Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Approċċ integrat għaż-żoni rurali tal-UE, b’enfasi speċjali fuq ir-reġjuni vulnerabbli”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 429/09)
|
Relatur:
|
Josep PUXEU ROCAMORA
|
|
Korelatur:
|
Dilyana SLAVOVA
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
20.2.2020
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
31.8.2020
|
|
Adottata fil-plenarja
|
17.9.2020
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
554
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
212/0/4
|
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1.
|
Il-politiki Ewropej għandhom jippromovu l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha kemm hi, b’attenzjoni speċjali għaż-żoni rurali, iż-żoni industrijali fi tranżizzjoni u ż-żoni bi żvantaġġi serji u permanenti bħall-gżejjer, il-muntanji u r-reġjuni tal-Artiku. Dan huwa prinċipju orizzontali li għandu jmexxi l-azzjonijiet kollha tal-UE u li kien inkorporat fl-istrateġija Ewropa 2020 (1), imsejsa fuq il-konvinzjoni li l-koordinazzjoni territorjali meħtieġa hija l-prerekwiżit għal tkabbir ekonomiku inklużiv.
|
|
1.2.
|
Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ id-disa’ objettivi proposti mill-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) 2021-2027: il-garanzija ta’ introjtu ġust għall-bdiewa, iż-żieda fil-kompetittività, il-bilanċ mill-ġdid tas-setgħa fil-katina alimentari, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent, il-preservazzjoni tal-pajsaġġi u l-bijodiversità, l-appoġġ għat-tiġdid ġenerazzjonali, iż-żamma ta’ żoni rurali dinamiċi, u l-protezzjoni tal-kwalità tal-ikel u tas-saħħa. Il-PAK trid tiżgura wkoll li l-produzzjoni agrikola tinżamm fiż-żoni vulnerabbli.
|
|
1.3.
|
Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex jippromovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jirrestawra l-bijodiversità u jnaqqas it-tniġġis. Huwa proprju għal din ir-raġuni li l-KESE jinsisti fuq il-fatt li d-degradazzjoni ambjentali tieħu żewġ forom li t-tnejn li huma jagħmlu ħsara: pressjoni eċċessiva fuq l-arja, l-ilma u l-ħamrija minħabba l-konċentrazzjoni tal-attività ekonomika fiż-żoni urbani u abbandun ta’ meded wesgħin tat-territorju li d-diversità bijoloġika tagħhom u tal-pajsaġġ tonqos b’mod irrimedjabbli mingħajr ġestjoni tajba li żżommha u tarrikkixxiha.
|
|
1.4.
|
L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi parti deċiżiva tal-fondi meħtieġa u tiżgura li l-applikazzjoni tagħhom tkun konformi mal-aħjar prattiki disponibbli. Jeħtieġ li l-PAK topera b’rabta mill-qrib mal-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni biex jiġi stabbilit żvilupp territorjali bbilanċjat bħala konsiderazzjoni u rekwiżit applikabbli għal kull deċiżjoni politika li l-impatt tagħha għandu komponent lokali. Strateġija komprensiva għal dawn it-territorji teħtieġ allokazzjoni baġitarja akbar u istituzzjonijiet li ma jaħdmux waħedhom, u għalhekk huma kruċjali l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni u l-allinjament tal-politiki.
|
|
1.5.
|
Iċ-ċentralizzazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp soċjali u professjonali fil-bliet għandha t-tendenza li twarrab l-aktar faxex fraġli tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali. Il-KESE jirrikonoxxi l-potenzjal tal-innovazzjoni tat-territorji u l-ħtieġa li jissaħħu l-punti lokali li huma b’saħħithom, jitnaqqsu d-differenzi fl-iżvilupp u tingħata spinta lill-kompetittività. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jinbnew ekosistemi biex jappoġġjaw l-innovazzjoni għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija u li jippermettu li t-territorji jibqgħu ħajjin, kreattivi, intelliġenti, b’kapaċità għar-rispons u li jħallu l-għażla fejn wieħed jgħix u jaħdem b’mod dinjituż, kemm f’żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali.
