28.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 364/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-trawwim tal-kompetittività, l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi billi jsir progress fil-kooperazzjoni regolatorja globali, billi tiġi appoġġjata skema mġedda ta’ kummerċ multilaterali u billi jitnaqqsu s-sussidji li joħolqu distorsjoni tas-suq”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 364/05)
Relatur: |
Georgi STOEV |
Korelatur: |
Thomas STUDENT |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.2.2020 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
CCMI |
Adottata fis-sezzjoni |
26.6.2020 |
Adottata fil-plenarja |
16.7.2020 |
Sessjoni plenarja Nru |
553 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
211/1/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Sitwazzjonijiet ta’ tfixkil bħall-coronavirus (COVID-19) jheddu li jwaqqfu ħesrem l-ekonomija dinjija u l-ħajja soċjali. L-impatti tagħhom jistgħu jinkludu riċessjonijiet fl-Istati Uniti, fl-UE, fil-Ġappun u f’reġjuni oħrajn tad-dinja, tkabbir bil-mod ħafna fiċ-Ċina u telf kbir f’termini ta’ produzzjoni. Il-gvernijiet għandhom jikkumpensaw għall-ħsara ekonomika b’politiki fiskali u monetarji u jindirizzaw il-bidliet mistennija fil-paradigma ekonomika. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ mudelli kummerċjali u mekkaniżmi għad-difiża tal-kummerċ effiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Asja, u jinnota li 36 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq il-potenzjal tal-esportazzjoni tal-UE, u li s-sehem tal-impjiegi tal-UE appoġġjati mill-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi lejn il-bqija tad-dinja b’rabta mal-impjiegi totali żdied minn 10,1 % fl-2000 għal 15,3 % fl-2017 (1). Ir-rispons fiskali, ekonomiku u soċjali għall-kriżi huwa meħtieġ biex jiġi evitat l-impatt negattiv tagħha fuq dawn is-setturi u setturi oħrajn. |
1.2. |
Il-kriżi tal-coronavirus għandha twassal lill-UE, bħala parti mir-riformulazzjoni ġenerali tal-politika industrijali imposta mis-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni, biex tagħti spinta lis-settur tat-tagħmir tas-saħħa u dak farmaċewtiku, bil-għan li jiġu żgurati s-sovranità kondiviża u l-awtosuffiċjenza f’dawn is-setturi. L-abbozzar ta’ din l-Opinjoni beda qabel ma faqqgħet kriżi tas-saħħa u ekonomika imprevedibbli li bla dubju se tbiddel l-ekonomiji u l-mudelli tal-globalizzazzjoni tagħna fuq terminu qasir u fit-tul. Filwaqt li l-kriżi mhijiex is-suġġett ewlieni tal-Opinjoni, din għandha u se jkollha impatt kbir fuq is-setturi u s-suġġetti diskussi fil-punti li jmiss. Huwa diġà evidenti li din il-kriżi qed timbotta xi żoni tad-dinja lejn mewġa ġdida ta’ protezzjoniżmu u nazzjonaliżmu ekonomiku, kemm madwar id-dinja kif ukoll fl-UE. Dawn il-fatturi kollha qed jitqiesu f’din l-Opinjoni, kemm jista’ jkun sad-data preżenti, u b’mod orizzontali. |
1.3. |
Il-KESE jikkondividi l-fehma li n-negozji u l-kummerċ internazzjonali għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għat-tkabbir globali, li jirriżulta minn grad ogħla ta’ speċjalizzazzjoni, ekonomiji ta’ skala, ktajjen tal-valur globali avvanzati u t-tixrid tar-riċerka u t-teknoloġiji. Għandha tiġi indikata wkoll il-bidla minn ktajjen ta’ valur għal networks tal-ħolqien tal-valur, minn lineari għal ċirkolari u minn tanġibbli għal intanġibbli, li se tkun teħtieġ aġilità mill-industrija biex tadatta. |
1.4. |
Il-KESE jenfasizza li l-politika tal-UE għandha tiżgura li l-parteċipanti fl-iżvilupp industrijali u l-forza tax-xogħol ma jisfawx vittmi ta’ dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali inġust. Fir-rigward tal-politiki urġenti li għandhom jiġu implimentati, l-UE qed tiffaċċja dawn l-isfidi li ġejjin: is-suq tal-Istati Uniti għall-esportazzjonijiet tal-UE, kollaborazzjoni potenzjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, ir-rwol futur taċ-Ċina, u l-ħtieġa li d-WTO tissawwar mill-ġdid. L-industriji għandhom isiru fattur li jiffaċilita soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali u ambjentali, u b’hekk joħolqu valur ġdid għas-soċjetà. |
