Brussell, 22.12.2020

COM(2020) 819 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (IKL)


I.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (IKL) 1 jistabbilixxi qafas komuni għall-Istati Membri biex jipproduċu indiċijiet komparabbli u jipprovduhom lill-Kummissjoni.

L-indiċi tal-kostijiet lavorattivi jkejjel il-bidliet għal kull kwart fit-total tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa mġarrba mill-impjegaturi, u b’hekk ikun possibbli li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fil-pressjoni tal-kost li jirriżultaw mill-fattur ta’ produzzjoni “xogħol”. L-IKL jappartjeni għall-familja ta’ indikaturi tal-euro li jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro. Il-Eurostat jippubblika stqarrija tal-aħbarijiet kull kwart dwar l-indiċi tal-kostijiet lavorattivi ta’ kull siegħa fuq is-sit web tiegħu 2 , li fiha sett sħiħ ta’ data maqsuma skont l-attività ekonomika u skont il-komponenti tal-kostijiet lavorattivi (il-kostijiet tal-pagi u dawk mhux tal-pagi). Is-sit web jinkludi wkoll rati ta’ tkabbir minn kwart għal kwart u minn sena għal sena.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 450/2003, il-Kummissjoni trid tibgħat rapport kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li s-serje b’lura ġew analizzati f’rapporti preċedenti, dan ir-rapport jeżamina l-kwalità tad-data tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi riċevuta wara: mit-tieni kwart tal-2018 (2018Q2) sal-ewwel kwart tal-2020 (2020Q1). Ir-Renju Unit kien membru tal-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Jannar 2020, u għalhekk id-data tal-IKL trażmessa minn dan il-pajjiż ġiet inkluża wkoll f’dan ir-rapport.

F’Lulju tal-2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003 3 , li jistabbilixxi f’aktar dettall il-proċeduri li l-Istati Membri jridu isegwu meta jibagħtu l-indiċijiet tagħhom lill-Kummissjoni, l-aġġustamenti kalendarji u staġonali li għandhom isiru fl-indiċijiet kif ukoll il-kontenut tar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità. F’Marzu tal-2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 224/2007 4 . Dan jemenda r-Regolament (KE) Nru 1216/2003 u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi biex ikopri l-attivitajiet ekonomiċi definiti fit-Taqsimiet L, M, N u O tan-NACE Rev. 1. Dawn it-taqsimiet tal-aħħar jinkludu prinċipalment servizzi mhux tas-suq li jista’ jkollhom dinamika differenti mis-servizzi tas-suq. Barra minn hekk, f’Awwissu tal-2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 973/2007 5 li jemenda għadd ta’ atti legali dwar oqsma speċifiċi tal-istatistika, inkluż l-indiċi tal-kostijiet lavorattivi, biex tiġi implimentata l-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbiliti fin-NACE Rev. 2.

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1216/2003, il-kwalità tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi hi definita skont il-kriterji li ġejjin: ir-rilevanza, l-eżattezza, il-puntwalità tat-twassil tad-data, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza, il-komparabbiltà, il-koerenza u l-kompletezza. Peress li l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza tqiesu sodisfaċenti fir-rapport preċedenti tal-IKL 6 , se niffukaw fuq ir-rilevanza, il-kompletezza, il-puntwalità, l-eżattezza, il-komparabbiltà u l-koerenza.

II.PROGRESS ĠENERALI MILL-AĦĦAR RAPPORT

Mill-aspett leġiżlattiv, ma sar l-ebda tibdil minn meta ġie adottat ir-rapport preċedenti. Madankollu, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ħalla impatt fuq l-aggregati tal-UE. B’mod partikolari, minn 2020Q1 ’il quddiem, l-istqarrijiet tal-IKL jirriflettu l-kompożizzjoni l-ġdida tal-EU-27.

Id-data tal-IKL kompliet tinġabar bl-użu tal-istandards SDMX għal trażmissjonijiet imtejba tad-data, u r-rapporti annwali dwar il-kwalità ġew aġġornati skont l-iskeda, qabel tmiem is-sena ta’ wara l-perjodu ta’ referenza.

Id-data tal-IKL ġiet ibbażata mill-ġdid fuq is-sena ta’ referenza l-ġdida (2016) li għaliha data ta’ referenza ġdida miksuba mill-aħħar Stħarriġ dwar il-Kost Lavorattiv (LCS2016) saret disponibbli fl-2019.