|
|
1.6.
|
Il-prevalenza dejjem tiżdied ta’ tifqigħat ta’ mard tipprovdi argument addizzjonali għal żvilupp territorjali aktar bilanċjat. Ir-rata mgħaġġla ta’ kontaġju relatata mal-affollament eċċessiv inevitabbli fil-mezzi tat-trasport urban matul is-sigħat l-aktar intensivi, traġikament enfasizzata mill-pandemija tal-COVID-19, għandha tagħti lok għal riflessjoni fl-ogħla livell dwar id-destin li aħna naspiraw li jkollna għas-soċjetajiet tagħna u dwar l-orjentazzjoni mill-ġdid li rridu nagħtuhom sabiex nersqu lejh. F’dan il-każ, l-akbar reżiljenza taż-żoni rurali għandha sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni, u m’għandha tintuża bl-ebda mod biex tiġġustifika l-provvista insuffiċjenti tas-servizzi tas-saħħa li huma qed ibatu minnhom.
|
|
1.7.
|
Wara l-isplużjoni tat-telexogħol impost mil-lockdown, il-pjani ta’ rkupru ta’ wara l-COVID jiftħu l-opportunità li tiġi kkonsolidata bidla għal paradigma mhux utopika, fejn impjiegi li jistgħu jsiru f’ambjent elettroniku mingħajr l-użu tal-karti b’valur miżjud għoli jiġu rilokati għal żoni rurali u fil-muntanji.
|
|
1.8.
|
Jekk irid jakkumpanja dan il-proċess u jmexxi bl-eżempju, il-KESE għandu japplika b’mod sistematiku viżjoni olistika għall-Opinjonijiet futuri kollha tiegħu dwar politiki territorjali, urbani u rurali. Għal dan l-iskop, għandha tinħoloq struttura amministrattiva ad hoc magħmula fuq bażi ta’ parità minn membri tas-Sezzjonijiet ECO u NAT.
|
2. Introduzzjoni
|
2.1.
|
Il-koeżjoni ekonomika, soċjali, ambjentali u territorjali kienet waħda mill-pilastri ewlenin li fuqhom tibbaża l-kostruzzjoni tal-UE. Madankollu, minkejja l-isforzi tal-passat u dawk preżenti sabiex tinkiseb il-koeżjoni territorjali, u l-kisbiet li saru f’dan ir-rigward fi stadji differenti u f’kuntesti temporanji, ir-realtà hija li bħalissa, it-territorji Ewropej għandhom żbilanċi territorjali f’livelli differenti u ta’ tipi differenti ħafna. Bħala eżempju, fiż-żoni rurali tal-Bulgarija, ir-Rumanija, Spanja, l-Ungerija jew il-Polonja jeżistu ħafna żbilanċi sostanzjali fir-rigward tal-introjtu, il-komunikazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għas-servizzi, eċċ.
|
|
2.2.
|
Il-fatti juru li t-territorji Ewropej ma jevolvux b’mod omoġenju. Żoni kkaratterizzati mit-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali jikkoeżistu ma’ oħrajn mhedda mill-istaġnar, mid-depopolazzjoni jew mid-deżertifikazzjoni. L-iżbilanċi mhumiex osservati biss bejn ir-reġjuni ta’ NUTS-3 (2); jiġu rreġistrati wkoll bejn il-partijiet varji tal-istess reġjun.
|
|
2.3.
|
L-impatti tat-tibdil fil-klima, il-bidliet teknoloġiċi, regolatorji u istituzzjonali u d-diżastri naturali, industrijali jew epidemjoloġiċi għandhom impatt speċjali fuq it-territorji rurali. Minkejja l-fatt li ż-żoni żvantaġġati u intermedji wrew reżiljenza akbar matul l-aħħar kriżi finanzjarja, il-bliet huma l-iktar viċin li jilħqu l-objettivi tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar stabbiliti mill-istrateġija Ewropa 2020.
|
|
2.4.