1.5. |
Il-KESE jaqbel li l-globalizzazzjoni mingħajr regolazzjoni twassal għal żieda fl-inugwaljanzi, pressjoni ’l isfel fuq il-kumpaniji, il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u sigurtà soċjali mdgħajfa. Dan jista’ jsir theddida reali għall-mudelli soċjali Ewropej. Globalizzazzjoni mhux regolata għandha wkoll effetti negattivi fuq l-istandards ambjentali. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kumpaniji u l-impjiegi Ewropej qed isofru pressjoni minn prattiki kummerċjali inġusti mhux tas-suq li ma jirrispettawx il-ftehimiet soċjali u ambjentali internazzjonali. L-industrija tal-UE għandha tibni fuq il-vantaġġ uniku tagħha billi tikkombina l-valuri Ewropej, it-teknoloġiji ġodda u approċċ orjentat lejn il-futur. Is-Suq Uniku huwa kruċjali għall-industrija Ewropea u għat-tixrid tal-innovazzjoni – mhux biss fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali, iżda wkoll ta’ Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali oħrajn, bħall-bijoteknoloġija. Jista’ jiġi enfasizzat ukoll ir-rwol tal-koeżjoni soċjali u reġjonali u tad-djalogu soċjali biex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni soċjali tat-trasformazzjoni industrijali. |
1.6. |
L-istrateġija industrijali u l-politika kummerċjali tal-UE ma għandhomx jimminaw l-isforzi tagħha li tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiżi terzi, u l-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ ibbilanċjat, koordinazzjoni u kombinament aħjar tal-għajnuna nazzjonali għall-iżvilupp, b’rabta ma’ ekonomiji aktar fraġli. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-eskalazzjoni tal-miżuri tad-WTO għal nuqqas ta’ konformità u l-arranġamenti mhux tariffarji diskriminatorji ġodda joħolqu r-riskju li jiġu imposti piżijiet regolatorji reċiproċi eċċessivi b’tali mod li qed isir il-prattika ġdida fil-kummerċ globali. Il-programmi ta’ appoġġ u l-monitoraġġ tal-UE għandhom jiġu evalwati mill-ġdid, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, biex jappoġġjaw lill-Istati Membri tal-UE, lill-imsieħba, lill-kumpaniji u lill-impjegati li ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika u l-gwerer kummerċjali u biex jitnaqqas il-piż li dawn qed iġarrbu. |
1.7. |
Il-KESE jemmen li sabiex jiġu indirizzati l-isfidi esterni, is-suq intern tal-UE għandu jsir “l-aħjar post biex isir investiment fih”. L-istrateġija industrijali ġdida u l-ingranaġġi l-oħra kollha għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jippromovu u jappoġġjaw investimenti fl-infrastruttura industrijali, tal-enerġija, tat-trasport u diġitali permezz ta’ approċċ ta’ konnettività mwessa’. Ir-rieżami tal-fużjonijiet u l-akkwisti u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jista’ jpoġġi lill-UE fuq bażi aktar ugwali fir-rigward tal-kompetizzjoni globali. Il-livelli kollha ta’ governanza għandhom jiżguraw li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu ddistribwiti b’mod ġust, u li l-impatti negattivi fil-livell globali, reġjonali u lokali jitnaqqsu. |
Skema komuni għall-investiment dirett barrani tgħin biex jiġi żgurat li l-interessi kollha jkunu jistgħu jinħatfu f’assi strateġiċi, bħal infrastruttura kritika, teknoloġiji kritiċi u s-sigurtà tal-provvista ta’ inputs kritiċi. L-użu tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku, strumenti effettivi għad-difiża tal-kummerċ u network b’saħħtu ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex jiġu miġġielda l-prattiki illeċiti, japprofondixxu l-konverġenza regolatorja u jippromovu standards tas-sostenibbiltà, u b’hekk jitnaqqsu d-distorsjonijiet tas-suq.