Id-data dwar il-livelli tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa ġiet aġġornata fi żmien 3 xhur wara s-sena ta’ referenza, abbażi tad-data tal-IKL għall-2019.

Fl-aħħar nett, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istatistika tas-Suq tax-Xogħol (LAMAS) approva mudell ġdid imfassal mill-Eurostat biex jiġbor informazzjoni dwar il-mudelli ta’ aġġustament staġonali użati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-IKL.

Id-dettalji dwar dawn l-iżviluppi huma ppreżentati fil-paragrafi li jmiss.

2.1 Standards imtejba għall-ġbir tad-data

L-aħħar verżjoni tal-istrutturi tad-data tal-Iskambju tad-Data u tal-Metadata tal-Istatistika (SDMX) 7 għadha qed tintuża b’suċċess biex tirċievi d-data tal-Istati Membri u tipproduċi l-IKL iżda anki biex tittrażmetti d-data tal-IKL lill-Bank Ċentrali Ewropew.

L-għodda ta’ validazzjoni awtomatika (STRUVAL) intużat biex tinnotifika lill-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet tal-IT li nstabu fit-trażmissjonijiet tal-IKL tagħhom.

2.2 Ibbażar mill-ġdid tal-IKL

Id-data tal-indiċijiet tal-kostijiet lavorattivi hi ppreżentata fil-forma ta’ numri tal-indiċi, espressi fir-rigward ta’ sena bażi partikolari fejn il-valur tagħhom hu 100 b’definizzjoni. Għaldaqstant, in-numri tal-indiċi jipprovdu ż-żieda akkumulata fil-kostijiet lavorattivi lura għas-sena bażi.

Is-sena bażi tintgħażel biex tikkoinċidi mal-aħħar Stħarriġ dwar il-Kost Lavorattiv (LCS) ta’ erba’ snin li jipprovdi ċifri ta’ referenza għal-livelli tal-kostijiet lavorattivi. B’dan il-mod, id-data tal-IKL espressa f’dik is-sena bażi tista’ tiġi kkombinata direttament (immultiplikata) bid-data tal-IKL biex jinkisbu stimi tal-livell tal-kostijiet lavorattivi għall-aktar sena riċenti li għaliha hi disponibbli data tal-IKL.

Wara li ġiet ippubblikata s-sena inizjali l-ġdida tad-data tal-IKL, għas-sena ta’ referenza 2016, id-dominju tal-IKL ġie bbażat mill-ġdid fuq din. Minn Ġunju tal-2019, id-data tal-IKL hi espressa fis-sena bażi l-ġdida 2016 = 100.

2.3 Il-livelli tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa

Il-Eurostat kompla jippubblika b’suċċess l-istimi annwali tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa skont it-Taqsima tan-NACE Rev. 2, mill-ewwel pubblikazzjoni maħruġa f’April tal-2016. Dawn l-istimi huma bbażati kemm fuq il-livelli tal-kostijiet lavorattivi kif ukoll fuq ix-xejriet tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi u jiġu prodotti tliet xhur wara tmiem il-perjodu ta’ referenza. Il-kopertura kienet tinkludi t-taqsimiet kollha tan-NACE bl-eċċezzjoni tat-taqsima “L” tan-NACE Rev. 2 (attivitajiet ta’ proprjetà immobbli).

2.4 Rapporti dwar il-kwalità

Ir-rapporti dwar il-kwalità ppreżentati mill-Istati Membri ġew ipproċessati fil-ħin bl-użu tal-aktar verżjoni riċenti tal-Ġestur tal-Metadata tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u saru disponibbli għall-utenti kollha 8 .

2.5 Aġġustamenti staġonali u kalendarji

Il-Eurostat analizza s-serje aġġustati skont l-istaġun (SA) u skont il-kalendarju (CA) trażmessi mill-Istati Membri u għamel paragun bejn il-pajjiż tar-riżultati li ġew ippreżentati fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istatistika tas-Suq tax-Xogħol (LAMAS-LMI) ta’ Ottubru tal-2019.