|
Iż-żoni remoti rurali u fil-muntanji u r-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u tal-Artiku huma l-aktar vulnerabbli. Dawn iż-żoni huma soġġetti għal fatturi ta’ restrizzjoni oġġettivi bħal nuqqas ta’ massa kritika (demografika jew ekonomika), aċċessibilità diffiċli, eċċ. Għall-kuntrarju, fl-istess ħin, il-konġestjoni fiż-żoni urbani u l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali tagħhom (l-arja, l-ilma, il-ħamrija) qed tiżdied.
|
|
2.5.
|
L-importanza taż-żoni rurali għall-Unjoni kollha kemm hi ma tinsabx biss fid-dimensjoni kwantitattiva tagħha (tirrappreżenta 55 % tal-popolazzjoni, tipproduċi madwar 45 % tal-valur miżjud gross u tiġġenera 50 % tal-impjieg), iżda wkoll fir-rabta tagħha mal-kultura u mal-identità ta’ kull pajjiż. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tistabbilixxi l-pedamenti għal approċċ olistiku li jippermetti avvanz lejn żvilupp territorjali aktar bilanċjat.
|
3. Proposti għal azzjoni
|
3.1.
|
Kuntratt territorjali bejn il-bliet u ż-żoni periferiċi tagħhom huwa l-aħjar mod, jekk mhux l-uniku mod, kif jista’ jsir żvilupp ekonomiku armonjuż li jevita ż-żewġ ostakli tal-konġestjoni u d-depopolazzjoni. Għalkemm l-impuls politiku inizjali jiġi mill-awtoritajiet reġjonali, id-deċiżjonijiet għandhom dejjem jittieħdu minn taħt, bi strutturi parteċipattivi permanenti li jinkludu l-atturi pubbliċi u privati u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili kollha preżenti fit-territorju. Aspett ewlieni biex jiġu kkoreġuti l-asimmetriji huwa l-kodisinn u l-koimplimentazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda l-finanzjament ta’ programm pilota biex jiġu ttestjati soluzzjonijiet imfasslin apposta għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull territorju.
|
|
3.2.
|
Bħala tentattiv biex jiġu influwenzati ż-żoni rurali tal-UE, b’enfasi speċjali fuq ir-reġjuni vulnerabbli, trid tittieħed azzjoni fuq ħames dimensjonijiet:
|
—
|
Id-dimensjoni spazjali, li tippromovi żvilupp ibbilanċjat li jirrazzjonalizza l-flussi bejn il-poli rurali u dawk urbani ta’ kull territorju.
|
|
—
|
Id-dimensjoni ekonomika, li tiffavorixxi d-deċentralizzazzjoni u d-diversifikazzjoni bħala promoturi tal-ibbilanċjar mill-ġdid tal-introjtu.
|
|
—
|
Id-dimensjoni soċjali, li tiggarantixxi l-aċċess għas-servizzi essenzjali tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, il-kultura, eċċ.
|
|
—
|
Id-dimensjoni ambjentali, bl-agroekoloġija bħala objettiv fit-tul (3) u li tisfrutta d-difiża tal-bijodiversità li ssir fl-UE.
|
|
—
|
Id-dimensjoni istituzzjonali, li toħloq ekosistema ta’ akkumpanjament li tiffaċilita l-progress fil-bqija tad-dimensjonijiet.
|
|
|
3.3.
|
Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ġestjoni tar-riskju, ix-xenarji ta’ inċertezza, it-tfassil ta’ pjani ta’ kontinġenza, il-mekkaniżmi għall-inklużjoni ta’ interessi opposti jew l-istabbiliment ta’ sinerġiji bejn il-viżjonijiet globali u lokali. Dawn huma kollha mekkaniżmi essenzjali fit-tfassil u fil-ġestjoni ta’ strateġija li tfittex li tnaqqas il-vulnerabbiltà territorjali.
|
|
3.4.