1.8. |
Il-KESE huwa mħasseb dwar in-negattività reċenti fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali u l-globalizzazzjoni, u ż-żieda ta’ movimenti populisti li jitolbu nazzjonaliżmu akbar. Huwa jemmen li l-protezzjoniżmu u n-nazzjonaliżmu ma jistgħux jipprovdu t-tweġibiet it-tajba għall-problemi ekonomiċi u soċjali. Prijoritajiet ta’ riforma u ta’ investiment fuq medda medja ta’ żmien huma meħtieġa biex l-ekonomiji jerġgħu lura fit-triq lejn tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali. L-UE għandha tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tippreserva d-demokrazija sħiħa minkejja ċ-ċirkostanzi tal-pandemija. |
1.9. |
Il-KESE jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu jintegra l-istrateġija industrijali ġdida u l-politika kummerċjali flimkien mal-politika ekonomika, regolatorja u tal-kompetizzjoni fi sforz komprensiv biex jiġi megħjun l-ambjent, mingħajr ma tinħoloq theddida għas-suq uniku u l-kumpaniji u l-impjiegi Ewropej, u għandu jistabbilixxi ambizzjonijiet ambjentali għolja għall-industrija kollha kemm hi. |
1.10. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li wieħed mill-messaġġi ewlenin dwar l-istabbiltà ekonomika huwa li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni xierqa lill-kwalità tal-finanzi pubbliċi, billi jippromovu investimenti meħtieġa u orjentati lejn il-futur. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Bis-sistema multilaterali taħt pressjoni kostanti, il-kumpaniji tal-UE li joperaw f’livell globali jiffaċċjaw frizzjoni u inċertezza dejjem akbar flimkien ma’ żieda fil-protezzjoniżmu u t-tensjonijiet kontinwi bejn l-imsieħba kummerċjali tal-UE. Il-ktajjen tal-valur globali qed jonqsu u madwar id-dinja hemm xejra ġeneralizzata lejn ritorn għar-reġjonalizzazzjoni. L-UE, flimkien mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, tinsab fiċ-ċentru ta’ tali dinamika u għadd ta’ setturi tal-industrija ewlenin jinsabu taħt pressjoni konsiderevoli. Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali biex tiżdied il-possibbiltà li jiġi evitat ir-riskju ta’ marġinalizzazzjoni, u biex jiġi ppreservat ir-rwol globali tal-UE. Hemm ħtieġa urġenti biex jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-investimenti fit-territorju tal-UE u li tingħata attenzjoni lin-negozji, speċjalment lill-SMEs, biex jiġu żgurati l-forniment u l-istabbiltà tal-likwidità fis-settur finanzjarju, il-preservazzjoni tas-Suq Uniku u l-iżgurar tal-fluss ta’ oġġetti kritiċi. Tali għan jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ taħlita ta’ miżuri, bħal: ir-regolamenti u l-politiki applikabbli wkoll għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi meta joperaw fl-UE, l-infrastruttura, l-investiment f’beni pubbliċi (jiġifieri s-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura diġitali), ir-reċiproċità fl-akkwist pubbliku, politika kummerċjali effettiva, l-indipendenza diġitali. |
2.2. |
