogħol, servizzi pubbliċi tal-impjiegi effettivi, sistemi tas-sigurtà soċjali adattati għall-bidliet fix-xejriet tas-suq tax-xogħol u l-istabbiliment ta’ xbieki ta’ sikurezza adegwati f’termini ta’ introjtu minimu u servizzi soċjali għall-aktar gruppi vulnerabbli.

2.6.

Il-kumpaniji sostenibbli jeħtieġ li joħolqu kompetittività, prospetti għal xogħol deċenti u introjtu f’postijiet reżiljenti u f’ambjenti b’saħħithom. Dan huwa wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għall-objettivi u l-valuri Ewropej biex issir il-bidla għal Tranżizzjoni Ġusta ta’ benefiċċju għas-soċjetà ċivili kollha. Fi żminijiet ta’ tranżizzjoni u kriżi, l-involviment tal-impjegati u tal-partijiet ikkonċernati huwa importanti u jista’ jibni bażi soda għall-appoġġ tal-impjegati fi ħdan il-kumpaniji u s-soċjetajiet u b’hekk irawwem is-sigurtà u l-istabbiltà. Dan huwa essenzjali għall-vantaġġ kompetittiv ta’ kumpanija f’soċjetà globali.

3.   Lejn governanza korporattiva ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament sostenibbli

3.1.

Filwaqt li jiġu rrispettati d-differenzi nazzjonali u tal-intrapriżi, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-livell tal-bord huma kwistjoni politika ewlenija għal kumpaniji sostenibbli, li tirfed aktar perspettiva fit-tul u ttejjeb il-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’aġenda ta’ riforma ekonomika (12). F’dan il-kuntest, ir-“reputazzjoni tajba” ta’ kumpanija ssir vantaġġ kompetittiv. Il-governanza korporattiva sostenibbli trid trawwem enfasi fit-tul u pluralistika fid-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, filwaqt li żżomm il-preċiżjoni, il-kwalità u l-effettività tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-interess legali tal-kumpaniji li huma marbuta bid-dmirijiet tad-diretturi għandu jkun distint mill-interess tal-azzjonisti xi kultant ikollu t-tendenza li jiffoka fuq profitt għal żmien qasir. Approċċ pluralistiku, fit-tul u sostenibbli għandu jinkludi wkoll l-interessi tal-impjegati u interessi oħra tal-partijiet ikkonċernati.

3.2.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea ħadet xi passi preliminari lejn inizjattiva leġiżlattiva possibbli dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja. Il-KESE jappoġġja dawn l-inizjattivi b’mod qawwi (13).

3.3.

Barra minn hekk, għandha tiġi diskussa u żviluppata paradigma ġdida ta’ antiċipazzjoni u ġestjoni tal-bidla bħala element ta’ governanza korporattiva “tajba” li tqis ukoll l-ispejjeż soċjali tar-ristrutturar u l-bidla u l-kontribut ta’ kumpanija għal soċjetà aktar inklużiva, flimkien mal-indikaturi tal-ispejjeż u tal-produttività. Għandhom jitqiesu wkoll l-impatti fuq id-distribuzzjoni tal-introjtu, l-ugwaljanza bejn l-etajiet u l-ġeneri, il-postijiet tax-xogħol, il-kwalità ambjentali u tal-impjieg u s-sostenibbiltà u l-inklużjoni soċjali (14).

3.4.

Il-kwistjonijiet soċjali għadhom ma jidhrux bl-istess mod fl-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-analiżi finanzjarja u l-valwazzjoni tal-kumpanija. Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tat il-kompitu lill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) biex jiżviluppa standard Ewropew ta’ rappurtar, għadu ma jeżistix standard globali ta’ kejl tal-impatt u ta’ valutazzjoni għall-immonetizzar u l-iżvelar tal-impatti tal-attività korporattiva. Il-kejl, l-ipprezzar u r-rappurtar tal-impatt tal-korporazzjonijiet jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji biex isiru newtrali għall-klima.

3.5.

F’dan ir-rigward, il-KESE jrid jara progress ċar fir-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-rapportar mhux finanzjarju fil-qasam tal-istandards ta’ rapportar dwar l-aspetti soċjali u tax-xogħol tal-governanza, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ugwaljanza fil-bordijiet u l-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati jew ħaddiema b’diżabilità. Is-sostenibbiltà globali tal-kumpaniji għandha titkejjel u tiġi vvalutata b’mod preċiż.

3.6.

F’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u tal-Irkupru, l-għan tal-ġestjoni korporattiva sa dan il-punt li tiġġenera redditi għall-azzjonisti issa għandu jiġi ssupplimentat bl-istess mod bil-perċezzjoni tar-responsabbiltà soċjali u ekoloġika (15). Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu żgurati mezzi sistematiċi għall-workers’ voice fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji.

3.7.

Kif diġà ntqal fl-Opinjoni tal-KESE dwar it-Tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija Ewropea ekoloġika u diġitali (16), il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ u tiżviluppa d-dimensjoni soċjali fl-istrateġija industrijali aġġustata u aġġornata. Dan għandu jkollu impatt ukoll fuq il-KPIs li għandhom jiġu żviluppati, bħall-indirizzar ukoll tal-inklużjoni tal-indikaturi soċjali. Irid ikun hemm vuċi għall-impjegati u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjonijiet dwar il-KPIs xierqa biex jitkejjel is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku, kemm fil-livell tal-industrija kif ukoll fil-livell tal-kumpaniji.