|
Qafas Strateġiku Komuni jiggarantixxi l-azzjoni kkordinata tal-Fondi SIE differenti (4). Fil-livell reġjonali u sottoreġjonali, l-investimenti territorjali integrati b’diversi fondi jistgħu jadattaw l-interventi għall-karatteristiċi ta’ kull territorju speċifiku u jibnu fuq l-ispeċifiċitajiet lokali biex jisfruttaw is-sinerġiji bejn is-setturi differenti, bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-art (prinċipalment l-agrikoltura u l-forestrija) u t-turiżmu.
|
|
3.5.
|
Huwa propost li jkun hemm aktar flessibilità fl-għażliet ta’ politika għall-Istati Membri u r-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jallinjaw u jiffukaw il-politika mil-lat tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u għalhekk ukoll fir-rigward tad-disinn u l-implimentazzjoni tal-interventi.
|
|
3.6.
|
Huwa propost li jkun hemm strateġija komprensiva li teħtieġ politiki u istituzzjonijiet li ma jaħdmux b’mod iżolat, u biex dan iseħħ, il-koordinazzjoni, l-integrazzjoni u l-allinjament istituzzjonali huma fundamentali. Meta jkunu qed jiġu ddisinjati strateġiji u interventi, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-kuntest istituzzjonali attwali, inklużi l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) minn perspettiva globali u, mill-perspettiva Ewropea:
|
—
|
il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jinkludi serje ta’ strateġiji li se jkunu l-punt ta’ riferiment għas-snin li ġejjin, li wħud minnhom (l-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, l-istrateġija tal-bijodiversità) se jkollhom impatt kbir fuq l-ambjent rurali;
|
|
—
|
il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2021-2027 u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, li se jikkundizzjonaw il-baġit disponibbli;
|
|
—
|
l-impenn tal-UE li timxi lejn in-newtralità karbonika fit-tieni nofs tas-seklu 21;
|
|
—
|
il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għall-ekonomija ċirkolari;
|
|
—
|
kif ukoll l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti; il-politika ta’ koeżjoni, is-Suq Uniku Diġitali, eċċ.
|
|
|
3.7.
|
Storikament, id-dinja rurali kienet “ċirkolari” fl-użu tar-riżorsi, għalkemm dan m’għandux jipprevjeni l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ enerġija aktar ekonomikament u ambjentalment sostenibbli u l-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari fiż-żoni rurali. Il-KESE jappoġġja wkoll il-ktajjen tal-provvista qosra u l-intensifikazzjoni tal-kummerċ urban-rurali.
|
|
3.8.
|
Storikament, il-biedja għamlitha possibbli li jiġu integrati persuni vulnerabbli li jesperjenzaw diffikultajiet biex isibu xogħol, speċjalment bil-ħtieġa addizzjonali ta’ akkomodazzjoni u kura personalizzata. Dan ir-rwol bħalissa jistgħu jaqduh l-intrapriżi soċjali.
|
|
3.9.
|
Il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni jippermettu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u negozju. It-titjib fil-komunikazzjonijiet fiż-żoni rurali għandu jkun marbut mat-territorju u mhux esklużivament mal-popolazzjoni, billi jittieħed vantaġġ minn inizjattivi bbażati fuq it-teknoloġija bis-satellita u l-iżvilupp ta’ networks ta’ konnettività fil-livell lokali sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati fil-biċċa l-kbira taż-żoni rurali u sabiex il-postijiet fejn titwettaq l-attività agrikola jkollhom il-kapaċità li jagħmlu l-aqwa użu mit-teknoloġiji l-ġodda. Id-diġitalizzazzjoni tiġġenera aspettattivi għaż-żgħażagħ u tikkawża bidla fix-xejra tad-depopolazzjoni.
|
|
3.10.
|
Il-KESE jirrikonoxxi l-“Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti” bħala strument li jippermetti l-iskambju ta’ modi innovattivi għall-ħolqien ta’ żoni rurali aktar vibranti, sostenibbli u attraenti, u li jeżamina kif il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u strumenti ta’ finanzjament oħrajn jistgħu jintużaw aħjar.
|
|
3.11.
|
Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali u tan-networks tagħhom fil-promozzjoni ta’ proċessi ta’ żvilupp rurali fit-territorji kollha tal-UE, bil-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ governanza ġodda, bid-diversifikazzjoni tal-ekonomija tat-territorji rurali, bil-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali u bl-appoġġ għall-intraprenditorija.