Il-kompetittività globali tal-industrija tal-UE hija mxekkla mir-ritorn għall-unilateraliżmu u min-nuqqas ta’ governanza globali effettiva fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kif ukoll asimmetriji u tfixkil tas-suq ikkawżati minn kompetituri sussidjati, b’mod partikolari intrapriżi tal-istat, u mill-kriżi. L-investimenti tal-kumpaniji tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom l-għan li jikkombinaw il-kompetittività u s-sostenibbiltà, iżda dawn l-investimenti u riskji kuraġġużi jistgħu jsiru ineffettivi mit-tnaqqis fl-aċċess għal swieq internazzjonali u minn kompetizzjoni inġusta. F’dan il-qafas, l-SMEs huma aktar vulnerabbli minn qatt qabel. |
2.3. |
F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-alleati li l-UE trawwem jistgħu jgħinu biex jippromovu l-interessi tagħha f’organizzazzjonijiet multilaterali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU). Għalhekk, l-istrateġija industrijali li ġiet adottata reċentement, u r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs jirrappreżentaw tranżizzjoni lejn trasparenza akbar, iżda jipprovdu wkoll strument effettiv biex tiġi pprovduta informazzjoni ta’ sfond oġġettiva lis-soċjetà ċivili dwar ftehimiet kummerċjali nnegozjati mill-UE.
Minkejja li fih xi elementi pożittivi, il-pakkett ġenerali tal-istrateġija industrijali li ġiet adottata reċentement għadu ma kkonvinċiex lil kulħadd li se jagħmel differenza perċettibbli għan-negozji, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili, li qed jagħmlu ħilithom biex iżidu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa. |
2.4. |
L-adozzjoni ta’ politika industrijali Ewropea b’saħħitha u d-difiża tal-interessi kummerċjali tal-UE huma kompatibbli mal-għan ta’ prijorità tal-politika barranija tagħha: it-tisħiħ tal-multilateraliżmu fl-istituzzjonijiet tas-sistema tan-NU. Ir-riformi li dawn jeħtieġu għandhom jagħmluha possibbli biex issir tranżizzjoni lejn dinja rregolata minn regoli ġusti bi prinċipji demokratiċi. |
3. It-twettiq tal-potenzjal tal-perspettivi tan-negozju
3.1. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kumpaniji tal-UE jistgħu jibbenefikaw biss mill-istrateġija industrijali u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jekk ikollhom informazzjoni pertinenti dwar il-kontenut ta’ dawn l-istrateġiji u l-ftehimiet u jifhmu kif dawn jiffunzjonaw fil-prattika. |
3.2. |
Il-KESE jinnota bi tħassib li l-kumplessità tar-regoli tal-oriġini u tal-formoli amministrattivi meħtieġa mill-imsieħba kummerċjali tal-UE biex jingħataw preferenzi lill-kumpaniji tal-UE, kif ukoll l-isforzi involuti biex tiġi ppruvata l-oriġini preferenzjali, jidhru li huma sproporzjonati għall-SMEs tal-UE meta mqabbla mad-daqs tal-kuntratti konklużi minnhom. |
3.3. |
Il-KESE jipproponi li fil-każ li l-pajjiżi jinvolvu ruħhom f’kompetizzjoni, kundizzjonijiet tal-ħaddiema jew standards tas-sostenibbiltà inġusti, għandhom jitfasslu wkoll dispożizzjonijiet biex jiġu esplorati kwistjonijiet essenzjali dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim online tan-NU. Il-KESE jilqa’ l-Arranġament ta’ Arbitraġġ Interim b’Diversi Partijiet li tħabbar reċentement mill-KE bħala soluzzjoni temporanja biex tinżamm funzjoni indipendenti u fuq żewġ stadji għas-soluzzjoni tat-tilwim. |
3.4. |
Il-KESE jfakkar li l-parti l-kbira tal-attività kummerċjali tal-SMEs issir primarjament fis-Suq Uniku (2), b’madwar nofs l-SMEs biss ibigħu l-oġġetti tagħhom barra l-UE-28 (3) u jinnota wkoll li l-attività ta’ esportazzjoni tal-SMEs hija kkonċentrata ħafna f’xi Stati Membri u reġjuni, b’sitt Stati Membri (4) jammontaw għal aktar minn żewġ terzi tan-negozju u l-kummerċ totali tal-SMEs fl-UE. |