Il-Eurostat ippreżenta wkoll mudell ġdid li l-Istati Membri se jużaw mill-2020 ’il quddiem biex jirrapportaw dwar il-proċeduri u l-mudelli użati għall-aġġustament staġonali tas-serje tal-IKL tagħhom. B’mod parallel, ġie żviluppat programm speċjali bħala suppliment għas-software JDemetra+ biex il-mudell ikun jista’ jimtela b’mod armonizzat u awtomatizzat.

III.KWALITÀ TAD-DATA

3.1Rilevanza

Biex jevalwaw il-possibbiltà ta’ pressjoni inflazzjonarja kkawżata mill-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jużaw indiċi tal-kostijiet lavorattivi għal kull siegħa maħduma li juri l-evoluzzjoni tal-kostijiet lavorattivi fuq medda qasira ta’ żmien. Ftit wara li d-data ssir disponibbli, l-indiċi jkun irid jiġi kkalkulat għal kull Stat Membru, għall-UE kollha kemm hi u għaż-żona tal-euro. L-indiċi tal-kostijiet lavorattivi hu importanti wkoll għas-sħab soċjali involuti f’negozjati dwar il-pagi u għall-Kummissjoni nnifisha biex timmonitorja l-iżviluppi fil-kostijiet lavorattivi fuq medda qasira ta’ żmien. L-indiċi tal-kostijiet lavorattivi hu wieħed mill-indikaturi ekonomiċi Ewropej ewlenin 9 . Fl-aħħar nett, id-data tal-IKL tintuża għall-indiċjar tal-prezzijiet f’xi kuntratti kummerċjali kbar li jdumu bosta snin.

Id-domanda tal-utent kompliet mhux biss għal informazzjoni dwar bidliet perċentwali ta’ kull kwart fil-kostijiet lavorattivi, kif imkejla mill-indiċi tal-kostijiet lavorattivi, iżda wkoll, dejjem aktar, għal informazzjoni dwar il-kostijiet lavorattivi f’termini assoluti (euros fis-siegħa). Il-Eurostat kompla jippubblika, f’April ta’ kull sena, stimi tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa f’euro u f’muniti nazzjonali bi tqassim skont in-NACE Rev. 2. Ġew inklużi r-rata ta’ tkabbir annwali tal-livelli tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa, kif ukoll is-sehem tal-kostijiet mhux relatati mal-pagi fit-total tal-kostijiet lavorattivi 10 . Ir-rispons li wasal dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-istimi huwa wieħed pożittiv, u l-Eurostat se jkompli jipproduċi l-kostijiet lavorattivi annwali bit-tqassim skont in-NACE Rev. 2.

3.2Kompletezza

B’mod ġenerali, id-disponibbiltà u l-kompletezza tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi kienu sodisfaċenti matul il-perjodu ta’ referenza kollu. Il-Eurostat irċieva data aġġustata skont il-kalendarju kif ukoll data aġġustata skont il-kalendarju u skont l-istaġun mill-Istati Membri kollha għall-kwarti kollha ħlief f’każ wieħed (il-Greċja, għall-2019Q3). L-Istati Membri pprovdew ukoll data mhux aġġustata skont l-istaġun, minbarra d-Danimarka u l-Iżvezja, li ngħataw derogi 11 .

Fil-każ tad-Danimarka, id-data kollha tal-IKL għall-kwart ta’ referenza 2019Q4 ġiet trażmessa lill-Eurostat fil-ħin iżda ġiet ippubblikata b’dewmien ta’ ħames ġimgħat, sakemm ittieħdet deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ kontribuzzjonijiet soċjali.

Fir-rigward tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) 12 , kemm l-Iżlanda kif ukoll in-Norveġja bagħtu data tal-IKL għall-kwarti kollha tal-perjodu ta’ referenza.

L-Iżvizzera ma tiġborx data tal-IKL ta’ kull kwart.

Minkejja l-kopertura mtejba tad-data aġġustata skont l-istaġun, iċ-ċifri primarji għadhom ibbażati fuq il-bidliet minn sena għal sena (Q/Q-4) fid-data aġġustata skont il-kalendarju li juru volatilità aktar baxxa. Madankollu, id-data kollha, inklużi l-istimi aġġustati skont l-istaġun, hija disponibbli fuq il-paġna rilevanti tal-bażi tad-data tal-Eurostat, biex b’hekk jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-koerenza ma’ statistika oħra tal-prezzijiet (pereżempju, b’mod partikolari l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur) 13 .