|
|
3.12.
|
L-evoluzzjoni tat-territorji għandha tiġi evalwata u mmonitorjata, u għal dan il-għan huwa obbligatorju li jiġu stabbiliti indikaturi għal kull wieħed mill-oqsma definiti li jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet orjentati lejn il-futur.
|
|
3.13.
|
Il-politiki differenti li jintervjenu fit-territorju għandhom ikunu allinjati mal-objettiv li l-ispazji jiġu kkombinati ma’ użijiet potenzjali differenti, filwaqt li dejjem jitqiesu l-atturi preżenti, u għandhom jiġu applikati fuq skala adatta, jiġifieri, għal reġjuni taħt in-NUTS-3, sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet sottoreġjonali. Jistgħu jiġu kkunsidrati l-miżuri li ġejjin:
|
—
|
L-istabbiliment ta’ kuntratti territorjali li jobbligaw id-definizzjoni ta’ impenji pubbliċi u privati u li jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali.
|
|
—
|
L-identifikazzjoni tal-potenzjal għall-innovazzjoni u l-fokus fuq il-punti lokali b’saħħithom.
|
|
—
|
Il-promozzjoni ta’ territorji intelliġenti billi jiġu pprovduti b’sistema ta’ networking li ttejjeb l-effiċjenza ekonomika u politika.
|
|
—
|
Il-promozzjoni ta’ entità li tixpruna, li tlaqqa’ flimkien l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-iżvilupp territorjali.
|
|
—
|
L-iżvilupp ta’ azzjonijiet għall-ġlieda kontra d-depopolazzjoni li ġġib bidla ġenwina fix-xejriet ta’ okkupazzjoni territorjali.
|
|
—
|
It-titjib tal-kwalità tal-ħajja f’aspetti rilevanti għaż-żgħażagħ (l-edukazzjoni, id-divertiment).
|
|
|
3.14.
|
L-inverżjoni tat-tendenza demografika attwali teħtieġ li kull persuna żagħżugħa minn żona rurali tieħu d-deċiżjoni individwali li ma temigrax lejn il-belt. Il-fattur ewlieni li jwieżen din id-deċiżjoni, għalkemm mhuwiex l-uniku wieħed, huwa l-possibbiltà li titwettaq attività professjonali bi ħlas deċenti u li tibqa’ valida fil-futur. Immaġni attraenti u interessanti tal-ħajja taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, imwassla permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-produzzjonijiet awdjoviżivi bl-appoġġ tal-pubbliku, tista’ tgħin biex tikkonsolida kemm dawn iħossuhom kburin b’mod leġittimu bl-oriġini tagħhom.
|
|
3.15.
|
Fil-każ tan-nisa dak li ntqal qabel huwa saħansitra aktar minnu. Il-kontribut enormi tan-nisa fiż-żoni rurali għall-attività ekonomika agrikola u mhux agrikola għandu jkun rikonoxxut u vvalutat b’mod adatt, l-ewwelnett, permezz ta’ pagi strettament ugwali u, fejn meħtieġ, permezz ta’ aċċess għal sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli.
|
|
3.16.
|
Iż-żoni rurali jospitaw kull tip ta’ kumpaniji, għalkemm dawk iddedikati għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jispikkaw. Meta l-infrastrutturi meħtieġa għat-telekomunikazzjoni, it-trasport, l-enerġija, eċċ. jkunu aċċessibbli faċilment, ħafna drabi ż-żoni rurali jkunu l-iktar għażla kosteffettiva meta jintgħażel il-post għal proġetti kummerċjali ġodda. Inċentivi fiskali ta’ ammont suffiċjenti jistgħu jkunu l-element li jiġġenera t-tibdil.
|
|
3.17.