3.5. |
Il-KESE jilqa’ l-ħidma avvanzata tal-Kummissjoni fuq il-portal online li se jintegra żewġ bażijiet tad-data, il-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq u l-Helpdesk tal-Kummerċ, u li qed jindirizza l-kumplessità u n-nuqqas ta’ koerenza tar-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali u jimplimenta kalkulatur tar-regoli tal-oriġini bla ħlas u online biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-SMEs tal-UE. |
3.6. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif ukoll ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri, jista’ jkollhom rwol importanti biex jippromovu l-istrateġija, is-servizzi u l-kummerċ tal-UE mal-pajjiżi terzi biex jiġu ffaċilitati kemm l-investiment eżoġenu kif ukoll l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni għan-negozji u l-ħaddiema Ewropej. |
3.7. |
Il-KESE jilqa’ wkoll l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu promossi u appoġġjati l-SMEs tal-UE fl-isforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom sabiex dawn isiru aktar kompetittivi fil-livell globali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-inizjattivi ikunu wkoll axxendenti fl-applikazzjoni tagħhom. Flimkien ma’ dawn l-inizjattivi, il-paradigma ġdida tista’ ġġib aktar opportunitajiet għall-SMEs u atturi reġjonali oħra. |
3.8. |
Il-KESE jqis bi tħassib il-kwistjonijiet pendenti mal-imsieħba kummerċjali tal-UE kif ippreżentati fir-rapport tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-fatt li l-prodotti tal-UE jibqgħu jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw is-swieq f’pajjiżi msieħba. Ir-rikonoxximent reċiproku mingħajr burokrazija tal-istandards tekniċi għandu jingħata prijorità għolja. |
3.9. |
Il-KESE jenfasizza li, kif ġie enfasizzat minn studju tal-EPRS (5) ibbażat fuq analiżi tal-flussi kummerċjali f’xi Stati Membri, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-UE hija marbuta b’mod pożittiv u b’saħħtu mal-PDG u li l-kummerċ huwa kkonċentrat ħafna fi ftit Stati Membri. |
3.10. |
Il-KESE jfakkar li l-impatt mhux indaqs tal-globalizzazzjoni mil-lat territorjali ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fid-Dokumenti ta’ Riflessjoni tagħha dwar L-isfruttar tal-Globalizzazzjoni u Il-Futur tal-Finanzi tal-UE, fejn ġie enfasizzat li filwaqt li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni huma mifruxa, l-ispejjeż ta’ spiss jiġu lokalizzati. |
3.11. |
Il-KESE jpoġġi enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex tittejjeb il-kompetittività tal-UE permezz ta’ investimenti mmirati f’setturi ewlenin bħall-infrastrutturi tan-network, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-servizzi tal-IT, l-azzjoni ambjentali u klimatika, l-impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni soċjali. |
3.12. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jista’ jkollu biex jgħin lin-nies li huma qiegħda bħala riżultat ta’ bidliet strutturali minħabba l-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima. Fid-dawl tal-iskala kbira ħafna tal-kriżi imminenti ekonomika u tal-impjiegi, il-FEG għandu jissaħħaħ mil-lat finanzjajru, ir-regoli tiegħu għandhom isiru aktar flessibbli biex ikunu xierqa għan-natura u d-daqs tal-kriżi, u għandu jintrabat mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. |