L-Istati Membri kollha pprovdew rapporti nazzjonali dwar il-kwalità għas-sena ta’ referenza 2018. Dawn ir-rapporti ġew ivvalidati u ppubblikati fuq il-paġna tal-internet korrispondenti tal-Eurostat 14 .

3.3Puntwalità

Il-puntwalità tal-Istati Membri fit-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni mir-rapport preċedenti kienet tajba, u d-data kollha ġiet trażmessa fil-ħin ħlief għall-Greċja għall-2019Q3; id-data tagħha ġiet trażmessa b’dewmien ta’ tmint ijiem.

Fir-rigward tal-pajjiżi taż-ŻEE, kemm in-Norveġja, kif ukoll l-Iżlanda ttrażmettew data tal-IKL fil-ħin.

3.4Eżattezza

L-indiċi tal-kostijiet lavorattivi hu magħmul minn għadd ta’ varjabbli differenti (pereżempju l-kostijiet lavorattivi u s-sigħat maħduma), li jistgħu jittieħdu minn diversi sorsi. Dan ifisser li jistgħu jseħħu reviżjonijiet fi kwalunkwe ħin, li jaffettwaw l-aħħar kwart, diversi kwarti jew snin sħaħ. Jekk l-aġġustamenti jkunu relatati mas-sena ta’ referenza, is-serje kollha tkun trid tiġi riveduta. Ir-reviżjonijiet taċ-ċifra primarja tal-UE (rata ta’ tkabbir sena wara sena) darba biss kienu aktar minn 0,1 punti perċentwali mill-ewwel kwart tal-2018 (reviżjoni ta’ 0,2 għall-2018Q2, ara l-Figura 1). Dan jirrappreżenta titjib fl-eżattezza meta mqabbel mar-rapport preċedenti.

Figura 1: Bidliet fir-rata ta’ tkabbir minn sena għal sena
bejn l-ewwel u l-aħħar (2020Q1) pubblikazzjonijiet tal-IKL

(EU-28, aggregat tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE Rev. 2, total tal-kostijiet lavorattivi, f’punti perċentwali)

3.5 Komparabbiltà

Il-komparabbiltà bejn il-pajjiżi hi żgurata bid-definizzjonijiet u l-metodoloġija dettaljati inklużi fil-leġiżlazzjoni dwar l-IKL. L-Istati Membri jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE bis-sorsi tad-data disponibbli fil-livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tagħhom jużaw jew stħarriġ jew taħlita ta’ stħarriġiet u data amministrattiva, filwaqt li żewġ Stati Membri jiddependu esklużivament fuq sorsi amministrattivi.

Sabiex tiġi ppubblikata data komparabbli dwar l-indiċi tal-kostijiet lavorattivi maż-żmien, hu importanti li jiġu kkoreġuti l-effetti tal-kalendarju u tal-istaġun. Iċ-ċifri primarji huma aġġustati għall-effetti tal-kalendarju filwaqt li tiġi paċuta l-istaġonalità billi jitqabblu l-istess kwarti fuq sentejn konsekuttivi.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003, iċ-ċifri tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi jridu jiġu pprovduti f’forma kemm mhux aġġustata skont l-istaġun u l-kalendarju kif ukoll f’forma aġġustata skont il-kalendarju u l-istaġun.

Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma jiddikjarax b’mod espliċitu jekk l-aġġustamenti skont il-kalendarju u l-istaġun għandhomx isiru bl-użu tal-approċċ dirett jew indirett. Aġġustament indirett ifisser li s-serjejiet bażiċi jiġu aġġustati u mbagħad użati biex jinħolqu aggregati f’livelli ogħla, filwaqt li aġġustament dirett ifisser li kull serje, inkluż aggregati f’livelli ogħla, tiġi aġġustata b’mod individwali.

Fil-każ tal-IKL, il-Eurostat jirrakkomanda l-użu tal-approċċ indirett biex jiġu evitati inkonsistenzi bejn it-total tal-kostijiet lavorattivi u l-komponenti. Dawn l-inkonsistenzi jinstabu wkoll faċilment mill-utenti u jistgħu jqajmu dubji dwar il-kwalità ġenerali tal-IKL.