|
Fil-maġġoranza tal-irħula, l-akbar kumpanija hija l-kooperattiva agrikola, li minbarra l-attività produttiva b’mod dirett jista’ jkollha sezzjonijiet ta’ mħażen jew ta’ kreditu. Minħabba n-natura soċjali tagħhom, it-trattament differenzjali tat-taxxa għandu jinżamm dejjem favur il-kooperattivi, kif ukoll għandu jappoġġjahom b’diversi modi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.
|
|
3.18.
|
L-agrikoltura hija spiss il-pedament tal-ekonomija lokali li tippermetti l-iżvilupp ta’ setturi oħra bħall-industrija agroalimentari u t-turiżmu. Għall-kuntrarju, l-abbandun tal-artijiet iwassal għat-telf tal-pajsaġġi u tas-servizzi ambjentali pprovduti minn ġestjoni attiva tat-territorju. L-agrikoltura u l-forestrija jgħinu biex tiġi stabbilita l-popolazzjoni, tiġi miġġielda l-erożjoni, jitnaqqsu l-frekwenza u l-firxa tan-nirien u tiġi evitata d-deżertifikazzjoni. Huwa essenzjali li l-politika agrikola komuni tiżgura li l-produzzjoni agrikola tinżamm fiż-żoni vulnerabbli.
|
|
3.19.
|
Fiż-żoni tal-muntanji, it-trobbija estensiva tal-bhejjem tippermetti użu ta’ artijiet marġinali mingħajr valur agronomiku. Attività tar-ragħa mmexxija b’mod tajjeb tipprovdi benefiċċji multipli: ambjentali (żieda fil-bijodiversità), kulturali (konservazzjoni ta’ wirt materjali u intanġibbli) u tal-pajsaġġ (ftuħ ta’ spazji għat-turiżmu). Tipprevjeni wkoll perikli naturali bħal nirien fil-foresti, valangi u għargħar. Madankollu, il-produzzjoni tal-bhejjem f’żoni tal-muntanji hija mhedda dejjem aktar mill-profittabilità estremament baxxa tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam, u dan jagħmel miżuri ta’ appoġġ speċifiċi assolutament meħtieġa. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-karnivori l-kbar (l-ilpup u l-orsijiet) tkompli żżid l-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-koeżistenza hija fattibbli biss f’ċerti żoni, b’mod li jeħtieġ li jitqies sew u permezz ta’ kumpens suffiċjenti li jkun immedjatament aċċessibbli.
|
4. Monitoraġġ u valutazzjoni
|
4.1.
|
Għandha titħejja gwida dettaljata tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Il-kuntratti territorjali għandhom jistabbilixxu objettivi speċifiċi, tanġibbli u verifikabbli, kif ukoll id-durata prevista biex jittwettqu. L-iżvilupp pożittiv tal-indikaturi kritiċi, li wħud minnhom huma elenkati hawn taħt, għandu jkun immonitorjat mill-qrib:
|
|
4.1.1.
|
Fir-rigward tad-dinamika tal-poplazzjoni:
|
—
|
Karatterizzazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva ta’ movimenti tal-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni.
|
|
—
|
Karatterizzazzjoni tal-piramida tal-popolazzjoni fi skali territorjali differenti.
|
|
|
4.1.2.
|
Fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja:
|
—
|
Aċċess għall-ikel: il-preservazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħwienet lokali u mezzi ta’ distribuzzjoni effiċjenti biex jiġi żgurat aċċess permanenti għaċ-ċittadini kollha għal ikel ta’ kwalità għolja, u b’hekk jiġu evitati l-hekk imsejħa “deżerti tal-ikel”.
|
|
—
|
Aċċess għall-finanzjament: estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-istituzzjonijiet u l-aġenti bankarji u d-disponibbiltà ta’ distributuri awtomatiċi.
|
|
—
|
Aċċess għall-edukazzjoni: inqas ħin għall-ivvjaġġar lejn l-eqreb skejjel primarji u sekondarji.
|
|
—
|
Aċċess għas-saħħa: inqas ħin għall-ivvjaġġar lejn l-eqreb kliniċi ta’ emerġenza u l-isptar.
|
|
—
|
L-użu ta’ mezzi telematiċi għad-dar u l-kura tas-saħħa.