3.13. |
Il-KESE jaqbel li l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u t-telexogħol għandhom rwol importanti fil-preservazzjoni tal-impjiegi u l-produzzjoni, iżda minkejja l-isforzi biex jittaffa l-impatt soċjali tagħha, il-kriżi hija mistennija li żżid b’mod sinifikanti l-qgħad u l-inugwaljanzi fid-dħul. Il-politika riveduta tal-Patt Ekoloġiku jista’ jkollha rwol importanti biex jiġi żgurat li l-globalizzazzjoni tirriżulta f’effetti ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali pożittivi għan-negozji, għall-ħaddiema, u għas-soċjetà ċivili u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distorsjoni tas-suq. |
3.14. |
Il-KESE jemmen li jista’ jintuża mekkaniżmu li jindirizza l-“impronta tal-karbonju” fil-manifattura u l-isforzi biex l-industriji jiġu dekarbonizzati jistgħu jintużaw biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni; jinnota, madankollu, li tali miżura għandha tibbilanċja t-tħassib relatat mal-ambjent, il-kummerċ u l-ġustizzja biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq, li joħolqu ritaljazzjoni kontra l-pajjiżi tal-UE, u b’hekk issir ħsara lill-industrija u l-impjiegi industrijali tal-UE. |
3.15. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li huwa kruċjali li jitnaqqas id-distakk fil-prestazzjoni tal-produttività bejn ekonomiji, reġjuni u kumpaniji produttivi ħafna u l-bqija, u li istituzzjonijiet effettivi u sistemi effiċjenti ta’ tassazzjoni jistgħu jappoġġjaw il-produttività. |
3.16. |
Politika industrijali ġdida hija meħtieġa biex tiffoka fuq it-tisħiħ tal-attivitajiet b’kontenut ta’ innovazzjoni akbar u li tiġġenera valur miżjud akbar, li ma jistax jiġi sseparat mill-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità u ġodda. Politika bħal din, jekk imfassla bir-reqqa u mwettqa sew, għandha tikkontribwixxi biex tiġi evitata l-influwenza negattiva ta’ tnaqqis ulterjuri fil-PDG, il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u t-tfixkil tal-ktajjen ta’ valur. |
4. It-tnaqqis tal-impatt negattiv ta’ żviluppi uniċi
4.1. |
Il-KESE jappella lill-atturi istituzzjonali ewlenin kollha biex iqisu mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-UE-27 u r-Renju Unit, li se jiddefinixxu bil-bosta l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-ekonomiji rispettivi tagħhom; għandhom jitfasslu miżuri xierqa għas-setturi li se jsofru impatt negattiv partikolari. |
4.2. |
Il-KESE jiddispjaċih dwar il-fatt li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tintroduċi tariffi addizzjonali fuq il-prodotti Ewropej, bħala kontromiżura għall-għajnuna mogħtija mill-UE lill-manifattur tal-Airbus, se taffettwa l-aktar il-prodotti agrikoli u agroalimentari prodotti fl-Istati Membri tal-UE. L-effettività tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-UE fis-settur tal-azzar, li tradizzjonalment ikunu fil-qalba tal-attenzjoni tas-CCMI, għandha tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl tal-ambjent ekonomiku tal-industrija tal-azzar li jinsab f’diffikultà, sabiex jiġi evitat li ssir aktar ħsara lill-kumpaniji domestiċi tal-azzar u jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji u l-ħaddiema tal-UE.