Il-Eurostat jidentifika sistematikament inkonsistenzi bejn it-totali u l-komponenti ta’ 0,1 punt perċentwali jew aktar (wara t-tqarrib) u jirrappurtahom lill-pajjiż ikkonċernat permezz ta’ rapport ta’ validazzjoni. It-total tal-IKL imbagħad jiġi kkalkulat mill-ġdid abbażi tal-komponenti tal-pagi u mhux tal-pagi (approċċ indirett). Dan l-approċċ armonizzat jiżgura wkoll komparabbiltà mtejba bejn il-pajjiżi.

Fil-laqgħa tal-LAMAS-LMI li saret fl-2019, il-Eurostat informa lill-Istati Membri dwar il-valutazzjoni tiegħu tas-serjejiet aġġustati skont l-istaġun (SA) u skont il-kalendarju (CA) trażmessi għall-indiċi tal-kostijiet lavorattivi. Id-data tal-SA u tas-CA ġiet analizzata separatament u vverifikata għall-preżenza ta’ effetti residwi tal-istaġun jew tal-kalendarju rispettivament. Ġie propost mudell standard, li ġie aċċettat mill-pajjiżi, biex dawn jiddokumentaw il-proċeduri ta’ aġġustament tagħhom skont l-istaġun u skont il-kalendarju. Il-pajjiżi li wrew effetti residwi skont l-istaġun jew skont il-kalendarju fis-serje tagħhom intalbu jivverifikaw il-proċeduri ta’ aġġustament tagħhom u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom.

3.6    Koerenza maċ-ċifri tal-kontijiet nazzjonali

Wieħed mill-oqsma li jibqa’ jirċievi attenzjoni hu l-koerenza tal-IKL ma’ statistika oħra dwar il-kostijiet lavorattivi, b’mod partikolari mad-data tal-kontijiet nazzjonali (NA) ta’ kull kwart.

Għar-rapport annwali dwar il-kwalità, l-Istati Membri huma mitluba jqabblu r-rata tat-tkabbir tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi ma’ dik tal-kumpens lill-impjegati kull siegħa li jinsab fil-kontijiet nazzjonali (definizzjoni ASE 2010 15 ). Is-settijiet tad-data mhumiex mistennija jaqblu perfettament: anki jekk jintużaw definizzjonijiet kważi identiċi tal-kost lavorattiv, is-sorsi tal-istatistika u t-trattamenti jistgħu jvarjaw. Barra minn hekk, il-ġbir tad-data dwar is-sigħat maħduma huwa partikolarment diffiċli kemm għall-indiċi tal-kostijiet lavorattivi kif ukoll għall-kontijiet nazzjonali. Minkejja dawn id-differenzi fil-metodoloġija, hu utli li jiġi analizzat il-livell ta’ diskrepanzi bejn iż-żewġ sorsi. Meta l-livelli jkunu ogħla minn limitu relattiv partikolari, dan jista’ jindika kwistjonijiet ta’ kwalità f’sett ta’ data jew fl-ieħor.

Għall-valutazzjoni tal-kwalità, il-Eurostat kompla jissorvelja l-aggregati tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE Rev. 2 ta’ kull Stat Membru. Għal dan it-tqabbil, intużat data tal-IKL mhux aġġustata skont l-istaġun, ħlief għad-Danimarka u l-Iżvezja li għalihom kien hemm disponibbli data aġġustata skont il-kalendarju. Ir-rata medjana ta’ tkabbir annwali tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi tqabblet ma’ dik tal-kumpens tal-impjegati kull siegħa, fuq 10 kwarti, u l-varjazzjonijiet ta’ aktar minn żewġ punti perċentwali (pp) tqiesu li jeħtieġu analiżi ulterjuri. Dan kien il-każ għall-Ungerija (2,1 pp), Ċipru (2,5 pp) u r-Rumanija (4,1 pp) (ara l-Figura 2, bil-pajjiżi kklassifikati f’ordni dejjem tiżdied tad-differenza fil-valur assolut). Ir-riżultati tal-analiżi ta’ hawn fuq jiġu segwiti mill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tad-data dwar is-sigħat maħduma.

Figura 2: Rati ta’ tkabbir annwali medjani tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi (IKL)
imqabbla mal-kumpens tal-impjegati kull siegħa (NA)

(aggregati tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE Rev. 2, total tal-kostijiet lavorattivi, perjodu ta’ referenza: 2017Q4-2020Q1*, bħala %)

*Għajr il-Belġju u d-Danimarka: 2017Q4-2019Q4. Data NA għal 2020Q1 ma kinitx disponibbli fil-ħin tal-abbozzar.