|
|
—
|
Aċċess imtejjeb għall-komunikazzjoni: it-telefonija, il-broadband.
|
|
—
|
Il-preservazzjoni tal-wirt storiku u naturali (żoni protetti) u aċċess akbar għall-kultura.
|
|
|
4.1.3.
|
Fir-rigward tad-disponibilità tal-baġit:
|
—
|
Allokazzjoni ogħla mill-baġit attwali tal-entitajiet lokali: euro għal kull abitant, euro għal kull kilometru kwadru.
|
|
—
|
Allokazzjoni ogħla mill-baġit għal sħubijiet privati u pubbliċi u, fejn meħtieġ, amministrazzjonijiet intermedjarji.
|
|
—
|
Kundizzjonalità tal-għotjiet għall-verifika ta’ benefiċċju għall-komunità.
|
|
|
4.1.4.
|
Fir-rigward tal-introjtu:
|
—
|
Tnaqqis gradwali tad-distakk bejn iż-żoni ruraliu urbani, mhux biss mil-lat tal-introjtu totali iżda wkoll b’referenza għall-introjtu għal kull siegħa maħduma.
|
|
—
|
Inkorporazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru u tal-età.
|
|
|
4.1.5.
|
Fir-rigward tal-impjieg:
|
—
|
Tnaqqis tar-rata tal-qgħad, partikolarment għaż-żgħażagħ.
|
|
—
|
Żieda fir-rata tal-impjieg, partikolarment għan-nisa.
|
|
—
|
L-għoti ta’ inċentivi għall-ħolqien tal-impjieg fil-muniċipalitajiet b’densità baxxa ta’ popolazzjoni.
|
|
—
|
Ħolqien ta’ impjiegi b’ħinijiet flessibbli jew alternattivi.
|
|
—
|
Ħolqien tal-impjiegi li jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali.
|
|
|
4.1.6.
|
Fir-rigward tal-impjieg pubbliku:
|
—
|
Żamma tal-preżenza fuq it-territorju kollu tas-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-ordni pubbliku, tal-aċċess għall-ġustizzja, eċċ., u l-estensjoni tagħhom permezz ta’ servizzi mobbli.
|
|
—
|
Deċentralizzazzjoni territorjali tal-korpi, l-entitajiet u l-impjiegi pubbliċi.
|
|
—
|
Inċentivi għall-uffiċjali biex joqogħdu mal-familji tagħhom fil-lokalità fejn jaħdmu, u jnaqqsu l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura ta’ kuljum.
|
|
|
4.1.7.
|
Fir-rigward tal-investimenti pubbliċi:
|
—
|
Żieda fl-investiment pubbliku totali għal kull abitant u għal kull kilometru kwadru.
|
|
—
|
Titjib fid-disponibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport aċċessibbli b’mod effiċjenti: distanza medja miż-żoni rurali għad-daħliet u l-ħruġ tal-awtostradi u għall-istazzjonijiet tal-ferrovija.
|
|
—
|
Żieda fl-użu tal-ferroviji u tal-istrateġiji intermodali.
|
|
|
4.1.8.
|
Fir-rigward tal-investimenti pubbliċi:
|
—
|
Żieda fl-investiment privat totali għal kull abitant u għal kull kilometru kwadru.
|
|
—
|
Inċentivi fiskali jew oħrajn għall-investiment f’muniċipalitajiet b’densità baxxa ta’ popolazzjoni.
|
|
—
|
Trattament tat-taxxa favorevoli għall-provvista ta’ servizzi għat-trasport tal-passiġġieri fiż-żoni rurali.
|
|
Brussell, is-17 ta’ Settembru 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2010) 2020.
(2) Mill-Franċiż nomenclature des unités territoriales statistiques, klassifikazzjoni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika.
(3) “Il-KESE jqis li l-agroekoloġija hija d-direzzjoni li għandha ssegwi l-agrikoltura Ewropea kollha, li tiddependi intrinsikament mill-preservazzjoni tar-riżorsi naturali għall-iżvilupp tagħha” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 65).
(4) Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.