Il-KESE jenfasizza li t-tariffi tal-azzar tal-Istati Uniti wasslu għal devjazzjoni serja tal-kummerċ tal-prodotti tal-azzar minn pajjiżi terzi, li qed jidħlu dejjem aktar fis-suq Ewropew, b’mod partikolari qed jintużaw f’kuntratti ta’ bini ta’ infrastruttura pubblika. |
4.3. |
Il-KESE jinnota li għalkemm l-ebda pajjiż ma jista’ jiżola lilu nnifsu mill-globalizzazzjoni mingħajr ma jġarrab spejjeż enormi, ir-riskju ta’ kollass tas-sistema kummerċjali multilaterali huwa reali u għalhekk l-UE għandha tirrifletti dwar dan. Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020, li jistabbilixxi inizjattiva għar-riforma tad-WTO sal-aħħar tal-2020 kif ukoll il-Pjan ta’ Rkupru propost. |
4.4. |
KESE jikkondividi l-fehma li l-UE trid tinbidel għal approċċ aktar deċiżiv attiv biex tiżgura r-reċiproċità reali fil-prattika u tindirizza l-protezzjoniżmu fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi terzi.
Is-suq tal-akkwist pubbliku Ċiniż u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma notevoli għad-diverġenzi tagħhom minn standards internazzjonali u, minkejja li ssieħbet mad-WTO, fil-parti l-kbira tagħha ċ-Ċina għadha suq protett. Barra minn hekk, iċ-Ċina għadha ma aderixxietx mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO, minkejja l-wegħda tagħha meta ġiet aċċettata fid-WTO. Id-dibatittu dwar iċ-Ċina sar aktar sensittiv fl-UE. Programmi ambizzjużi bħall-Inizjattiva “Belt and Road”, Made in China 2025 u l-“Linji Gwida 16+1” (2017 Budapest, 2018 Sofija, 2019 Dubrovnik) (6) ġibdu l-attenzjoni ta’ għadd ta’ atturi privati u pubbliċi inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-kwistjoni dwar il-5G ġabet is-sigurtà diġitali fl-istampa, filwaqt li pprovdiet bażi fertili biex isir progress lejn l-indipendenza diġitali tal-UE. It-tisħiħ tal-programmi tal-UE għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni jidher li huwa l-aktar approċċ razzjonali u ta’ sodisfazzjon f’dan ir-rigward. |
4.5. |
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika u miżuri konkreti għandhom iqisu żewġ karatteristiċi strateġiċi. L-ewwel waħda hija li l-G20, li seta’ jsir forum politiku globali, b’mod komplementari għas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, biex jindirizza wkoll l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi globali tilef ħafna mill-importanza tiegħu. It-tieni, li hija marbuta mill-qrib, hija li l-UE ma għandhiex “politika ekonomika barranija” effettiva. Il-politika industrijali u politiki oħrajn tal-UE li jaffettwaw fatturi li huma relatati mal-produzzjoni, l-enerġija, is-suq intern, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport eċċ. qed jiġu esklużi mill-previżjoni esterna tas-servizzi kummerċjali u esterni tal-UE jew qed jiġu riflessi biss parzjalment fiha, kif ukoll l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri li għandhom jikkombinaw il-forzi. Dan in-nuqqas jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu ffaċċjati atturi internazzjonali ewlenin, u jnaqqas ir-rwol tal-UE fil-fora multilaterali u internazzjonali u fil-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tas-suq. |
5. L-impatt tal-kriżi ġġenerata mill-pandemija tal-coronavirus (COVID-19)
5.1. |
It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt makroekonomiku u fiskali straordinarju, li għadu qed jiżvolġi. Il-KESE jikkondividi l-fehma li ma kien hemm l-ebda alternattiva għall-politiki monetarji espansivi u finanzjarji mħabbra reċentement fl-UE u madwar id-dinja. L-isfidi ewlenin jinkludu rkupru mhux komplut u irregolari u żieda fil-qgħad. Għalkemm il-miżuri ta’ politika għandhom jillimitaw iż-żieda fil-qgħad, il-miżuri ta’ politika meħtieġa se jikkawżaw defiċits pubbliċi u jżidu d-dejn pubbliku. |
5.2. |
Il-KESE jenfasizza l-fatt li din il-kriżi għandha implikazzjonijiet serji fit-tul għall-UE. Minħabba l-fatt li l-politika dewmet l-impenn ikkoordinat tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemija, jista’ jkun hemm telf ta’ fiduċja fil-politika inġenerali. |