3.8.

Ta’ min jikkunsidra jekk il-qafas legali tal-UE għandux jgħin biex jiġi definit standard minimu ta’ informazzjoni obbligatorja, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema permezz ta’ mezzi adatti eż. fil-bordijiet tal-kumpaniji għall-workers’ voice (17), il-garanzija ta’ informazzjoni bikrija u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll l-antiċipazzjoni tal-bidla. Għalkemm f’dan l-aspett hemm rekord pożittiv, huwa meħtieġ li jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar.

3.9.

Fl-istess ħin, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji u l-pożizzjonijiet maniġerjali eżekuttivi għandha tiżdied. Iridu jiġu evitati l-evażjoni jew it-tnaqqis tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord, l-inġinerija legali korporattiva u l-kostruzzjonijiet artifiċjali bħall-kumpaniji fantażma, maħluqa bil-għan li tiġi evitata l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord, kif previst fil-liġi nazzjonali ta’ mill-anqas tnax-il Stat Membru, u ġeneralment mifhuma bħala kodeterminazzjoni, dan ifisser approċċ li jiżviluppa b’mod attiv u jippromovi livell minimu obbligatorju ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni bbażati fuq standards ta’ rappreżentanza minimi Ewropej komuni. Eżempju wieħed huwa d-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej, li għandha tqabbel aħjar ir-realtajiet attwali mal-ħtiġijiet futuri tar-ristrutturar transnazzjonali, l-implimentazzjoni li l-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej jingħataw ir-riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa u li jiġu previsti sanzjonijiet għall-kumpaniji li ma jobdux ir-regoli. Il-konsultazzjoni settorjali għandu jkollha wkoll rwol aktar attiv.

3.10.

Ewropa soċjali għandha tkun iggwidata minn regoli komuni li jiżguraw li l-korporazzjonijiet u s-sidien tagħhom jaderixxu ma’ “governanza korporattiva tajba”. Dan iservi bħala element essenzjali fi djalogu soċjali effettiv (18). F’dan ir-rigward, qafas legali vinkolanti tal-UE dwar id-diliġenza dovuta u l-imġiba kummerċjali responsabbli b’komponent ta’ involviment tal-ħaddiema se jkollu rwol importanti.

3.11.

L-“integrazzjoni tal-parteċipazzjoni” għandha ssir element strutturali trażversali fil-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi Ewropej kollha li għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, sabiex jiġu promossi s-sigurtà soċjali u t-tkabbir.

Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  EESC proposals for post-COVID-19 recovery and reconstruction: towards a new societal model (Il-proposti tal-KESE għall-irkupru u r-ristrutturar ta’ wara l-COVID-19: lejn mudell tas-soċjetà ġdid) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30.

(3)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14.

(4)  Ir-rappreżentanza tal-interessi tal-impjegati fil-livelli tal-ħwienet u tal-kumpaniji minn kunsilli tax-xogħol u rappreżentanti tax-xogħol fil-bordijiet tal-kumpaniji dejjem jinteraġixxu b’mod differenti bħala ekwivalenti funzjonali mad-djalogu soċjali u s-sistemi ta’ negozjar kollettiv f’kuntesti nazzjonali partikolari. Fil-livell tal-UE, għandna definizzjoni ta’ informazzjoni u konsultazzjoni skont id-Direttiva l-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-bordijiet tal-kumpaniji, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-Kumpanija Ewropea (SE) tirreferi biss għal dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jeżistu minn qabel. Għal din ir-raġuni, nużaw il-“workers’ voice” bħala terminu ta’ kopertura/ġeneriku biex niffaċilitaw fehim komuni tal-għan ta’ din l-opinjoni.

(5)  https://ec.europa.eu/info/files/european-pillar-social-rights-action-plan_en.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji inizjattiva dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi li se tkopri wkoll ċerti elementi soċjali. Barra minn hekk, se jkun hemm inizjattiva ta’ prodott sostenibbli li se tirrikjedi li tingħata informazzjoni dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti u se tkopri wkoll aspetti soċjali.

(7)  Dawn l-aspetti se jkunu koperti fil-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-governanza korporattiva sostenibbli u b’mod partikolari fil-parti li tkopri d-dmirijiet tad-diretturi. Skont il-Kummissjoni, it-trade unions u l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu involuti fid-diskussjoni kunċettwali fi stadju bikri.

(8)  Il-Kummissjoni Ewropea diġà qed taħdem man-negozju dwar il-kontabilità naturali. Minħabba li jeżistu diversi metodi, ix-xogħol li għaddej bħalissa qed jipprova jissemplifikahom u jiżviluppa standards komuni għal dan il-għan. It-trade unions u l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp ta’ standards bħal dawn.

(9)  COM(2018) 97 final.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(11)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 24.

(12)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

(13)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 136.

(14)  Pereżempju, il-kunsiderazzjonijiet tal-“Alleanza għall-Ibbilanċjar tal-Valur” jistgħu jgħinu biex l-investimenti f’persunal ikkwalifikat jingħataw aktar importanza fil-karti tal-bilanċ. F’din l-alleanza, il-bordijiet ta’ diversi kumpaniji kbar – Ġermaniżi – bħalissa qed jaħdmu flimkien. https://www.value-balancing.com/.

(15)  ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1.

(16)  ĠU C 56, 16.2.2021, p. 10.

(17)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14.

(18)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14.