22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/39


P9_TA(2020)0217

Ebda oġġezzjoni għal miżura ta' implimentazzjoni: emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssirx oppożizzjoni għal abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16 (D067917/01 – 2020/2712(RPS))

(2021/C 385/04)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (D067917/01,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se jopponi l-abbozz ta' regolament,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-2 ta' Settembru 2020,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(4)(d) u l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.

billi fit-28 ta' Mejju 2020 il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ħareġ id-dokument dwar il-konċessjonijiet ta' kera relatati mal-COVID-19 (emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 16 – Leasing); billi l-emendi għall-IFRS 16 jipprovdu għajnuna operazzjonali fakultattiva, temporanja u relatata mal-COVID-19 għal kerrejja li jibbenefikaw minn vaganzi ta' pagamenti ta' lokazzjoni mingħajr ma jimminaw ir-rilevanza u l-utilità tal-informazzjoni finanzjarja rrappurtata mill-kumpaniji;

B.

billi fit-2 ta' Ġunju 2020, il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) pprovda lill-Kummissjoni b'parir ta' approvazzjoni pożittiv tal-emendi għall-IFRS 16;

C.

billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi għall-IFRS 16 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għal adozzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;

D.

billi fit-2 ta' Lulju 2020, il-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà ħareġ opinjoni pożittiva dwar l-emendi għall-IFRS 16;

E.

billi l-IASB stabbilixxa l-1 ta' Ġunju 2020 bħala d-data effettiva għal dawn l-emendi għall-IFRS 16 bil-possibbiltà li tiġi applikata qabel; billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jemenda għandhom japplikaw retroattivament biex tiġi garantita ċ-ċertezza legali għall-emittenti kkonċernati u l-konsistenza ma' standards ta' kontabbiltà oħrajn kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); billi l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-EFRAG u s-servizzi tal-Kummissjoni enfasizzaw interess qawwi fl-applikazzjoni bikrija tal-kontijiet finanzjarji semiannwali għall-perjodi li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2020;

1.

Jiddikjara li ma jopponix l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.

(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.