5.3. |
Riskji oħra jinkludu pandemija li ddum iżjed milli kien maħsub, l-instabbiltà finanzjarja kemm globalment kif ukoll fl-UE, żieda fil-protezzjoniżmu, il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u diverġenzi strutturali profondi. |
5.4. |
Il-KESE jemmen li l-Ewropa teħtieġ b’mod urġenti proġett ġdid għall-integrazzjoni interna, strateġija ekonomika, soċjali (inkluża l-koordinazzjoni tas-saħħa pubblika), fiskali, tal-enerġija u ambjentali komuni u politika kummerċjali koerenti. In-nuqqas ta’ strateġija Ewropea effettiva kien allarmanti u għandu jiġi mreġġa’ lura għal approċċ Ewropew kollettiv ġdid. |
5.5. |
Huwa meħtieġ pakkett kbir ħafna ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni għall-investiment biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE wara l-kriżi bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali, flimkien ma’ dak li diġà qed iwettqu l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali Ewropew. Il-pjan ta’ rkupru ta’ investiment meħtieġ għandu jkun iffinanzjat aktar permezz tal-fondi, l-istrumenti finanzjarji u l-bonds ta’ rkupru tal-UE, definiti b’mod ċar f’termini ta’ problemi li jirriżultaw mill-kriżi tal-coronavirus, u ggarantiti mill-baġit tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis il-Pjan ta’ Rkupru li ġie ppreżentat reċentement mill-Kummissjoni Ewropea bħala l-ewwel pass konkret f’din id-direzzjoni. |
5.6. |
Il-KESE jenfasizza li l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli huwa essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi u bħala parti mill-istrateġija tal-UE biex toħroġ mill-kriżi. L-Istati Membri tal-UE għandhom jirrispettaw is-Suq Uniku u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda ostaklu intern għall-kummerċ tal-UE billi jniedu negozjati aktar komprensivi dwar ftehim plurilaterali li jwassal għal kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi, inkluża l-liberalizzazzjoni permanenti possibbli tat-tariffi fuq it-tagħmir mediku u jgħinu biex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista globali jkunu jistgħu joperaw b’mod liberu f’dan is-settur kritiku. Flimkien ma’ dawn il-miżuri, il-liberalizzazzjoni tat-tariffi u l-finanzi tal-esportazzjoni, ikkoordinati sew bejn il-korpi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri, jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq in-negozji u jipprevjenu distorsjonijiet tas-suq. |
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/november/tradoc_157516.pdf
(2) EPRS, CETA implementation: SMEs and regions in focus (L-implimentazzjoni tas-CETA: l-SMEs u r-reġjuni fiċ-ċentru), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 18 ta’ Novembru 2019, disponibbli f’ https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_IDA%282019%29644179 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) L-Ewrobarometru Flash 42, Internationalisation of Small and Medium-sized Enterprises (L-Internazzjonalizzazzjoni tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Daqs Medju), Ottubru 2015. (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit.
(5) EPRS, “Interactions between trade, investment and trends in EU industry: EU regions and international trade” (L-interazzjonijiet bejn il-kummerċ, l-investiment u x-xejriet fl-industrija tal-UE: ir-reġjuni tal-UE u l-kummerċ internazzjonali), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 27 ta' Ottubru 2017, disponibbli f'http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU(2017)608695 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) 2017: https://www.fmprc.gov.cn/mfa_eng/wjdt_665385/2649_665393/t1514534.shtml;
2018: https://www.fmprc.gov.cn/mfa_eng/wjdt_665385/2649_665393/t1577455.shtml;
2019: https://www.fmprc.gov.cn/mfa_eng/wjdt_665385/2649_665393/t1655224.shtml.