Minbarra l-medjani, il-Eurostat qabbel id-devjazzjoni standard tar-rati ta’ tkabbir annwali kemm tas-serje tal-IKL kif ukoll tas-serje NA, bħala indikatur tal-volatilità.

F’żewġ każijiet, għad-data Awstrijaka u dik Estonjana, id-devjazzjoni standard tas-serje tal-IKL varjat b’2 punti perċentwali mis-serje NA. Iż-żewġ pajjiżi ntalbu jinvestigaw is-sorsi ta’ dawn id-differenzi u jinfurmaw lill-Eurostat bir-riżultati.

IV.KONKLUŻJONIJIET

B’mod ġenerali, il-kwalità tal-indiċijiet tal-kostijiet lavorattivi tal-Istati Membri u tal-aggregati tal-UE kompliet titjieb mir-rapport preċedenti. Dan hu l-każ b’mod partikolari għad-daqs tar-reviżjonijiet.

Ir-rapporti dwar il-kwalità tal-Istati Membri ġew ipproċessati bl-aktar verżjoni riċenti tal-Ġestur tal-Metadata tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u saru disponibbli għall-utenti kollha.

Fost bidliet oħrajn mir-rapport preċedenti, id-dominju tal-IKL ġie bbażat mill-ġdid fuq is-sena bażi l-ġdida (2016) u ntlaħaq ftehim dwar mudell ġdid għal rappurtar aħjar tal-prattiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-aġġustament skont l-istaġun. Mill-ewwel kwart tal-2020, l-aggregati tal-IKL jirriflettu l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Unjoni Ewropea mingħajr ir-Renju Unit.

Il-Eurostat ilu jippubblika stimi annwali tal-livelli tal-kostijiet lavorattivi kull siegħa skont it-taqsimiet tan-NACE Rev. 2, ibbażati kemm fuq il-livelli tal-Istħarriġ dwar il-Kost Lavorattiv (LCS) kif ukoll fuq ix-xejriet tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi sa mill-2017. L-utenti, b’mod partikolari l-utenti istituzzjonali li jużaw din id-data biex jimmonitorjaw il-konverġenza fil-pagi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, taw rispons pożittiv.

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-konformità u l-kwalità tad-data b’mod regolari, permezz tad-data pprovduta u dokumentazzjoni nazzjonali oħra, inkluż ir-rapporti dwar il-kwalità. Meta ma jsir l-ebda titjib jew ma jsirx titjib biżżejjed, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-istatistika.

(1)

   ĠU L 69, 13.3.2003, p. 1.

(2)

   L-istqarrija tal-aħbarijiet ta’ kull kwart tiġi ppubblikata fid-dati stabbiliti fil-kalendarju tal-istqarrijiet; it-tnejn jinsabu fuq is-sit web tal-Eurostat ( http: //ec.europa.eu/eurostat/web/main – disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).

(3)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 169, 8.7.2003, p. 37).

(4)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 224/2007 tal-1 ta’ Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1216/2003 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi koperti mill-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 23).

(5)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 973/2007 tal-20 ta’ Awwissu 2007 li jemenda ċerti Regolamenti tal-KE dwar oqsma speċifiċi tal-istatistika li jimplimentaw il-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 (ĠU L 216, 21.8.2007, p. 10).

(6)

     COM(2017) 71.

(7)

     http://sdmx.org/(disponibbli bl-Ingliż biss).

(8)

      https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/lci_esms.htm

(9)

   COM(2002) 661, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Lejn metodoloġiji mtejba għall-istatistika u l-indikaturi taż-żona tal-euro.

(10)

     Ara s-sett tad-data lc_lci_lev fil-Eurobase ( http://ec.europa.eu/eurostat/data/database , disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).

(11)

     Skont ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja mhumiex marbuta li jipprovdu data mhux aġġustata skont l-istaġun.

(12)

     Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma japplikax għal-Liechtenstein.

(13)

     Ara s-sett tad-data lc_lci_r2_q fil-Eurobase ( http://ec.europa.eu/eurostat/data/database , disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).

(14)

      http://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/EN/lci_esqrs.htm (disponibbli bl-Ingliż biss).

(15)

   Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).