31.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 251/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-27 ta’ Lulju 2020
dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19
(BĊE/2020/35)
(2020/C 251/01)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) li rrakkomanda li tal-anqas sal-1 ta’ Ottubru 2020 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu m’għandhom iħallsu l-ebda dividend u ma jidħlu għal ebda impenn irrevokabbli biex iħallsu dividendi għas-snin finanzjarji 2019 u 2020 u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti. Din ir-rakkomandazzjoni kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni illi huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jwettqu l-irwol tagħhom li jiffinanzjaw lill-unitajiet domestiċi, l-impriżi żgħar u medji u l-korporazzjonijiet waqt ix-xokk ekonomiku marbut mal-COVID 19. Għalhekk kien meqjus essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonservaw il-kapital sabiex iżommu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw lill-ekonomija f’ambjent ta’ inċertezza akbar ikkawżata mill-pandemija tal-COVID 19. Għal dan il-għan, ġie kkunsidrat li l-konservazzjoni ta’ riżorsi kapitali biex tiġi appoġġata l-ekonomija reali u biex jiġi assorbit it-telf għandha tieħu prijorità fuq id-distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi u x-xiri lura ta’ ishma. |
(2) |
B’rabta mar-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19, il-BĊE wettaq ħidma biex ikompli jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li jkun hemm sospensjoni ulterjuri tad-dividendi wara l-1 ta’ Ottubru 2020. F’dan il-kuntest, il-BĊE jikkunsidra li l-livell ta’ inċertezza ekonomika minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jibqa’ għoli u, konsegwentement, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu qed ikollhom diffikultajiet biex ibassru b’mod preċiż il-ħtiġijiet kapitali tagħhom fuq żmien medju. Il-BĊE jikkunsidra wkoll illi hemm ħtieġa kontinwa f’dan l-ambjent ta’ inċertezza sistemika eċċezzjonali u kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ stress għall-ippjanar tal-kapital prudenti, li jinkludi l-preżervazzjoni tal-pożizzjoni kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jiġu posposti jew ikkanċellati d-distribuzzjonijiet. Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra li huwa meħtieġ li jestendi r-rakkomandazzjoni dwar id-dividendi sal-1 ta’ Jannar 2021 u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19. Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll mar-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3). |
(3) |
Filwaqt li jqis bis-sħiħ l-unità u l-integrità tas-suq intern, il-BĊE jara l-ħtieġa li jidħol f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri ikkonċernati sabiex jiddetermina jekk huwiex xieraq li d-dividendi jitħallsu lil istituzzjoni omm, lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja omm jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm li hija stabbilita fi Stat Membru li mhuwiex Stat Membru parteċipanti. Dawn id-diskussjonijiet għandhom ikunu ggwidati, inter alia, mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u reċiproċità bil-għan li jiġi appoġġat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, sabiex tiġi ppreżervata pożizzjoni kapitali soda ta’ istituzzjoni ta’ kreditu minn perspettiva prudenzjali u sabiex tikkontribwixxi lejn l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u kull Stat Membru. |
(4) |
Sabiex jimmassimizza l-appoġġ għall-ekonomija reali, huwa xieraq ukoll li distribuzzjonijiet diskrezzjonarji tad-dividendi ukoll ma għandhomx isiru minn istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinifikanti, |
(5) |
Filwaqt li din il-miżura hija ta’ natura temporanja li hija meħtieġa biss minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-BĊE beħsiebu jiddeċiedi fir-raba’ trimestru tal-2020 dwar l-approċċ li għandu jiġi segwit wara l-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li jitqiesu l-ambjent ekonomiku, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-livell ta’ ċertezza madwar l-ippjanar tal-kapital. |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
I.
1. |
Il-BĊE jirrakkomanda li sal-1 ta’ Jannar 2020 ma jitħallas ebda dividend (4) u ma jingħata ebda impenn biex jitħallsu dividendi għas-snin finanzjarji 2019 u 2020 u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti (5). |
2. |
L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex kapaċi jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex iqisu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jispjegaw minnufih ir-raġunijiet sottostanti lit-tim superviżorju konġunt tagħhom. |
3. |
Din ir-rakkomandazzjoni tapplika fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (6) u fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17), jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni. |
4. |
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkun beħsiebhom iħallsu dividenti jew li jħallsu dividendi lill-istituzzjoni omm, kumpanija azzjonarja finanzjarja omm jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tagħhom, li tkun stabbilita fi Stat Membru li ma jkunx Stat Membru parteċipanti għandhom jikkuntattjaw lit-tim superviżorju konġunt tagħhom sabiex jiddeterminaw jekk dawk il-ħlasijiet ta’ dividends jew impenji irrevokabbli biex isir ħlas ta’ dividend humiex xierqa. |
II.
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (16) u (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).
III.
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) u (23) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jitqies li huwa xieraq.
IV.
Minħabba n-natura temporanja ta’ din il-miżura, il-BĊE ser ikompli jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li jkun hemm sospensjoni ulterjuri tad-dividendi wara l-1 ta’ Jannar 2021.
V.
Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 hija b’dan imħassra.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Lulju 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 1).
(3) Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-27 ta’ Mejju 2020 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU C 212, 26.6.2020, p. 1).
(4) L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpanniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproki, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-Rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas ’il barra b’rabta ma’ kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni li għandu l-effett li jnaqqas il-kwantità jew il-kwalità ta’ fondi proprji.
(5) Jekk istituzzjoni finanzjarja riedet tissostitwixxi ishma ordinarji, dan ikun konformi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.
(6) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).